Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (2018/2666(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (COM(2017)0211),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Settembru 2016, "Id-dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti"(1),
– wara li kkunsidra l-paragrafu 44 tal-Kummenti Ġenerali Nru 21 (2017) dwar tfal f'sitwazzjonijiet tat-triq tal-21 ta' Ġunju 2017 mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(2),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE tas-6 ta’ Marzu 2017 għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal: Ma Neskludu lill-Ebda Tifel jew Tifla,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(5),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' April 2018 fil-Kawża C-550/16, A u S vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie, EU:C:2018:248(6),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (O-000031/2018 – B8‑0016/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, skont l-UNICEF, huwa stmat li hemm madwar 5.4 miljun tifel u tifla migranti li qegħdin jgħixu fl-Ewropa(7); billi skont l-aħħar ċifri mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR), fl-2017 32 039 tifel u tifla waslu fil-Greċja, fl-Italja, fi Spanja u fil-Bulgarija; billi 46 % minn dawn kienu tfal mhux akkumpanjati jew mifrudin (UASC), filwaqt li l-54 % l-oħra kienu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom jew persuni oħra li jieħdu ħsiebhom; billi mill-1 ta' Settembru 2016, ġie rrapportat li 821 tifel u tifla kienu f'detenzjoni f'disa' Stati Membri; billi l-maġġoranza tal-Istati Membri la jipprovdu u lanqas jiġbru b'mod sistematiku data dwar it-tfal migranti f'detenzjoni(8);
B. billi sena mill-pubblikazzjoni tagħhom fit-12 ta' April 2017, l-Istati Membri għadhom qegħdin jiffaċċjaw sfidi biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti;
C. billi n-nuqqas ta' informazzjoni affidabbli, kif ukoll it-tul tal-proċeduri tar-riunifikazzjoni tal-familji u l-għoti tal-kustodju, flimkien mal-biża' mid-detenzjoni, milli jintbagħtu lura jew jiġu trasferiti, qed iwasslu biex it-tfal jaħarbu u b'hekk ikunu esposti għat-traffikar, għall-vjolenza u għall-isfruttament;
D. billi n-nuqqas ta' servizzi ta' protezzjoni tat-tfal u attivitajiet għat-tfal fil-postijiet ta' akkoljenza għandu impatt detrimentali fuq is-saħħa mentali tat-tfal;
E. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal jesiġu li "l-aħjar interessi tat-tfal" ikunu l-kunsiderazzjoni primarja tal-azzjonijiet kollha li jaffettwaw lit-tfal;
F. billi skont l-aħħar riċerka komparattiva(9), l-Istati Membri qegħdin jintegraw tfal li jfittxu asil fi skejjel b'ritmi differenti, u f'xi każijiet wara aktar minn tliet xhur minn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal asil, filwaqt li tfal ta' età akbar jiffaċċjaw problemi partikolari;
G. billi skont Rapport tal-2016 tal-Bażi tad-Data tal-Informazzjoni dwar l-Asil, l-aċċess għall-proċeduri ta' asil ta' spiss huwa problematiku u jista' jwassal għal aktar dewmien sinifikanti(10);
H. billi xi Stati Membri għadhom qegħdin jiffaċċjaw sfidi fil-valutazzjonijiet tal-età u fil-protezzjoni tat-tfal li ma japplikawx għal asil;
I. billi rapport reċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) dwar il-wasliet ta' migranti sfruttati sesswalment jistma li 80 % tal-bniet li jaslu min-Niġerja permezz tar-rotta tal-Mediterran Ċentrali – li żdiedu minn 1 454 fl-2014 għal 11 009 fl-2016 – huma l-vittmi potenzjali tat-traffikar għal sfruttament sesswali; billi l-Istati Membri qegħdin jiltaqgħu ma' diffikultajiet sabiex jidentifikaw u jappoġġaw lill-bniet vittmi tat-traffikar u l-isfruttament sesswali;
J. billi l-apolidija fit-tfulija toħloq sfidi serji fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk iddewwem il-proċess biex jiġi determinat l-istatus tat-tfal fl-Unjoni Ewropea, li b'hekk iċaħħad lit-tfal minn aċċess għal servizzi u drittijiet bażiċi;
1. Jissottolinja l-fatt li t-tfal kollha, irrispettivament mill-istatus tagħhom ta' migrant jew rifuġjat, huma l-ewwel u qabel kollox intitolati għad-drittijiet kollha mnaqqxa fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
2. Tassew jemmen li l-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri biex jadottaw u jimplimentaw kif adatt approċċ olistiku bbażat fuq id-drittijiet fil-politiki kollha relatati mat-tfal;
3. Jisħaq fuq l-importanza tat-tfassil ta' pjan individwali bbażat fuq il-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi oħra ta' kull tifel u tifla, filwaqt li jitqies il-fatt li l-kwalità tal-ħajja u l-benessri tat-tfal jeħtieġu wkoll integrazzjoni bikrija, sistema ta' appoġġ komunitarju u opportunità li jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom; huwa tal-fehma li dan l-approċċ wera l-effikaċja tiegħu biex jevita li jintilfu t-tfal;
4. Jappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal għad-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal, irrispettivament mill-istatus tagħhom;
5. Jisħaq li l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar id-drittijiet, il-proċeduri u l-opportunitajiet ta' protezzjoni tat-tfal għandha tkun disponibbli għat-tfal b'mod familjari għat-tfal u sensittiv għall-ġeneru u b'lingwa li huma jifhmu; jistieden lill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil jassisti lill-Istati Membri fil-produzzjoni ta' materjal ta' akkoljenza adegwat biex jinforma lit-tfal;
6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iħaffu l-proċeduri biex jinħatru kustodji jew kustodji temporanji għat-tfal mhux akkumpanjati wara l-wasla tagħhom;
7. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li t-tfal kollha jkollhom aċċess għal uffiċjali għall-protezzjoni tat-tfal mal-wasla tagħhom, inkluż fil-hotspots, fil-faċilitajiet li jospitaw it-tfal u fil-punti tad-dħul fil-fruntieri;
8. Jappella lill-Istati Membri biex jiggarantixxu li kulħadd, u b'mod partikolari t-tfal mhux akkumpanjati, ikollhom aċċess għal akkomodazzjoni u kura tas-saħħa dinjitużi, u biex jiżguraw aċċess sħiħ għal edukazzjoni formali u inklużiva bl-istess kundizzjonijiet tat-tfal ċittadini, inklużi l-miżuri preparatorji bħal-lezzjonijiet tal-lingwa, sabiex jiġi żgurat li t-tfal jintegraw fis-soċjetajiet ospitanti għad-durata sħiħa tal-preżenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru;
9. Ifakkar li t-tfal mhux akkumpanjati għandhom jiġu ospitati f'faċilitajiet separati mill-adulti sabiex jiġi evitat kull riskju ta' vjolenza u abbuż sesswali;
10. Jappella biex tingħata prijorità lir-rilokazzjoni tal-kumplament tat-tfal mhux akkumpanjati mill-Greċja u l-Italja li huma eliġibbli fl-ambitu tad-deċiżjonijiet tal-UE dwar ir-rilokazzjoni; jappella biex ikunu hemm fis-seħħ strutturi sabiex titkompla r-rilokazzjoni tat-tfal mill-Istat Membru tal-wasla meta dan ikun fl-aħjar interess tagħhom;
11. Jagħraf ir-rwol essenzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li, minkejja riżorsi limitati, huma involuti direttament fl-akkoljenza u l-integrazzjoni ta' tfal migranti; jappella lill-Istati Membri biex joħolqu l-kapaċità u jallokaw riżorsi adegwati għall-akkoljenza ta' tfal migranti, b'mod partikolari tfal mhux akkumpanjati;
12. Jappella lill-Istati Membri biex jallokaw fondi adegwati u kontinwi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, u biex jiżguraw aċċess għall-finanzjament Ewropew, bħall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF);
13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipproċedu bil-proċeduri kollha pendenti tar-riunifikazzjoni tal-familji mingħajr aktar dewmien;
14. Jenfasizza li t-tfal m'għandhomx jinżammu f'detenzjoni għal finijiet ta' immigrazzjoni u jappella lill-Istati Membri biex jakkomodaw lit-tfal u l-familji bit-tfal kollha f'postijiet mingħajr kustodja bbażati fil-komunità filwaqt li jkun qiegħed jiġi pproċessat l-istatus tal-immigrazzjoni tagħhom;
15. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri f'każijiet ta' detenzjoni tal-immigrazzjoni mtawla u sistematika tat-tfal u l-familji tagħhom, sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-drittijiet fundamentali tat-tfal;
16. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jinvestu b'mod urġenti f'appoġġ u riabilitazzjoni psikoloġika u psikjatrika sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tas-saħħa mentali tat-tfal;
17. Jissottolinja l-importanza li tiġi stabbilita sistema ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni robusta bbażata fuq l-aħjar interessi tat-tfal, sabiex jiġi żgurat li t-tfal jidħlu u jibqgħu fis-sistemi nazzjonali ta' protezzjoni, b'approċċ iffokat fuq it-tfal tul il-proċedura kollha, f'konformità sħiħa mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jenfasizza li l-Istati Membri m'għandhomx jużaw il-forza biex jieħdu d-data bijometrika tat-tfal;
18. Jappella lill-Istati Membri biex jikkondividu l-aħjar prattiki dwar il-proċeduri ta' valutazzjoni tal-età bil-ħsieb li jiġu stabbiliti standards għoljin għall-proċess ta' valutazzjoni tal-età madwar l-UE; jisħaq li l-eżamijiet mediċi fuq it-tfal għandhom isiru b'mod li ma jkunx intrużiv u jirrispetta d-dinjità tat-tfal;
19. Jappella lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex iżidu l-isforzi u l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-protezzjoni tat-tfal sabiex jinstabu u jiġu protetti t-tfal mitlufa, filwaqt li jiżguraw li l-aħjar interessi tat-tifel jew tifla dejjem ikunu l-kunsiderazzjoni ewlenija;
20. Jikkundanna l-fenomenu persistenti u mifrux tal-apolidija fit-tfulija; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw li l-apolidija fit-tfulija tiġi indirizzata b'mod adegwat fil-liġijiet nazzjonali f'konformità sħiħa mal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
21. Jagħraf il-progress li sar mill-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar in-Netwerk tal-UE tal-Kustodja u jappella lill-Istati Membri biex jappoġġawh;
22. Jisħaq li l-atturi kollha li jaħdmu mat-tfal ma għandux ikollhom reġistru kriminali verifikat, speċjalment fir-rigward ta' kwalunkwe delitt jew reat relatat mat-tfal; jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ kontinwu u adegwat dwar id-drittijiet u l-ħtiġijiet ta' minuri mhux akkumpanjati, inkluż dwar kwalunkwe standard applikabbli tas-salvagwardja tat-tfal;
23. Jappella lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom, inkluża l-kooperazzjoni transfruntiera, sabiex jidentifikaw it-tfal vittmi ta' traffikar, abbuż u l-forom kollha ta' sfruttament u biex jiżguraw l-istess aċċess lill-vittmi tfal kollha għas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi; jirrikonoxxi li teżisti kwistjoni partikolari dwar l-isfruttament tal-bniet għall-prostituzzjoni;
24. Jisħaq li l-ħolqien ta' rotot ġodda sikuri u legali jippermettu lill-Unjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw aħjar il-bżonnijiet ta' protezzjoni, b'mod partikolari għat-tfal, u jtellfu l-mudell kummerċjali tal-kuntrabandisti;
25. Jirrikonoxxi l-kontribut umanitarju li jingħata minn għadd ta' NGOs nazzjonali u Ewropej, fosthom dawk li jwettqu operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ, favur l-aħjar interessi tat-tfal;
26. Jappella lill-Istati Membri biex, bħala kwistjoni urġenti, iżidu l-isforzi għal indirizzar konġunt tad-diversi forom ta' kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tat-tfal, jiġġieldu l-impunità, u jiżguraw li l-awturi ta' dawn id-delitti, huma jew mhumiex ċittadini tal-UE, jitressqu l-qorti malajr kemm jista' jkun;
27. Jemmen li d-drittijiet tat-tfal migranti għandhom jingħataw prijorità fil-perjodu ta' wara l-Baġit 2020, fid-dawl tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti, tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u tas-sett ta' għodod tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-integrazzjoni ta' persuni bi sfond ta' migrazzjoni;
28. Jappella lill-Istati Membri biex iżidu l-kooperazzjoni transfruntiera, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni bejn is-servizzi differenti fi ħdan l-Istati Membri, sabiex jitneħħew in-nuqqasijiet u jiġi żgurat li s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal ikunu adegwati u mhux frammentati;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.
‘#Backtoschool' mill-Global Progressive Forum, il-Migration Policy Group u n-netwerk dwar il-Politika Ewropea SIRIUS, www.globalprogressiveforum.org/backtoschool