Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2150(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0081/2018

Testi mressqa :

A8-0081/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.46

Testi adottati :

P8_TA(2018)0151

Testi adottati
PDF 161kWORD 54k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu
Kwittanza 2016: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA)
P8_TA(2018)0151A8-0081/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2150(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta taċ-Ċentru(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0060/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0081/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 150.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 150.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2150(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta taċ-Ċentru(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0060/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0081/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 150.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 150.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2150(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0081/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tkompli tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont, kif ukoll bl-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tal-infiq tiegħu(1), il-baġit finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (''iċ-Ċentru'') għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 15 421 357, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 16,73 % meta mqabbel mal-2015; billi l-baġit taċ-Ċentru huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

Segwitu għall-kwittanza 2015

1.  Jinnota li skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2012 iċ-Ċentru ffirma kuntratt qafas b'ammont massimu għall-iffirmar ta' kuntratti speċifiċi ta' EUR 250 000, li kien speċifikat fl-avviż dwar il-kuntratt; jinnota bi tħassib li ċ-Ċentru ma rrispettax dan il-limitu massimu; jinnota barra minn hekk, li sa tmiem l-2015, il-pagamenti totali li saru taħt dan il-kuntratt kienu jammontaw għal EUR 382 181, jiġifieri żieda ta' 50 % fuq il-limitu massimu; jirrimarka li l-pagamenti mwettqa 'l fuq mil-limitu massimu jindikaw li l-proċedura taċ-Ċentru għall-monitoraġġ ta' kuntratti qafas għandha titjieb; jappella liċ-Ċentru biex jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-istatus tal-azzjoni korrettiva li attwalment hi reġistrata bħala "għadha għaddejja", kif ukoll, dwar it-titjib futur fil-monitoraġġ tal-kuntratti qafas;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

2.  Jinnota li skont ir-rapport tal-Qorti, għal żewġ kuntratti qafas b'valuri massimi ta' EUR 135 000 u EUR 650 000, wieħed mill-impjegati taċ-Ċentru aġixxa bħala uffiċjal awtorizzanti b'delega fil-ħatra tal-kumitat ta' evalwazzjoni, u ħa deċiżjonijiet dwar l-għotjiet u ffirma l-kuntratti; jinnota madankollu, li d-delega mogħtija mill-uffiċjal awtorizzanti kienet limitata għal EUR 130 000 u ma kinitx tirreferi b'mod espliċitu għall-kuntratti qafas; jinnota li, skont ir-risposta taċ-Ċentru, il-valuri massimi taż-żewġ kuntratti qafas indikaw l-ammont totali kumulattiv tal-kuntratti speċifiċi li aktarx jiġu konklużi għall-eżekuzzjoni tagħhom; jinnota b'sodisfazzjon li ċ-Ċentru se jaġġusta d-deċiżjoni tiegħu dwar id-delegazzjoni tal-poteri tal-uffiċjal awtorizzanti sabiex l-atti koperti minn din id-delegazzjoni jiġu ċċarati b'mod aktar espliċitu;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 99,95 %, li tfisser żieda ta' 0,12 % meta mqabbla mal-2015, u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 95,64 %, li tfisser tnaqqis ta' 1,71 % meta mqabbla mal-2015; jinnota b'sodisfazzjon li l-livell komplessivament għoli tal-approprjazzjonijiet ta' impenn indika li l-impenji saru puntwalment;

Impenji u riporti

4.  Jinnota li l-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn riportati għall-2016 kien jammonta għal EUR 671 266 (4,36 %);

5.  Jinnota li r-riporti spiss jistgħu jiġu parzjalment jew kompletament ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, u mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, kif ukoll mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel miċ-Ċentru u kkomunikati lill-Qorti;

Akkwist

6.  Jinnota l-fatt li ċ-Ċentru implimenta pjan ta' akkwist ġdid li ġie eżegwit b'suċċess f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-unitajiet kollha; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan;

7.  Jinnota li ċ-Ċentru pparteċipa fil-laqgħa tan-Netwerk tal-Uffiċjali tal-Aġenziji responsabbli għall-Proċeduri ta' Akkwist sabiex jiskambja esperjenzi biex ikompli bl-implimentazzjoni ta' miżuri sabiex il-proċessi ta' offerti ta' akkwist u ta' proċessi finanzjarji oħrajn jiġu razzjonalizzati u ottimizzati;

Politika tal-persunal

8.  Jikkonstata li skont ir-riżultati tal-eżerċizzju ta' skrining tal-persunal taċ-Ċentru, fl-2016, 69,75 % tar-riżorsi umani tiegħu ġew iddedikati għal attivitajiet operattivi, 20,17 % ġew allokati għall-appoġġ u l-kordinament amministrattiv, u 10,08 % kienu assenjati għal operazzjonijiet meqjusa newtrali;

9.  Josserva li skont l-organigramma 73 post (mid-79 post awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni) kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, meta mqabbla mal-74 post fl-2015; jinnota b'apprezzament il-fatt li skont in-numru tal-postijiet okkupati kollha fil-31 ta' Diċembru 2016, jidher li ntlaħaq bilanċ bejn is-sessi peress li l-proporzjon kien ta' 53,47 % nisa u 46,53 % irġiel;

10.  jisħaq fuq il-fatt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal taċ-Ċentru u li l-baġit li ntefaq fuq attivitajiet ta' benessri jkun jammonta għal madwar EUR 100 għal kull membru tal-persunal, korrispondenti għal jum wieħed; josserva li l-medja tal-liv minħabba mard tammonta għal 8,54 ġurnata għal kull membru tal-persunal;

11.  Japprezza l-fatt li ċ-Ċentru diġà adotta politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jistieden liċ-Ċentru jorganizza sessjonijiet ta' taħriġ sabiex ikabbar is-sensibbilizzazzjoni tal-persunal;

12.  Jinnota b'sodisfazzjon il-fatt li fl-2016 iċ-Ċentru ma rċieva l-ebda lment, ma ttieħdet l-ebda azzjoni legali jew ma ġewx irrapportati każijiet marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, it-trasparenza u d-demokrazija

13.  Jinnota li d-dikjarazzjoni tal-interessi tad-direttur taċ-Ċentru hi ppubblikata fuq is-sit web taċ-Ċentru; jappella liċ-Ċentru jippubblika aktar dikjarazzjonijiet tal-interess fuq is-sit web tiegħu;

14.  Jinnota li l-bord ta' ġestjoni adotta l-politika taċ-Ċentru, kontra l-frodi, li timxi fuq il-metodoloġija mħejjija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) biex tiggwida lill-aġenziji deċentralizzati, u li tikkompleta l-miżuri li diġà ttieħdu miċ-Ċentru f'dan ir-rigward, partikolarment ir-regoli tal-OLAF dwar l-investigazzjonijiet interni, l-inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni dwar l-etika tal-persunal, ir-regoli dwar ir-rigali u l-ospitalità offruti minn partijiet terzi, kif ukoll il-linji gwida dwar għemil ħażin gravi u dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

15.  Jafferma l-bżonn li jiġi stabbilit korp ta' żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jingħataw l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

Kisbiet ewlenin

16.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) fl-2016, prinċipalment:

   l-adozzjoni tal-ewwel pjan fuq il-perjodu twil tiegħu: l-istrateġija EMCDDA 2025;
   id-dħul fis-seħħ ta' mekkaniżmi xierqa għall-gwida b'suċċess tal-organizzazzjoni matul perjodu ta' tranżizzjoni, filwaqt li jinkiseb aktar progress fit-twettiq tal-missjoni tiegħu;
   huwa vara tliet pubblikazzjonijiet ewlenin: il-Pakkett dwar ir-Rapport Ewropew dwar id-droga tal-2016, ir-Rapport dwar is-Swieq tad-Droga tal-UE għall-2016 - imfassal b'mod konġunt mill-EMCDDA u l-Europol, u r-Rapport Ewropew ta' Stħarriġ Skolastiku dwar l-Alkoħol u Drogi Oħrajn għall-2015;

Awditu intern

17.  Jinnota bi tħassib li skont ir-rapport tal-Qorti fir-rapport tal-awditjar tagħha ta' Jannar 2016, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni enfasizza l-bżonn qawwi li ċ-Ċentru jtejjeb il-mod li bih jimmaniġġja l-proġetti tal-IT; jinnota barra minn hekk bi tħassib li l-IAS ikkonkluda b'mod partikolari li ma hemm l-ebda viżjoni strateġika ġenerali fuq il-perjodu twil għas-sistemi tal-IT bħala appoġġ għall-proċessi operattivi ewlenin taċ-Ċentru, kif ukoll li l-metodoloġija tiegħu għall-immaniġġjar tal-proġetti tal-IT kienet adatta biss parzjalment għall-ħtiġijiet tiegħu, u li l-proċess għall-ġestjoni tar-rekwiżiti tas-sistema mhuwiex adegwat; jinnota li ċ-Ċentru u l-IAS qablu dwar pjan biex tittieħed azzjoni korrettiva; jappella liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li twettaq;

18.  Jinnota li skont il-linji stabbiliti fil-Pjan Strateġiku għall-Awditjar Intern 2016-18 tiegħu, l-IAS wettaq "Rieżami Limitat dwar il-Kontinwità tal-Operat fl-EMCDDA", f'Settembru 2016; jinnota li l-abbozz ta' rapport wassal għal tliet rakkomandazzjonijiet li ġew ikklassifikati bħala "importanti" mill-awditur intern, liema rakkomandazzjonijiet ikopru kwistjonijiet dwar l-analiżi tal-impatt fuq in-negozju, l-azzjonijiet ta' taħriġ u ta' sensibilizzazzjoni, u l-lista ta' rekords kritiċi; jinnota li b'segwitu għall-wasla tar-rapport finali dwar il-kontinwità tan-negozju fiċ-Ċentru, ser jiġi mfassal pjan ta' azzjoni li jkollu l-għan li jittratta t-tliet rakkomandazzjonijiet; jistieden liċ-Ċentru jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni;

19.  Iħeġġeġ l-impenn taċ-Ċentru biex jipprovdi aċċess imtejjeb għad-data tiegħu lill-partijiet terzi interessati fid-dawl tal-fatt li wieħed mill-objettivi ewlenin tiegħu huwa t-tixrid tad-data u tal-informazzjoni dwar l-istat tal-problema tad-drogi, inkluża d-data dwar it-tendenzi l-ġodda rilevanti; jistenna li impenn bħal dan iwassal biex jittieħdu azzjonijiet korrispondenti effettivi.

o
o   o

20.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 12, 13.1.2017, p. 6.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Lulju 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza