Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2169(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0109/2018

Testi mressqa :

A8-0109/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.57
CRE 18/04/2018 - 12.57

Testi adottati :

P8_TA(2018)0162

Testi adottati
PDF 529kWORD 56k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu
Kwittanza 2016: Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)
P8_TA(2018)0162A8-0109/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2169(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0079/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0109/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Europol għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 223.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 223.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.
(5) ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2169(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0079/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0109/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Europol għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 223.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 223.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.
(5) ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2169(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0109/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u ta' governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu(1), il-baġit finali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija ("Europol") għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 104 274 784, li jirrappreżenta żieda ta' 9,27 % meta mqabbel mal-2015; billi ż-żieda kienet dovuta għal kompiti ġodda jew addizzjonali li wessgħu l-mandat tal-Europol; billi l-baġit tal-Europol jiġi kważi kollu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Europol huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata għolja ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 99,75 %, li turi li l-impenji saru f'waqthom; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 90,98 %, li tindika żieda ta' 1,98 % meta mqabbla mal-2015;

Impenji u riporti

2.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II (infiq amministrattiv) laħqu l-livell għoli ta' EUR 3 500 000 (39 %) meta mqabbla ma' EUR 4 200 000 (41 %) fl-2015; jinnota li dawn ir-riporti kienu jikkonċernaw prinċipalment il-kwartieri ġenerali tal-Europol, u dawn l-ispejjeż ma ġewx iffatturati mill-Istat ospitanti qabel l-2017 (EUR 2 000 000); jinnota li l-Europol se jkompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura implimentazzjoni baġitarja effiċjenti u konformi, b'mod partikolari fir-rigward ta' riporti b'rabta mal-infiq amministrattiv; jinnota li peress li x-xogħol b'rabta mal-kwartieri ġenerali tal-Europol qiegħed isir taħt l-awtorità tal-Istat ospitanti bħala parti esterna, hu mistenni li l-ġestjoni tal-ispejjeż relatati mal-bini taffettwa wkoll is-snin finanzjarji li ġejjin; jinnota li dan hu dovut għall-istruttura amministrattiva inerenti, li tipprevedi li l-Europol jirċievi l-fatturi relatati wara li l-Istat ospitanti jkun ikkoordina mal-kuntratturi rilevanti fil-livell nazzjonali;

3.  Jinnota li r-riporti sikwit ikunu parzjalment jew kompletament ġustifikati min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, mhux bilfors jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, partikolarment jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Europol u kkomunikati lill-Qorti;

Trasferimenti

4.  Jinnota li b'kollox saru 48 trasferiment, għal ammont totali ta' kważi EUR 4 960 000 (4,9 % tal-baġit); jinnota, barra minn hekk, li xi trasferimenti kienu meħtieġa fid-dawl tad-differenzi bejn l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit minħabba sitwazzjonijiet urġenti f'ċerti oqsma tal-kriminalità, pereżempju l-attivitajiet relatati mal-hotspots; jinnota li t-trasferimenti magħmula sabiex ikopru temporanjament l-infiq fuq l-għotjiet fil-baġit regolari, minħabba d-dewmien fit-tisrif tal-ammont tal-prefinanzjament tal-ftehim dwar l-għotjiet, inqalbu lura meta wasal il-prefinanzjament;

Proċedura ta' akkwist u politika tal-persunal

5.  Jinnota li, fi tmiem l-2016, l-għadd totali ta' membri tal-persunal impjegati mill-Europol kien ta' 655: 505 fit-tabella tal-persunal, 146 aġent kuntrattwali u 4 membri tal-persunal lokali; jinnota, barra minn hekk, li l-għadd ta' membri tal-persunal mhux tal-Europol (esperti nazzjonali sekondati, uffiċjali ta' kollegament u persunal tal-uffiċċji ta' kollegament, trainees u kuntratturi) kien ta' 452; jinnota li fl-2016 l-Europol impjega 145 membru tal-persunal ġdid (104 aġent temporanju u 41 aġent kuntrattwali), u li 86 membru tal-persunal telqu mill-Europol (64 aġent temporanju u 22 aġent kuntrattwali);

6.  Jiddispjaċih profondament li, meta wieħed jara t-total ta' postijiet okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, il-bilanċ bejn is-sessi ma ntlaħaqx peress li l-proporzjon kien ta' aktar minn żewġ irġiel għal kull mara (32,4 % nisa u 67,6 % irġiel) u – ħaġa saħansitra aktar allarmanti – il-persunal femminili kien rappreżentat biss f'14 % tal-pożizzjonijiet ta' speċjalista/analista superjuri u li, agħar minn hekk, il-perċentwal ta' nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali u ekwivalenti jew ogħla kien ta' 6,1 % biss (żewġ membri tal-persunal); jistieden lill-Europol ikun aktar proattiv u jqis il-kwistjoni tal-bilanċ bejn is-sessi b'urġenza meta jirrekluta persunal ġdid u jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress magħmul fi tmiem l-2017 matul il-proċedura ta' kwittanza li jmiss;

7.  Jinnota li, f'April 2016, il-Parlament adotta baġit emendatorju li rriżulta fit-tisħiħ tal-livelli tal-persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-Europol b'żieda ta' EUR 2 000 000 fil-baġit u bil-ħolqien ta' 35 post addizzjonali (25 aġent temporanju, 5 aġenti kuntrattwali u 5 esperti nazzjonali sekondati);

8.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-persunal tal-Europol kien bil-liv minħabba mard għal medja ta' 1,2 % biss tal-ġranet tax-xogħol fl-2016; josserva li l-għadd ta' ġranet iddedikati għal attivitajiet ta' benessri minn kull membru tal-persunal kien ta' inqas minn ġurnata; jinnota li l-Europol ma semmiex id-diversi attivitajiet għall-benessri implimentati fl-2016, kif mitlub mill-Parlament, iżda rrapporta dwar l-ispejjeż li ntefqu għal kull membru tal-persunal fuq servizzi mediċi u spejjeż relatati; jistieden lill-Europol jagħti rendikont ġenerali tal-liv minħabba mard f'termini ta' ġranet;

9.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Europol stabbilixxa netwerk ta' 10 konsulenti kunfidenzjali bħala parti mill-politika dwar il-ħarsien tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali; jinnota, barra minn hekk, li l-Europol organizza sessjonijiet ta' sensibilizzazzjoni, ipprovda informazzjoni standard dwar il-fastidju fuq l-intranet tiegħu u introduċa programm għall-impjegati l-ġodda li kien jinkludi preżentazzjoni dwar is-saħħa u l-benessri li matulha ngħataw spjegazzjonijiet dwar il-politika tal-fastidju u n-netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali;

10.  Jinnota li fl-2016 inbdew proċedura informali u oħra formali (talba għal assistenza) b'rabta ma' fastidju; jinnota li l-proċedura formali wasslet għall-ftuħ ta' inkjesta amministrattiva/investigazzjoni interna li ma kkonfermatx l-eżistenza ta' fastidju; josserva li, għaldaqstant, l-ebda każ ma tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jinnota li l-Europol juża vetturi uffiċjali iżda ma jippermettix l-użu privat tagħhom;

Kontrolli interni

12.  Jinnota li, fl-2016, l-attivitajiet ta' ġestjoni tar-riskju fl-Europol kienu jiffukaw fuq l-indirizzar tar-rekwiżiti identifikati mill-Qorti, b'mod partikolari l-kontijiet annwali, il-ftehim ta' delega u l-għeluq tal-Fond tal-Pensjonijiet tal-Europol; jinnota, barra minn hekk, li l-attivitajiet marbuta mar-riskju kienu jinkludu wkoll il-monitoraġġ tar-riskji li jaffettwaw l-objettivi marbutin mal-attivitajiet prinċipali stabbiliti fil-Programm ta' Ħidma għall-2016, b'mod partikolari b'rabta mal-kompitu l-ġdid ta' stazzjonament fuq il-post għall-kontrolli tas-sigurtà sekondarji u l-internalizzazzjoni tat-tnedija finali tas-Sistema ta' Analiżi tal-Europol; jinnota li, sa tmiem l-2016, ir-reġistru tar-riskji korporattivi tal-Europol kien fih 16-il riskju kbir jew kritiku, li jirrappreżenta 4 riskji korporattivi addizzjonali meta mqabbel mal-istatus irreġistrat fi tmiem l-2015;

13.  Jinnota li l-Uffiċċju tal-Awditjar Intern wettaq rieżami tal-implimentazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern fl-Europol fl-ewwel semestru tal-2016; jinnota li l-Europol ħejja pjan ta' azzjoni sabiex jindirizza 15 mill-40 rakkomandazzjoni sal-aħħar tal-2016 u li, minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet, 20 kienu ġew ikklassifikati bħala "importanti ħafna" u waħda – rakkomandazzjoni relatata mal-adozzjoni ta' strateġija kontra l-frodi, li ġiet approvata mill-Bord ta' Amministrazzjoni fil-31 ta' Jannar 2017 – bħala "kritika";

Awditu intern

14.  Jinnota li 83 % tar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Qorti, tas-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS), tal-Awtorità ta' Kontroll Komuni tal-Europol, tal-uffiċjal għall-protezzjoni tad-data tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju tal-Awditjar Intern, li kienu ġew ikklassifikati bħala "kritiċi" jew "importanti ħafna" wara dawn l-awditi, ġew indirizzati fl-2016, u dan jirrappreżenta żieda ta' 12 % meta mqabbel mal-2015;

15.  Jinnota li f'Ottubru 2016 l-IAS wettaq awditu dwar l-akkwist, li l-abbozz ta' rapport tal-awditjar dwaru ma nħariġx fi tmiem l-2016; jistieden lill-Europol jippreżenta r-riżultati ta' dak l-awditu lill-awtorità ta' kwittanza;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

16.  Jinnota li fl-1 ta' Mejju 2017 il-Bord ta' Amministrazzjoni adotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tiegħu, inkluż b'rabta mad-dikjarazzjonijiet ta' interess rispettivi tagħhom; jinnota b'dispjaċir li l-approċċ tal-Europol kien li jiddikjara li m'hemm l-ebda kunflitt ta' interess; jinnota bi tħassib li l-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni komplew jippublikaw dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess; jistieden lill-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni jippubblikaw id-dikjarazzjonijiet ta' interess rispettivi tagħhom, minflok dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess, li fihom jelenkaw is-sħubija tagħhom fi kwalunkwe organizzazzjoni oħra; jenfasizza li ma jinkombix fuq il-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni li jiddeċiedu huma stess jekk għandhomx kunflitti ta' interess; jinnota li l-membri u s-sostituti tal-Bord ta' Amministrazzjoni ġew mistiedna jimlew, jiffirmaw u jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet ta' interess u s-CVs rispettivi tagħhom sal-15 ta' Diċembru 2017, biex dawn jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Europol; jilqa' l-pubblikazzjoni tas-CVs tal-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni fuq is-sit web tal-Europol; jistieden lill-Europol jinforma lill-awtorità ta' kwittanza jekk il-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni fil-fatt ippubblikawx id-dikjarazzjonijiet ta' interess rispettivi tagħhom sal-iskadenza stabbilita;

17.  Jinnota li fl-2016 l-Europol irċieva 107 talbiet ta' aċċess għad-dokumenti (b'rabta ma' 138 dokument) u li l-Europol ta aċċess sħiħ għal 39 dokument, filwaqt li ta aċċess parzjali għal 20 dokument u ċaħad l-aċċess għal 79 wieħed; jistieden lill-Europol tkun miftuħa kemm jista' jkun meta tindirizza dawn it-talbiet u ma żżommx f'moħħha r-restrizzjonijiet legali biss iżda anke d-dmir ta' ftuħ u trasparenza;

18.  Jinnota li, f'Ottubru 2017, l-Europol nieda kampanja ta' komunikazzjoni addizzjonali dwar id-dispożizzjonijiet etiċi tiegħu biex jiffamiljarizza lill-persunal kollu tal-Europol u lill-esperti nazzjonali sekondati mal-verżjonijiet aġġornati tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Europol u tal-linji gwida dwar il-ġestjoni ta' rigali, il-kunflitti ta' interess u l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jinnota b'sodisfazzjon li l-linji gwida dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jenfasizzaw il-fatt li l-Europol jimpenja ruħu li jħares l-identità tal-informaturi; jilqa' l-pubblikazzjoni ta' linji gwida dwar l-arranġamenti għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta fuq is-sit web tal-Europol; jitlob lill-Europol jagħti dettalji dwar każijiet ta' żvelar ta' informazzjoni protetta fl-2016, jekk kien hemm, u dwar kif ġew ipproċessati;

19.  Jesprimi l-bżonn li jitwaqqaf korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment, mogħni b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw informazzjoni dwar irregolaritajiet li jistgħu jkunu qed jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

20.  Jilqa' l-adozzjoni ta' strateġija kontra l-frodi għall-perjodu 2017-2018 min-naħa tal-Bord ta' Amministrazzjoni;

Kisbiet ewlenin

21.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Europol fl-2016, jiġifieri:

   it-twaqqif taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u ċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti, inkluż l-istazzjonament ta' persunal fuq il-post inkarigat mit-twettiq ta' aktar minn 4 800 kontroll tas-sigurtà sekondarju fil-hotspots tal-migrazzjoni sa tmiem l-2016; jinnota li l-Europol għen fi 'l fuq minn 270 operazzjoni kontra t-terroriżmu, li jirrappreżenta żieda ta' aktar mid-doppju meta mqabbel mas-sena 2016 kollha kemm hi (127 operazzjoni kontra t-terroriżmu fl-2016);
   l-introduzzjoni ta' strumenti innovattivi ta' appoġġ fl-investigazzjonijiet: is-sit web Europe's Most Wanted Fugitives li nħoloq fl-2016 u li, f'Novembru 2017, kien fih informazzjoni dwar 115-il persuna maħruba u dwar l-arrest ta' 41 persuna maħruba prominenti, fosthom 13 li ġew arrestati bl-għajnuna tas-sit web; jinnota li ċ-Ċentru taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol (EC3) vara soluzzjoni ta' analiżi ta' ritratti u filmati ġdida biex jiffaċilita, b'mod partikolari, l-identifikazzjoni ta' tfal vittmi ta' sfruttament sesswali, inkluż, fl-2017, l-appoġġ mogħti mill-Europol fi 38 operazzjoni kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal fuq l-internet;
   l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/794(2) f'Mejju 2016, applikabbli mill-1 ta' Mejju 2017, li jintroduċi tisħiħ fl-arranġamenti ta' sorveljanza tal-Parlament u titjib fil-mandat ta' appoġġ operazzjonali;

Kummenti oħra

22.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Europol, f'kooperazzjoni mal-Eurojust, ifformalizza approċċ ikkombinat għaċ-Ċertifikazzjoni ISO14001/EMS; jinnota li l-Europol implimenta għadd kbir ta' miżuri biex jiżgura post tax-xogħol kosteffikaċi u ekoloġiku u biex inaqqas jew jikkumpensa ulterjorment l-emissjonijiet ta' CO2;

23.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Europol kompla jikkoopera ma' għadd ta' sħab internazzjonali, kif ukoll ma' aġenziji u korpi oħra tal-Unjoni, u li, partikolarment fid-dawl tal-kriżi migratorja, l-Europol saħħaħ aktar il-kooperazzjoni tiegħu mal-Frontex;

24.  Jinnota li, skont l-Europol, jeżistu riskji finanzjarji u operattivi sostanzjali minħabba l-Brexit; jistieden lill-Europol ikompli jkun proattiv fl-identifikazzjoni u l-indirizzar ta' dawn ir-riskji u jżomm lill-awtorità ta' kwittanza infurmata bis-sħiħ bl-impatt futur tal-Brexit fuq l-Europol u jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni dwar in-negozjati tal-Brexit sabiex ikun ippreparat biżżejjed u b'hekk jitnaqqas kemm jista' jkun kwalunkwe impatt negattiv operattiv jew finanzjarju li jista' jkun hemm;

25.  Jiddispjaċih li r-rieżami 2016-2017 tal-Europol ma ġiex ippubblikat fuq is-sit web tal-Europol qabel it-23 ta' Jannar 2018, jiġifieri ħamest ijiem wara d-data ta' skadenza tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament għat-tressiq tal-emendi għar-rapport dwar il-kwittanza; jistieden lill-Europol biex, fil-futur, jippubblika r-rieżami annwali tiegħu fil-ħin għall-proċedura ta' kwittanza sabiex l-awtorità ta' kwittanza tkun tista' tagħmel xogħolha b'għarfien sħiħ tal-fatti;

26.  Jinnota d-domanda dejjem akbar għas-servizzi tal-Europol min-naħa tal-Istati Membri; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li r-riżorsi limitati disponibbli għall-ICT wasslu għal bidla fil-prijoritajiet dwar l-attivitajiet ewlenin ta' żvilupp tas-sistemi, dewmien fil-proġetti u t-tfittxija ta' aktar possibbiltajiet ta' esternalizzazzjoni, li jimplika riskji akbar;

o
o   o

27.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 84, 17.3.2017, p. 172.
(2) Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza