Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-regolament delegat tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2018 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/118 li jistabbilixxi l-miżuri ta' konservazzjoni fis-sajd għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu fil-Baħar tat-Tramuntana (C(2018)01194 – 2018/2614(DEA))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2018)01194),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(2) u 46(5) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/118 tal-5 ta' Settembru 2016 li jistabbilixxi l-miżuri ta' konservazzjoni fis-sajd għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu fil-Baħar tat-Tramuntana(2),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għas-Sajd,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jilħqu status ambjentali tajjeb għall-ilmijiet marini sal-2020 bi qbil mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)(3), filwaqt li l-Artikolu 2(5)(j) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jirrikjedi li l-politika komuni tas-sajd tikkontribwixxi għal dan il-għan;
B. billi l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) esprima, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-parir xjentifiku rilevanti tiegħu(4), għadd ta' punti ta' tħassib rigward l-effettività tal-miżuri proposti għall-ispeċijiet u l-ħabitats protetti u għall-integrità ta' qiegħ il-baħar; billi dak it-tħassib ma ġiex kompletament rifless fil-premessi tar-regolament delegat li qed jiġi rivedut;
C. billi l-STECF innota wkoll, fil-parir xjentifiku tiegħu, li ċ-ċifri relatati mal-attività tas-sajd inkwistjoni, li fuqhom huma bbażati l-miżuri proposti, huma mis-snin 2010-2012 u għalhekk jafu jkunu skaduti;
D. billi l-għadd mhux ikkwantifikat ta' bastimenti li jistgħu jiġu koperti mill-eżenzjonijiet parzjalment temporanji taħt l-Artikoli 3b, 3c u 3e tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/118, kif emendat mir-regolament delegat taħt rieżami, jaf ikollu impatt fuq l-effettività tal-miżuri proposti;
E. billi d-definizzjoni ta' "rkapti tas-sajd alternattivi li jagħmlu impatt fuq qiegħ il-baħar" stipulata fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/118, kif emendat mir-regolament delegat taħt reviżjoni, teħtieġ li tiġi speċifikata ulterjorment; billi jekk din tkopri s-sajd bl-impulsi elettriċi, definizzjoni bħal din tkun f'kontradizzjoni mal-mandat għal negozjati adottati mill-Parlament fis-16 ta' Jannar 2018(5) fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta' ekosistemi tal-baħar permezz ta' miżuri tekniċi(6);
F. billi l-impatt tal-"irkaptu tas-sajd alternattiv li jagħmel impatt fuq qiegħ il-baħar" propost xorta jista' jkun ogħla b'mod sinifikanti minn dak ta' rkaptu ieħor, parzjalment ipprojbit (tartaruni Daniżi u Skoċċiżi);
G. billi l-klawsola ta' rieżami u rappurtar tal-att delegat propost ma tapplikax għaż-żoni li għadhom kif ġew proposti u għall-ġestjoni tagħhom, b'tali mod li impossibbli li ssir evalwazzjoni trasparenti tal-effikaċja tal-miżuri, speċjalment fuq irkaptu alternattiv li jagħmel impatt fuq qiegħ il-baħar u li ġie ttestjat dan l-aħħar;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-regolament delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta att delegat ġdid li jikkunsidra t-tħassib imsemmi hawn fuq;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.