Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2754(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0288/2018

Dibattiti :

PV 14/06/2018 - 4.1
CRE 14/06/2018 - 4.1

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2018 - 7.1

Testi adottati :

P8_TA(2018)0259

Testi adottati
PDF 283kWORD 56k
Il-Ħamis, 14 ta' Ġunju 2018 - Strasburgu
Ir-Russja, b'mod partikolari l-każ tal-priġunier politiku Oleg Sentsov
P8_TA(2018)0259RC-B8-0288/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ tal-priġunier politiku Ukren Oleg Sentsov (2018/2754(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-priġunieri politiċi Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Mejju 2018 mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-każijiet ta' diversi detenuti fil-Krimea u f'Sevastopol, illegalment annessi, jew oriġinarji tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet dwar ir-Russja fil-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra d-Digriet tad-19 ta' April 2017 tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar it-talba għall-indikazzjoni ta' miżuri provviżorji mressqa mill-Ukrajna fil-kawża li tikkonċerna l-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (l-Ukrajna vs il-Federazzjoni Russa),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn jipprevedu li ħadd ma għandu jkun soġġett għal tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti u li l-Federazzjoni Russa hija parti fihom,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Pajżani fi Żmien ta' Gwerra,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-reġista Ukren Oleg Sentsov, li oppona l-annessjoni illegali tal-Peniżola tal-Krimea mir-Russja, f'Mejju 2014 ġie arrestat b'rabta ma' attivitajiet li allegatament wettaq fil-Krimea; billi hu ġie trattat bħala ċittadin Russu minkejja l-fatt li għandu ċittadinanza Ukrena;

B.  billi fil-każ ta' Oleg Sentsov kien hemm allegazzjonijiet ta' tortura u maltrattament sever biex tinkiseb xhieda illegali li sussegwentement ingħatat valur ġuridiku;

C.  billi fil-25 ta' Awwissu 2015 Oleg Sentsov ġie kkundannat minn qorti li l-ġurisdizzjoni tagħha mhijiex rikonoxxuta mill-UE, bi ksur tad-dritt internazzjonali u tal-istandards elementari tal-ġustizzja;

D.  billi Oleg Sentsov, li bħalissa qed jiskonta s-sentenza f'ħabs f'Labytnangi, Yamalo-Nenets, li jinsab fit-tramuntana l-aktar imbiegħda tar-Russja, fl-14 ta' Mejju 2018 ħabbar strajk tal-ġuħ indefinit;

E.  billi f'dawn l-aħħar snin l-għadd ta' priġunieri politiċi fir-Russja żdied b'mod sinifikanti; billi ċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial", li ngħata l-Premju Sakharov fl-2009, fid-29 ta' Mejju 2018 ippubblika lista bl-ismijiet ta' 158 priġunier politiku;

F.  billi Oyub Titiev, id-direttur tal-uffiċċju Ċeċen fiċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial", ġie arrestat mill-pulizija lokali fid-9 ta' Jannar 2018 u akkużat b'pussess ta' droga; billi s-Sur Titiev ċaħad dawn l-akkużi filwaqt li diversi NGOs u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem skreditawhom bħala vvintati;

G.  billi l-arrest ta' Oyub Titiev jagħmel parti minn xejra inkwetanti li qed twassal biex ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġu arrestati, attakkati, intimidati u skreditat;

H.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-atturi tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari t-Tatari tal-Krimea, ħabbtu wiċċhom ma' theddid, intimidazzjoni u arresti;

I.  billi, f'diversi każijiet, saru rapporti ta' użu tat-tortura u ta' trattament jew pieni krudili u degradanti; billi, sal-lum, dawn l-allegazzjonijiet ma ġewx investigati b'mod xieraq; billi t-tortura ntużat biex jinkisbu stqarrijiet u evidenza falza ta' ħtija;

J.  billi ħafna priġunieri u detenuti ffaċċjaw kundizzjonijiet ħorox u inumani fil-ħabsijiet, b'mod li kkawżalhom dannu fiżiku u riskji psikoloġiċi għal saħħithom; billi hemm priġunieri li jeħtieġu attenzjoni u trattament mediku urġenti;

K.  billi l-leġiżlazzjoni restrittiva Russa li tirregola d-drittijiet politiċi u ċivili ġiet estiża għall-Krimea temporanjament okkupata, bil-konsegwenza li l-libertajiet ta' għaqda, ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni, ta' aċċess għall-informazzjoni u ta' reliġjon sfaw limitati b'mod drastiku, kif ukoll saru rapporti kredibbli ta' intimidazzjoni, għajbien furzat u tortura;

L.  billi l-arresti arbitrarji, l-għajbien furzat, iċ-ċensura u l-projbizzjoni ta' laqgħat paċifiċi saru realtà ta' kuljum fil-Krimea; billi diversi Tatari tal-Krimea ġew arrestati, qed jiġu investigati jew qed jitressqu l-qorti; billi l-avukati mill-Krimea li jipprovdu assistenza legali lill-persuni arrestati, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jirrappurtaw każijiet ta' għajbien furzat politikament motivat fil-Krimea, kif ukoll lill-ġurnalisti li jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni tat-Tatari tal-Krimea, ukoll sfaw fil-mira;

M.  billi l-awtoritajiet li qed jokkupaw il-Krimea sistematikament u deliberatament ikkontrollaw il-libertà tal-kelma fil-Krimea, keċċew lill-midja indipendenti u ħolqu ostakli għall-ħidma ta' ġurnalisti professjonali; billi fit-22 ta' Marzu 2018, ċittadin ġurnalist u attivist Tataru tal-Krimea, Nariman Memedeminov, li kopra l-irregolaritajiet li saru mill-awtoritajiet li qed jokkupaw il-Krimea, inżamm mill-forzi tas-sigurtà Russi u ġie arrestat fuq akkużi infondati; billi fil-21 ta' Mejju 2018, il-forzi tas-sigurtà Russi żammew ċittadin-ġurnalist ieħor, Server Mustafaiev, wara tfittxija fid-dar tiegħu fil-Krimea okkupata mir-Russja, b'mod partikolari għal raġunijiet reliġjużi;

N.  billi r-Russja tilfet għadd sostanzjali ta' kawżi quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u naqset milli timplimenta s-sentenzi mogħtija;

O.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u n-Nazzjonijiet Uniti, impenjat ruħha li tħares il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; billi, minħabba l-bosta każijiet ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi f'dawn l-aħħar snin, hemm tħassib serju rigward il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali tagħha; billi l-Unjoni Ewropea ripetutament offriet għajnuna u għarfien espert addizzjonali biex tgħin lir-Russja timmodernizza u ssegwi l-ordni kostituzzjonali u ġuridiku tagħha, f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa;

P.  billi skont il-ligi Russa dwar "l-aġenti barranin", l-NGOs li jirċievu fondi barranin u li huma impenjati f'xi "attività politika" jridu japplikaw biex ikunu inklużi f'lista speċjali tal-gvern ta' aġenti barranin soġġetti għal skrutinju addizzjonali u mill-qrib min-naħa tal-gvern, u huma mitluba jiddikjaraw fil-pubblikazzjonijiet, fl-istqarrijiet għall-istampa u fir-rapporti kollha tagħhom li dawn kienu magħmula minn aġent barrani;

Q.  billi, b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u għall-gwerra ibrida mnedija mir-Russja kontra l-Ukrajna, l-UE adottat sensiela gradwali ta' miżuri restrittivi kontra r-Russja;

1.  Jitlob li l-awtoritajiet Russi jeħilsu minnufih u bla kundizzjonijiet lil Oleg Sentsov u lil ċittadini Ukreni oħra miżmuma illegalment fir-Russja u fil-peniżola tal-Krimea; ifakkar li attwalment hemm total ta' aktar minn 70 priġunier politiku Ukren(2) fir-Russja u fil-Krimea okkupata;

2.  Jitlob il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat ta' Oyub Titiev, Direttur taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial" fir-Repubblika taċ-Ċeċenja, kif ukoll tal-priġunieri politiċi l-oħra kollha fil-Federazzjoni Russa;

3.  Jitlob li l-awtoritajiet Russi jwaqqfu l-intimidazzjoni u l-fastidju fil-konfront taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial", tal-persunal tiegħu u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jippermettulhom iwettqu l-ħidma tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jissottolinja l-fatt li t-trattament tal-priġunieri kollha jrid jissodisfa l-istandards internazzjonali u li d-detenuti kollha għandu jkollhom aċċess għall-assistenza legali, għall-familji tagħhom, għar-rappreżentanti diplomatiċi tagħhom u għal trattament mediku; jenfasizza li l-awtoritajiet Russi u l-persunal ġudizzjarju għandhom responsabbiltà sħiħa għas-sikurezza u l-benessri tal-persuni miżmuma, speċjalment fil-Krimea, bi qbil mar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra;

5.  Ifakkar lir-Russja fl-importanza li tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi legali internazzjonali tagħha, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u l-prinċipji tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-istat tad-dritt minquxa fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

6.  Jenfasizza li l-libertà ta' għaqda fil-Federazzjoni Russa hi ggarantita mill-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni Russa u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li r-Russja hi firmatarja tagħha, u allura l-awtoritajiet Russi huma obbligati jirrispettaw din il-libertà;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi fil-livelli kollha jirrikonoxxu r-rwol kruċjali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bħala pilastri tad-demokrazija u gwardjani tal-istat tad-dritt, u jikkundannaw pubblikament l-attakki kollha kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment fir-Repubblika Ċeċena;

8.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mar-reġista, attivista u priġunier politiku Oleg Sentsov, li fl-14 ta' Mejju 2018 beda strajk tal-ġuħ biex jagħmel pressjoni favur il-ħelsien tal-kompatrijotti li qed jinżammu illegalment, u jinsab imħasseb dwar l-effetti tal-istrajk tal-ġuħ fuq saħħtu; ifakkar li Sentsov, li ġie arrestat fil-Krimea ftit wara li r-Russja ħadet il-kontroll tal-peniżola tal-Baħar l-Iswed fl-2014 u mbagħad ġie kkundannat abbażi ta' xhieda mogħtija taħt tortura, issa qed jiskonta sentenza ta' 20 sena ħabs fuq diversi akkużi ta' terroriżmu f'ħabs ta' sigurtà kbira fir-reġjun ta' Yamalo-Nenets fit-Tramuntana estrema tar-Russja;

9.  Jiddeplora l-fatt li raġel ieħor li nstab ħati f'dan il-każ, Oleksandr Kolchenko, ġie kkundannat għal għaxar snin ħabs;

10.  Jinnota li ċittadin Ukren ieħor li qed jinżamm illegalment, Volodymyr Balukh, ilu fuq strajk tal-ġuħ mid-19 ta' Marzu 2018;

11.  Jistieden lis-servizzi mediċi u l-awtoritajiet Russi responsabbli jagħtu attenzjoni medika adegwata lil dawn l-individwi arrestati u jirrispettaw l-etika medika, inkluż billi ma jimponux għalf sfurzat jew kwalunkwe trattament mhux mixtieq li jista' jammonta għal tortura u forom oħra ta' maltrattament;

12.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu li ħafna priġunieri politiċi Ukreni, fosthom Mykola Karpiyuk, Volodymyr Prysych, Oleksiy Chirniy u Yevhen Panov, ġew ittorturati serjament;

13.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar ix-xejra inkwetanti li qed twassal biex ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fir-Russja, partikolarment fiċ-Ċeċenja, jiġu arrestati, attakkati, intimidati u skreditati; jenfasizza l-importanza tas-soċjetà ċivili u ta' organizzazzjonijiet bħal Memorial, u l-messaġġ li l-attivisti tas-soċjetà ċivili kullimkien jeħtieġ ikunu liberi li jeżerċitaw l-aktar drittijiet bażiċi tagħhom ta' libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni; jistieden lill-awtoritajiet Ċeċeni u Russi jirrispettaw il-leġiżlazzjoni domestika u l-impenji internazzjonali u jiddefendu l-istat tad-dritt;

14.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-klima ta' impunità li tippermetti li dawn l-atti jsiru, u jappella għall-iżvilupp ta' miżuri legali u miżuri oħrajn biex, f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, tiġi evitata u sorveljata din il-vjolenza u jitressaq quddiem il-ġustizzja min iwettaqha; jissottolinja l-fatt li r-Russja u l-Gvern tagħha jġorru r-responsabbiltà aħħarija biex jinvestigaw dawn l-atti, iressqu quddiem il-ġustizzja lil min iwettaqhom u jipproteġu liċ-ċittadini Russi kollha minn kwalunkwe abbuż illegali;

15.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, f'Mejju 2018, l-awtoritajiet Russi fil-Krimea okkupata arrestaw bosta Tatari tal-Krimea, fosthom Sever Mustafayev, Edem Smailov u familjari tal-priġunier politiku Nuri Primov;

16.  Jikkundanna l-ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa tar-Russja fil-Krimea okkupata, li jinkludi l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Russa, il-militarizzazzjoni qawwija tal-peniżola tal-Krimea – li jhedded is-sigurtà reġjonali – u l-ksur massiċċ u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fil-konfront tal-Ukreni etniċi u t-Tatari tal-Krimea;

17.  Jilqa' l-ħelsien tal-mexxejja tat-Tatari tal-Krimea Akhtem Chiygoz u Ilmi Umerov, li f'Settembru 2017 ingħataw sentenza ta' ħabs mill-qrati Russi fit-territorju Ukren tal-Krimea okkupat temporanjament, u li fil-25 ta' Ottubru 2017 tħallew iħallu l-peniżola mill-awtoritajiet Russi; jesprimi l-gratitudni tiegħu lil dawk kollha li ħadmu biex jinħelsu, fosthom l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem Russi bħal Memorial;

18.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li fil-kapaċità de facto tagħhom bħala potenza okkupanti li teżerċita l-kontroll effettiv fuq il-Krimea, għandhom ir-responsabbiltà sħiħa li jaraw li ċ-ċittadini tal-Krimea jkunu mħarsa minn miżuri ġudizzjarji jew amministrattivi arbitrarji u, bl-istess mod, huma obbligati mid-dritt umanitarju internazzjonali li jiżġuraw il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola;

19.  Jenfasizza li l-qrati Russi, sew militari u sew ċivili, mhumiex kompetenti biex jiġġudikaw atti mwettqa barra mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tar-Russja, u jirrimarka li l-proċedimenti ġudizzjarji f'każijiet bħal dawn ma jistgħux jitqiesu leġittimi;

20.  Itenni t-tħassib serju tiegħu b'rabta mal-liġi dwar "l-aġenti barranin" u l-mod li bih qed tiġi implimentata; iqis li d-definizzjoni ta' "attività politika" mwettqa mill-NGOs li jaċċettaw finanzjament barrani tant hi wiesgħa li tippermetti, fil-prattika, kontroll min-naħa tal-gvern fuq kważi kull attività organizzata b'rabta mal-ħajja pubblika;

21.  Iħeġġeġ lir-Russja tiżgura aċċess inkondizzjonat u bla xkiel lill-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u l-missjonijiet ta' monitoraġġ internazzjonali; jistieden lil organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa josservaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea aktar mill-qrib u jieħdu miżuri adegwati;

22.  Jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iħares b'attenzjoni kontinwa lejn is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea u fiż-żoni tal-Lvant tal-Ukrajna li mhumiex ikkontrollati mill-gvern;

23.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jibqgħu sodi u magħquda fl-impenn tagħhom fir-rigward tas-sanzjonijiet maqbula fil-konfront tar-Russja, itawluhom, u jikkunsidraw miżuri mmirati kontra l-individwi responsabbli miż-żamma u l-proċess ġudizzjarju fil-konfront tal-priġunieri politiċi;

24.  Jissottolinja li huwa importanti li d-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Russja u l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE jissorveljaw il-proċessi ġudizzjarji tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

25.  Jistieden lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), ikomplu jsegwu mill-qrib il-każijiet ta' nonkonformità mal-obbligi legali internazzjonali u jqajmu dawn il-kwistjonijiet f'formati u laqgħat differenti mar-Russja;

26.  Itenni l-appell tiegħu lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex jiżguraw li kull każ ta' persuni mressqa l-qorti għal raġunijiet politiċi jitqajjem fil-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja, meta jerġgħu jibdew, u li r-rappreżentanti tar-Russja f'dawn il-konsultazzjonijiet jintalbu jwieġbu formalment dwar kull każ, kif ukoll biex jirrappurtaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet Russi;

27.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lis-SEAE jiżguraw li l-Unjoni tfittex kull opportunità biex, fil-limiti imposti mid-dritt domestiku Russu, tkompli tikkollabora mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi – fosthom dawk li jaħdmu għall-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt – u tappoġġjahom;

28.  Jistieden lill-UE toħroġ dikjarazzjoni li fiha tikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u t-tentattiv li jinħeba taħt il-maskra tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0087.
(2) Il-lista mhux eżawrjenti tinkludi lil: Teimur Abdullaiev, Uzeir Abdullaiev, Taliat Abdurakhmanov, Rustem Abiltarov, Zevri Abseitov, Muslim Aliiev, Refat Alimov, Kiazim Ametov, Ernes Ametov, Ali Asanov, Marlen Asanov, Volodymyr Balukh, Ali Bariev, Enver Bekirov, Memet Belialov, Oleksii Bessarabov, Rustem Vaitov, Resul Velilyaev, Valentyn Vygovskii, Pavlo Hryb, Mykola Dadeu, Konstatin Davydenko, Bekir Dehermendzhi, Mustafa Dehermendzhi, Emil Dzhemadenov, Arsen Dzhepparov, Dmitrii Dolgopolov, Volodymyr Dudka, Andriy Zakhtei, Ruslan Zeitullaiev, Server Zekiriaiev, Timur Ibragimov, Rustem Ismailov, Yevgenii Karakashev, Mykola Karpiyuk, Stanislav Klykh, Andriy Kolomiiets, Oleksandr Kolchenko, Oleksandr Kostenko, Emir-Usein Kuku, Hennadii Limeshko, Serhii Litvinov, Enver Mamutov, Nariman Memedeminov, Remzi Memetov, Emil Minasov, Igor Movenko, Seiran Muradosilov, Seiran Mustafaiev, Server Mustafaiev, Yevhen Panov, Nuri Primov, Volodymyr Prysych, Ismail Ramazanov, Fevzi Sagandzhi, Ferat Saifullaiev, Aider Saledinov, Seiran Saliiev, Enver Seitosmanov, Oleg Sentsov, Oleksii Sizonovich, Vadym Siruk, Edem Smailov, Oleksandr Steshenko, Oleksii Stohniy, Renat Suleimanov, Anna Sukhonosova, Roman Sushchenko, Roman Ternovsky, Ruslan Ametov, Asan Chapukh, Oleksii Chirnii, Hlib Shablii, Mykola Shiptur, Dmytro Shtyblikov, Oleksandr Shumkov, Viktor Shur.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza