Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2001(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0146/2018

Testi mressqa :

A8-0146/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.9

Testi adottati :

P8_TA(2018)0182

Testi adottati
PDF 403kWORD 68k
Il-Ħamis, 19 ta' April 2018 - Strasburgu
Stimi tad-dħul u n-nefqa għas-sena finanzjarja 2019 – Taqsima I – Il-Parlament Ewropew
P8_TA(2018)0182A8-0146/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2019 (2018/2001(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2018(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2017 dwar it-test konġunt tal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-qafas tal-proċedura baġitarja(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau bl-għan li jitħejja l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2019,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fis-16 ta' April 2018 skont l-Artikoli 25(7) u 96(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Kumitat tal-Baġits skont l-Artikolu 96(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0146/2018),

A.  billi din il-proċedura hija r-raba' proċedura baġitarja sħiħa mwettqa fil-leġiżlatura l-ġdida u s-sitt waħda matul il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020;

B.  billi l-baġit għall-2019, kif propost fir-rapport tas-Segretarju Ġenerali, qed jitħejja fl-isfond ta' żieda annwali, kemm f'termini ta' inflazzjoni kif ukoll f'żieda reali, fil-limitu massimu għall-Intestatura V, u dan jippermetti iżjed lok għal tkabbir u investiment, kif ukoll biex ikomplu jiġu implimentati l-politiki li jiksbu l-iffrankar ta' riżorsi, li jfittxu li jtejbu l-effiċjenza u li jkunu orjentati lejn baġit ibbażat fuq il-prestazzjoni;

C.  billi fost l-objettivi prijoritarji li ġew proposti mis-Segretarju Ġenerali għall-baġit 2019 insibu dawn li ġejjin: il-kampanja elettorali tal-Parlament Ewropew tal-2019, il-proġetti ta' sigurtà, il-proġetti immobiljari pluriennali, l-iżvilupp tal-informatika, it-titjib fis-servizzi għall-Membri u l-inkoraġġiment ta' approċċ ekoloġiku għat-trasport;

D.  billi ġie propost baġit ta' EUR 2 016 644 000 mis-Segretarju Ġenerali għall-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament għall-2019, li jirrappreżenta żieda globali ta' 3,38 % fuq il-baġit tal-2018 (inklużi EUR 37,3 miljun għall-bidla tal-leġiżlatura u EUR 34,3 miljun għal infiq straordinarju ieħor) u proporzjon ta' 18,79 % tal-Intestatura V tal-QFP 2014-2020;

E.  billi kważi żewġ terzi tal-baġit jikkostitwixxu nefqa indiċizzata li tirrigwarda partikolarment ir-remunerazzjonijiet, il-pensjonijiet, l-ispejjeż mediċi u l-allowances għall-Membri (23 %) u l-membri tal-persunal (34 %) attivi u rtirati, kif ukoll għall-bini (13 %), li hija aġġustata skont ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Istatut għall-Membri, l-indiċizzazzjoni speċifika skont is-settur jew ir-rata tal-inflazzjoni;

F.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2016(8), il-Parlament diġà saħaq fuq il-fatt li l-baġit għall-2016 għandu jiġi stabbilit fuq bażi realistika u jkun konformi mal-prinċipji ta' dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba;

G.  billi l-kredibilità tal-Parlament bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja tiddependi sa ċertu punt mill-kapaċità tiegħu li jiġġestixxi l-infiq tiegħu stess u fuq l-abilità tiegħu li jiżviluppa d-demokrazija fil-livell tal-Unjoni;

H.  billi l-fond ta' pensjoni volontarju ġie stabbilit fl-1990 mir-Regoli tal-Bureau li jirregolaw l-iskema ta' pensjoni addizzjonali (volontarja)(9);

Qafas ġenerali

1.  Jenfasizza li s-sehem tal-baġit tal-Parlament fl-2019 għandu jinżamm taħt l-20 % tal-Intestatura V; jinnota li l-livell tal-estimi għall-2019 jikkorrispondi għal 18,53 %, li huwa inqas minn dak li nkiseb fl-2018 (18,85 %) u l-aktar parti baxxa tal-Intestatura V f'dawn l-aħħar 15-il sena;

2.  Jenfasizza li l-akbar parti tal-baġit tal-Parlament hija fissa b'riżultat ta' obbligi statutorji jew kuntrattwali u soġġetta għal indiċizzazzjoni annwali;

3.  Jinnota li, minħabba l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019, l-infiq se jkun sostanzjalment ogħla f'ċerti oqsma, partikolarment fir-rigward tal-Membri li ma jiġux eletti mill-ġdid u tal-assistenti tagħhom, filwaqt li se jiġi ġġenerat iffrankar, minkejja li fuq skala iżgħar, f'oqsma oħra bħala riżultat tat-tnaqqis fil-volum tax-xogħol parlamentari f'sena elettorali;

4.  Jappoġġja l-ftehim li ntlaħaq fil-konċiljazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits, fis-26 ta' Marzu 2018 u fl-10 ta' April 2018, biex tkun iffissata ż-żieda ta' 2,48 % fil-baġit 2018, perċentwal li jikkorrispondi għal-livell kumplessiv tal-estimi tiegħu għall-2019 ta' EUR 1 999 144 000, biex jitnaqqas il-livell tan-nefqa fl-abbozz preliminari tal-estimi approvat mill-Bureau fit-12 ta' Marzu 2018 ta' EUR 17,5 miljun u biex, konsegwentement, jitnaqqsu l-approprjazzjonijiet proposti għal-linji baġitarji li ġejjin: 1004 – Spejjeż għall-vjaġġi regolari; 105 – Korsijiet tal-lingwi u tal-kompjuter; 1404 – Apprendistati, għotjiet u skambji ta' uffiċjali; 1612 – Taħriġ ulterjuri; 1631 – Mobilità; 2000 – Kirjiet; 2007 – Kostruzzjoni ta' bini u sistemazzjoni fil-bini; 2022 – Manutenzjoni, żamma, operat u tindif tal-bini; 2024 – Konsum tal-enerġija; 2100 – Informatika u telekomunikazzjonijiet; 2101 – Informatika u telekomunikazzjonijiet — Attivitajiet rikorrenti tal-funzjonament — Infrastruttura; 2105 – Informatika u telekomunikazzjonijiet — Investimenti fil-proġetti; 212 – Għamara; 214 – Materjal u installazzjonijiet tekniċi; 230 – Kanċellerija, provvisti għall-uffiċċju u oġġetti għall-konsum diversi; 238 – Nefqiet amministrattivi oħra; 300 – Nefqiet għall-missjonijiet tal-istaff u vjaġġar fuq xogħol bejn it-tliet postijiet ta' xogħol; 302 – Nefqiet għal riċevimenti u rappreżentanza; 304 – Nefqiet varji għal laqgħat interni; 3042 – Laqgħat, kungressi, konferenzi u delegazzjonijiet; 3049 – Nefqa għall-aġenziji tal-ivvjaġġar; 3243 – Iċ-Ċentri għall-Viżitaturi tal-Parlament Ewropew; 3248 – In-nefqa għall-informazzjoni awdjoviżiva; 325 – Nefqa relatata mal-Uffiċċji ta' Kollegament; 101 – Riżerva ta' kontinġenza tassenja lill-partita 1400 – Aġenti oħra — Segretarjat Ġenerali u gruppi politiċi approprjazzjonijiet ta' EUR 50 000, lill-partita 320 – Akkwist tal-tal-għarfien espert approprjazzjonijiet ta' EUR 50 000, u lill-partita 3211 – Ċentru Ewropew tal-Midja Xjentifika approprjazzjonijiet ta' EUR 800 000; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li dawn il-bidliet ġew adottati mill-Bureau fis-16 ta’ April 2018;

5.  Jissottolinja li l-funzjonijiet fundamentali tal-Parlament huma l-leġiżlazzjoni konġunta mal-Kunsill u t-teħid ta' deċiżjoni dwar il-baġit tal-Unjoni, ir-rappreżentanza taċ-ċittadini u l-iskrutinju tal-ħidma tal-istituzzjonijiet l-oħra;

6.  Jenfasizza r-rwol tal-Parlament fil-kostruzzjoni ta' kuxjenza politika Ewropea u fil-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni;

7.  Jikkonstata li l-abbozz preliminari tal-estimi u d-dokumenti li jakkumpanjawh waslu tard u wara biss li ġew adottati mill-Bureau fit-12 ta' Marzu 2018; jitlob li fis-snin li ġejjin ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau dwar l-abbozz preliminari tal-estimi, inklużi l-annessi tiegħu, jintbagħtulu fil-ħin;

Trasparenza u aċċessibilità

8.  Jilqa' r-reazzjoni għat-talba mill-Kumitat għall-Baġits li ġiet espressa f'diversi riżoluzzjonijiet tal-baġit dwar informazzjoni addizzjonali dwar l-ippjanar fuq perjodu medju u twil, l-investimenti, l-obbligi statutorji, in-nefqa operattiva u metodoloġija abbażi tal-bżonnijiet attwali aktar mill-koeffiċjenti; jinnota li s-somom ta' flus f'daqqa huma għodda utli u rikonoxxuta biex jiżdiedu l-flessibilità u t-trasparenza;

9.  Jinnota li, bħal ma kien il-każ għall-baġits tas-snin preċedenti, huwa propost li jitwarrab ammont għall-investiment u għan-nefqa meqjusin bħala "straordinarji", jiġifieri l-investiment u n-nefqa li huma ta' natura mhux tas-soltu jew li huma atipiċi għall-Parlament u li ma tantx jokkorru ta' spiss; jinnota li fl-2019, dawk l-investimenti u l-infiq jammontaw għal EUR 71,6 miljun, li jinkludu EUR 37,3 miljun għall-bidla tal-leġiżlatura u EUR 34,3 miljun għal nefqa straordinarja oħra; ifakkar li d-distinzjoni bejn nefqa ordinarja u straordinarja, li saret fil-baġit tal-2016 u li ġiet inkluża fil-baġits konsekuttivi, saret biss sabiex twieġeb għall-implimentazzjoni ta' miżuri urġenti li jikkonċernaw is-sigurtà ta' bini u ċ-ċibersigurtà wara l-attakki terroristiċi; iqis li l-użu eċċessiv ta' din id-distinzjoni, jiġifieri l-inklużjoni ta' nefqa oħra fin-nefqa straordinarja, jagħti indikazzjoni żbaljata tal-evoluzzjoni tal-marġni baġitarju u b'hekk imur kontra l-prinċipju tat-trasparenza tan-nefqa tal-Parlament;

10.  Jistenna li l-baġit tal-Parlament għall-2019 ikun realistiku u preċiż fir-rigward tat-tqabbil tal-ħtiġijiet u l-kostijiet tagħhom, sabiex kemm jista' jkun jiġi evitat l-ibbaġitjar żejjed;

Brexit

11.  Josserva li fit-8 ta' Diċembru 2017, in-negozjaturi tal-Unjoni u tar-Renju Unit laħqu ftehim fil-prinċipju dwar is-saldu finanzjarju li jikkonċerna l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, li jinkludi dispożizzjoni skont liema r-Renju Unit se jipparteċipa fil-baġits annwali tal-Unjoni għall-2019 u l-2020, bħallikieku kien għadu Stat Membru tal-Unjoni u se jikkontribwixxi sehmu mill-finanzjament tal-obbligazzjonijiet tal-Unjoni li se jiġġarrbu qabel il-31 ta' Diċembru 2020; jinnota li l-iskema ta' pensjoni volontarja għall-Membri hija inkluża bħala obbligazzjoni fuq il-karta tal-bilanċ tal-UE, u kontribuzzjoni għall-obbligazzjonijiet pendenti meħtieġa biex tkopri l-obbligazzjonijiet tal-pensjonijiet imġarrba qabel iżda anke wara l-2020, se tkun parti min-negozjati;

12.  Jinnota li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali kkonferma, bil-votazzjoni fil-plenarja fi Frar 2018, rapport fuq inizjattiva proprja dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament, u b'mod partikolari t-tnaqqis fl-ammont ta' Membri għal 705 wara l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni; jinnota li wara l-laqgħa informali tas-27 kap ta' Stat jew ta' gvern li saret fit-23 ta' Frar 2018, il-President Tusk wera appoġġ wiesa' għal din il-proposta; jinnota li fl-eventwalità li r-Renju Unit ikun għadu Stat Membru fil-bidu tal-leġiżlatura 2019-2024, l-għadd ta' Membri għandu jkun ta' 751, sakemm il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jsir ġuridikament effettiv; jirrimarka, madankollu, li l-proċedura tkun teħtieġ deċiżjoni unanima mill-Kunsill Ewropew wara li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Parlament; jissottolinja li l-estimi tal-Parlament, għalissa, jirriflettu s-sitwazzjoni ta' status quo ta' Parlament magħmul minn 678 Membru minn 27 Stat Membru bejn it-30 ta' Marzu 2019 u t-tmiem tat-VIII leġiżlatura, u ta' Parlament magħmul minn 705 Membri minn 27 Stat Membru mill-bidu tad-IX leġiżlatura sat-tmiem tas-sena finanzjarja 2019; jieħu nota b'sodisfazzjon tal-aġġustamenti proposti mis-Segretarju Ġenerali li ġew adottati mill-Bureau fit-12 ta' Marzu 2018;

Elezzjonijiet Ewropej 2019

13.  Jilqa' l-kampanja ta' komunikazzjoni bħala sforz utli li jservi ta' għajnuna biex jiġi spjegat l-iskop tal-Unjoni u tal-Parlament liċ-ċittadini; jissottolinja li din il-kampanja suppost se timmira li, fost affarijiet oħra, tispjega r-rwol tal-Unjoni Ewropea, is-setgħa tal-Parlament, il-funzjonijiet tiegħu, bħall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni, u l-impatt tiegħu fuq ħajjiet iċ-ċittadini;

14.  Ifakkar li, kif approvat fil-proċedura baġitarja 2018, il-baġit totali tal-kampanja jammonta għal EUR 33,3 miljun għas-sentejn, li minnhom intużaw EUR 25 miljun għall-2018 (minħabba ż-żmien meħtieġ biex jitmexxew il-proċeduri tal-akkwist u jiġu konklużi l-kuntratti) u EUR 8,33 miljun għall-2019; jinnota li l-istrateġija għall-kampanja bbażata fuq analiżi tat-tagħlimiet meħuda fl-aħħar elezzjonijiet ġiet approvata mill-Bureau f'Novembru 2017;

15.  Jissottolinja li l-proċessi ta' komunikazzjoni għall-elezzjonijiet Ewropej huma kkaratterizzati minn tliet livelli: l-aktar livell viżibbli huwa għall-partiti politiċi nazzjonali u Ewropej u għall-kandidati tagħhom, it-tieni livell huwa l-proċess mhux uffiċjali li bih il-partiti politiċi jipproponu kandidati għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni ("Spitzenkandidaten"), li ġie introdott għall-ewwel darba fl-2014, u t-tielet livell huwa l-kampanja istituzzjonali li tfakkar x'inhuwa l-Parlament, kif jaffettwa ħajjet iċ-ċittadini u għalfejn huwa importanti li wieħed jieħu sehem fl-elezzjonijiet;

16.  Jenfasizza li l-Parlament waħdu ma għandux ir-riżorsi meħtieġa biex jilħaq lill-400 miljun votant eleġibbli u għalhekk jeħtieġlu jagħmel l-aħjar użu tan-netwerks tal-multiplikaturi tiegħu stess biex isir dan; iqis li l-komunikazzjonijiet permezz tas-siti web tal-midja soċjali jenħtieġ li jaqdu wkoll rwol importanti; jirrimarka li fil-livell Ewropew, fl-2018, se tiġi organizzata serje ta' konferenzi għaċ-ċittadini u għall-partijiet interessati u li, fil-livell nazzjonali, ir-rwol tal-Uffiċċji ta' Kollegament se jkun kruċjali; ikompli jinkludi lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u r-rappreżentanti lokali u reġjonali tiegħu fl-approċċ tan-netwerking; iqis li fl-aħħar fażi qabel l-elezzjonijiet, il-partiti politiċi Ewropej u l-partiti nazzjonali se jiżvolġu rwol essenzjali flimkien, b'mod partikolari fil-qafas tal-proċess "Spitzenkandidaten"; jipproponi, għaldaqstant, li jippermettilhom iwettqu din il-missjoni b'fondi speċifikament miżjuda għall-2019;

Sigurtà u ċibersigurtà

17.  Jinnota li l-baġit għall-2019 se jinkludi wkoll pagamenti ta' investimenti sostanzjali li bdew fl-2016 bl-għan li tittejjeb b'mod sinifikanti s-sigurtà tal-Parlament; jirrimarka li dawk il-proġetti jkopru diversi oqsma, prinċipalment relatati ma' bini, jiġifieri t-titjib tas-sigurtà fil-punti ta' dħul, it-tagħmir u l-persunal, bħall-Proġett iPACS, iżda wkoll titjib fil-qasam taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-komunikazzjoni;

18.  Jilqa' l-Memorandum ta' Qbil li daħal fis-seħħ fl-2017 bejn il-Gvern Belġjan u l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-istituzzjonijiet l-oħra bbażati fi Brussell, rigward il-kontrolli tas-sigurtà tal-persunal tal-kuntratturi esterni kollha li jixtiequ jkollhom aċċess għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni; ifakkar l-appell tiegħu, fl-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-2018 tal-Parlament , lis-Segretarju Ġenerali biex iqis jekk huwiex opportun li tiġi estiża l-applikazzjoni ta' dan il-Memorandum ta' Qbil għal uffiċjali, assistenti parlamentari u trainees sabiex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki ta' sigurtà neċessarji qabel ir-reklutaġġ tagħhom; jitlob, għalhekk, lis-Segretarju Ġenerali jinforma lill-Kumitat għall-Baġits dwar l-istat ta' progress ta' dan il-fajl;

19.  Iqis li l-għodod informatiċi huma strumenti importanti għall-Membri u l-persunal biex iwettqu xogħolhom, iżda madankollu huma vulnerabbli għal attakki informatiċi; jilqa' pożittivament il-fatt, għalhekk, li jiżdiedu bi ftit l-approprjazzjonijiet previsti, filwaqt li l-istituzzjoni tkun tista' tipproteġi aħjar l-beni u l-informazzjoni tagħha billi tkompli l-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar iċ-Ċibersigurtà;

Politika immobiljari

20.  Itenni l-appell tiegħu għal proċess deċiżjonali trasparenti fil-qasam tal-politika immobiljari, abbażi ta' informazzjoni bikrija, filwaqt li jitqies kif dovut l-Artikolu 203 tar-Regolament Finanzjarju;

21.  Jinnota l-proċess ta' titjib fl-ambjenti tax-xogħol tal-Membri u tal-persunal kif deċiż mill-Bureau f'Diċembru 2017, titjib li se jkompli fl-2019 sabiex jipprovdi spazji tax-xogħol flessibbli għall-Membri biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li jirriżultaw minn tibdil fil-modalitajiet tax-xogħol, u jipprovdilhom tliet uffiċċji fi Brussell u tnejn fi Strasburgu wara l-elezzjonijiet tal-2019; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li, fi Strasburgu, ikun aktar utli li jiġu pprovduti spazji flessibbli għal-laqgħat; jinnota l-ispejjeż għall-manutenzjoni tal-bini tal-Parlament fl-2019, inklużi r-rekwiżiti għas-sigurtà u l-protezzjoni ambjentali; iqajjem dubju dwar l-ispejjeż għolja ħafna ta' ċerti żviluppi proposti, fosthom: it-tneħħija tal-Bibljoteka u l-uffiċċji relatati, ir-rinnovazzjoni tar-ristorant tal-Membri (il-binja ASP) u r-rinnovazzjoni tar-ristorant li jinsab fil-binja Churchill; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jagħti lill-Kumitat għall-Baġits kwalunkwe informazzjoni li hija relatata ma' dawk id-deċiżjonijiet qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa tal-2018, fid-dawl tal-fatt li ċerti proġetti se jkunu posposti;

22.  Iqajjem dubju dwar il-EUR 1,58 miljun ippjanati għall-istudji fir-rigward tar-rinnovazzjoni tal-binja Spaak, peress li EUR 14-il miljun diġà ġew ibbaġitjati fil-baġit għall-2018; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jagħti lill-Kumitat għall-Baġits kwalunkwe informazzjoni li hija relatata ma' dawn id-deċiżjonijiet qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa tal-2018;

23.  Jitlob aktar dettalji dwar l-istat tal-għamara fil-binja ASP ta' Brussell li jiġġustifikaw is-sostituzzjoni tagħha, u dwar il-proċedura li ġiet segwita sabiex intgħażlet l-għamara l-ġdida, b'mod partikolari dwar il-proporzjon bejn l-prezz tagħha u l-ħtieġa għal sostituzzjoni;

24.  Jieħu nota tad-definizzjoni aġġornata tal-mandat għall-Uffiċċji tal-Informazzjoni, li issa huma magħrufa bħala "Uffiċċji ta' Kollegament", skont id-Deċiżjoni tal-Bureau ta' Novembru 2017; jinnota li l-funzjoni prinċipali tal-Uffiċċji ta' Kollegament hija li jinformaw u jikkomunikaw lokalment f'isem il-Parlament b'mod politikament newtrali, sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-Unjoni u l-politiki tagħha permezz tal-attivitajiet ta' partijiet interessati esterni fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, inklużi l-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni;

25.  Josserva li l-ewwel taqsimiet tal-parti tal-Lvant tal-binja KAD il-ġdida se jiġu allokati u okkupati fi tmiem l-2018 filwaqt li l-bqija tal-uffiċċji u s-swali tal-konferenzi tal-parti tal-Lvant se jiġu okkupati progressivament matul l-2019; jinnota li direttament wara dan se jibdew ix-xogħlijiet fuq il-parti tal-Punent;

26.  Ifakkar li l-analiżi tal-QEA għall-2014 stmat li l-ispejjeż tad-dispersjoni ġeografika tal-Parlament huma EUR 114-il miljun fis-sena; jinnota wkoll li, skont ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2013 dwar is-siti tas-sedi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea(10),78 % tal-missjonijiet kollha li jsiru mill-persunal statutorju tal-Parlament huma kkawżati minn riżultat dirett tad-dispersjoni ġeografika tal-Parlament; jenfasizza li, skont ir-rapport, huwa stmat ukoll li l-impatt ambjentali tad-dispersjoni ġeografika huwa bejn il-11 000 u d-19 000 tunnellata ta' emissjonijiet ta' CO2; jenfasizza l-iffrankar potenzjali għall-baġit tal-Parlament ta' sede unika u jitlob, għalhekk, pjan direzzjonali li jwassal għal sede unika;

27.  Ifakkar l-impenn tal-Parlament favur id-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija(11) li tistabbilixxi li dan se jintrabat, "mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli tal-baġit u l-akkwist, li japplikaw l-istess rekwiżiti għall-binjiet li huma l-proprjetà tagħhom u li huma jokkupaw bħal dawk applikabbli għall-binjiet tal-gvern ċentrali tal-Istati Membri skont l-Artikoli 5 u 6" ta' dik id-Direttiva, minħabba l-viżibilità għolja tal-binjiet tiegħu u r-rwol ta' tmexxija li għandu jkollu fir-rigward tal-prestazzjoni enerġetika tal-binjiet; jissottolinja l-urġenza li l-Parlament ikun konformi ma' din id-dikjarazzjoni, biss biss għall-kredibilità tiegħu stess fir-reviżjonijiet li għaddejjin bħalissa tal-prestazzjoni enerġetika tal-binjiet u d-direttivi dwar l-effiċjenza fl-enerġija;

Kwistjonijiet relatati mal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-assistenti parlamentari akkreditati (APA)

28.  Jilqa' l-ħidma li qed iwettqu s-Segretarjat tal-Parlament, is-segretarjati tal-gruppi politiċi u l-uffiċċji tal-Membri bil-għan li l-Membri jingħataw mezzi aqwa biex jeżerċitaw il-mandati tagħhom; jinkoraġġixxi li jitkompla l-iżvilupp ta' dawk is-servizzi li jsaħħu l-kapaċità tal-Membri li jwettqu skrutinju tal-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, u li jirrappreżentaw iċ-ċittadini;

29.  Jilqa' b'mod partikolari l-kwalità li qed tiżdied aktar minn qatt qabel tal-konsulenza u tar-riċerka mogħtija lill-Membri u lill-kumitati mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) u mid-dipartimenti tematiċi; jieħu nota tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-kooperazzjoni bejn dawn iż-żewġ servizzi fornuti mis-Segretarju Ġenerali f'Ottubru 2017; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jagħti aktar informazzjoni dwar il-mod kif iż-żewġ servizzi jikkoordinaw xogħolhom bil-għan li tkun evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet u jkunu sodisfatti l-bżonnijiet tal-klijenti; jilqa' l-proġetti speċifiċi, ġodda u eżistenti, fis-settur tal-informatika, li se jiġu implimentati kompletament jew parzjalment fl-2019: il-proġett e-Parliament, il-proġett "Sistema ta' Ġestjoni Elettronika tad-Dokumenti" (ERMS - Electronic Record Management System), il-Programm Bibljoteka Diġitali Miftuħa, il-proġett il-ġdid dwar ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tat-tagħlim awtomatiku ("machine learning") b'memorji tat-traduzzjoni u l-għodda għar-reġistrazzjoni tal-parteċipanti f'konferenzi u f'avvenimenti;

30.  Ifakkar fir-riżoluzzjonijiet imsemmija hawn fuq tal-5 ta' April 2017 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2018 u tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018; itenni l-appell għal trasparenza rigward l-Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali (GEA); jistieden lill-Bureau tal-Parlament jaħdem fuq gwida aħjar fir-rigward tal-obbligu ta' rendikont tal-infiq awtorizzat skont din l-allowance, mingħajr ma jiġu ġġenerati spejjeż addizzjonali jew piż amministrattiv għall-amministrazzjoni tal-Parlament; jinnota li sistema komprensiva ta' kontroll tal-allowance tal-mandat parlamentari tal-Membri kieku jkollha bżonn minn 40 sa 75 post amministrattiv ġdid(12), li jmur kontra l-iskema ta' tnaqqis tal-persunal;

31.  Ifakkar fil-prinċipju tal-indipendenza tal-mandat; jissottolinja li hija r-responsabilità tal-Membri eletti li jużaw in-nefqa għall-attivitajiet parlamentari u li huwa possibbli li l-Membri li jixtiequ jagħmlu dan jippubblikaw ir-rendikont ta' x'nefqu fir-rigward tal-GEA fuq is-siti web personali tagħhom; jenfasizza l-fatt li s-somma ta' flus f'daqqa tintuża b'mod mifrux u hija rikonoxxuta bħala għodda utli fl-Istati Membri; jenfasizza li l-użu attwali tas-somom ta' flus f'daqqa ma jirrikjedix persunal supplimentari u ma jinvolvix kostijiet addizzjonali għall-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew u jevita li jiġu ġġenerati spejjeż jew piżijiet amministtrativi addizzjonali obbligatorji għall-Membru għall-uffiċċji tagħhom; itenni li effiċjenza u trasparenza mtejba tal-GEA ma jfissrux li tinkiser il-privatezza;

32.  Iħeġġeġ lill-grupp ta' ħidma tal-Bureau dwar il-GEA jlesti l-ħidma tiegħu sabiex ir-rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-opinjoni tal-Parlament li esprima f'Ottubru 2017 ikunu jistgħu jitqiesu qabel l-elezzjoni tad-IX leġiżlatura;

33.  Itenni l-appell tiegħu lill-Bureau biex jiżgura li d-drittijiet soċjali u tal-pensjoni tal-Membri u tal-Assistenti Parlamentari Akkreditati (APA) jiġu rrispettati, u li jsiru disponibbli l-mezzi finanzjarji adegwati; itenni t-talba tiegħu, f'dan ir-rigward, sabiex tinstab soluzzjoni prattika għal dawk l-APA li, wara li ħadmu f'żewġ leġiżlaturi mingħajr interruzzjoni fit-tmiem tal-leġiżlatura attwali, mhumiex se jkollhom dritt għall-aċċess għall-iskema Ewropea tad-drittijiet tal-pensjoni, meta dawn jilħqu l-età tal-pensjoni, peress li dawn se jkollhom xi żmien nieqes mis-servizz meħtieġ ta' għaxar snin kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal, minħabba l-elezzjonijiet bikrija fl-2014 u d-dewmien fil-validazzjoni tal-kuntratti l-ġodda tal-APA dovut għall-ammont kbir ta' xogħol matul il-perjodi ta' wara l-elezzjonijiet tal-2009; ifakkar li l-Artikolu 27(2) tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew jistabbilixxi li "[d]rittijiet miksuba u drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom"; jinnota, madankollu, l-problemi kontinwi fir-rigward tal-fond ta' pensjoni volontarju, u jitlob lill-Bureau u lis-Segretarju Ġenerali jeżaminaw il-possibilitajiet kollha sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-piż fuq il-baġit tal-Parlament;

34.  Iqis li huma xierqa l-approprjazzjonijiet tal-linja baġitarja 422 "Nefqa relatata mal-assistenza parlamentari";

35.  Jinnota r-reviżjoni tar-rati ta' allowances lill-APA mħallsa għall-missjonijiet li jagħmlu bejn it-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament; ifakkar it-talba tiegħu lill-Bureau sabiex jieħu azzjonijiet għal allinjament sħiħ bejn l-uffiċjali, aġenti oħra u l-APA mil-leġiżlatura li jmiss;

36.  Jistieden mill-ġdid lill-Konferenza tal-Presidenti, fid-dawl tal-leġiżlatura li jmiss, biex tirrevedi d-dispożizzjonijiet ta' Implimentazzjoni li jirregolaw il-ħidma tad-delegazzjonijiet u l-missjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea ; jissottolinja li tali reviżjoni għandha tqis il-possibbiltà li l-APA, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jakkumpanjaw lill-Membri f'Delegazzjonijiet u f'Missjonijiet uffiċjali tal-Parlament;

37.  Jistieden lill-Bureau jemenda d-deċiżjoni tal-Bureau tad-19 ta' April 2010 dwar regoli li jikkonċernaw it-trainees tal-Membri sabiex jiżgura r-remunerazzjoni deċenti ta' trainees; jisħaq fuq il-fatt li r-remunerazzjoni tat-trainees fl-uffiċċji tal-Membri jew fil-gruppi politiċi, jenħtieġ li, minn tal-inqas, tkopri l-ispejjeż tal-għajxien fi Brussell, jew fil-belt fejn isiru t-traineeships;

38.  Jemmen li għandu jkun hemm disponibbli finanzjament xieraq għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għall-adattament ta' miżuri ta' appoġġ preventivi u bikrija biex jindirizzaw il-kunflitti u l-fastidju bejn il-Membri u l-APA jew membri oħra tal-persunal;

Kwistjonijiet relatati mal-persunal

39.  Inaqqas 59 post mit-tabella tal-persunal tas-Segretarjat Ġenerali tiegħu għall-2019 (objettiv li jitnaqqas il-persunal b'1 %), bi qbil mal-ftehim tal-14 ta' Novembru 2015 li ntlaħaq mal-Kunsill rigward il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, u li skont dan il-ftehim il-miżuri għat-tnaqqis annwali tal-persunal fil-Parlament għandhom ikomplu sal-2019;

40.  Jemmen li, fi żmien meta r-riżorsi finanzjarji u tal-persunal disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni aktarx se jsiru dejjem aktar limitati, huwa importanti li l-istituzzjonijiet infushom ikunu kapaċi jirreklutaw u jżommu lill-persunal l-aktar kapaċi biex jindirizzaw l-isfidi kumplessi futuri b'mod li jkun konsistenti mal-prinċipji ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni;

41.  Iqis li sal-ferjat minħabba l-elezzjonijiet, il-Parlament se jaffaċċja sitwazzjoni unika li tirriżulta mill-koinċidenza tal-għaġla tat-tmiem normali tal-leġiżlatura flimkien mal-pakkett kumpless ta' proposti leġiżlattivi tal-QFP, il-Brexit, u l-għadd dejjem akbar ta' trilogi; iqis li sabiex il-Parlament u l-Kumitati tiegħu jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet prinċipali, huwa fundamentali li jkompli jiġi żgurat livell xieraq ta' riżorsi loġistiċi u umani;

42.  Jagħti mandat lis-Segretarju Ġenerali biex jibni fuq il-ftehimiet eżistenti ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew; li fir-rigward ta' dan l-EPRS huwa eżempju pożittiv ħafna; jitlob li jiġu identifikati żoni li jinkludu, iżda li mhumiex limitati biss għas-servizzi tal-IT u s-sigurtà, fejn jistgħu jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-funzjonijiet amministrattivi permezz tal-esperjenza tal-Parlament u taż-żewġ korpi u billi jitqiesu bi sħiħ id-diffikultajiet ta' governanza u d-differenzi f'termini ta' skala biex jiġu żviluppati ftehimiet ta' kooperazzjoni ġusti; jitlob ukoll lis-Segretarju Ġenerali jwettaq studju dwar is-sinerġiji possibbli fil-funzjonijiet u s-servizzi amministrattivi li jistgħu jinħolqu ma' istituzzjonijiet oħra;

43.  Jitlob li ssir valutazzjoni tal-iffrankar u tal-benefiċċji għal kull parti li tirriżulta mill-ftehim interistituzzjonali ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Parlament, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali kemm dwar l-oqsma soġġetti għas-Servizzi Konġunti u l-oqsma soġġetti għall-kooperazzjoni, kif ukoll dwar il-potenzjal tal-iffrankar u l-benefiċċji ta' ftehmiet futuri possibbli ma' istituzzjonijiet u aġenziji oħra;

44.  Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE(13); huwa tal-fehma li r-riżoluzzjoni hija pass importanti lejn ġlieda aktar effikaċi kontra l-fastidju sesswali u kwalunkwe tip ta' mġiba mhux xierqa fl-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha, inkluż il-Parlament; jitlob li jiġu allokati riżorsi adegwati sabiex jiġu implimentati t-talbiet tar-riżoluzzjoni;

Kwistjonijiet oħra

45.  Jinnota l-prattika kontinwa li jintuża "t-trasferiment ta' tlaqqit" (ramassage) ta' tmiem is-sena bħala kontribut għall-proġetti immobiljari attwali; jenfasizza, abbażi taċ-ċifri għas-snin 2014, 2015, 2016 u 2017, li t-"t-trasferiment ta' tlaqqit" ta' tmiem is-sena jsir sistematikament fuq l-istess kapitoli u titoli u, bi ftit eċċezzjonijiet, eżattament fuq l-istess linji; jistaqsi, madankollu, jekk hemmx valwazzjoni żejda pprogrammata għal dawk il-kapitoli u l-linji sabiex jiġu ġġenerati fondi għall-finanzjament tal-politika baġitarja;

46.  Iqajjem dubji dwar il-ħtieġa li jiġu installati kuffji u webcams fl-uffiċċji fi Brussell u Strasburgu għall-assistenti parlamentari kollha, minkejja l-fatt li l-maġġoranza tagħhom lanqas biss talbuhom; iqajjem dubji, għalhekk, fir-rigward tal-ispejjeż ta' tali deċiżjoni u r-raġunijiet għalfejn din ittieħdet; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jagħti lill-Kumitat għall-Baġits kwalunkwe informazzjoni li hija relatata ma' dik id-deċiżjoni;

47.  Jinnota li r-restrizzjonijiet fuq aċċess għaż-żoni tal-forniment tal-ikel tal-Parlament tneħħew fl-1 ta' Jannar 2017; jaċċetta l-prattika li kull min jaħdem fil-binjiet tal-Parlament jew jaċċedi għall-binjiet tiegħu għal laqgħa interistituzzjonali jistà jmur jiekol fil-kantins u fir-ristoranti tal-Parlament; jinnota, madankollu, li l-aċċess għas-self-service ASP fi Brussell u s-self-service LOW fi Strasburgu sar ikkumplikat ħafna minħabba l-preżenza ta' kuljum ta' gruppi ta' viżitaturi; jitlob, għalhekk, li b'mod rapidu jerġgħu jibdew isiru kontrolli fid-daħla ta' dawk iż-żewġ servizzi self-services, mhux għall-Membri u l-persunal ta' istituzzjonijiet oħra, iżda sabiex gruppi ta' viżitaturi jerġgħu jiġu orjentati b'mod sistematiku lejn iż-żoni tar-ristoranti riżervati għalihom;

48.  Jinnota d-djalogu kontinwu bejn il-Parlament u l-parlamenti nazzjonali; jisħaq il-ħtieġa li għandna mmorru lil hinn mill-qafas eżistenti tal-Ġimgħa Parlamentari Ewropea sabiex ikun hemm sinerġiji permanenti fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-parlamenti nazzjonali; jappella biex dan id-djalogu jissaħħaħ b'mod li jiġi żviluppat fehim aħjar tal-kontribut tal-Parlament u tal-Unjoni fl-Istati Membri;

49.  Jitlob għall-aġġornament taċ-Ċentru Medjatiku Ewropew tax-Xjenza, adottat fil-baġit għall-2018, u għal kooperazzjoni mal-istazzjonijiet televiżivi, il-midja soċjali u sħab oħra sabiex jiġu stabbiliti skopijiet ta' taħriġ għall-ġurnalisti żgħażagħ, speċjalment fir-rigward ta' żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ġodda u ta' aħbarijiet ibbażati fuq il-fatti u rieżaminati bejn il-pari;

50.  Jilqa' l-isforzi tal-Parlament immirati biex jinkoraġġixxi l-mobilità sostenibbli;

51.  Jistieden lill-Parlament jadotta approċċ ekosostenibbli u jagħmel il-maġġor parti ta' kwalunkwe attività li ssir fi ħdan il-Parlament ekokompatibbli;

52.  Jilqa' l-fatt li nħoloq grupp ta' ħidma dwar il-mobilità li għandu jaħdem b'mod inklużiv u jkollu mandat ċar; jissottolinja li l-Parlament għandu jikkonforma mal-liġijiet applikabbli reġjonali kollha fil-postijiet tax-xogħol, inkluż f'dak il-qasam tal-mobilità; jirrakkomanda l-promozzjoni tal-użu tal-konnessjoni ferrovjarja diretta stabbilita bejn is-sit tal-Parlament fi Brussell u l-ajruport; jistieden lis-servizzi responsabbli jevalwaw mill-ġdid il-kompożizzjoni u d-daqs tal-flotta tal-vetturi tiegħu f'dan l-isfond; jistieden lill-Bureau jistabbilixxi mingħajr dewmien skema ta' inċentivi għall-promozzjoni tal-użu tar-roti għat-traġitt bejn id-dar u l-post tax-xogħol; jinnota li tali skema diġà hija stabbilita f'istituzzjonijiet oħra bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

53.  Jappella lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau biex inisslu kultura ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni fl-amministrazzjoni kollha tal-Parlament, u approċċ ta' ġestjoni razzjonalizzata sabiex tiżdied l-effiċjenza u jitnaqqsu d-dokumentazzjoni u l-burokrazija fil-qafas tal-ħidma interna tal-istituzzjoni; jisħaq fuq il-fatt li l-esperjenza ta' ġestjoni razzjonalizzata hija t-titjib kontinwu tal-proċedura tal-ħidma bis-saħħa tas-semplifikazzjoni u l-esperjenza tal-persunal amministrattiv;

o
o   o

54.  Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2019;

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0114.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0408.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0458.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0172.
(9) Testi adottati mill-Bureau, PE 113.116/BUR./rev. XXVI/01-04-2009.
(10) Testi adottati, P7_TA(2013)0498.
(11) Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0150.
(13) Test adottat: P8_TA(2017)0417.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza