Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2160(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0085/2018

Testi mressqa :

A8-0085/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.37

Testi adottati :

P8_TA(2018)0142

Testi adottati
PDF 532kWORD 56k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)
P8_TA(2018)0142A8-0085/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2160(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta taċ-Ċentru(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0070/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0085/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttriċi taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttriċi taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 92.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 92.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2160(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta taċ-Ċentru(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0070/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0085/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttriċi taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 92.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 92.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2160(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0085/2018),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont ir-rapport tad-dħul u l-infiq tiegħu(1), il-baġit finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (''iċ-Ċentru'') għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 58 247 650, li jirrappreżenta tnaqqis żgħir ta' 0,35 % meta mqabbel mal-2015; billi 97,46 % tal-baġit taċ-Ċentru jinsilet mill-baġit tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2015

1.  Jirrikonoxxi miċ-Ċentru li, wara l-kummenti tal-Qorti dwar diversi dgħufijiet misjuba rigward it-trasparenza tal-proċeduri ta' akkwist taċ-Ċentru, iċ-Ċentru bidel il-format u l-proċess li juża biex jasal għad-deċiżjoni ta' finanzjament għall-akkwisti tiegħu; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' din il-proċedura;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

2.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, f'Mejju 2015, id-Direttur taċ-Ċentru ad interim ġie appuntat b'deċiżjoni tal-bord tal-amministrazzjoni; jirrileva li mill-31 ta' Diċembru 2016, din il-kariga qabżet il-perjodu massimu ta' sena, li huwa stipulat fir-Regolamenti tal-Persunal, bi tmien xhur; barra minn hekk, jiddispjaċih li dan irriżulta wkoll fi 15-il arranġament ad interim addizzjonali għal persunal ieħor; jinnota li, skont it-tweġiba taċ-Ċentru, huwa jqis li l-ħatra saret skont ir-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll skont ir-Regolament (KE) Nru 851/2004(2), peress li r-reklutaġġ inizjali għall-pożizzjoni ta' direttur ma rnexxiex u, għal finijiet ta' kontinwità operattiva, l-arranġament viġenti ġie estiż lil hinn mil-limitu ta' tnax-il xahar; jenfasizza li matul din l-estensjoni, fuq talba tal-bord tal-amministrazzjoni, il-membru tal-persunal ikkonċernat aċċetta li jċedi l-kumpens finanzjarju previst fir-Regolamenti tal-Persunal waqt li jkun qed jokkupa temporanjament kariga bi grad ogħla;

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 98,02 %, li tfisser żieda ta' 3,97 % meta mqabbla mal-2015; jieħu nota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 79,26 %, li tirrappreżenta żieda ta' 2,99 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

4.  Ifakkar li, bħala aġenzija tal-Unjoni, id-denominazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru hija f'euro; madankollu, peress li s-sede tiegħu tinsab barra miż-żona tal-Euro (fl-Iżvezja), ħafna mill-ispejjeż tiegħu jsiru bil-krona Żvediża (SEK); barra minn hekk, iċ-Ċentru huwa espost għal flutwazzjonijiet fir-rata tal-kambju peress li, mhux biss il-kontijiet bankarji tiegħu huma fil-krona Żvediża, iżda huwa jwettaq ukoll ċerti tranżazzjonijiet f'muniti barranin oħra;

Impenji u riporti

5.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, bħal fis-snin preċedenti, l-approprjazzjonijiet impenjati riportati taħt it-Titolu III (infiq operattiv) kienu għoljin fil-livell ta' 41 % (EUR 7 900 000); jirrikonoxxi li r-riporti huma prinċipalment relatati ma' proġetti pluriennali fl-oqsma tal-konsulenza xjentifika (EUR 2 400 000), is-sorveljanza (EUR 1 300 000), it-taħriġ fis-saħħa pubblika (EUR 1 400 000) u l-IT għas-saħħa pubblika (EUR 2 100 000); jinnota li l-Qorti fir-rapport tagħha tissuġġerixxi li ċ-Ċentru jikkunsidra l-introduzzjoni ta' approprjazzjonijiet baġitarji differenzjati sabiex jirriflettu aħjar in-natura pluriennali tal-operazzjonijiet u d-dewmien inevitabbli bejn l-iffirmar tal-kuntratti, il-kunsinni u l-ħlasijiet; jinnota li, skont it-tweġiba taċ-Ċentru, se janalizza s-sitwazzjoni f'kollaborazzjoni mal-Qorti;

6.  Jirrimarka li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għalkollox ġustifikati min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u li ma jmorrux dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità; jirrikonoxxi l-fatt li r-riporti f'ħafna każijiet jiġu ppjanati bil-quddiem u kkomunikati lill-Qorti;

Il-politika tal-persunal

7.  Jinnota li l-bord tal-amministrazzjoni għamel intervisti għall-ħatra tad-direttur taċ-Ċentru għall-perjodu 2016-2021 u, wara l-votazzjoni li ma rnexxitx (ħadd mill-kandidati ma rċieva maġġoranza ta' 2/3 tal-voti), għamel rieżami tal-avviż ta' pożizzjoni vakanti u ddeċieda li jiftaħ mill-ġdid is-sejħa għall-pożizzjoni ta' direttur; jieħu nota li l-ex Aġent Direttur ġie elett bħala d-Direttur il-ġdid fit-22 ta' Marzu 2017;

8.  Jirrikonoxxi miċ-Ċentru li l-għadd totali ta' persunal statutorju stabbilizza ruħu għal 260 fl-2016; jinnota barra minn hekk li l-għadd totali ta' persunal temporanju ingaġġat fiċ-Ċentru kien ta' 162 (mill-186 post awtorizzat taħt il-Baġit tal-Unjoni), l-għadd totali ta' aġenti kuntrattwali kien ta' 95 u l-għadd ta' esperti nazzjonali ssekondati kien ta' 3 sa tmiem l-2016; jieħu nota tal-fatt li r-rata tar-rotazzjoni għall-persunal temporanju u għall-aġenti kuntrattwali kienet ta' 7 % fl-2016;

9.  Jinnota bi tħassib li, fir-rigward tal-għadd totali tal-postijiet tax-xogħol okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, il-proporzjon tal-bilanċ bejn is-sessi kien ta' 62 % nisa għal 38 % rġiel; jinnota, barra minn hekk, il-proporzjon tal-bilanċ bejn is-sessi ta' 60 % u 40 % fil-Bord tal-Amministrazzjoni;

10.  Jinnota li l-parti l-kbira tal-impjiegi taċ-Ċentru (74,4 %) huma relatati mal-implimentazzjoni ta' attivitajiet marbuta mal-ħidma operattiva taċ-Ċentru, 17,5 % tal-impjiegi jappartjenu għall-"appoġġ u l-koordinazzjoni amministrattivi", filwaqt li 8,1 % tal-impjiegi huma ddefiniti bħala newtrali;

11.  Jinnota b'sodisfazzjon li ċ-Ċentru rriorganizza u integra aktar l-akkwist, il-finanzi, il-missjoni u l-laqgħat u introduċa l-e-Administration (ibbażata fuq is-sett ta' servizzi tal-applikazzjoni e-PRIOR tal-Kummissjoni) li kien pass ewlieni lejn Ċentru aktar effiċjenti;

12.  Jenfasizza li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal taċ-Ċentru; jinnota li l-baġit li ntefaq għall-attivitajiet ta' benesseri jammonta għal madwar EUR 810 għal kull membru tal-persunal, inklużi attivitajiet ta' skrinjar mediku, li jikkorrispondu għal 1,5 jum ta' attivitajiet ta' benesseri għal kull membru tal-persunal fl-2016; josserva li l-għadd medju ta' jiem ta' liv ta' mard huwa ta' 1,10 għal kull membru tal-persunal, li huwa estremament baxx;

13.  Japprezza l-fatt li ċ-Ċentru adotta regoli ta' implimentazzjoni dwar il-politika għall-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jappoġġa s-sessjoni ta' taħriġ organizzata biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-persunal u jissuġġerixxi l-organizzazzjoni perjodika ta' sessjonijiet ta' taħriġ u informazzjoni dwar il-kwistjoni;

14.  Jinnota b'sodisfazzjon il-fatt li fl-2016 iċ-Ċentru ma rċieva l-ebda lment, ma ttieħdet l-ebda azzjoni legali kontrih u ma ġewx irrapportati każijiet marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal;

Il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, it-trasparenza u d-demokrazija

15.  Jirrikonoxxi miċ-Ċentru li, peress li jiddependi minn ħafna esperti interni u esterni li flimkien isawru l-pożizzjoni xjentifika taċ-Ċentru, politika ta' indipendenza ġiet finalizzata u approvata mill-bord tal-amministrazzjoni f'Ġunju 2016 sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u jiġu identifikati l-kunflitti ta' interess; jinnota li l-implimentazzjoni ta' din il-politika hija sorveljata minn uffiċjal għall-konformità;

16.  Jieħu nota tal-fatt li l-membri kollha tal-persunal huma rikjesti jissottomettu dikjarazzjoni tal-interessi qabel ma jassumu l-kariga tagħhom; jinnota barra minn hekk li l-membri kollha tal-persunal involuti fi proċedura ta' akkwist partikolari jridu jiffirmaw dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess għal dik il-proċedura partikolari;

17.  Jinnota li ġiet introdotta sistema elettronika għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interess sabiex jitnaqqas l-għadd ta' żbalji fid-dokumenti sottomessi; jirrikonoxxi miċ-Ċentru li din is-sistema tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-politika ta' indipendenza u żżid ir-rata ta' konformità;

18.  Josserva li, apparti l-proċedura interna dwar il-laqgħat mal-industrija farmaċewtika, qed tiġi żviluppata proċedura interna dwar il-konklużjoni tal-memoranda ta' ftehim u l-ftehimiet ta' kollaborazzjoni ma' partijiet terzi; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar f'dak il-proċess;

19.  Jilqa' l-fatt li ċ-Ċentru adotta proċedura interna dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li tiddeskrivi r-rwoli tal-atturi u l-proċessi li għandhom jiġu segwiti;

Kisbiet ewlenin

20.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati miċ-Ċentru fl-2016, prinċipalment:

   li ppubblikat studju dwar il-piż tal-infezzjonijiet li jittieħdu mill-isptar (HAI) fl-Ewropa;
   li appoġġat ir-rispons globali għat-tifqigħa tal-virus taż-Żika billi pprovdiet valutazzjonijiet ta' riskju regolari u ngħaqdet mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u ċ-Ċentri tal-Istati Uniti għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-mard fir-rigward tal-pariri tal-ivvjaġġar dwar il-virus taż-Żika;
   li pparteċipat fl-ewwel missjoni tal-Korp Mediku Ewropew, li ġie stabbilit riċentement, fl-Angola biex jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet tat-tifqigħa tad-deni isfar għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

21.  Jinnota b'sodisfazzjon li ċ-Ċentru jikkoopera mal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini pereżempju dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-reżistenza antimikrobika u l-vaċċini;

22.  Jinnota li, skont ir-rapport ta' segwitu, iċ-Ċentru attwalment qiegħed jagħmel rieżami tal-indikaturi tad-dokument uniku tal-programmazzjoni tiegħu; jinnota barra minn hekk li s-sett il-ġdid ta' indikaturi ġie ffinalizzat u kien mistenni li jiġi approvat mill-bord tal-amministrazzjoni f'Novembru 2017; jieħu nota li skont iċ-Ċentru, l-evalwazzjonijiet huma għodda aktar effettiva mill-indikaturi biex ikejlu l-impatt;

Kontrolli interni

23.  Jinnota li mill-2006 'l hawn iċ-Ċentru għandu fis-seħħ Standards ta' Kontroll Intern (ICS); jirrikonoxxi miċ-Ċentru li l-ICS kollha tiegħu ġew implimentati;

24.  Jinnota li, skont iċ-Ċentru, għandu fis-seħħ proċedura biex jiżgura li l-każijiet fejn jiġu evitati l-kontrolli jew ikun hemm devjazzjonijiet mill-proċessi u l-proċeduri stabbiliti jiġu ddokumentati f'rapporti dwar l-eċċezzjonijiet; jinnota li fl-2016 ġew irreġistrati 40 eċċezzjoni ta' dan it-tip, li jirrappreżentaw żieda ta' 12-il eċċezzjoni meta mqabbla mas-sena preċedenti; jinnota li ġie żviluppat pjan ta' azzjoni biex jitnaqqas l-għadd tagħhom;

25.  Jinnota b'sodisfazzjon li ċ-Ċentru adotta strateġija kontra l-frodi li ssegwi l-linji gwida maħruġa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi;

L-awditu intern

26.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fir-rapport tal-awditjar tiegħu datat Ottubru 2016, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni enfasizza l-fatt li, filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi kontinwi taċ-Ċentru biex dan isaħħaħ il-kontrolli interni tal-akkwist tiegħu, għad hemm dgħufijiet sinifikanti fil-proċess tal-akkwist; jinnota li l-IAS ikkonkluda li l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-akkwisti huma dgħajfa, u li l-akkwisti mhux dejjem ikunu koperti mill-Programm ta' Ħidma Annwali tiegħu jew mid-deċiżjoni ta' finanzjament; jieħu nota li qed issir ukoll referenza għar-Rapport tal-Qorti dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2015 u d-dgħufijiet irrappurtati li jaffettwaw it-trasparenza tal-proċeduri ta' akkwist; josserva li ċ-Ċentru u l-IAS qablu dwar pjan biex tittieħed azzjoni korrettiva;

27.  Jieħu nota li, f'Mejju 2016, l-IAS wettaq awditu fuq il-proċess ta' akkwist fiċ-Ċentru; barra minn hekk huwa mħasseb dwar il-fatt li r-rapport finali nħareġ f'Ottubru 2016 u li kien jinkludi tliet osservazzjonijiet "importanti ħafna" u żewġ osservazzjonijiet "importanti"; jirrikonoxxi li ċ-Ċentru ħejja pjan ta' azzjoni li kellu jiġi implimentat matul l-2017; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni;

Kummenti oħra

28.  Jinnota li fir-rebbiegħa tal-2016 iċ-Ċentru bagħat proposta għall-proġett ta' bini ġdid lill-Parlament u lill-Kunsill li ġie ppreżentat lill-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament Ewropew u lill-Kumitat għall-Baġits tal-Kunsill u rċieva opinjoni favorevoli miż-żewġ istituzzjonijiet; jieħu nota li fis-26 ta' Lulju 2016 iċ-Ċentru ffirma ftehim ta' lease ġdid u għalhekk se jimxi għal bini ġdid matul l-ewwel nofs tal-2018;

29.  Jinnota li ċ-Ċentru għandu l-missjoni li jidentifika, jivvaluta u jikkomunika t-theddid attwali u emerġenti għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-mard infettiv; jenfasizza li fl-2016, iċ-Ċentru wieġeb għal 41 rikjesta formali li waslulu mingħand il-Kummissjoni Ewropea, li 19 minnhom tressqu minn Membri tal-Parlament Ewropew; jinnota li ċ-Ċentru ppubblika total ta' 158 rapport (170 fl-2015), inklużi 38 Valutazzjoni tar-Riskju Rapidi biex jappoġġa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni u 69 rapport ta' sorveljanza;

30.  Jilqa' l-appoġġ taċ-Ċentru pprovdut matul it-tifqigħa għall-għarrieda tal-virus taż-Żika, filwaqt li jinnota li hemm lezzjonijiet x'wieħed jitgħallem mir-reazzjoni għat-tifqigħa, kif imsemmi fil-konklużjonijiet ta' sessjoni ta' ħidma rilevanti tal-UNESCO(3), kif ukoll l-appoġġ ipprovdut matul it-tifqigħa fuq skala kbira tas-Salmonella f'bosta pajjiżi; jinnota li ċ-Ċentru tejjeb is-sistema tiegħu ta' sorveljanza tal-mard, b'mod partikolari billi espanda l-Atlas għas-Sorveljanza ta' Mard Infettiv online, u ppromwova l-aċċess għal informazzjoni aġġornata dwar kwistjonijiet ta' saħħa pubblika Ewropea, permezz ta' għodod differenti;

31.  Jifraħ liċ-Ċentru talli rċieva l-Premju Ewropew għas-Saħħa 2016 għall-Jum Ewropew ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Antibijotiċi, li għandu l-għan li jipprovdi pjattaforma sabiex tappoġġa kampanji nazzjonali dwar l-użu prudenti tal-antibijotiċi, u kien rikonoxxut bħala proġett notevoli għall-promozzjoni tas-saħħa fl-Ewropa;

32.  Jinnota li għadd ta' attivitajiet inklużi fil-programm ta' ħidma taċ-Ċentru għall-2016 ma ġewx implimentati minħabba restrizzjonijiet ta' riżorsi;

33.  Ifakkar li d-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) tipprovdi l-qafas biex jiġi indirizzat, ikkoordinat u mmaniġġjat it-theddid serju transkonfinali fuq is-saħħa f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, iċ-Ċentru u sħab internazzjonali oħra, u tistabbilixxi s-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Reazzjoni (EWRS); jirrikonoxxi l-fatt li l-esperti taċ-Ċentru u l-EWRS, liema Ċentru jopera f'isem il-Kummissjoni Ewropea, huma riżorsi importanti għar-reazzjoni għal theddid transkonfinali fuq is-saħħa fil-livell tal-Unjoni; jilqa' l-passi ulterjuri li ttieħdu miċ-Ċentru fl-2016 għall-implementazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni;

o
o   o

34.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(5) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 84, 17.3.2017, p. 45.
(2) ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.
(3) https://en.unesco.org/news/media-and-humanitarians-crisis-situations-lessons-learned-zika-outbreak
(4) Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza