Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2152(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0084/2018

Testi mressqa :

A8-0084/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.53

Testi adottati :

P8_TA(2018)0158

Testi adottati
PDF 450kWORD 55k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu
Kwittanza 2016: L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA)
P8_TA(2018)0158A8-0084/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2152(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0062/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 tat-18 ta' Lulju 1994 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0084/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttriċi tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttriċi tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 201.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 201.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 216, 20.8.1994, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2152(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0062/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 tat-18 ta' Lulju 1994 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0084/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttriċi tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 201.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 201.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 216, 20.8.1994, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2152(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0084/2018),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol ('l-Aġenzija') għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 16 673 153,98, li jfisser tnaqqis ta' 1,06 % meta mqabbel mal-2015; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri (‘il-Qorti’), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016 (‘ir-rapport tal-Qorti’), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 96,31 %, li jfisser tnaqqis ta' 1,22 % meta mqabbel mas-sena ta' qabel (97,53 %), u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 70,35 %, li jfisser tnaqqis ta' 1,70 % meta mqabbel mas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jilqa' l-miżuri ta' segwitu tal-Aġenzija fir-rigward tal-kummenti tal-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tas-snin preċedenti; jilqa' wkoll l-applikazzjoni rapida min-naħa tal-Aġenzija tal-parir tal-Qorti dwar kuntratti qafas fir-rigward tal-ICT u l-konsulenza bħala qasam li għandu jittejjeb fil-kwittanza għall-2016;

Impenji u riporti

3.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati li ġew riportati għall-2017 kien għoli għat-Titolu II (infiq amministrattiv) b'ammont ta' EUR 417 279, jiġifieri 30 % (meta mqabbel ma’ EUR 364 740, jiġifieri 26 % fl-2015); jinnota li dawn ir-riporti jikkonċernaw prinċipalment is-servizzi tal-IT li kienu għadhom ma ġewx fornuti kompletament jew kienu għadhom ma ġewx iffatturati sal-aħħar tas-sena; barra minn hekk, jinnota li l-approprjazzjonijiet impenjati li ġew riportati taħt it-Titolu III ammontaw għal EUR 3 370 616, jiġifieri 43 % (meta mqabbel ma’ EUR 3 383 052, jiġifieri 41 % fl-2015); jinnota li dawn ir-rapporti jikkonċernaw prinċipalment proġetti ta' riċerka u studji b'tul ta' żmien ta' aktar minn sena; jinnota li, skont il-Qorti, l-Aġenzija tista' tikkunsidra l-introduzzjoni ta' approprjazzjonijiet baġitarji differenzjati biex jirriflettu aħjar in-natura pluriennali tal-operazzjonijiet u d-dewmien inevitabbli bejn l-iffirmar tal-kuntratti, il-konsenji u l-pagamenti; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li se teżamina din il-possibbiltà sabiex tara jekk il-ġestjoni tal-baġit tistax titjieb;

4.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi jistgħu jkunu parzjalment jew kompletament ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Aġenzija u kkomunikati lill-Qorti;

Trasferimenti

5.  Jinnota li matul is-sena finanzjarja 2016 twettqu 11-il trasferiment baġitarju li jammontaw għal EUR 319 240, sabiex jiġu allokati mill-ġdid riżorsi minn oqsma fejn ġie identifikat iffrankar baġitarju lejn oqsma b'riżorsi skarsi, u b'hekk jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tas-sena;

Akkwist

6.  Jinnota li l-Aġenzija kkuntrattat oġġetti u servizzi għal ammont totali ta' EUR 8 492 938,92 li minnhom EUR 930 240,32 ingħataw permezz ta' 41 proċedura negozjata, EUR 580 926,16 permezz ta' kuntratti interistituzzjonali jew ftehimiet fil-livell ta' servizz u EUR 6 981 772,44 jikkorrispondu għal 155 kuntratt speċifiku jew ordni fl-ambitu ta' kuntratti qafas li rriżultaw minn għotjiet fi proċeduri miftuħa;

7.  Jinnota b'sodisfazzjon li ġie stabbilit tim tal-akkwist biex jiżgura armonizzazzjoni fl-Aġenzija kollha rigward il-proċeduri ta' akkwist kollha mwettqa fl-Aġenzija – mill-bidu sal-aħħar – li huma soġġetti għal miżuri ta' sorveljanza u kontrolli ta' mitigazzjoni, inklużi l-proċessi ta' ftuħ formali u ta' evalwazzjoni, id-dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess li għalihom huma firmatarji l-membri tal-kumitati, il-valutazzjoni ta' esklużjoni, il-kriterji tal-għażla u tal-għoti dokumentati bil-miktub;

8.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti li, l-Aġenzija ffirmat kuntratt qafas fl-2014 għall-għoti ta' servizzi ta' konsulenza fl-IT matul il-perjodu mill-2014 sal-2017 għal ammont totali ta' EUR 1 100 000; jinnota b'dispjaċir li għalkemm il-kuntratti speċifiċi li ġew iffirmati fl-2016 għall-implimentazzjoni ta' dak il-kuntratt qafas jiddefinixxu b'mod ċar ir-riżultati tanġibbli tal-proġett, il-konsulenti tqabbdu fuq bażi miftuħa ta' "żmien u mezzi" ("time and means") fejn il-prezz mhuwiex fiss u lanqas marbut direttament mal-konsenja, iżda minflok huwa marbut mal-għadd ta' jiem ta' xogħol li jkunu saru; barra minn hekk, jinnota li fl-2016 madwar 50 % tas-servizzi ta' konsulenza fl-IT twettqu barra mill-bini tal-Aġenzija, u dan illimita l-kapaċità tal-Aġenzija li timmonitorja l-implimentazzjoni effiċjenti tal-kuntratti; jinnota li l-pagamenti li saru taħt dak il-kuntratt qafas fl-2016 ammontaw għal madwar EUR 400 000; jikkonstata mit-tweġiba tal-Aġenzija li din tapplika r-rakkomandazzjoni tal-Qorti għall-kuntratti qafas ġodda tagħha ta' konsulenza u ICT billi fejn hu xieraq tagħmel użu minn kuntratti speċifiċi "Quoted Times and Means";

Politika tal-persunal

9.  Josserva mit-tabella tal-persunal li 39 post tax-xogħol (minn total ta’ 41 post awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni) kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, meta mqabbel ma' 40 post fl-2015;

10.  Jiddispjaċih li min-numru tal-postijiet tax-xogħol okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, għadu ma ntlaħaqx bilanċ bejn is-sessi, bi proporzjon ta' 72 % fil-każ tan-nisa meta mqabbel ma' 28 % fil-każ tal-irġiel; jinnota li din il-kwistjoni jeħtieġ li tiġi indirizzata b'urġenza; madankollu, jinnota li hemm bilanċ bejn is-sessi (50:50) fil-livell tal-maniġment superjuri;

11.  Jenfasizza li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Aġenzija; jinnota li l-baġit li ntefaq għal attivitajiet ta' benesseri jammonta għal madwar EUR 194 għal kull membru tal-persunal li jikkorrispondi għal tlett ijiem għal kull membru tal-persunal; josserva li n-numru medju ta' liv minħabba mard kien ta' 11-il jum għal kull membru tal-persunal;

12.  Ifakkar li fl-2017 l-Aġenzija adottat deċiżjoni dwar il-fastidju psikoloġiku u sesswali; jissuġġerixxi li jiġu organizzati sessjonijiet ta' taħriġ u informazzjoni biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-persunal; jinnota li fl-2016 saret inkjesta amministrattiva; jitlob li jingħataw aktar spjegazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta filwaqt li jiġu rispettati r-regolamenti dwar il-protezzjoni tad-data;

13.  Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016 l-Aġenzija ma rċeviet ebda lment, azzjoni legali jew każijiet irrapportati marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal;

14.  Jinnota li l-Aġenzija kompliet tadotta regoli ta' implimentazzjoni wara r-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

15.  Jinnota li d-dikjarazzjonijiet tal-kunflitti ta' interess u s-sommarji ta' CVs il-ġodda huma fil-proċess li jiġu miġbura u analizzati, peress li bord ġdid ilu fis-seħħ minn tmiem l-2016; barra minn hekk, jinnota li l-Aġenzija ġabret 131 fajl komplet, li minnhom 70 huma membri tal-bord (80 %), 52 huma membri supplenti tal-bord (60 %) u 12 huma osservaturi u osservaturi supplenti (48 %); jilqa' l-fatt li ebda fajl ivvalutat ma juri sitwazzjoni li tista' tikkwalifika bħala kunflitt ta' interess fis-sens tal-politika tal-Aġenzija;

16.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija għandha fis-seħħ strateġija kontra l-frodi, stabbilita abbażi tal-linji gwida maħruġa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għall-Aġenziji tal-Unjoni; jinnota li l-istrateġija tkopri perjodu ta' tliet snin (mill-2015 sal-2017) u l-implimentazzjoni tagħha qed tiġi mmonitorjata regolarment mill-Bureau tal-Aġenzija; barra minn hekk, jinnota li proċedura interna għar-rapportar u għall-ġestjoni ta' każijiet potenzjali ta' frodi u l-eżiti tagħhom ġiet adottata u saret disponibbli għall-persunal fuq l-intranet;

17.  Jiddispjaċih ferm għall-fatt li l-Aġenzija għad trid timplimenta regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jinnota li l-Aġenzija qed tistenna linji gwida mill-Kummissjoni; barra minn hekk, jinnota li, sadanittant, l-Aġenzija tagħmel referenza għal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta tal-2012; iħeġġeġ lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza meta r-regoli interni tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jiġu stabbiliti u implimentati;

18.  Jesprimi l-ħtieġa li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, sabiex jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jingħataw l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

Kisbiet ewlenin

19.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, prinċipalment:

   it-tlestija tal-proġett pilota fuq perjodu ta' tliet snin "Xogħol aktar sikur u aħjar għas-saħħa f'kull età – is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol fil-kuntest ta' forza tax-xogħol li qed tixjieħ", mibdi mill-Parlament u l-varar tal-Kampanja ta' Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu 2016–2017 dwar "Ambjenti tax-xogħol tajbin għas-saħħa għal kull età";
   il-preżentazzjoni, waqt seminar ta' livell għoli, tal-ewwel rapport minn proġett ewlieni ta' riċerka dwar "Is-Saħħa u s-Sikurezza fl-Intrapriżi Mikro u Żgħar";
   l-implimentazzjoni, flimkien mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u ċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT), ta' għodda ġdida biex timmaniġġja s-siti web multilingwi – ir-rebbieħ ta' Premju tal-Ombudsman tal-UE għal eċċellenza fl-amministrazzjoni pubblika fl-2017;

Awditu intern

20.  Jinnota li fl-2016, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) wettaq valutazzjoni tar-riskju strateġika bil-għan ewlieni li tfassal Pjan Strateġiku ta' Awditjar Intern pluriennali ġdid għall-perjodu 2017-2019;

21.  Jilqa' l-fatt li, sa tmiem l-2016, l-Aġenzija la kellha rakkomandazzjonijiet kritiċi u lanqas importanti ħafna miftuħa; jinnota li, matul dik is-sena, l-Aġenzija ħadmet għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni relatat mal-erba' rakkomandazzjonijiet importanti mill-awditu tal-IAS tal-2015 dwar "Għodda għall-ġestjoni tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol"; josserva li l-IAS eżamina mill-ġdid il-ħidma li saret fuq l-erba' rakkomandazzjonijiet u rrakkomanda l-għeluq tagħhom fil-bidu tal-2017;

Prestazzjoni

22.  Jinnota b'apprezzament il-passi importanti li ħadet l-Aġenzija biex tappoġġja s-sistema ta' ġestjoni tagħha bbażata fuq l-attività b'sistema tal-IT; jilqa' għodod diġitali ġodda implimentati għall-ġestjoni taż-żmien li jittieħed fuq proġetti u attivitajiet differenti u għall-ġestjoni tal-offerti u tal-akkwist;

Kummenti oħra

23.  Josserva li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94(2), ir-regolament fundatur tal-Aġenzija, ma jirrikjedix b'mod espliċitu l-evalwazzjonijiet esterni tal-attivitajiet tagħha; jinnota b'sodisfazzjon li l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament fundatur ġdid (COM(2016)0528) tinkludi l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni kull ħames snin u li jintużaw rapporti ta' awditjar estern;

24.  Japprezza l-attivitajiet u l-analiżi tal-Aġenzija dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol li jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika tal-Unjoni bl-għan li jiġu promossi postijiet tax-xogħol ħielsa mill-periklu u siguri madwar l-Unjoni; jinnota l-pakketti ta' xogħol attwali tagħha dwar l-appoġġ għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs), b'għodod u linji gwida speċifiċi għall-SMEs biex jindirizzaw il-vojt f'dak li huwa għarfien u jiffaċilitaw konformità aħjar mas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol;

25.  Jilqa' l-kooperazzjoni tajba bejn l-Aġenziji li jaħdmu fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni, u b'mod partikolari l-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija, il-Eurofound, is-Cedefop u l-EIGE dwar ir-rapport "Towards age-friendly work in Europe: a life course perspective on work and ageing from EU agencies";

o
o   o

26.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 12, 13.01.2017, p. 9.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 tat-18 ta' Lulju 1994 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ĠU L 216, 20.8.1994, p. 1).
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza