Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2172(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0088/2018

Testi mressqa :

A8-0088/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.43

Testi adottati :

P8_TA(2018)0148

Testi adottati
PDF 531kWORD 57k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu
Kwittanza 2016: L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)
P8_TA(2018)0148A8-0088/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2172(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Awtorità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0082/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0088/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 126.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 126.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2172(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Awtorità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0082/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0088/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 126.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 126.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2172(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0088/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont ir-rapporti tad-dħul u n-nefqa tagħha(1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol ("l-Awtorità") għas-sena finanzjarja 2016 kien jammonta għal EUR 21 762 500, li jfisser żieda ta' 7,67 % meta mqabbel ma' dak għall-2015; billi l-Awtorità hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (EUR 8 461 389, jiġifieri 40 %), u minn kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri (EUR 13 301 111, jiġifieri 60%);

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 99,68 %, li tfisser li l-Awtorità laħqet l-objettiv ippjanat tagħha kif ukoll tnaqqis ta' 0,29 % meta mqabbel mal-2015; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 88,97 %, li tfisser li l-Awtorità laħqet l-objettiv ippjanat tagħha kif ukoll żieda ta' 5,22 % meta mqabbla mal-2015;

2.  Jinnota l-isforzi tal-Awtorità biex tirrialloka internament il-baġit u l-persunal tal-Awtorità, minħabba li x-xogħol tal-Awtorità qiegħed jinbidel dejjem aktar minn kompiti regolatorji għal kompiti ta' konverġenza superviżorja u infurzar; iqis li huwa essenzjali li l-Awtorità jkollha biżżejjed riżorsi biex twettaq il-kompiti tagħha bis-sħiħ, inkluż biex tlaħħaq ma' kwalunkwe volum ta' xogħol addizzjonali b'riżultat ta' tali kompiti, filwaqt li tiżgura livell adatt ta' prijoritizzazzjoni f'dak li jirrigwarda l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-effiċjenza baġitarja; barra minn hekk, jirrimarka li kwalunkwe żieda fix-xogħol tal-Awtorità tista' tiġi akkomodata internament permezz tar-riallokazzjoni ta' riżorsi baġitarji jew umani, bil-kundizzjoni li din ir-riallokazzjoni ma taffettwax l-eżerċizzju sħiħ min-naħa tal-Awtorità tal-mandat tagħha u tiżgura l-indipendenza tal-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħha;

Impenji u riporti

3.  Jinnota li l-impenji riportati għas-sena ta' wara naqqsu minn 16,21 % fl-2015 għal 10,71 % fl-2016, li jixhdu l-monitoraġġ baġitarju aktar strett tal-Awtorità; jirrikonoxxi li r-riporti ta' dawn il-fondi kienu ġġustifikati b'kuntratti u obbligi konklużi fl-2016; jilqa' l-fatt li fl-2016, l-Awtorità kisbet l-inqas perċentwal ta' riporti li qatt kellha;

4.  Jinnota li fl-2016, intużaw 94,55 % tal-krediti riportati mill-2015 għall-2016;

5.  Jirrimarka li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji u li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li lanqas ma jmorru dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati min qabel mill-Awtorità u kkomunikati lill-Qorti;

6.  Jappella sabiex sa fejn ikun possibbli jkompli jitnaqqas il-livell tal-approprjazzjonijiet impenjati riportati għas-sena ta' wara permezz tal-miżuri kollha disponibbli, pereżempju bl-adozzjoni tal-aħjar prattiki użati mill-aġenziji l-oħra;

Trasferimenti

7.  Jinnota li l-varjazzjoni bejn il-baġit inizjali u dak finali allokat għat-Titolu I (spejjeż tal-persunal) irriżultat fi tnaqqis żgħir ta' 3,31 %, filwaqt li l-varjazzjoni għat-Titolu II (infiq amministrattiv) irriżultat fi tnaqqis ta' 3,17 %; josserva li, bħala riżultat tal-emenda baġitarja u t-trasferimenti magħmula, il-baġit taħt it-Titolu III (infiq operattiva) żdied b'9,21 %; jirrikonoxxi li l-bidliet fl-istruttura tal-baġit inizjali huma ġeneralment inqas minn dawk tal-2015; jirrikonoxxi barra minn hekk li l-livell u n-natura tat-trasferimenti baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji;

Proċedura ta' akkwist u politika tal-persunal

8.  Jirrikonoxxi li l-Awtorità kienet fost l-ewwel aġenziji tal-Unjoni li nediet proġett li jwassal għal soluzzjoni għall-akkwist elettroniku; jilqa' l-fatt li s-soluzzjoni tipprovdi proċess ta' akkwist aktar effiċjenti u trasparenti li huwa ta' benefiċċju kemm għall-Awtorità kif ukoll għall-fornituri potenzjali tagħha;

9.  Jirrimarka li l-2016 immarkat l-ewwel fażi għal ċaqliq lejn uffiċċju miftuħ; kwart tal-persunal tal-Awtorità issa qiegħed jaħdem f'ambjent ta' uffiċċju miftuħ; jinnota li din il-bidla kienet meħtieġa biex tiġi akkomodata ż-żieda fil-persunal fi ħdan il-bini eżistenti, u tippermetti użu aktar effiċjenti tal-ispazju għall-uffiċċji, kif ukoll tnaqqis ta' spejjeż relatati mal-bini;

10.  Jinnota li, skont l-Awtorità, hija għamlet 26 kampanja ta' reklutaġġ fl-2016 u mliet 95,7 % tal-pożizzjonijiet fit-tabella tal-persunal sa tmiem is-sena, perċentwali li huwa inqas mill-objettiv tal-Awtorità ta' 100 %; jirrikonoxxi mill-Awtorità li l-objettiv ma ntlaħaqx prinċipalment minħabba rata ta' tibdil tal-persunal li hija għolja b'mod mhux sodisfaċenti, kampanji ta' reklutaġġ li ma kienux ta' suċċess u l-fatt li kandidati magħżula ma aċċettawx l-offerti tal-kuntratti mogħtija, li lkoll huma fatturi inkwetanti li jeħtieġ li jiġu eżaminati u mtejba;

11.  Josserva mit-tabella tal-persunal li 89 post tax-xogħol (mit-93 post awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni) kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, meta mqabbel mas-86 post fl-2015; jinnota b'sodisfazzjon li b'referenza għan-numru ta' postijiet tax-xogħol okkupati sal-31 ta' Diċembru 2016, kważi ntlaħaq bilanċ bejn is-sessi peress li l-perċentwal huwa 53 % postijiet okkupati minn nisa u 47 % postijiet okkupati minn irġiel;

12.  Jinnota li fl-2016, l-Awtorità kienet timpjega 52,5 bejn esperti nazzjonali sekondati, aġenti kuntrattwali, persunal interim u konsulenti (ekwivalenti għal full-time);

13.  Jinnota li, skont l-Awtorità, il-kwistjonijiet rigward ir-reklutaġġ jistgħu jkunu relatati mal-ispiża għolja tal-akkomodazzjoni fis-sede tal-Awtorità fi Frankfurt, kif ukoll minħabba li l-Awtorità għandha finanzi limitati biex tattira l-persunal meta mqabbel ma' entitajiet Ewropej oħra bħall-Bank Ċentrali Ewropew u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku; jirrikonoxxi mill-Awtorità li rrevediet il-proċessi rilevanti tar-riżorsi umani sabiex tagħmilhom aktar effiċjenti; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda biex din l-isfida tiġi indirizzata;

14.  Jinnota li, bħala medja, fl-2016, kull membru tal-persunal tal-Awtorità ħa sebat ijiem liv minħabba mard; josserva li l-Awtorità organizzat sessjonijiet ta' informazzjoni, workshop dwar stress u reżiljenza, u eżamijiet mediċi għall-persunal tagħha;

15.  Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016, l-Awtorità ħatret konsulenti addizzjonali sabiex tiżgura numru suffiċjenti ta' konsulenti kunfidenzjali u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-proċedura informali għall-prevenzjoni ta' fastidju;

16.  Jilqa' l-fatt li s-sessjonijiet ta' konsulenza u medjazzjoni ġew organizzati mhux biss għall-konsulenti kunfidenzjali li kienu għadhom kemm jinħatru, iżda wkoll għall-membri tal-kumitat tal-persunal u għall-persunal tar-riżorsi umani, u li sessjonijiet ta' sensibilizzazzjoni dwar il-prevenzjoni ta' fastidju ġew organizzati għall-maniġment, fejn attenda t-tim kollu tal-maniġment, u għall-persunal kollu, fejn attendew 60 membru tal-persunal;

17.  Jinnota li, skont l-Awtorità, fl-2016 ġie investigat internament każ wieħed ta' allegat fastidju psikoloġiku u ngħalaq minħabba li ma kienx jikkostitwixxi każ;

18.  Jinnota b'sodisfazzjon li, sabiex issaħħaħ l-approċċ superviżorju u żżid l-effiċjenza tal-proċessi u l-kwalità tal-prestazzjoni, l-Awtorità wettqet l-ewwel riorganizzazzjoni tagħha li ġiet implimentata mill-1 ta' Novembru 2016; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar aktar dettalji rigward l-implimentazzjoni tar-riorganizzazzjoni, u l-benefiċċji li nkisbu;

19.  Jinnota li l-Awtorità ma tuża l-ebda vettura uffiċjali;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, it-trasparenza u d-demokrazija

20.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità ilha minn Jannar 2016 tippubblika l-minuti tal-laqgħat kollha tagħha ma' partijiet interessati esterni fuq is-sit web tal-Awtorità;

21.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-politika u l-proċeduri tal-Awtorità dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ġew adottati mill-bord maniġerjali u huma allinjati mal-gwida tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni;

22.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp ta' żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-konsulenza li jeħtieġu;

23.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità ppubblikat is-CVs, id-dikjarazzjonijiet ta' intenzjoni u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-bord maniġerjali u tal-bord tas-superviżuri tal-Awtorità fuq is-sit web tal-Awtorità;

24.  Jiddispjaċih li dikjarazzjonijiet tal-kunflitti ta' interess tal-membri tal-bord maniġerjali u tal-maniġment superjuri għadhom nieqsa; jinnota li din il-prattika ma żżidx it-trasparenza u li d-dikjarazzjonijiet li għadhom nieqsa għandhom għalhekk jiġu ppubblikati mingħajr dewmien;

25.  Jinnota li fl-2016 l-Awtorità rċeviet sitt talbiet għal aċċess għad-dokumenti; jinnota li l-Awtorità tat aċċess sħiħ għal ħames dokumenti fil-każ ta' żewġ talbiet, filwaqt li tat biss aċċess parzjali għal tliet dokumenti fil-każ ta' talba waħda, u ċaħdet talba għal aċċess għal dokument wieħed;

26.  Jitlob lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-allegat każijiet ta' ksur tar-regoli etiċi u liema minnhom ġew ikkonfermati, dwar kif hija indirizzathom, u kif se tevitahom fil-futur;

27.  Iqis li l-minuti tal-laqgħat tal-bord tas-superviżuri u tal-gruppi tal-partijiet interessati, li huma pubblikament disponibbli, għandhom jiġu ppubblikati aktar malajr biex il-perjodu latenti kurrenti jkompli jitnaqqas, kif ukoll biex tingħata stampa aktar ċara tad-diskussjonijiet li jkunu saru, tal-pożizzjonijiet adottati mill-membri u ta' kif il-membri jkunu użaw il-vot tagħhom; jenfasizza li huwa essenzjali li l-Awtorità, fid-dawl tan-natura tal-kompiti tagħha, turi trasparenza mhux biss fil-konfront tal-Parlament u tal-Kunsill, iżda anke fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni; jemmen li l-ħidma ta' kuntatt mal-pubbliku ġenerali tista' tissaħħaħ wkoll permezz ta' web streaming tal-avvenimenti; jirrimarka li l-aċċess għad-dokumenti u għall-informazzjoni relatati ma' laqgħat interni għandu jiġi ffaċilitat ukoll; ifakkar fl-importanza tal-protezzjoni tal-informaturi biex jittejbu t-trasparenza, ir-responsabbiltà demokratika u l-kontroll pubbliku.

Kisbiet ewlenin

28.  Jilqa' t-tliet kisbiet u suċċessi ewlenin identifikati mill-Awtorità fl-2016, jiġifieri li:

   hija implimentat il-miżuri neċessarji biex twettaq b'suċċess ir-rwol tagħha kif stabbilit fid-Direttiva 2009/138/KE(2); jinnota li l-Awtorità wettqet il-kompiti tal-mandat tagħha u tat appoġġ għall-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-livell nazzjonali, billi ħadmet mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż b'eżerċizzji speċifiċi, bħar-rieżami tal-karta tal-bilanċ tas-suq tal-assigurazzjoni Bulgaru;
   hija kkontribwiet għall-iżviluppi leġiżlattivi fil-qasam tal-pensjonijiet inkluż billi tat parir lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta' prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew u tad-dokumenti bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti ta' investiment u assigurazzjoni għall-konsumaturi; jinnota li, fir-rigward tal-pensjonijiet tax-xogħol, hija ppubblikat l-opinjoni tagħha dwar Qafas Komuni għall-Valutazzjoni tar-Riskju u Trasparenza;
   hija kkontribwiet biex issaħħaħ it-twettiq ta' superviżjoni tan-negozju u l-kapaċità tal-komunità superviżorja biex tkun aġġornata mal-iżviluppi ewlenin bħal FinTech, b'mod partikolari InsurTech;

Kontrolli interni

29.  Jinnota li l-Istandards ta' Kontroll Intern (ICS) tal-Awtorità huma bbażati fuq l-ICS tal-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-ICS kollha ġew implimentati kif xieraq sa tmiem l-2016;

Awditu intern

30.  Jinnota li fl-2016, sar awditu fuq il-"Kapaċità ta' Sorveljanza" mis-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS); jinnota b'sodisfazzjon li l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-IAS ma ġiet ikklassifikata bħala kritika jew importanti ħafna; jirrikonoxxi, ukoll b'sodisfazzjoni, mill-Awtorità li, b'risposta għar-rapport tal-awditu, hija żviluppat pjan ta' azzjoni, li sussegwentement ġie adottat mill-Bord Maniġerjali tagħha, sabiex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mill-IAS;

31.  Jinnotali f'Diċembru 2016, l-IAS wettaq valutazzjoni tar-riskju tal-proċessi tal-Awtorità, u li l-eżitu tagħha se jwassal għal strateġija ġdida tal-awditjar tal-Awtorità għall-perjodu 2017–2019;

Kummenti oħra

32.  Jinnota b'sodisfazzjon kbir li fl-2016, l-Awtorità impenjat ruħha li tiżgura post tax-xogħol kosteffikaċi u li jirrispetta l-ambjent u li tnaqqas jew tikkumpensa għall-emissjonijiet ta' CO2;

33.  Jilqa' l-fatt li l-Awtorità tinvolvi ruħha b'mod attiv mal-membri tagħha biex tifhem il-firxa tal-impatt tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni fuq is-superviżjoni tal-attività fis-setturi tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet, kif ukoll tal-impatt fuq l-Awtorità bħala istituzzjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-Awtorità hija f'kuntatt mal-Kummissjoni u tagħmel skambji informali dwar din il-kwistjoni;

34.  Jinnota li huwa possibbli li, fil-futur, id-dħul tal-Awtorità jonqos b'riżultat tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni;

35.  Jinnota li tlesta r-rieżami tas-sit web tal-Awtorità u d-disinn mill-ġdid huwa ppjanat li jiġi implimentat sa tmiem l-2018, bl-għan li l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Awtorità tkun aktar aċċessibbli għal udjenza usa';

36.  Josserva li l-Qorti bħalissa qed tagħmel awditu tal-attivitajiet superviżorji tal-Awtorità u simulazzjonijiet ta' kriżi; jilqa' l-fatt li dan l-awditu huwa fost il-prijoritajiet tal-Qorti għall-2018;

37.  Jenfasizza li, filwaqt li tiżgura li l-kompiti kollha li jirriżultaw mill-qafas regolatorju stabbilit mill-Parlament u mill-Kunsill jitwettqu bis-sħiħ u fil-ħin, l-Awtorità għandha żżomm rigorożament mal-kompiti, ma għandhiex tmur lil hinn mill-mandat mogħti lilha mill-Parlament u mill-Kunsill, u għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipju ta' proporzjonalità, bl-għan li tottimizza l-użu tar-riżorsi u tilħaq l-objettivi li ngħatat mandat dwarhom mill-Parlament u mill-Kunsill;

38.  Jindika r-rwol ċentrali tal-Awtorità fl-iżgurar ta' superviżjoni aħjar tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja, it-trasparenza meħtieġa u sigurtà ikbar għas-swieq finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari billi tikkoordina s-superviżjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, billi, fejn ikun meħtieġ, tikkoopera ma' istituzzjonijiet responsabbli għas-superviżjoni internazzjonali, kif ukoll billi tissorvelja l-applikazzjoni konsistenti tad-dritt tal-Unjoni; jenfasizza li tali kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq atmosfera ta' fiduċja; jissottolinja l-ħidma tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fid-dawl tad-daqs konsiderevoli tas-suq tal-assigurazzjoni tal-Unjoni; jissottolinja r-rwol tal-Awtorità li tikkontribwixxi għal prattiki ta' superviżjoni konverġenti f'livell għoli fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u li tippromwovi dawn il-prattiki;

o
o   o

39.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 113, 30.3.2016, p. 149.
(2) Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza