Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (2018/2741(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, iffirmat mill-Georgia u l-Federazzjoni Russa bil-medjazzjoni tal-UE, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, partikolarment dik maqbula fl-2017 fi Brussell,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), partikolarment ir-rapport tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-rieżami tal-PEV (JOIN(2017)0018) u d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tad-9 ta' Ġunju 2017 intitolat "Is-Sħubija tal-Lvant – 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli" (SWD(2017)0300), kif ukoll il-komunikazzjoni tal-2016 intitolata "Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Viċinat tal-Lvant u, partikolarment, ir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(3),
– wara li kkunsidra l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE (EUMM) li ntbagħtet il-Georgia fil-15 ta' Settembru 2008,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar il-Kunflitt fil-Georgia tal-2009, taħt it-tmexxija ta' Heidi Tagliavini,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Georgia qed tiċċelebra l-mitt anniversarju tal-ewwel repubblika demokratika Georgjana, imwaqqfa fl-1918, u bix-xieraq hija kburija bil-kisbiet kontemporanji tagħha;
B. billi l-UE tappoġġja bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment;
C. billi għaxar snin wara l-aggressjoni militari Russa fil-Georgia ta' Awwissu 2008, il-Federazzjoni Russa għadha qed tokkupa illegalment it-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u b'hekk tkasbar id-dritt internazzjonali u s-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli; billi l-hekk imsejħa trattati ta' integrazzjoni u ta' alleanza ffirmati bejn ir-Russja u l-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar fl-2014 u fl-2015 jikkostitwixxu ksur ċar tad-dritt internazzjonali, tal-prinċipji tal-OSKE u tal-impenji internazzjonali tar-Russja; billi l-Unjoni Ewropea ma tirrikonoxxix il-qafas tal-hekk imsejħa elezzjonijiet u tar-referendum li ġew organizzati minn separatisti appoġġjati mir-Russja fir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar fl-2016 u l-2017;
D. billi l-UE għadha impenjata bis-sħiħ favur riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, b'rispett sħiħ tan-normi u l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali;
E. billi r-Russja qed issaħħaħ kontinwament il-preżenza militari illegali tagħha fit-territorji okkupati tal-Georgia bil-bini ta' bażijiet ġodda, bl-introduzzjoni ta' truppi ġodda u tagħmir ġdid u bit-twettiq ta' eżerċizzji militari;
F. billi r-Russja qed tkompli tikser l-obbligi internazzjonali tagħha u tirrifjuta li timplimenta bis-sħiħ il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat fit-12 ta' Awwissu 2008 bil-medjazzjoni tal-UE;
G. billi r-Russja qed tkompli tiżola lill-Abkażja u lir-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar mill-bqija tal-pajjiż billi tagħlaq aktar punti ta' qsim, tistabbilixxi ostakoli fiżiċi matul il-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva u twettaq kampanja maħsuba biex teradika l-kultura tal-Georgia;
H. billi din il-linja qed tidħol, b'mod gradwali iżda kostanti, 'il ġewwa fit-territorju kkontrollat minn Tbilisi fi proċess magħruf bħala "frunterizzazzjoni" u, f'xi postijiet, qed tgħaddi viċin ħafna ta' infrastruttura kritika bħalma huma l-awtostradi u l-pipelines tal-gass;
I. billi mijiet ta' eluf ta' persuni spostati internament u rifuġjati mkeċċija bil-forza mit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar – ir-riżultat ta' mewġa wara l-oħra ta' tindif etniku – għadhom qed jiġu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom li jerġgħu lura lejn djarhom b'mod sikur u dinjituż;
J. billi fir-reġjuni okkupati tal-Georgia qed jinkisru d-drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi l-libertà ta' moviment u ta' residenza, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt ta' aċċess għall-edukazzjoni bil-lingwa materna; billi diversi persuni għadhom qed jinħatfu u jinżammu illegalment;
K. billi l-Federazzjoni Russa, bħala potenza li teżerċita kontroll effettiv fuq it-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, hija kompletament responsabbli għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għas-sitwazzjoni umanitarja fuq il-post;
L. billi l-invażjoni tal-2008 kienet l-ewwel attakk importanti li r-Russja għamlet bil-miftuħ fuq l-ordni Ewropew; billi aktar tard saru attakki oħra, fosthom l-annessjoni tal-Krimea u l-gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna;
M. billi Archil Tatunashvili, Giga Otkhozoria u Davit Basharuli, Georgjani spostati internament, inqatlu illegalment bħala riżultat tal-azzjonijiet brutali mwettqa mill-forzi tal-okkupazzjoni Russi f'Sokhumi u Tskhinvali;
N. billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) fetħet investigazzjoni dwar id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità li allegatament twettqu fil-kunflitt;
O. billi żjara konġunta ad hoc fil-Georgia fit-12 ta' Awwissu 2008 minn mexxejja tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – Lech Kaczyński, il-President tal-Polonja, Toomas Hendrik Ilves, il-President tal-Estonja, Valdas Adamkus, il-President tal-Litwanja, Ivars Godmanis, il-Prim Ministru tal-Latvja, u Viktor Yushchenko, il-President tal-Ukrajna – hija meqjusa fil-wisa' bħala fattur ewlieni li żamm lir-Russi milli jkompli javvanzaw lejn Tbilisi meta t-truppi kienu biss 50 km mill-belt kapitali tal-Georgia u li aġevola l-medjazzjoni tal-waqfien mill-ġlied mill-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-UE;
P. billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli tiċħad l-aċċess tal-EUMM għat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, bi ksur tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat fit-12 ta' Awwissu 2008 bil-medjazzjoni tal-UE, u b'hekk mhix tħalli lill-missjoni timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħha;
1. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu, bla riżervi, għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia; jirrikonoxxi li l-prinċipji minquxa fil-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 u l-Karta ta' Pariġi tal-OSKE tal-1990 jirrappreżentaw il-pedamenti għal kontinent Ewropew paċifiku;
2. Itenni li s-sovranità, l-indipendenza u r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim huma prinċipji ewlenin tal-ordni ta' sigurtà Ewropew; jenfasizza li r-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-Georgia hija essenzjali għat-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent Ewropew kollu kemm hu; jikkunsidra li dawn il-kunflitti u l-okkupazzjoni li għadha għaddejja tat-territorji Georgjani għadhom theddida potenzjali għas-sovranità tal-pajjiżi Ewropej kollha;
3. Jesiġi li l-Federazzjoni Russa terġa' lura mid-deċiżjoni tagħha li tirrikonoxxi l-hekk imsejħa indipendenza tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar; jikkundanna d-deċiżjoni li ħadu r-Russja, il-Venezwela, in-Nikaragwa, is-Sirja u Nauru li jirrikonoxxu lill-Abkażja u lill-Ossezja tan-Nofsinhar, u jistedinhom jirtiraw dan ir-rikonoxximent;
4. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tissodisfa bla kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'mod partikolari l-impenn li tirtira l-forzi militari kollha tagħha mit-territorju tal-Georgia;
5. Jesiġi li l-Federazzjoni Russa twaqqaf l-okkupazzjoni tagħha tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgja u l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u ttemm l-integrazzjoni de facto taż-żewġ reġjuni fl-amministrazzjoni Russa;
6. Jikkonferma l-impenn qawwi tal-UE li tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, bl-użu tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha bħala parti minn approċċ komprensiv, inklużi r-Rappreżentant Speċjali tagħha għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, il-kopresidenza tagħha tad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, l-EUMM fil-Georgia u l-politika ta' nonrikonoxximent u ta' impenn;
7. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jkompli jikkoopera mal-QKI billi jiffaċilita l-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI, kif ukoll billi jiżgura li r-Reġistru tal-QKI jkun jista' jwettaq il-mandat tiegħu f'termini ta' sensibilizzazzjoni u parteċipazzjoni tal-vittmi;
8. Jistieden lill-Federazzjoni Russa tippermetti lill-EUMM tikseb aċċess inkondizzjonat għat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif previst mill-mandat tagħha; ifakkar li l-EUMM hija l-unika preżenza internazzjonali permanenti fuq il-post u li din tipprovdi informazzjoni imparzjali dwar is-sitwazzjoni tul il-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, u jitlob li l-mandat tagħha jiġi estiż lil hinn mill-14 ta' Diċembru 2018;
9. Jistieden lill-Federazzjoni Russa twaqqaf il-frunterizzazzjoni ulterjuri tal-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, li hija qed tipprova tikseb bl-installazzjoni ta' ħitan tal-barbed wire u ta' ostakoli artifiċjali oħrajn; jitlob ukoll li jintemmu l-indħil fit-territorju kkontrollat mill-Gvern tal-Georgia u l-estensjoni ulterjuri tal-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, li intenzjonalment qed jostakolaw il-kuntatt bejn il-persuni u qed jiżolaw il-popolazzjoni taż-żewġ territorji okkupati;
10. Jikkundanna l-qerda intenzjonata ta' għexieren ta' rħula u knejjes Georgjani fit-territorji okkupati tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif ukoll it-tentattiv intenzjonat li jitħassru t-traċċi tal-kultura u l-istorja tal-Georgja fit-territorji okkupati, u jikkundanna inizjattivi li jiffavorixxu l-antagoniżmu u l-firda bħall-hekk imsejjaħ referendum tal-2017 li japprova bidla fl-isem tar-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar;
11. Jistieden lill-Federazzjoni Russa taderixxi mal-prinċipju tar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, billi tirreċiproka l-impenn unilaterali tal-Georgia li ma tużax il-forza, kif sostna l-President tal-Georgia fid-diskors tiegħu lill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Novembru 2010;
12. Jilqa' l-inizjattiva ta' paċi l-ġdida tal-Gvern tal-Georgia intitolata "Pass lejn Ġejjieni Aħjar", immirata lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u umanitarji tal-persuni li jgħixu fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif ukoll lejn it-trawwim tal-kuntatt bejn il-persuni u lejn it-tkattir tal-fiduċja bejn il-komunitajiet maqsumin;
13. Ifakkar lill-Federazzjoni Russa li, bħala potenza okkupanti, għandha obbligi lejn il-popolazzjoni u li jeħtiġilha ttemm il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment u ta' residenza, id-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' etniċità u l-ksur tad-dritt għall-proprjetà u l-aċċess għall-edukazzjoni bil-lingwa materna fit-territorji okkupati tal-Georgia;
14. Jistieden, barra minn hekk, lill-Federazzjoni Russa ttemm l-impunità u d-delitti b'motivazzjoni etnika fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar u tneħħi kwalunkwe ostakolu sabiex jiġi żgurat li l-awturi tal-qtil illegali tal-Georgjani spostati internament Archil Tatunashvili, Giga Otkhozoria u Davit Basharuli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
15. Jilqa' l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni bipartitika min-naħa tal-Parlament tal-Georgia li tistabbilixxi "lista sewda" ta' persuni responsabbli minn dan il-ksur jew mill-ħabi tiegħu (lista Otkhozoria-Tatunashvili) u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill jinkludu f'lista sewda lill-persuni li jidhru jew li għandhom mnejn jidhru fuq il-lista Otkhozoria-Tatunashvili u jimponu sanzjonijiet fuqhom kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE;
16. Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tippermetti r-ritorn sikur u dinjituż tal-persuni spostati internament u r-rifuġjati lejn djarhom u tiżgura aċċess mingħajr xkiel fuq il-post għall-mekkaniżmi internazzjonali inkarigati mill-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem;
17. Itenni l-kundanna tiegħu fil-konfront tal-politiki sovversivi ta' propaganda, diżinformazzjoni u infiltrazzjoni tal-midja soċjali maħsuba biex idgħajfu d-demokrazija u s-soċjetà fil-Georgia billi jiskreditaw l-istituzzjonijiet, jimmanipulaw l-opinjoni pubblika, ixerrdu narrattivi foloz, ikebbsu t-tensjonijiet soċjali u jrawmu sfiduċja ġenerali fil-midja; jikkundanna, f'dan il-kuntest, il-gwerra tal-informazzjoni li qed twettaq ir-Russja, li qed tuża l-istabbilimenti tal-midja kkontrollati mill-istat tagħha biex deliberatament ixxandar aħbarijiet foloz bil-għan li tinfluwenza l-politika lokali u timmina l-proċessi tal-integrazzjoni Ewropea;
18. Jenfasizza li l-komunità internazzjonali jeħtiġilha tieħu pożizzjoni konsistenti, koordinata, magħquda u soda kontra l-politika ta' okkupazzjoni u annessjoni tar-Russja bħala l-uniku mezz biex ikunu żgurati r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt fil-Georgia u l-prevenzjoni ta' kunflitti simili fl-inħawi;
19. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw approċċ konsistenti ma' dak tal-Parlament Ewropew u l-politiki tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri billi jużaw termini aktar ċari u preċiżi huma u jiddefinixxu l-aggressjoni tar-Russja fil-Georgja bħala okkupazzjoni mill-Federazzjoni Russa tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.