Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2161(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0114/2018

Testi mressqa :

A8-0114/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.48
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0153

Testi adottati
PDF 448kWORD 55k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu
Kwittanza 2016: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA)
P8_TA(2018)0153A8-0114/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2161(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0071/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 460/2004(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0114/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 160.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 160.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 165, 18.6.2013, p. 41.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2161(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’  Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0071/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 460/2004(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0114/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 160.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 160.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 165, 18.6.2013, p. 41.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2161(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0114/2018),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (l-‘Aġenzija’) għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 11 033 974,16, li jfisser żieda ta' 9,64 % meta mqabbel mal-2015;

C.  billi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016 kienet ta' EUR 10 120 000, ammont li jfisser żieda ta' 10,53 % meta mqabbel mal-2015;

D.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-‘Qorti’), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016 (ir-‘rapport tal-Qorti’), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanzi 2013, 2014 u 2015

1.  Jinnota bi tħassib li:

   l-Aġenzija ma inkludietx kapitolu dwar it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-integrità fir-rapport annwali 2016 u jistieden lill-Aġenzija tinkludi tali kapitolu fir-rapport dwar l-attività annwali 2017;
   pagamenti mill-Gvern Grieg għadhom isiru b'dewmien konsiderevoli, u għalhekk joħolqu dewmien fil-pagamenti lil sidien il-kera f'Ateni u f'Heraklionu filwaqt li jikkonstata li l-Aġenzija għamlet sforzi sinifikanti biex tikkoopera mal-Gvern Grieg sabiex tirranġa s-sitwazzjoni, jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar kif tiżviluppa dik is-sitwazzjoni;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata għolja ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 98,47 %, li jfisser tnaqqis ta' 1,53 % meta mqabbel mal-2015, u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 89,18 %, li jfisser tnaqqis ta' 3,71 % meta mqabbel mal-2015;

Impenji u riporti

3.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kienu ta' EUR 300 000 (25 %) meta mqabbel ma' EUR 150 000 (22 %) fl-2015, i.e. EUR 150 000 aktar; jinnota li dawk ir-riporti kienu primarjament relatati ma' investimenti fl-IT u karozza tas-servizz lejn tmiem is-sena - għall-użu uffiċjali biss;

4.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew kompletament ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Aġenzija u kkomunikati lill-Qorti;

Politika tal-persunal

5.  Josserva mit-tabella tal-persunal li 43 post (minn total ta’ 48 post awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni) kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, meta mqabbel ma' 45 fl-2015;

6.  Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2016, il-proporzjon tal-bilanċ bejn is-sessi kien ta' 42,1 % fil-każ tan-nisa u 57,9 % fil-każ tal-irġiel; madankollu, jinnota li t-tliet pożizzjonijiet ta' maniġment superjuri kienu kollha okkupati minn irġiel; jinnota, madankollu, li l-bilanċ bejn is-sessi fost il-maniġment superjuri nbidel sal-aħħar tal-2017 b'tali mod li tnejn mit-tliet postijiet ta' Kap ta' Unità kienu okkupati minn nisa;

7.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fl-2016 l-Aġenzija ttrasferiet tmien membri addizzjonali tal-persunal Ateni, u b'hekk l-għadd ta' membri tal-persunal f'Heraklion naqas għal erbatax; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li numru totali ta' tmien membri tal-persunal huma mistennija jkunu f'Heraklion fi tmiem l-2017; jenfasizza l-fatt li, skont ir-rapport tal-Qorti tal-2013, huwa probabbli li l-ispejjeż jistgħu jitnaqqsu aktar jekk il-persunal kollu jiġi ċentralizzat f'post uniku; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri possibbli biex is-sitwazzjoni tittejjeb;

8.  Jinnota li l-Aġenzija tesperjenza diffikultajiet biex tirrekluta, tattira u żżomm persunal ikkwalifikat b'mod xieraq, prinċipalment minħabba t-tipi ta' postijiet ta' xogħol li qegħdin jiġu offruti (aġenti kuntrattwali) u l-fattur koeffiċjenti baxx li japplika għas-salarji tal-impjegati tal-Aġenzija fil-Greċja; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar kwalunkwe miżura meħuda biex dawk id-diffikultajiet jiġu mitigati;

9.  Jinnota li, bħala medja, il-persunal tal-Aġenzija ħa sitt ijiem ta' xogħol live minħabba mard fl-2016; josserva li n-numru ta' ġranet iddedikati għal attivitajiet ta' benessri għal kull membru tal-persunal fl-2016 kien ta' jumejn;

10.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija stabbiliet netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali għall-prevenzjoni u l-medjazzjoni ta' kunflitti relatati max-xogħol; jinnota li l-Aġenzija organizzat attivitajiet interni ta' taħriġ u ta' sensibilizzazzjoni;

11.  Jinnota li l-Aġenzija stabbiliet politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali, u tipprovdi taħriġ regolari dwar il-prevenzjoni tal-fastidju;

12.  Jinnota li l-Aġenzija tuża vetturi uffiċjali iżda ma tippermettix l-użu privat tagħhom;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

13.  Jinnota bi tħassib li s-CVs tal-president tal-bord ta' ġestjoni u tad-direttur eżekuttiv biss huma disponibbli fil-paġna web tal-Aġenzija; jinnota b'sodisfazzjon li d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-bord ta' ġestjoni, tad-direttur eżekuttiv u tal-grupp tal-partijiet ikkonċernati permanenti ġew ippubblikati;

14.  Jinnota li qed tiġi diskussa politika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta bejn l-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni, u politika u linji gwida komuni se jiġu adottati fl-2018; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dik il-politika;

15.  Jirrimarka li l-Aġenzija għadha ma pprevediet ebda inizjattiva speċifika għat-titjib tat-trasparenza fil-kuntatti tagħha mal-lobbyists u l-partijiet ikkonċernati; jistieden lill-Aġenzija twettaq politika proattiva ta' trasparenza fil-lobbying bla aktar dewmien, u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar kwalunkwe miżura meħuda biex tindirizza din is-sitwazzjoni; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li jinsabu fil-proċess li jelaboraw politika li tindirizza l-kwistjoni;

16.  Jinnota li l-Aġenzija tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-minuti tal-laqgħat tal-bord ta' ġestjoni tagħha malli jiġu approvati;

17.  Jinnota li fl-2016 l-Aġenzija ma rċeviet ebda talba għal aċċess għad-dokumenti;

Kisbiet ewlenin

18.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, jiġifieri:

   it-tlestija b'suċċess tal-Eżerċizzju Pan-Ewropew;
   l-input tagħha lill-Grupp ta' Kooperazzjoni u s-segretarjat proattiv tad-direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni;
   l-użu tal-istrumenti għaż-żieda tas-sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, bħax-Xahar iddedikat għaċ-Ċibersigurtà Ewropea u l-Isfida taċ-Ċibersigurtà;

Awditu intern

19.  Jinnota li fl-2016 l-Aġenzija ma kellha ebda rakkomandazzjoni miftuħa mis-servizz ta' awditjar intern (IAS) tal-Kummissjoni; jinnota li f'Settembru 2016, l-IAS wettaq valutazzjoni tar-riskju tal-aġenzija li turi t-tliet suġġetti li jmiss li se jiġu awditjati: l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fir-riżultati tanġibbli, ir-riżorsi umani u l-IT; jinnota li l-Aġenzija se tieħu azzjoni immedjata rigward il-kostruzzjoni ta' sistema ta' ġestjoni tal-kwalità kif ukoll rigward l-implimentazzjoni tal-politika tagħha ta' ġestjoni tar-riskju; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dawk l-azzjonijiet;

Kontroll intern

20.  Jinnota, mill-Aġenzija, li l-kontroll estensiv ex post tas-sena finanzjarja 2015, skont l-istandard ta' kontroll intern Nru 8 "Proċessi u Proċeduri", irriżulta f'għadd ta' rakkomandazzjonijiet, li kollha kemm huma ġew indirizzati fl-2016; jikkonstata li 267 tranżazzjoni finanzjarja li jirrappreżentaw 76,43 % tal-baġit tal-Aġenzija għall-2015 kienu kkontrollati, u dan wassal għal rakkomandazzjoni waħda maħruġa rigward id-dewmien tal-pagamenti; jikkonstata li d-dewmien ma ġġenera ebda imgħax li jrid jitħallas; jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija ffukat intensivament fuq il-verifika tar-riżultati qabel jinbdew it-tranżazzjonijiet (verifika ex ante), sabiex tikseb l-aħjar kontroll possibbli;

Kummenti oħra

21.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-evalwazzjoni esterna 2015, li tlestiet f'Mejju 2016, ikkonkludiet li x-xogħol u l-outputs tal-Aġenzija jirrispondu għal ħtieġa ta' sigurtà tal-informazzjoni fin-netwerks madwar l-Unjoni u fi ħdan l-Istati Membri, u li l-Aġenzija effettivament tissodisfa l-aspettattivi tal-partijiet ikkonċernati tagħha; madankollu, jinnota li jeħtieġ li tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-Aġenzija u l-partijiet ikkonċernati tagħha, li jqisu li l-mandat u l-ambitu tal-Aġenzija huma limitati wisq. jinnota, mit-tweġiba tal-Aġenzija, li l-bord ta' ġestjoni qed jiddiskuti l-futur tal-Aġenzija u l-aħjar mod biex jintlaħqu l-partijiet ikkonċernati tal-Aġenzija, kif ukoll il-mod kif jiġi estiż l-ambitu tal-Aġenzija bir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda biex ittejjeb is-sitwazzjoni;

22.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija bdiet iddaħħal fis-seħħ sistema ta' ġestjoni tal-kwalità matul l-2016; jinnota li l-manwal dwar il-ġestjoni tal-kwalità kif ukoll il-proċeduri operattivi standard u l-istruzzjonijiet tax-xogħol tfasslu abbażi tal-istandards ISO 9001; jinnota b'sodisfazzjon li dawk id-dokumenti kollha qegħdin fil-fażi tar-reviżjoni mill-maniġment u se jiġu implimentati fl-2017; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar;

23.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija, bil-għan li tiżgura post tax-xogħol kosteffikaċi u li jirrispetta l-ambjent, kienet qed tirriċikla l-karta, il-ħġieġ u l-plastik, filwaqt li tinkoraġġixxi lill-persunal ma jistampax id-dokumenti, u daħħlet sistema elettronika għall-flussi tax-xogħol interni li naqqset b'mod sinifikanti l-użu tal-fajls fiżiċi;

24.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija, bil-għan li tnaqqas, jew tikkumpensa għal, l-emissjonijiet ta' CO2, inkoraġġiet l-użu ta' mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni bħala alternattiva għall-ivvjaġġar fiżiku, u implimentat l-"Għodda għat-Trasport tal-Protokoll dwar il-Gassijiet b'Effett ta' Serra (GHG)" għall-ewwel darba fl-2017 sabiex tikkompila d-data statistika tal-ivvjaġġar fuq xogħol tal-persunal tal-Aġenzija;

o
o   o

25.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 84, 17.3.2017, p. 7.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza