Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rigward in-negozjati dwar il-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì (2018/2018(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 36, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni eżistenti bejn ir-Repubblika taċ-Ċilì u l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-tnedija, fis-16 ta' Novembru 2017, tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċilì dwar ftehim ta' assoċjazzjoni modernizzat,
– wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Kunsill, fit-13 ta' Novembru 2017, tad-direttivi ta' negozjati għal dan il-ftehim,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-25 laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-UE u ċ-Ċilì tat-22 ta' Jannar 2018,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati rigward il-modernizzazzjoni tal-pilastru tal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Amerika Latina(2),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-CELAC tal-11 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Equality, rights and democratic participation for the peoples of Europe and Latin America and the Caribbean" (Ugwaljanza, drittijiet u parteċipazzjoni demokratika għall-popli tal-Ewropa, u tal-Amerika Latina u l-Karibew),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 108(4) u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0158/2018),
A. billi ċ-Ċilì u l-UE huma magħquda b'valuri kondiviżi u b'relazzjonijiet kulturali, ekonomiċi u politiċi mill-qrib;
B. billi ċ-Ċilì u l-UE huma sħab mill-qrib fl-indirizzar ta' sfidi reġjonali u globali, bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà internazzjonali, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza globali;
C. billi ċ-Ċilì huwa difensur qawwi tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, tal-kummerċ ħieles u miftuħ, u tal-multilateraliżmu; billi huwa wkoll membru ewlieni tal-Alleanza tal-Paċifiku, tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), u tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR), kif ukoll pajjiż b'introjtu għoli u membru tal-OECD;
D. billi ċ-Ċilì kien attur ewlieni fi kwistjonijiet reġjonali, pereżempju bħala pajjiż garanti fil-proċess ta' paċi Kolombjan u fit-taħditiet ta' Santo Domingo bejn il-Gvern Venezwelan u l-oppożizzjoni; billi ċ-Ċilì rtira mit-taħditiet Venezwelani peress li l-kundizzjonijiet minimi għall-elezzjonijiet presidenzjali demokratiċi u n-normalizzazzjoni istituzzjonali ma ntlaħqux;
E. billi Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni għall-parteċipazzjoni taċ-Ċilì f'operazzjonijiet tal-UE dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet ilu fis-seħħ minn Jannar 2014; billi ċ-Ċilì jipparteċipa fil-EUFOR ALTHEA fil-Bożnija-Ħerzegovina kif ukoll f'għadd ta' operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi tan-NU, li jirriflettu l-impenn tiegħu favur il-paċi u s-sigurtà globali;
F. billi l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali reċenti wrew għal darb'oħra n-natura stabbli u matura tad-demokrazija Ċilena; billi ċ-Ċilì gawda minn tkabbir ekonomiku qawwi u kien waħda mill-aktar ekonomiji bi tkabbir rapidu tal-Amerika t'Isfel matul dawn l-aħħar deċenji; billi l-isforzi ta' riforma fil-pajjiż għadhom għaddejjin;
G. billi d-dekriminalizzazzjoni reċenti tal-abort, taħt ċerti ċirkostanzi, uriet żieda fil-ftuħ tas-soċjetà Ċilena lejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet;
H. billi fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2016, iċ-Ċilì jitqiegħed fil-kategorija "żvilupp tal-bniedem għoli ħafna" u jikklassifika ruħu bħala l-ewwel pajjiż Latin Amerikan u n-numru 38 fid-dinja, qabel seba' Stati Membri tal-UE;
I. billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni eżistenti bejn l-UE u ċ-Ċilì kien strumentali għall-approfondiment tar-relazzjonijiet politiċi u għaż-żieda sostanzjali tal-flussi tal-kummerċ u tal-investiment; billi rispett kontinwu għall-istat tad-dritt u qafas ġuridiku u politiku stabbli jippermettu sew liċ-Ċilì u sew lill-UE li jeżerċitaw intraprenditorija ħielsa u jrawmu ambjent ta' investiment adegwat li jinkludi s-salvagwardja tal-prinċipju taċ-ċertezza tad-dritt;
J. billi l-UE u ċ-Ċilì kkonkludew aktar ftehimiet ambizzjużi u komprensivi ma' sħab oħra f'dawn l-aħħar snin; billi l-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì għalhekk għandha l-potenzjal li tapprofondixxi b'mod sinifikanti r-relazzjonijiet eżistenti, inklużi relazzjonijiet fl-oqsma tal-affarijiet barranin u tas-sigurtà;
K. billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni futur bejn l-UE u ċ-Ċilì jrid jirrifletti bis-sħiħ in-natura trasformattiva tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030 u r-rwol tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);
L. billi Ftehim ta' Assoċjazzjoni aġġornat, flimkien mal-ftehimiet li qed jiġu attwalment innegozjati (mill-ġdid) mal-Messiku u l-Mercosur, isaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala alleat ewlieni tal-Amerika Latina, fi żmien meta atturi oħra, bħaċ-Ċina u r-Russja, qed jippruvaw dejjem aktar jiksbu influwenza fir-reġjun;
M. billi l-Kumitat Parlamentari Konġunt (KPK) UE-Ċilì esprima ripetutament l-appoġġ tiegħu għall-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-aktar reċentement fid-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fil-25 laqgħa tiegħu tat-22 ta' Jannar 2018;
1. Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ):
Prinċipji ġenerali
(a)
li b'mod konsiderevoli jsaħħu l-kooperazzjoni bejn iċ-Ċilì u l-UE, sħab li jaħsbuha l-istess f'ambjent ta' inċertezza ġdida fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali, abbażi tal-valuri kondiviżi tagħna u l-prinċipji tad-demokrazija, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-iżgurar tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
(b)
li jiżguraw li l-ftehim immodernizzat maċ-Ċilì jkun ambizzjuż, komprensiv u bbilanċjat, u li jwassal għal benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini, għan-negozji u għall-ekonomiji taż-żewġ naħat; li jiżguraw li l-ftehim ikun minn ta' quddiem fost il-ftehimiet l-aktar avvanzati li l-UE qatt ikkonkludiet ma' pajjiżi terzi;
(c)
li jsaħħu d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-kooperazzjoni UE-Ċilì fid-dawl tal-istrateġija tad-drittijiet tal-bniedem UE-Ċilì 2016-2020; li jinkludu impenn konġunt għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u d-drittijiet tal-minoranzi, bħall-komunità LGBTI u l-popli indiġeni b'mekkaniżmi infurzabbli għall-monitoraġġ, ir-rapportar regolari u s-soluzzjoni tat-tilwim; li ċ-Ċili jitħeġġeġ isib soluzzjoni għall-kwistjonijiet mal-poplu nattiv Mapuche u ma' popli indiġeni oħra; li l-prattika tal-inklużjoni ta' klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem tkompli fil-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni futuri kollha; li jkomplu d-djalogu regolari bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar id-drittijiet tal-bniedem, bl-għan li jsaħħu l-qafas istituzzjonali u l-politiki pubbliċi li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz ta' kooperazzjoni multilaterali;
(d)
li ċ-Ċilì jitħeġġeġ jiżgura proċess ġuridiku korrett u proċedimenti ġuridizzjarji ġusti b'konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali;
(e)
li fil-mira jkun hemm it-trawwim tal-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli, il-ġlieda kontra l-faqar u t-tnaqqis tal-livell ta' inugwaljanza fid-dawl tal-impenn taċ-Ċilì li jilħaq l-SDGs fil-qafas tal-Aġenda 2030;
(f)
li ċ-Ċilì jingħata sostenn fit-titjib tal-istandards edukattivi u tal-programmi edukattivi, u li jiżgura li l-persuni bl-iktar dħul baxx ikollhom aċċess għall-edukazzjoni għolja; li jsaħħu r-rabta bejn l-universitajiet u s-suq tax-xogħol, inaqqsu d-diskrepanza tal-ħiliet u jippromwovu l-impjiegi fost iż-żgħażagħ;
(g)
li jsaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet soċjali u ambjentali, u jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-eliminazzjoni tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal;
Multilateraliżmu u kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali
(h)
li jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni fir-rigward tal-isfidi reġjonali u globali, bħall-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-drogi, iż-żieda fl-inugwaljanza, il-migrazzjoni, it-terroriżmu u t-tibdil fil-klima, inkluża l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; li jagħtu sostenn lill-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u jistabbilixxu mekkaniżmi ta' riammissjoni, inkluż għal persuni apolidi u għal ċittadini minn pajjiżi terzi;
(i)
li jfakkru l-importanza tal-aġenda multilaterali u li kwalunkwe negozjar bilaterali m'għandux idgħajjef l-ambizzjoni li jinkiseb progress multilaterali;
(j)
li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-multilateraliżmu u l-kooperazzjoni internazzjonali sabiex tiġi promossa s-sigurtà internazzjonali u jindirizzaw l-isfidi globali b'mod effettiv; li jsaħħu l-koordinazzjoni dwar il-pożizzjonijiet meħuda miż-żewġ naħat f'organizzazzjonijiet u f'fora internazzjonali;
(k)
li ċ-Ċilì jitħeġġeġ ikompli jinkoraġġixxi skemi ta' integrazzjoni u ta' kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari l-Alleanza tal-Paċifiku, fid-dawl tar-riżultati inkoraġġanti tiegħu bħala mutur reali u attiv tal-integrazzjoni ekonomika bejn il-membri tar-reġjun, iżda wkoll tal-UNASUR u tal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC); li jeżaminaw il-possibbiltà li l-UE tikseb status ta' osservatur fi ħdan l-Alleanza tal-Paċifiku;
Djalogu politiku u kooperazzjoni
(l)
li jipprovdu djalogu regolari u sinifikanti dwar il-kwistjonijiet kollha ta' rilevanza, li jibni fuq formati eżistenti kif ukoll jestendihom; li jimmobilizzaw riżorsi disponibbli permezz tal-Istrument ta' Sħubija (PI) bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi strateġiċi;
(m)
li jipprovdu kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża, b'mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni ta' kunflitti, il-ġestjoni tal-kriżijiet, is-sigurtà marittima, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni; li jippermettu l-parteċipazzjoni msaħħa taċ-Ċilì fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) tal-UE;
(n)
li jippermettu aktar kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità, u aktar kooperazzjoni għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-kriminalità transkonfinali, mingħajr ma jiddgħajfu l-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali; li jieħdu azzjoni fil-kuntest tal-ġlieda globali kontra t-terroriżmu permezz tat-tisħiħ ta' mekkaniżmi, ta' miżuri u ta' korpi għall-kooperazzjoni globali u reġjonali fir-rispett tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
(o)
li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa; li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa kif ukoll standards ta' trasparenza li jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-partijiet li jimplimentaw standards internazzjonali fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;
(p)
li jfakkru li l-korruzzjoni ddgħajjef id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali, il-kummerċ u l-kompetizzjoni ġusta, u li b'hekk jixxekkel it-tkabbir ekonomiku; li jinkludu taqsimiet speċifiċi li jiddeskrivu l-impenji u l-miżuri ċari u qawwija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-suriet kollha tagħha, u li jimplimentaw standards internazzjonali u konvenzjonijiet multilaterali kontra l-korruzzjoni;
(q)
li jiffaċilitaw il-mobilità bejn l-UE u ċ-Ċilì; li jjsaħħu l-iskambji ta' żgħażagħ u ta' studenti, il-programmi ta' boroż ta' studju u l-korsijiet ta' taħriġ, inkluż permezz tal-programm Erasmus+; li jagħmlu aktar sforzi lejn ir-rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-kwalifiki akkademiċi u lejn il-modernizzazzjoni, l-aċċessibbiltà u l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja;
(r)
li jippromwovu t-trasferiment tal-għarfien xjentifiku u teknoloġiku u jżidu l-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-kooperazzjoni, bl-użu sħiħ tal-programmi eżistenti, bħal Orizzont 2020;
(s)
li jippromwovu u jsaħħu r-relazzjonijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali, li jibnu fuq il-Memorandum ta' Qbil dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali ffirmat fl-2015; li joħolqu mekkaniżmi innovattivi li jwessgħu u jsaħħu l-kooperazzjoni triangulari u reġjonali ma' partijiet terzi fi ħdan l-Amerika Latina u lil hinn minnha permezz ta' programmi bħall-EUROsociAL+ u l-Euroclima+, u l-kooperazzjoni dwar il-politiki marbuta mad-droga;
(t)
li jiżviluppaw metodoloġija li turi l-effetti tal-ftehim modernizzat fuq l-irġiel u n-nisa u li r-riżultati tagħha jintużaw bħala bażi għat-tfassil ta' politiki biex jinkiseb bilanċ bejn is-sessi;
(u)
li jaffermaw mill-ġdid l-impenn konġunt favur il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u favur l-Aġenda 2030, u li jipprevedu kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar il-protezzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; li jsaħħu s-sħubija fir-rigward tal-kooperazzjoni teknika u politika f'oqsma ambjentali ewlenin, inklużi l-emissjonijiet tas-CO2 fit-trasport internazzjonali, il-konservazzjoni tal-bijodiveristà, kif ukoll il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli; li jħeġġu l-kooperazzjoni msaħħa dwar l-ekonomija ċirkolari sabiex jitjiebu l-effiċjenza tar-riżorsi, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, l-ekoinnovazzjoni u l-ġestjoni tal-ilma; li jżidu s-sostenn għal proġetti li jtaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima;
(v)
li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-iżvilupp u dwar l-użu tal-programm Copernicus tal-UE fil-qasam tad-data satellitari ta' osservazzjoni tad-dinja għal skopijiet ambjentali;
(w)
li jrawmu l-kooperazzjoni kulturali u li jagħtu sostenn lid-dijaspora sew fiċ-Ċilì u sew fl-UE, bl-objettiv li jingħata sostenn lill-investimenti barranin kemm fl-UE kif ukoll fiċ-Ċilì;
(x)
li jaffermaw mill-ġdid li l-aċċess għall-ilma huwa dritt tal-bniedem;
Dispożizzjonijiet istituzzjonali
(y)
li jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jinbena fuq parteċipazzjoni parlamentari b'saħħitha, filwaqt li jsaħħu d-dispożizzjonijiet u l-mekkaniżmi kurrenti ta' kooperazzjoni biex ikun hemm aktar input u skrutinju tal-implimentazzjoni tiegħu, b'mod partikolari permezz tal-format interparlamentari eżistenti tal-KPK; li jipprevedu l-possibbiltà li l-KPK jitlob l-informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
(z)
li jiżguraw l-involviment adegwat tas-soċjetà ċivili sew matul in-negozjati u sew fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż iżda mhux limitat għall-Kumitat Konsultattiv Konġunt; jisħaq dwar il-bżonn li jkun stabbilit mekkaniżmu istituzzjonali li jippermetti djalogu politiku li jippermetti l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fiż-żewġ reġjuni;
(aa)
li l-Parlament jinżamm informat immedjatament u totalment fl-istadji kollha tan-negozjati, f'konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE; dan jinkludi li l-Parlament jingħata t-testi u l-minuti tan-negozjati ta' kull ċiklu ta' negozjati; jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Jannar 2018 li jiġi ppubblikat il-mandat ta' negozjar mogħti lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ f'Novembru 2017;
(ab)
li l-pubblikazzjoni riċenti tad-direttivi ta' negozjati titqies bħala preċedent importanti u li jittieħed l-impenn li d-direttivi ta' negozjati kollha għall-ftehimiet internazzjonali futuri jiġu ppubblikati;
(ac)
li jħaffu n-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bil-għan li tkun permessa r-ratifika tiegħu mill-Parlament qabel it-tmiem tal-leġiżlatura Ewropea kurrenti;
(ad)
li jiżguraw ir-rispett, fil-livelli kollha, għall-prattika stabbilita li l-ftehim il-ġdid ma jiġix applikat proviżorjament sakemm il-Parlament ma jkunx ta l-approvazzjoni tiegħu;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika taċ-Ċilì.