Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2755(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0281/2018

Dibattiti :

PV 14/06/2018 - 4.2
CRE 14/06/2018 - 4.2

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2018 - 7.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0260

Testi adottati
PDF 287kWORD 55k
Il-Ħamis, 14 ta' Ġunju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab
P8_TA(2018)0260RC-B8-0281/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab (2018/2755(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar il-Bahrain, b'mod partikolari l-każijiet ta' Nabeel Rajab, Abdulhadi al-Khawaja u Ibrahim Sharif(1), tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab(2), tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-Bahrain: il-każ ta' Mohammed Ramadan(3), tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-Bahrain(4), tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Kuwajt u fil-Bahrain(5), u tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar l-indirizzar tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tas-17 ta' Ġunju 2015 dwar is-sentenzjar tas-Segretarju Ġenerali ta' Al-Wefaq is-Sur Ali Salman fil-Bahrain, tal-11 ta' Lulju 2017 dwar is-sentenzjar tas-Sur Nabeel Rajab minn qorti tal-Bahrain u tas-6 ta' Ġunju 2018 dwar is-sentenzjar tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem mill-Bahrain is-Sur Nabeel Rajab,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Novembru 2017 tal-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tal-grupp ta' ħidma informali tal-UE-Bahrain dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-15 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, tal-11 ta' Settembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Bahrain,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumitat tan-NU Kontra t-Tortura tat-12 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Bahrain adottata fi Frar 2002, b'mod partikolari l-Kapitolu 3 tagħha, l-Artikolu 364 tal-Kodiċi Kriminali tal-Bahrain u l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal-Bahrain tal-1963,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Novembru 2011 tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Bahrain (Bahrain Independent Commission of Inquiry - BICI),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi, dwar il-piena tal-mewt, dwar it-tortura, u dwar il-libertà ta' espressjoni online u offline,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tagħhom kollha l-Bahrain huwa pajjiż firmatarju ,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-5 ta' Ġunju 2018, il-Qorti Għolja tal-Appell tal-Bahrain iddeċidiet li tikkonferma s-sentenza ta' ħames snin ħabs kontra d-difensur ewlieni tad-drittijiet tal-bniedem Nabeel Rajab talli "xerred xnigħat foloz fi żmien ta' gwerra" (Artikolu 133 tal-Kodiċi Kriminali tal-Bahrain), "insulta pajjiż ġar" (Artikolu 215) u "insulta korp statutorju" (Artikolu 216) fir-rigward ta' tweets li huwa bagħat dwar allegata tortura fil-ħabs ta' Jaw fil-Bahrain u l-ħbit mill-ajru fil-Jemen mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija; billi dawn l-akkużi huma bbażati fuq dispożizzjonijiet li jikkriminalizzaw id-dritt ta' espressjoni, li hu protett taħt l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Bahrain irratifika fl-2016; billi s-Sur Rajab issa huwa mistenni li jressaq appell finali quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Bahrain;

B.  billi s-Sur Rajab kellu jinħeles dan ix-xahar wara li lesta sentenza ta' sentejn ħabs, f'kundizzjonijiet ta' priġunerija degradanti li jammontaw għal trattament ħażin, tal-intervisti televiżivi li huwa ta fl-2015 u fl-2016 dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istampa fil-Bahrain; billi qabel l-arrest arbitrarju tiegħu f'Ġunju 2016 Nabeel Rajab kien ġie pprojbit milli jivvjaġġa u kien serva sentenza ta' sentejn ħabs bejn l-2012 u l-2014 b'rabta mal-fatt li eżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda; billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddeċidiet fl-2013 li huwa kien ġie detenut arbitrarjament għar-rwol tiegħu meta kien għen biex jitmexxew u jiġu organizzati dimostrazzjonijiet fil-Bahrain; billi huwa ġie ssoġġettat għal proċessi inġusti quddiem il-qorti;

C.  billi minbarra din is-sentenza ġdida ta' ħames snin, Nabeel Rajab jista' jiffaċċja aktar żmien il-ħabs għal sa 14-il każ ieħor pendenti li l-gvern allegatament għadu jżomm kontrih, inklużi akkużi addizzjonali ta' "tixrid ta' aħbarijiet u dikjarazzjonijiet foloz u xnigħat malizzjużi li jdgħajfu l-prestiġju tal-istat"; Billi, barra minn hekk, fit-12 ta' Settembru 2017, il-gvern akkużah b'"tixrid ta' aħbarijiet foloz", "tixwix għall-mibegħda kontra r-reġim" u "tixwix għan-nonkonformità mal-liġi" fuq il-midja soċjali;

D.  billi s-Sur Rajab sofra b'riżultat tal-kundizzjonijiet ħżiena tal-ħabs, li affettwaw b'mod sever is-saħħa fiżika tiegħu; billi l-familja tiegħu rrappurtaw ukoll li qed jinżamm fiċ-ċella tiegħu għal 23 siegħa kuljum bħala forma ta' kastig, li wassal biex, matul iż-żmien, saħħtu tmur għall-agħar serjament; billi l-amministrazzjoni tal-ħabs allegatament dehret li kienet qed tbagħbas għal t'apposta it-trattament mediku tas-Sur Rajab;

E.  billi l-każ ta' Nabeel Rajab sar simbolu tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rispett għal-libertà ta' espressjoni fil-Bahrain, u l-każ tiegħu jmur kontra l-impenji proprji tal-Gvern tal-Bahrain; billi huwa biss wieħed minn għadd ta' individwi li ġew soġġetti għad-detenzjoni arbitrarja u għall-prosekuzzjoni talli eżerċitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda;

F.  billi f'Mejju 2017 il-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura indirizza l-allegazzjonijiet numerużi u konsistenti ta' prattiki mifruxa ta' tortura u trattament ħażin ta' persuni mċaħħda mil-libertà, b'mod partikolari ta' dawk arrestati taħt akkużi ta' terroriżmu, u esprima t-tħassib profond tiegħu rigward il-każijiet ta' Nabeel Rajab, Abdulhadi al-Khawaja, Naji Fateel, Hussain Jawad, Abdulwahab Hussain u Abduljalil al-Singace;

G.  billi l-eżekuzzjonijiet u s-sentenzjar għall-mewt żdiedu b'mod sinifikanti wara li nkiser il-moratorju ta' seba' snin fi Frar 2017, fost l-allegazzjonijiet li baqgħu jsiru ta' tortura u trattament ħażin; billi l-Bahrain reġa' beda jipproċessa lill-persuni ċivili quddiem qrati militari, wara emenda kostituzzjonali li ġiet adottata f'April 2017; billi l-awtoritajiet taw lura lill-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali s-setgħat ta' arrest u investigazzjoni, minkejja li hija magħrufa għall-preċedenti tagħha ta' tortura u abbuż;

H.  billi s-sitwazzjoni fil-Bahrain saret waħda kritika fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; billi ż-żieda fir-repressjoni fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u fuq l-attivisti paċifiċi ta' oppożizzjoni jinkludi sentenzi ta' ħabs, eżilju, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, ir-revoka taċ-ċittadinanza jew theddidiet u intimidazzjoni severi bħala riżultat tal-ħidma paċifika tagħhom;

I.  billi l-Kunsill tar-Rappreżentanti u l-Kunsill Shura tal-Bahrain approvaw emenda għal-Liġi dwar l-Eżerċizzju tad-Drittijiet Politiċi li se tipprevjeni l-parteċipazzjoni politika indipendenti fl-elezzjonijiet tal-2018;

J.  billi fl-2016, l-akbar soċjetà ta' oppożizzjoni politika tal-Bahrain, l-Al-Wefaq, ġiet sospiża, u kellha l-assi tagħha ffriżati u s-sit web tagħha blukkat fil-Bahrain mir-reġim tal-Bahrain; billi l-kwartieri ġenerali tal-grupp ġew irrejdjati, li wassal biex il-grupp ġie akkużat b'"nuqqas kroniku ta' osservanza tal-kostituzzjoni tar-Renju u kuntestazzjoni tal-leġittimità tagħha" u li "sejjaħ għal indħil barrani", kif ukoll bi "promozzjoni ta' vjolenza u appoġġ għal organizzazzjonijiet terroristiċi";

K.  billi fil-31 ta' Mejju 2017, qorti tal-Bahrain ordnat ix-xoljiment tas-Soċjetà ta' Azzjoni Demokratika Nazzjonali (Waad), grupp ta' oppożizzjoni tal-Bahrain; billi fis-26 ta' Ottubru 2017, il-Qorti ta' Appell Għolja tal-Bahrain ikkonfermat is-sentenza mogħtija mill-qorti tal-appell li ixxolji lill-Waad;

L.  billi fil-15 ta' Mejju 2018 il-Qorti Kriminali Għolja tal-Bahrain irrevokat iċ-ċittadinanza ta' 115-il persuna fost rapporti ta' tortura u abbużi tal-proċess ġust fi proċess tal-massa inġust; billi t-theddida ta' revoka jew ir-revoka attwali taċ-ċittadinanza qed tintuża bħala mezz ta' repressjoni politika; billi bosta individwi fil-Bahrain, prinċipalment mill-komunità Shia tal-popolazzjoni, kellhom iċ-ċittadinanza tagħhom revokata, inklużi tfal, bi ksur dirett tal-Artikolu 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

M.  billi mill-protesti tal-2011 'il hawn u wara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Indipendenti tal-Bahrain (BICI), ġew stabbiliti għadd ta' korpi interni biex jimmonitorjaw l-abbużi tal-gvern, iżda mhumiex effikaċi u indipendenti biżżejjed; billi n-nuqqas ta' indipendenza ta' dawn il-korpi allegatament jikkawża nuqqas ta' responsabbiltà fi ħdan il-Gvern u l-forzi tas-sigurtà tal-Bahrain; billi dan rawwem kultura ta' impunità li ddgħajjef it-tentattivi ta' riforma demokratika u sservi biex tkompli tiddestabilizza l-pajjiż;

N.  billi l-UE tqis li l-kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (HRDs) fil-pajjiżi terzi hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha biex jiġu avvanzati d-drittijiet tal-bniedem u jiġi indirizzat b'mod determinat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jitlob il-ħelsien immedjat ta' dawk kollha li huma detenuti unikament talli pparteċipaw b'mod paċifiku f'attivitajiet politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem; jappella sabiex jieqfu l-atti kollha ta' vjolenza, fastidju u intimidazzjoni, inkluż fil-livell ġudizzjarju, kif ukoll iċ-ċensura tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi, id-dimostranti, l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-qraba tagħhom fi ħdan u barra l-pajjiż mill-awtoritajiet, il-forzi tas-sigurtà u s-servizzi tal-istat; jikkundanna r-repressjoni li għaddejja fuq id-drittijiet demokratiċi fundamentali, partikolarment il-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-pluraliżmu politiku, id-dissens paċifiku u l-istat tad-dritt fil-Bahrain;

2.  Jappella għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tas-Sur Rajab, li titwaqqa' kwalunkwe akkuża li fadal kontrih, u li l-awtoritajiet jiżguraw li, sa meta jinħeles tiegħu, hu ma jkunx soġġett għal tortura jew trattament ħażin ieħor u jkollu aċċess regolari għal familtu, għall-avukati tal-għażla tiegħu u għal kura tas-saħħa adegwata; jikkundanna d-detenzjoni ta' Nabeel Rajab, li tikser, fost ħwejjeġ oħra, id-dritt tiegħu għal-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' moviment tiegħu;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jirrispettaw l-obbligi u l-impenji internazzjonali tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jiżguraw ambjent sikur u abilitanti għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-persuni li jikkritikaw lill-awtoritajiet, inkluż fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-2018, li fih id-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika huma ggarantiti; ifakkar lill-Gvern tal-Bahrain fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha irrispettivament mill-fehmiet politiċi, l-affiljazzjoni jew it-twemmin tagħhom;

4.  Jiddeplora l-kundizzjonijiet ħżiena tal-ħabs fil-pajjiż u l-użu tat-tortura min-naħa tal-persunal tas-sigurtà u tal-ħabs tal-Bahrain; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain iżommu lura minn kull tortura, trattament krudil u degradanti tad-detenuti, jinvestigaw bis-sħiħ l-allegazzjonijiet kollha tal-ksur tad-drittijiet bażiċi tal-priġunieri u ta' tortura u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

5.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Bahrain li l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra jipprojbixxi l-użu bħala prova fi kwalunkwe proċedura ta' kull dikjarazzjoni li ssir bħala riżultat ta' tortura; jappella għar-ratifika immedjata mill-Bahrain tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni Kontra t-Tortura;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-għadd kbir ta' sentenzi tal-mewt li jiġu deċiżi fil-pajjiż u jappella għal moratorju uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet kollha; jappella għal rieżami tas-sentenzi tal-mewt kollha biex jiġi żgurat li l-proċessi inkwistjoni kienu konformi mal-istandards internazzjonali;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet jemendaw il-kostituzzjoni biex itemmu l-użu tal-proċessi militari biex jipproċessaw lill-persuni ċivili;

8.  Jikkundanna t-teħid bil-massa taċ-ċittadinanza li qed tintuża bħala mezz ta' rappreżalja u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain iwaqqgħu d-deċiżjoni u jaderixxu mal-obbligi u n-normi internazzjonali;

9.  Jappella lill-awtoritajiet tal-Bahrain biex b'mod immedjat ineħħu l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jinsisti li l-awtoritajiet jiggarantixxu fiċ-ċirkostanzi kollha li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem, kemm nazzjonalment kif ukoll internazzjonalment, mingħajr xkiel, intimidazzjoni jew fastidju;

10.  Jinkoraġġixxi lill-Gvern tal-Bahrain jimmira għal stabbiltà permezz ta' riformi u ta' rikonċiljazzjoni inklużiva f'ambjent li fih l-ilmenti politiċi leġittimi u paċifiċi jkunu jistgħu jiġu espressi b'mod liberu, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet li ġejjin tal-Kunsill tar-Rappreżentanti skedati għal Ottubru 2018; jikkundanna, f'dan ir-rigward, l-attakki fuq l-ilħna tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili fil-Bahrain, inkluża s-sospensjoni tas-soċjetà tal-oppożizzjoni l-Al-Wefaq, ix-xoljiment tal-grupp tal-oppożizzjoni Waad u l-projbizzjoni tal-membri ta' dawn il-gruppi xolti milli jipparteċipaw fl-elezzjonijiet li jmiss; jikkunsidra dawn l-azzjonijiet bħala kuntrarji għall-prinċipji ta' pluraliżmu demokratiku u ta' elezzjonijiet liberi u ġusti, u f'kontradizzjoni mal-ftehimiet internazzjonali u l-kostituzzjoni tal-Bahrain; jistieden lill-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom fi djalogu nazzjonali ġenwin sabiex mill-ġdid jagħtu bidu għal proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali paċifiku u sinifikattiv;

11.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex b'mod sistematiku jqajmu tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain u biex jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' miżuri mmirati kontra dawk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jagħmlu referenza għall-Bahrain fid-dikjarazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri taħt il-punt 4 fis-sessjonijiet li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

13.  Jistieden lill-Gvern tal-Bahrain jikkoopera mar-Rapporteurs Speċjali tan-NU (b'mod partikolari fuq it-tortura, il-libertà ta' għaqda, il-libertà ta' reliġjon u twemmin, l-indipendenza tal-imħallfin u tal-avukati, u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem) u biex joħorġilhom stedina permanenti favur tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain jippermettu lill-NGOs u lill-ġurnalisti libertà ta' aċċess għall-Bahrain, inkluż għall-finijiet li jagħmlu kuntatt mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jiddispjaċih għall-fatt li teknoloġiji ta' sorveljanza qed jiġu esportati minn kumpaniji Ewropej lejn il-Bahrain, u jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjonijiet tal-UE jqisu l-kriterji tad-drittijiet tal-bniedem qabel jagħtu liċenzja tal-esportazzjoni lejn pajjiż terz; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jirrispettaw b'mod strett il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, u b'mod partikolari sabiex iwaqqfu t-trasferimenti kollha tal-armi, tat-tagħmir tas-sorveljanza u tal-intelligence u materjal li jista' jintuża mill-Bahrain fir-repressjoni li għaddej iwettaq bħalissa fuq id-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jiddispjaċih bir-rifjut imtenni tal-Bahrain li jirċievi delegazzjoni uffiċjali tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jippermettu delegazzjoni uffiċjali tal-Membri tal-Parlament Ewropew iżuru l-pajjiż fuq missjoni, bil-għan li jiltaqgħu mal-awtoritajiet pubbliċi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

16.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Premju Chaillot tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Reġjun tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf ingħata fl-2014 lill-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Bahrain, li ripetutament iġġustifikat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-Gvern tal-Bahrain, inkluża l-priġunerija ta' Nabeel Rajab;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta għall-Għarbi;

(1) ĠU C 93, 24.3.2017, p. 154.
(2) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 151.
(3) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 42.
(4) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 130.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0044.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0365.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza