Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO (2017/2276(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,
– wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tat-28 ta' Ġunju 2016, tal-15 ta' Diċembru 2016, tad-9 ta' Marzu 2017, tat-22 ta' Ġunju u tal-15 ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2015 u tal-14 ta' Novembru 2016 dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, u tas-6 ta' Diċembru 2016 dwar il-kooperazzjoni UE-NATO, tas-6 ta' Marzu, tat-18 ta' Mejju 2017 u tas-17 ta' Lulju 2017 dwar l-Istrateġija Globali tal-UE, u tad-19 ta' Ġunju 2017 u tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO tas-6 ta' Diċembru 2016,
– wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-8 ta' Lulju 2016 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO, il-ġabra komuni ta' 42 proposta li ġew approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016, u r-rapporti ta' progress tal-14 ta' Ġunju 2017 u tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll is-sett ġdid ta' 32 proposta li ġew approvati miż-żewġ Kunsilli fil-5 ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin (inkluża d-difiża), li saru fit-13 ta' Novembru 2017 u fis-6 ta' Marzu 2018, li jirrigwardaw speċifikament il-kooperazzjoni UE-NATO,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tal-10 ta' Novembru 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Intejbu l-Mobbiltà Militari fl-Unjoni Ewropea" (JOIN(2017)0041) u l-Pjan ta' Azzjoni assoċjat ippreżentat f'Marzu 2018 (JOIN(2018)0005),
– wara li kkunsidra l-pakkett għad-difiża ppreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO għall-2017, maħruġ fil-15 ta' Marzu 2018,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 439 tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO (NATO PA) tad-9 ta' Ottubru 2017 dwar il-kooperazzjoni aktar mill-qrib UE-NATO ,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 440 tan-NATO AP tad-9 ta' Ottubru 2017 dwar il-bażi industrijali tad-difiża Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rapport tat-8 ta' Ottubru 2017 tal-Kumitat għad-Difiża u s-Sigurtà tan-NATO AP dwar il-kooperazzjoni UE-NATO wara Varsavja, inkluż l-anness tiegħu b'kontribut tal-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar, "L-UE f'ambjent globali jinbidel – dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa"(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 u tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK)(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 u tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar "L-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0188/2018),
A. billi l-valuri tagħna, bħad-demokrazija liberali, il-multilateraliżmu, id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi, l-iżvilupp u l-istat ta' dritt, li fuqhom huma msejsa l-UE u r-rabta transatlantika, kif ukoll is-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u l-għaqda u l-koeżjoni Ewropea, jinsabu fi żmien fejn qegħdin jaffrontaw kemm sfidi ġeopolitiċi kif ukoll degradazzjoni rapida tal-ambjent strateġiku;
B. billi ż-żewġ organizzazzjonijiet ewlenin tal-Punent, l-UE u n-NATO, qegħdin iwettqu progress fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom sabiex jindirizzaw sfidi, riskji u theddid kumplessi, kemm konvenzjonali kif ukoll ibridi, li joriġinaw minn atturi statali u mhux statali prinċipalment min-Nofsinhar u mil-Lvant; billi l-akkumulazzjoni ta' kriżijiet, li qegħdin jiddestabbilizzaw il-viċinat Ewropew, toħloq kemm theddid intern kif ukoll estern għas-sigurtà; billi l-ebda waħda miż-żewġ organizzazzjonijiet m'għandha l-mezzi kollha biex tindirizza dawn l-isfidi kollha għas-sigurtà waħidha u t-tnejn ikunu f'pożizzjoni aħjar li jindirizzawhom jekk jikkooperaw flimkien; billi l-UE u n-NATO huma indispensabbli sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha;
C. billi l-kooperazzjoni UE-NATO m'għandhiex titqies bħala għan fiha nnifisha iżda mezz li bih jinkisbu l-prijoritajiet u l-għanijiet kondiviżi dwar is-sigurtà permezz tal-komplementarjetà tal-missjonijiet u tal-mezzi disponibbli; billi l-Istati Membri tal-UE u l-alleati tan-NATO għandhom ġabra waħda ta' forzi; billi flimkien jistgħu jagħmlu użu effiċjenti mir-riżorsi u jimmobilizzaw b'mod aktar effettiv firxa kbira ta' strumenti eżistenti bħala reazzjoni għall-isfidi għas-sigurtà;
D. billi n-NATO hija alleanza militari u l-UE mhijiex; billi l-UE hija attur strateġiku globali u tipprovdi sigurtà bil-firxa unika u varjata ta' strumenti u għodod għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tindirizza l-isfidi attwali b'mod komprensiv permezz tad-diversi politiki tagħha; billi, skont l-objettivi u fid-dawl tal-Istrateġija Globali, l-UE qiegħda ssaħħaħ ir-responsabbiltà tagħha għas-sigurtà u d-difiża proprja u r-rwol tagħha bħala sieħeb għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kif ukoll il-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod awtonomu, filwaqt li ssaħħaħ ukoll il-kontribut tagħha għan-NATO u trawwem kooperazzjoni msaħħa;
E. billi n-NATO għandha r-responsabbiltà ewlenija għad-difiża kollettiva tal-membri tagħha; filwaqt li jieħu nota tal-linja gwida tan-NATO sabiex l-alleati jonfqu 2 % tal-PDG tagħhom fuq id-difiża fi żmien għaxar snin sabiex tinżamm kapaċità ta' difiża adatta; billi n-NATO, bħala s-sieħba ewlenija tas-sigurtà tal-UE, għadha garanzija essenzjali għall-interoperabilità tal-kapaċitajiet tal-forzi alleati u għall-koerenza tal-isforzi ta' akkwist tagħhom;
F. billi l-azzjonijiet tal-UE u tan-NATO għandhom ikunu komplementari fid-dimensjoni tas-sigurtà sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi ġodda, mingħajr preċedent u multidimensjonali għas-sigurtà; billi l-oqsma komuni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet jirrikjedu wkoll kooperazzjoni aktar mill-qrib u effiċjenti;
G. billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO, li huma involuti fil-ġestjoni tal-kriżijiet, jistgħu jkunu aktar effiċjenti f'din l-attività li kieku kellhom jaġixxu b'mod tassew ikkoordinat u jisfruttaw kemm jistgħu l-għarfien espert u r-riżorsi tagħhom; billi, bħala segwitu għall-Istrateġija Globali tal-UE, l-UE qiegħda ssaħħaħ l-approċċ konġunt tagħha għall-konflitti u l-kriżijiet esterni, kif ukoll tirrispondi għat-theddid u l-isfidi fir-rabta interna-esterna tas-sigurtà b'mezzi ċivili jew militari;
H. billi waqt is-Summit tan-NATO f'Varsavja fl-2016, l-Alleanza u l-UE indikaw l-oqsma għal kooperazzjoni msaħħa fid-dawl tal-isfidi komuni fil-Lvant u fin-Nofsinhar, inklużi l-ġlieda kontra t-theddid ibridu, it-tisħiħ tar-reżiljenza, il-bini tal-kapaċitajiet ta' difiża, iċ-ċiberdifiża, is-sigurtà marittima u l-eżerċizzji; billi f'Diċembru 2016, 42 miżura għall-avvanz tal-kooperazzjoni NATO-UE f'oqsma maqbula ġew approvati mill-ministri għall-affarijiet barranin tan-NATO u f'Diċembru 2017 intlaħaq qbil dwar aktar oqsma ta' ħidma konġunta;
I. billi hemm bżonn ta' sħubija UE-NATO fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu, inkluż fil-ġlieda kontra l-misinformazzjoni u d-diżinformazzjoni u t-tqawwija tar-reżiljenza; billi hemm bżonn distinzjoni ċara fir-rigward tal-mandat u l-istrateġiji politiċi taż-żewġ istituzzjonijiet;
J. billi hemm żieda kbira fl-attivitajiet min-naħa tar-Russja; billi, filwaqt li jippersisti r-riskju ta' dgħufija fir-rabta transatlantika u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE, l-approċċ komuni u strateġiku tagħhom fir-rigward tar-Russja jrid jissaħħaħ; billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO huma mħassba dwar l-imġiba militari aktar assertiva tar-Russja; billi l-manipulazzjoni politika u l-attakki ċibernetiċi huma wkoll sorsi ta' tħassib; billi l-UE rreaġiet għall-indħil tar-Russja fl-affarijiet interni Ewropej bi ksur tad-dritt u n-normi internazzjonali; billi r-reżiljenza hija, u se tibqa', element ewlieni tad-difiża kollettiva;
K. billi l-Viċinat tan-Nofsinhar qiegħed jiffaċċja instabilità mingħajr preċedent u jirrappreżenta sfida strateġika importanti kemm għall-Istati Membri tal-UE kif ukoll għall-membri tan-NATO, speċjalment dawk li jinsabu fil-fruntiera;
L. billi l-attakki ċibernetiċi qegħdin isiru dejjem aktar komuni u aktar sofistikati; billi fl-2014 in-NATO stabbiliet iċ-ċiberdifiża bħala parti mill-kompiti ċentrali tal-Alleanza għad-difiża kollettiva u fl-2016 irrikonoxxiet iċ-ċiberspazju bħala dominju operattiv flimkien mal-art, l-ajru u l-baħar; billi l-UE u n-NATO jistgħu jikkomplementaw l-isforzi ta' xulxin; billi għandha tiġi promossa kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà u, f'dan il-qasam irid ikun hemm approċċ ikkoordinat mill-Istati Membri kollha tal-UE;
M. billi f'Diċembru 2017 in-NATO u l-UE ddeċidew li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu billi primarjament iżidu l-iskambju tal-informazzjoni u jtejbu r-reżiljenza nazzjonali;
N. billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO jużaw l-istess infrastruttura ta' trasport fl-Ewropa, fattur ċentrali għall-iskjerament rapidu tal-militar, u billi dan l-aħħar il-mobbiltà militari ġiet identifikata bħala prijorità fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;
O. billi, skont l-aktar stħarriġ reċenti tal-Pew Research Center, l-appoġġ pubbliku għan-NATO huwa wieħed sod u qiegħed jiżdied fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tan-NATO;
Sħubija aktar sostantiva
1. Huwa konvint li l-UE u n-NATO għandhom l-istess valuri sabiex jinkisbu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, jiffaċċjaw sfidi strateġiċi simili u, minħabba 22 sħubija sovrastanti tal-membri, għandhom interessi konverġenti fir-rigward tas-sigurtà u tad-difiża, inkluża l-protezzjoni taċ-ċittadini tagħhom kontra kull theddid; iqis li s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija fundamentali sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi għas-sigurtà; jissottolinja li l-kooperazzjoni UE-NATO għandha tkun komplementari u tirrispetta l-ispeċifiċitajiet u r-rwoli reċiproċi;
2. Jissottolinja li l-ftuħ u t-trasparenza bir-rispett sħiħ tal-awtonomija u l-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet, kif ukoll l-inklużività u r-reċiproċità mingħajr preġudizzju għan-natura speċifika tal-politika dwar is-sigurtà u d-difiża ta' kull Stat Membru, huma prinċipji importanti tas-sħubija strateġika UE-NATO; jenfasizza li l-kooperazzjoni ma' Stati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO u membri tan-NATO li mhumiex membri tal-UE hija parti integrali mill-kooperazzjoni UE-NATO;
3. Huwa konvint li għall-membri tagħha, in-NATO hija l-pedament tad-difiża u d-deterrenza kollettiva fl-Ewropa; huwa konvint ukoll li UE aktar b'saħħitha b'PSDK aktar effettiva, permezz ta' diversi proġetti bejn l-Istati Membri, u li kapaċi tonora d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li permezz tiegħu l-Istati Membri jistgħu jitolbu assistenza, tikkontribwixxi għal NATO aktar b'saħħitha; jissottolinja l-fatt li l-kooperazzjoni UE-NATO trid tikkunsidra wkoll il-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' dawk is-sitt Stati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO u ta' dawk is-seba' membri tan-NATO li mhumiex membri tal-UE;
4. Jemmen bil-qawwa li r-risponsi effettivi għall-ispettru sħiħ ta' sfidi ta' sigurtà jirrikjedu viżjoni strateġika, adattament strutturali ulterjuri, kif ukoll taħlita ta' strumenti ta' saħħa formali u informali kemm għall-UE kif ukoll għan-NATO; jissottolinja li ż-żmien huwa fattur essenzjali fit-tisħiħ tas-sħubija UE-NATO, meta jitqiesu d-differenzi bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;
5. Jinnota li, filwaqt li għandha tiġi żviluppata kultura strateġika komuni Ewropea, il-kisba ta' perċezzjoni komuni għat-theddid ikollha impatt pożittiv; huwa tal-fehma li l-Unjoni jeħtiġilha taħdem biex issaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha; għaldaqstant, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE biex isibu, f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE, fehim kondiviż tal-ambjent tat-theddid li qiegħed jevolvi u jkomplu bl-isforzi bħat-tgħarrif konġunt, it-taħriġ ta' rispons għall-emerġenzi ċivili u l-valutazzjonijiet kondiviżi tat-theddid; jilqa' l-isforzi reċenti f'dik id-direzzjoni;
6. Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jirrikonoxxu li r-reazzjonijiet purament nazzjonali għat-terroriżmu u n-nuqqas ta' sigurtà mhumiex biżżejjed, jistennew lill-UE tipproteġihom minn dan it-theddid u li kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO tippermetti lill-Istati Membri jkunu aktar komplementari u aktar effettivi;
7. Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni UE-NATO fuq missjonijiet u operazzjonijiet, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll f'dak tattiku;
8. Jisħaq li s-sħubija strateġika UE-NATO hija fundamentali wkoll għat-tibdil fil-PSDK tal-UE, u għall-futur tal-Alleanza, kif ukoll għar-relazzjonijiet UE-Renju Unit wara l-Brexit;
9. Iqis li l-potenzjal tar-relazzjonijiet UE-NATO jista' jiġi sfruttat aktar u li żviluppi u approfondiment ulterjuri tas-sħubija ma għandhomx ikunu limitati għal rispons komuni għall-kriżijiet barra l-Ewropa, partikolarment fil-viċinat, iżda anke għall-kriżijiet fil-kontinent;
10. Jissottolinja l-bżonn li ssir ħidma konġunta dwar il-prevenzjoni, l-analiżi u t-twissija bikrija permezz ta' kondiviżjoni effettiva tal-informazzjoni bit-tir li t-theddid emerġenti jiġi miġġieled permezz ta' azzjonijiet komuni;
11. Iqis li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO u l-azzjonijiet ta' implimentazzjoni sussegwenti jirrappreżentaw fażi ġdida u sostantiva tas-sħubija strateġika; jilqa' r-riżultati tanġibbli fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta, partikolarment fir-rigward tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, il-komunikazzjonijiet strateġiċi, il-koerenza tar-riżultati fil-proċessi rispettivi tal-ippjanar tad-difiża u l-kooperazzjoni marittima; jinkoraġġixxi aktar progress u jilqa' l-ġabra ġdida ta' azzjonijiet li ġew miżjuda fil-5 ta' Diċembru 2017, b'mod partikolari dawk rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-mobbiltà militari u n-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jilqa' l-bidla fil-kultura ta' involviment kif ukoll il-funzjonament mingħajr xkiel tal-kooperazzjoni bejn il-persunal fl-implimentazzjoni ta' kull azzjoni; itenni li għalkemm il-proċess innifsu huwa rregolat minn istituzzjonijiet, is-suċċess tal-implimentazzjoni ta' għanijiet u azzjonijiet komuni maqbula jiddependi fuq ir-rieda politika kontinwa tal-Istati Membri kollha; jilqa' f'dan il-kuntest l-involviment ukoll tal-Membri kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO u jenfasizza li l-implimentazzjoni b'suċċess tad-Dikjarazzjoni Konġunta tiddependi fuq ir-rieda politika kontinwa tal-Istati Membri kollha; iqis li huwa importanti li jissaħħu kooperazzjoni u djalogu aħjar UE-NATO u li jiġu żgurati rieda politika u riżorsi xierqa għall-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni u t-titjib ulterjuri tal-kooperazzjoni; jistenna b'interess l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni l-ġdida UE-NATO waqt is-Summit tan-NATO fi Brussell fil-11-12 ta' Lulju 2018;
12. Jinnota t-tgħarrif regolari komuni mwassal mill-VP/RGħ u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO fil-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE u fil-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NAC) tan-NATO, rispettivament, u l-kontinwazzjoni tal-laqgħat regolari bejn il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u n-NAC;
13. Jilqa' l-affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn mill-Istati Uniti lejn in-NATO u s-sigurtà Ewropea; ifakkar il-fatt li l-UE u l-Istati Uniti huma sħab internazzjonali ewlenin u li din is-sħubija teżisti wkoll permezz tan-NATO; jissottolinja l-valur tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati Uniti; jemmen bis-sħiħ li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni UE-NATO ssaħħaħ r-rabta transatlantika u li l-kapaċità tan-NATO li twettaq il-missjonijiet tagħha hija marbuta mar-relazzjoni transatlantika; jinnota, għaldaqstant, li l-iżviluppi politiċi reċenti jista' jkollhom impatt fuq is-saħħa tar-relazzjoni transatlantika; jinnota li l-Istati Uniti, li normalment jinkoraġġixxu u jilqgħu l-iżviluppi sostantivi fid-difiża tal-UE, għandhom ikomplu bl-isforzi għal fehim aħjar tal-interessi strateġiċi Ewropej, inkluż fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża Ewropej; jenfasizza li l-isforzi tal-UE biex tikseb awtonomija strateġika jsaħħu l-ambjent tas-sigurtà tal-Alleanza;
14. Jilqa' l-Enhanced Forward Presence tan-NATO fuq il-fruntiera tal-Lvant tan-NATO; jilqa' l-iskjerament minn NATO ta' erba' gruppi tattiċi multinazzjonali fl-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja, immexxija, rispettivament, mir-Renju Unit, il-Kanada, il-Ġermanja u l-Istati Uniti; iqis li, għas-sigurtà taż-żewġ organizzazzjonijiet, għandha tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni UE-NATO fuq il-fruntiera tal-Lvant u tan-Nofsinhar u li l-penetrazzjoni Russa anke fil-pajjiżi fuq il-fruntiera tal-Lvant, b'mezzi ibridi jew konvenzjonali, għandha tiġi evitata u jkun hemm reżistenza għaliha kif adattat; jissottolinja li l-infrastruttura attwali fl-Ewropa, li hija prinċipalment orjentata lejn il-Punent, għandha tiġi kkomplementata bl-iżvilupp ta' dimensjoni ġdida bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, li tissodisfa r-rekwiżiti tal-mobbiltà militari; jisħaq li l-isforzi dwar il-mobbiltà militari għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u għall-pożizzjoni difensiva tal-Alleanza; iqis li t-toroq, il-pontijiet u l-linji ferrovjarji għandhom jiġu modernizzati sabiex jippermettu l-iskjerament rapidu tal-persunal u t-tagħmir militari;
15. Jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tat-titjib tal-kapaċitajiet ta' tisħiħ rapidu tan-NATO permezz tat-titjib tal-infrastruttura tal-UE u dik nazzjonali, it-tneħħija tal-ostakli burokratiċi u infrastrutturali għall-moviment rapidu tal-forzi u bl-istazzjonament antiċipat tat-tagħmir u l-provvisti militari, li jtejbu s-sigurtà kollettiva tagħna;
16. Jilqa' t-tnedija tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO); jisħaq fuq il-potenzjal tagħha li ssaħħaħ il-kontribut tal-UE fi ħdan in-NATO; jemmen li din tista' żżid is-sinerġiji u l-effikaċja, u li huwa pass kruċjali għat-titjib tas-sigurtà u l-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE kif ukoll il-prestazzjoni potenzjali tal-membri Ewropej fin-NATO, u huwa konvint li UE u NATO aktar b'saħħithom isaħħu lil xulxin;
17. Jenfasizza l-komplementarjetà tal-PESCO għan-NATO u li għandha tkun xprun għal aktar kooperazzjoni UE-NATO fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet billi din tfittex li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE u, b'mod ġenerali, biex il-PSDK issir aktar effikaċi u rilevanti sabiex tirrispondi għall-isfidi attwali tas-sigurtà u ta' dawk militari; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u tal-komunikazzjoni dwar il-PESCO mal-Istati Uniti u ma' membri oħra tan-NATO sabiex jiġu evitati ideat żbaljati;
18. Jissottolinja li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO li jmiss għandha tinsisti li l-kapaċitajiet żviluppati fuq livell multinazzjonali mill-Istati Membri tal-UE, inkluż fl-ambitu tal-PESCO, u mill-membri tan-NATO jkunu disponibbli kemm għall-operazzjonijiet tal-UE kif ukoll għal dawk tan-NATO; jenfasizza li d-deċiżjonijiet reċenti mill-UE (Rieżami Annwali Kkoordinat dwar id-Difiża (CARD), PESCO, Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) maħsuba biex jiżguraw li l-Ewropej jieħdu responsabbiltà akbar għas-sigurtà tagħhom, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tan-NATO kif ukoll għall-iżgurar ta' kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet transatlantiċi, filwaqt li jitqies l-objettiv li flimkien jindirizzaw l-isfidi komuni għas-sigurtà, jevitaw duplikazzjoni bla bżonn u jiżviluppaw kapaċitajiet ta' difiża koerenti, komplementari u interoperabbli; iqis li l-iżvilupp ta' standards komuni, proċeduri, taħriġ u eżerċizzji għandu jitqies bħala faċilitatur importanti għal kooperazzjoni UE-NATO aktar effiċjenti;
19. Jinnota li wara l-Brexit, 80 % tal-infiq tan-NATO fid-difiżamhux se jkun mill-UE u li tlieta minn erba' brigati fil-Lvant se jitmexxew minn pajjiżi mhux tal-UE;
20. Iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO biex jorganizzaw eżerċizzji regolari fil-livell strateġiku bil-parteċipazzjoni tal-mexxejja strateġiċi prinċipali taż-żewġ organizzazzjonijiet; jilqa', f'dan ir-rigward, l-eżerċizzju Estonjan EU CYBRID 2017 fejn, għall-ewwel darba, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO pparteċipa f'eżerċizzju tal-UE;
Oqsma ewlenija ta' Kooperazzjoni
21. Jinnota li t-theddid għas-sigurtà sar aktar ibridu u anqas konvenzjonali, u li hemm bżonn ta' kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi indirizzat dan it-theddid; jistieden lill-UE u lin-NATO jkomplu l-bini ta' reżiljenza u jiżviluppaw għarfien sitwazzjonali kondiviż tat-theddid ibridu; iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO jikkoordinaw il-mekkaniżmi ta' rispons għall-kriżijiet tagħhom sabiex jipprovdu risponsi koerenti għat-theddid ibridu; jilqa' l-inawgurazzjoni konġunta reċenti taċ-Ċentru ta' Eċċellenza Ibrida ibbażata f'Helsinki mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u l-VP/RGħ u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE joħolqu Ċentri ta' Eċċellenza Ibrida abbażi tal-eżempju taċ-ċentru f'Helsinki; jilqa' f'dan ir-rigward, l-eżerċizzji separati iżda paralleli, PACE17 u CMX17, li saru fl-2017 u li permezz tagħhom il-persunal tal-UE u tan-NATO ittestjaw rispettivament il-proċeduri rispettivi tagħhom għall-komunikazzjoni u għall-iskambju ta' informazzjoni matul l-iżvolġiment ta' theddida ibrida fittizja; ifaħħar l-azzjoni konkreta mill-alleati tal-Punent bħala reazzjoni għall-attakk kimiku Russu suspettat fir-Renju Unit;
22. Iqis li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO li jmiss għandha tilqa' l-progress li sar u tappella għall-implimentazzjoni prattika tal-proposti kollha adottati miż-żewġ istituzzjonijiet; jemmen li hemm bżonn ta' aktar sforzi rigward l-implimentazzjoni tad-diversi impenji li diġà ttieħdu;
23. Jemmen, f'dan il-kuntest, li l-inizjattivi biex tissaħħaħ l-Ewropa tad-Difiża għandhom ikunu ta' benefiċċju għaż-żewġ organizzazzjonijiet, li b'hekk jippermetti li l-Istati Membri tal-UE jsaħħu l-awtonomija strateġika tagħhom u jkunu jistgħu jintervjenu flimkien militarment b'mod li jkun kredibbli; ifakkar li dawn l-inizjattivi huma komplementari għal dawk tan-NATO;
24. Iqis li huwa importanti wkoll li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' inklużività, reċiproċità u rispett sħiħ tal-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet, kif previst fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2017;
25. Jilqa' l-Eżerċizzju Parallel u Koordinat tal-UE ta' Maniġġar ta' Kriżijiet tal-2017 li kien ta' suċċess u li pprovda pjattaforma utli għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jistenna b'interess li jeżamina l-esperjenzi misluta kif ukoll il-kontinwazzjoni tal-kooperazzjoni fl-eżerċizzji konġunti bejn l-UE u n-NATO, inkluż l-eżerċizzju mmexxi mill-UE ppjanat fl-2018;
26. Jinnota li l-proċeduri attwali għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni klassifikata bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet għadhom kumplessi u ineffiċjenti; jikkunsidra li ż-żewġ organizzazzjonijiet jiffaċċjaw sfidi strateġiċi simili u, għaldaqstant, se jiffaċċjaw il-konsegwenzi flimkien; jemmen li – bil-bini ta' fiduċja reċiproka – il-kooperazzjoni fl-iskambju ta' informazzjoni klassifikata u l-analiżi tal-intelligence jridu jitjiebu, inkluż fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza li l-UE se jkollha żżid il-kapaċità tagħha billi tipprovdi aktar persunal tal-UE li jkollu approvazzjoni tas-sigurtà, taħriġ iddedikat għal ħidma fuq informazzjoni klassifikata u investiment f'komunikazzjonijiet siguri; huwa tal-opinjoni li t-trawwim tar-reċiproċità u approċċ ibbażat fuq "ħtieġa għal kondiviżjoni" fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni xierqa jkun ta' benefiċċju wkoll għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet; huwa tal-fehma li l-Valutazzjoni b'mod Parallel u Kkoordinat tal-Intelligence tista' tintuża biex it-theddid ibridu jiġi miġġieled flimkien b'mod aktar effettiv;
27. Jistieden lill-UE u lin-NATO jsaħħu l-kooperazzjoni ta' bejniethom fir-rigward tal-komunikazzjoni strateġika, inkluż bit-tisħiħ tas-sħubija bejn iċ-Ċentru ta' Eċċellenza għall-Komunikazzjonijiet Strateġiċi tan-NATO u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) diviżjoni StratCom;
28. Jilqa' ċ-Ċellola ta' Fużjoni l-ġdida tal-UE kontra t-Theddid Ibridu u l-interazzjoni tagħha maċ-Ċellola ta' Analiżi Ibrida tan-NATO fil-kondiviżjoni tal-għarfien sitwazzjonali kif ukoll bl-iskambju tal-analiżi ta' theddid ibridu potenzjali;
29. Huwa konvint li l-kooperazzjoni kif ukoll l-iskambju u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni huma kruċjali fil-qasam taċ-ċibersigurtà u jirrikonoxxi l-progress li sar f'dan il-qasam; jisħaq fuq il-bżonn li jitjiebu l-prevenzjoni, id-detezzjoni u r-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi; jappella liż-żewġ organizzazzjonijiet sabiex jikkoordinaw l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħhom kif ukoll l-iskambju ta' data relatata maċ-ċiberdifiża, fejn xieraq, biex b'hekk jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' intelligence UE-NATO; jinkoraġġixxi lill-UE u lin-NATO jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni operattiva u jrawmu l-interoperabbiltà bil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar mezzi, metodi u proċessi, użati għall-attribuzzjoni tal--attakki ċibernetiċi; iqis li ż-żieda fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-UE u n-NATO hija prijorità sabiex tkun possibbli l-identifikazzjoni tas-sorsi responsabbli għall-attakki ċibernetiċi u sabiex jitwettqu l-azzjonijiet legali konsegwenti; iqis li huwa importanti wkoll li jiġu armonizzati l-attivitajiet ta' taħriġ u li jkun hemm kooperazzjoni fir-Riċerka u t-Teknoloġija fid-dominju ċibernetiku; jilqa' l-arranġament bejn l-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters tal-UE u l-Kapaċità ta' Rispons f'Inċidenti relatati mal-Kompjuters tan-NATO; jemmen li fi ħdan il-mandat il-ġdid tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), l-attivitajiet ġodda relatati mal-kooperazzjoni fiċ-ċiberdifiża jistgħu jkunu ta' interess għan-NATO;
30. Iqis li huwa importanti li tkun żgurata l-komplementarjetà u tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn tal-isforzi għall-bini ta' kapaċità marittima sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà marittima b'mod aktar effiċjenti; jilqa' ż-żieda fil-kooperazzjoni u fil-koordinazzjoni operattivi UE-NATO, inkluża l-kondiviżjoni tal-għarfien tas-sitwazzjoni abbażi tal-esperjenzi miksuba fil-Mediterran u l-Qarn tal-Afrika, biex b'hekk ikun hemm aktar opportunitajiet għal appoġġ loġistiku reċiproku u skambju tal-informazzjoni bejn il-persunal taż-żewġ organizzazzjonijiet dwar l-attivitajiet operattivi, inklużi attivitajiet relatati mal-migrazzjoni irregolari;
31. Jilqa' l-kooperazzjoni tattika u operattiva msaħħa, inkluż permezz ta' rabtiet diretti bejn tal-Kmand Marittimu Alleat tan-NATO u l-Frontex, kif ukoll bejn l-Operazzjoni Sea Guardian u EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia, li jgħinu lill-UE u l-missjonijiet tagħha sabiex titrażżan il-migrazzjoni irregolari u jiġu miġġielda netwerks ta' traffikar illegali, inkluż it-traffikar illegali tal-armi; jinnota li fuq talba n-NATO tista' tipprovdi appoġġ loġistiku u kapaċitajiet oħrajn bħar-riforniment tal-fjuwil fuq il-baħar kif ukoll appoġġ mediku; jinnota li dan huwa r-riżultat tal-kooperazzjoni UE-NATO, bejn l-Operazzjoni Ocean Shield u EUNAVFOR Operazzjoni Atalanta, fil-ġlieda kontra l-piraterija 'l barra mill-Qarn tal-Afrika;
32. Jinkoraġġixxi sinerġiji ulterjuri UE-NATO f'dan il-qasam kif ukoll titjib ieħor, partikolarment fil-koordinazzjoni tal-intelligence, tas-sorveljanza u tal-isforzi ta' rikonjizzjoni (ISR);
33. Itenni li l-inizjattivi tal-UE mmirati għat-tisħiħ tas-sigurtà u tad-difiża Ewropea għandhom jgħinu wkoll biex jiżguraw li dawk l-Istati Membri tal-UE li huma membri tan-NATO jissodisfaw l-impenji tagħhom tan-NATO; iqis li li tkun Stat Membru tal-UE kif ukoll membru tan-NATO m'għandha tkun ta' detriment għal ebda stat; bl-istess mod, jisħaq li dawk l-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO għandu jkollhom obbligi differenti fir-rigward tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża; jisħaq li l-Istati Membri tal-UE għandu jkollhom il-kapaċità jniedu missjonijiet militari awtonomi f'ċirkostanzi meta n-NATO ma tkunx disposta taġixxi jew fejn l-azzjoni tal-UE tkun aktar xierqa;
34. Jilqa' l-kontinwazzjoni tat-tendenza ta' żieda fl-infiq marbut mad-difiża fost il-membri tan-NATO; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tal-UE li huma wkoll membri tan-NATO biex jagħmlu progress sostantiv lejn il-kisba ta' 2 % tal-PDG fuq id-difiża, b'20 % jkun fuq tagħmir prinċipali ġdid; iqis li l-Istati Membri tal-UE, impenjati jissodisfaw il-linji gwida tan-NATO dwar l-infiq għad-difiża, għandhom jikkunsidraw l-allokazzjoni ta' somma speċifika, fi ħdan il-linja gwida, ta' 20 % fuq l-akkwist, lejn ir-riċerka u l-iżvilupp sabiex jiggarantixxu li jkun hemm nefqa minima għall-innovazzjoni, li tista' tirriżulta f'teknoloġiji li jintużaw ukoll għas-settur ċivili;
35. Ifakkar lill-membri fl-appell tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO ta' Varsavja sabiex "jiffaċilitaw industrija tad-difiża aktar b'saħħitha u aktar riċerka fil-qasam tad-difiża"; jemmen bis-sħiħ li l-membri tal-UE u tan-NATO jeħtieġ jikkooperaw u jfittxu sinerġiji dwar it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-bażi teknoloġika u industrijali tagħhom sabiex jirrispondu għall-prijoritajiet tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari permezz tar-rieżami annwali koordinat dwar id-difiża u l-proċess tal-ippjanar tad-difiża tan-NATO; iqis li huwa importanti li kooperazzjoni teknoloġika u industrijali, li tkun effettiva u bilanċjata dwar id-difiża transatlantika, għandha tkun prijorità strateġika għaż-żewġ organizzazzjonijiet; jappoġġa l-miżuri previsti skont l-EDF bħala sosteniment għall-attivitajiet konġunti ta' riċerka u ta' żvilupp tal-kapaċitajiet Ewropej; iqis li impenn akbar fir-rigward tar-riċerka u l-ippjanar tal-kapaċitajiet jista' jwassal għal aktar effiċjenza;
36. Itenni l-bżonn li tiġi żgurata l-koerenza tal-eżiti u tal-iskedi ta' żmien bejn ir-Rieżami Annwali Koordinat tal-UE dwar id-Difiża, il-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet u l-proċessi rispettivi tan-NATO, bħall-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża tan-NATO; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-inizjattivi multinazzjonali fl-iżvilupp tal-kapaċità kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO jkunu komplementari u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; jissottolinja li l-kapaċitajiet użati fil-PSDK u żviluppati fl-ambitu tal-PESCO jibqgħu proprjetà tal-Istati Membri, li jistgħu jagħmluhom disponibbli wkoll għal oqfsa oħra;
37. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu indirizzati, f'kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO, l-ostakli fiżiċi u legali għall-moviment veloċi u rapidu tal-persunal u l-assi militari fi ħdan u lil hinn mill-UE sabiex jiġi żgurat, fejn meħtieġ, moviment bla xkiel tat-tagħmir u l-forzi madwar l-Ewropa, inkluża l-utilità tal-infrastruttura kritika bħat-toroq, il-pontijiet u r-rotot ferrovjarji, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni ppreżentat mill-VP/RGħ u l-Kummissjoni abbażi tal-pjan direzzjonali żviluppat fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jfittxu jagħmlu segwitu u jużaw il-momentum miksub s'issa; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kapaċitajiet ta' difiża kompatibbli biex jiġu ffaċilitat l-iskjerament u l-kooperazzjoni madwar l-UE u n-NATO; jirrakkomanda lill-UE u lin-NATO biex jindirizzaw ukoll il-mobbiltà ta' forzi tan-NATO li mhumiex fl-UE fi ħdan it-territorju Ewropew;
38. Iqis li l-UE u n-NATO għandhom jaħdmu aktar biex iqawwu r-reżiljenza, id-difiża u s-sigurtà tal-ġirien u tas-sħab taż-żewġ organizzazzjonijiet; jappoġġa bil-qawwa l-fatt li l-assistenza lill-pajjiżi ġirien u sħab għall-bini tal-kapaċitajiet tagħhom u għat-trawwim tar-reżiljenza, inklużi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-komunikazzjoni strateġika, iċ-ċiberdifiża, il-ħżin ta' munizzjon u r-riforma tas-settur tas-sigurtà, huma objettiv komuni, partikolarment fi tliet pajjiżi pilota (il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Moldova u t-Tuneżija);
39. Ifakkar li huwa fl-interess kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO biex jindirizzaw kwistjonijiet ta' sigurtà kemm fil-Balkani tal-Punent kif ukoll fil-Viċinat tal-UE u jikkooperaw f'ċerti oqsma partikolari; jilqa' l-isforzi tal-UE u tan-NATO biex jipprovdu appoġġ politiku u prattiku lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; jissuġġerixxi li l-Istati Membri tal-UE jkomplu b'dawn l-isforzi sabiex jiżguraw kontinwazzjoni tal-iżvilupp demokratiku u tar-riforma tas-settur tas-sigurtà; jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija kruċjali biex jiġi indirizzat it-theddid għas-sigurtà tal-kontinent kollu;
40. Jisħaq fuq l-importanza tal-prinċipji minquxa fid-Dokument ta' Vjenna, b'mod partikolari l-prinċipju tal-aċċess miftuħ u t-trasparenza; jilqa' f'dan ir-rigward l-aċċess miftuħ li għandhom l-osservaturi internazzjonali għall-eżerċizzji militari u l-eżerċizzji konġunti tal-UE u tan-NATO;
41. Itenni r-rwol importanti tan-nisa fil-missjonijiet tal-PSDK u tan-NATO, b'mod partikolari fit-trattament tan-nisa u t-tfal fiż-żoni ta' kunflitt; jilqa' l-fatt li kemm l-UE kif ukoll in-NATO għarfu dan ir-rwol importanti; jirrakkomanda li l-UE u n-NATO jippromwovu b'mod proattiv d-diversità bejn il-ġeneri fl-istrutturi u fl-operazzjonijiet tagħhom;
42. Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiżgura relazzjoni mill-qrib fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża mar-Renju Unit wara l-Brexit, b'rikonoxximent li r-Renju Unit jibqa' kontributur ewlieni għad-difiża Ewropea kemm bħala membru tan-NATO kif ukoll bħala nazzjon Ewropew, filwaqt li ma jibqax aktar membru tal-UE;
o o o
43. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma ta' sigurtà u ta' difiża, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO.