Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2187(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0072/2018

Testi mressqa :

A8-0072/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.63

Testi adottati :

P8_TA(2018)0168

Testi adottati
PDF 436kWORD 54k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu
Kwittanza 2016: ECSEL Impriża Konġunta
P8_TA(2018)0168A8-0072/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2187(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05943/2018 – C8-0096/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0072/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 23.
(2) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 23.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152.
(5) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2187(DEC))

Il-Parlament Ewopew

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-impriża konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05943/2018 – C8-0096/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0072/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 23.
(2) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 23.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152.
(5) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2187(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL dwar Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0072/2018),

A.  billi fis-7 ta' Ġunju 2014 l-Impriża Konġunta ECSEL dwar Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea (l-Impriża Konġunta) ġiet stabbilita abbażi tal-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-għan li timplimenta l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta ECSEL għal perjodu sal-31 ta' Diċembru 2024;

B.  billi l-Impriża Konġunta ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014(1) f'Ġunju 2014 biex tissostitwixxi u tieħu post l-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC;

C.  billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, l-Istati Membri u, fuq bażi volontarja, l-pajjiżi assoċjati ma' Orizzont 2020 (Stati Parteċipanti) u assoċjazzjonijiet ta' membri privati (Membri Privati) li jirrappreżentaw il-kumpaniji kostitwenti tagħhom u organizzazzjonijiet oħra li huma attivi fil-qasam tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi fl-Unjoni; billi l-Impriża Konġunta għandha tkun miftuħa għal membri ġodda;

D.  billi l-kontribuzzjonijiet lill-Impriża Konġunta previsti għall-perjodu kollu ta' Orizzont 2020 jammontaw għal EUR 1 184 874 000 mill-Unjoni, EUR 1 170 000 000 mill-Istati Parteċipanti u EUR 1 657 500 000 mill-Membri Privati;

Segwitu għall-kwittanza 2015

1.  Jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta ħadet passi biex tivvaluta l-implimentazzjoni tal-awditi ex post imwettqa mill-Awtoritajiet ta' Finanzjament Nazzjonali (NFAs) u kisbet dikjarazzjonijiet bil-miktub mill-NFAs li jistqarru li l-implimentazzjoni tal-proċeduri nazzjonali tagħhom tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet;

2.  Jinnota b'sodisfazzjoni li l-kwistjoni dwar il-varjazzjoni fil-metodoloġiji u fil-proċeduri użati mill-NFAs ma għadhiex rilevanti għall-implimentazzjoni tal-proġetti taħt il-programm Orizzont 2020, peress li l-awditi ex post se jitwettqu jew mill-Impriża Konġunta jew inkella mill-Kummissjoni; jinnota li, skont id-dispożizzjonijiet tal-pjan komuni ta' awditjar ex-post għal Orizzont 2020, bħalissa hemm 17-il awditu ex post li diġà nbdew fuq tranżazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri (il-Qorti), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2016 (ir-rapport tal-Qorti), sabet li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta, fl-aspetti materjali kollha, jippreżentaw b'mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2016 kif ukoll ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta' flus tagħha għas-sena li kienet għadha kemm intemmet, bi qbil mar-regoli finanzjarji tagħha u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni;

4.  Jinnota li l-baġit finali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2016 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn li jammontaw għal EUR 169 300 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament li jammontaw għal EUR 245 000 000; jinnota li r-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 99 % u ta' 91 % rispettivament;

5.  Jinnota li l-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta hija ta' EUR 1 185 000 000, li għandha titħallas mill-programm Orizzont 2020; jinnota b'ċertu tħassib li tal-anqas ammont simili għandu jiġi mill-Istati Parteċipanti;

6.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti jiddikjara li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2016 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

7.  Jenfasizza bħala kwistjoni ta' tħassib partikolari li l-Qorti ħarġet opinjoni kwalifikata dwar il-pagamenti tal-Impriża Konġunta fir-rigward ta' proġetti li ttieħdu mingħand il-predeċessuri legali tagħha, l-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC, u jistieden lill-Qorti teżamina mill-ġdid il-metodoloġija li twassal għal opinjonijiet kwalifikati ripetittivi bbażati fuq din il-kwistjoni rikorrenti li ma tistax tiġi solvuta sakemm ma jintemmu l-proġetti tas-Seba' Programm Kwadru; jinnota li l-pagamenti li saru għal dawn il-proġetti mill-Impriża Konġunta fl-2016, u li jikkorrispondu ma' ċertifikati ta' aċċettazzjoni tal-ispejjeż maħruġa mill-NFAs tal-Istati Parteċipanti, ammontaw għal EUR 118 000 000, li jirrappreżentaw 54 % tal-pagamenti operazzjonali totali li saru mill-Impriża Konġunta fl-2016; jinnota li l-NFAs ikkompilaw "dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni" fuq in-nefqa tal-2016, kif riċevuti fit-22 ta' Jannar 2018 mingħand l-Impriża Konġunta; li jkopru 98 % tal-ispejjeż tal-parteċipazzjoni mill-Istati Parteċipanti għas-Seba' Programm Kwadru tal-2016;

8.  Jinnota li saż-żmien meta ngħalqu f'Ġunju 2014, l-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC kienu għamlu impenji li jammontaw għal EUR 623 000 000 (EUR 181 000 000 u EUR 442 000 000 rispettivament) għal attivitajiet operazzjonali li kellhom jiġu ffinanzjati taħt is-Seba' Programm Kwadru; jinnota li l-pagamenti relatati li kienu rreġistrati fil-kontijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL ammontaw għal EUR 411 000 000 (EUR 132 000 000 u EUR 279 000 000 rispettivament) sa tmiem l-2016; jittama li l-pagamenti rreġistrati, fir-rigward tal-impenji pendenti, ser ikomplu jiġu ssodisfati mill-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC;

9.  Jinnota li mill-EUR 1 185 000 000 tal-fondi tal-programm Orizzont 2020 allokati lill-Impriża Konġunta, l-Impriża Konġunta kienet għamlet, sal-aħħar tal-2016, , impenji li jammontaw għal EUR 415 000 000 u pagamenti li jammontaw għal EUR 156 000 000 (13 % tal-fondi allokati) għall-implimentazzjoni tal-ewwel mewġa ta' proġetti tagħha;

10.  Jinnota li t-28 Stat Parteċipanti huma meħtieġa jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji ta' mill-anqas EUR 1 170 000 000 għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta; jinnota li, fi tmiem l-2016, l-Istati Parteċipanti li ħadu sehem fis-sejħiet għal proposti tal-2014, l-2015 u l-2016 – 19, 21, u 24 Stat rispettivament – kienu għamlu impenji li ammontaw għal EUR 371 000 000 u pagamenti li jammontaw għal EUR 56 800 000 (4.9 % tal-kontribuzzjonijiet totali meħtieġa); jirrikonoxxi li, minkejja l-istadju bikri ta' implimentazzjoni tal-proġetti taħt il-programm Orizzont 2020, il-livell apparentement baxx ta' kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti huwa relatat mal-fatt li xi Stati Parteċipanti jirrikonoxxu u jirrappurtaw l-ispejjeż biss fi tmiem il-proġetti li huma jappoġġaw, u jirrikonoxxi d-diffikultà li dan jirrappreżenta għall-Impriża Konġunta; jitlob li l-Istati Parteċipanti jsibu mezz biex jikkomunikaw l-appoġġ għall-proġetti aktar kmieni fiċ-ċiklu ta' finanzjament;

11.  Jinnota li mill-kontribuzzjonijiet ta' EUR 1 657 500 000 li kellhom isiru mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta, l-Impriża Konġunta stmat, li sal-aħħar tal-2016,, , il-membri kienu għamlu kontribuzzjonijiet in natura li jammontaw għal EUR 202 000 000, meta mqabbel mal-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-Unjoni li tammonta għal EUR 264 000 000;

Kontrolli interni

12.  Jesprimi tħassib li, fl-2012, l-Impriża Konġunta ġiet infurmata dwar proċedimenti ta' insolvenza b'rabta ma' żewġ benefiċjarji, iżda ma ppruvatx tirkupra l-pagamenti ta' prefinanzjament li kienu saru lil dawk il-benefiċjarji sal-2016, madwar erba' snin wara; jinnota li sa dak iż-żmien, il-proċedimenti kienu laħqu ngħalqu u l-prefinanzjament pendenti ta' EUR 230 000 kellu jiġi rinunzjat; jirrikonoxxi li l-falliment taż-żewġ benefiċjarji huwa legat tal-Impriża Konġunta ENIAC u seħħ qabel l-inkorporazzjoni tagħha fl-Impriża Konġunta; jinnota, madankollu, li l-finanzjament kien mitluf u li dan l-iżball għall-iskop ta' kontabilità xierqa għandu jiġi rikonoxxut;

13.  Jinnota li l-Impriża Konġunta adottat regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kunflitti ta' interess biex ittaffi r-riskji relatati mal-istruttura ta' governanza tagħha; jinnota madankollu li fl-2016, l-Impriża Konġunta ma applikatx dawk ir-regoli b'mod konsistenti; josserva b'diżappunt li r-reġistru intern tad-dikjarazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess ma ġiex ġestit f'konformità mal-linji gwida interni, u ma ġiex aġġornat b'mod regolari; jirrikonoxxi l-fatt li l-minuti tal-laqgħat tal-Bord jirreġistraw il-kunflitti ta' interess kollha ddikjarati minn delegat: dawn huma dokumenti ta' bażi użati biex jiġi kkompilat ir-reġistru;

Awditu intern

14.  Jinnota li fl-2016, is-servizzi ta' awditjar intern wettqu valutazzjoni tar-riskju importanti tal-proċess tal-għotjiet Orizzont 2020 tal-Impriża Konġunta, u li b'riżultat ta' dan identifikaw ħames rakkomandazzjonijiet;

Ġestjoni tar-riżorsi umani

15.  Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2016, l-Impriża Konġunta kienet timpjega 29 membru tal-persunal; jinnota li matul l-2016 l-Impriża Konġunta mliet żewġ postijiet, fl-oqsma tal-kapaċità ta' awditjar intern u l-komunikazzjoni esterna, u rreklamat post wieħed biex timtela l-pożizzjoni vakanti fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

16.  Jilqa' l-fatt li, bil-ħsieb li tiġi adattata l-istruttura tal-organizzazzjoni għal prijoritajiet u ħtiġijiet għal kompetenzi, l-organigramma tal-Impriża Konġunta ġiet aġġornata fl-4 ta' Jannar 2016;

Komunikazzjoni

17.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Impriża Konġunta tikkomunika maċ-ċittadini tal-Unjoni, permezz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fir-rigward tar-riċerka u l-kollaborazzjoni sinifikanti li qed twettaq, jenfasizza l-importanza li ssir enfasi fuq it-titjib reali bħala konsegwenza tax-xogħol tagħha, li huwa parti importanti mill-mandat tagħha, kif ukoll il-fatt li taħdem ma' Impriżi Konġunti oħra fil-promozzjoni ta' sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-benefiċċji tax-xogħol tagħhom;

o
o   o

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-involviment dirett tal-Impriża Konġunta fil-proċess ta' rieżami ta' nofs it-terminu ta' Orizzont 2020 fil-qasam ta' aktar simplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-impriżi konġunti.

(1) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza