Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2016 (2017/2273(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 3 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-33 Rapport Annwali mill-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea (2015) (COM(2016)0463),
– wara li kkunsidra l-34 Rapport Annwali mill-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea (2016) (COM(2017)0370),
– wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni bit-titlu "Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Proġett "EU Pilot"" (COM(2010)0070),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titlu "It-Tieni Rapport ta' Evalwazzjoni dwar l-EU Pilot" (COM(2011)0930),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2016 bit-titlu "Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE: Rapport annwali 2014"(1),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016, bit-titlu "Id-Dritt tal-UE: Riżultati Aħjar permezz ta' Applikazzjoni Aħjar" (C(2016)8600),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet mal-kwelerant fil-qasam tal-ksur tad-dritt Komunitarju (COM(2002)0141),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2012 bit-titlu "L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni" (COM(2012)0154),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 dwar Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt (COM(2014)0158),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titlu "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE" (COM(2015)0215),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(2),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta' Mejju 2001 li tistabbilixxi Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali(3),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar it-30 u l-31 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2012-2013)(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2016 għal amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti(7) u r-riżoluzzjoni tal-15 ta' Jannar 2013 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Liġi ta' Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea(8);
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2016 dwar it-twassil tal-benefiċċji tal-politiki ambjentali tal-UE permezz ta' Analiżi regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali (COM(2016)0316) u tat-3 ta' Frar 2017 bit-titlu "L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar" (COM(2017)0063),
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0197/2018),
A. billi l-Artikolu 17 tat-TUE jiddefinixxi r-rwol fundamentali tal-Kummissjoni bħala l-gwardjana tat-Trattati;
B. billi l-Artikolu 2 tat-TUE jistipula li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; u billi l-implimentazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-UE definiti fit-Trattati u fil-leġiżlazzjoni sekondarja; billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jagħti lill-Unjoni l-kompitu li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha;
C. billi, skont l-Artikolu 2 tat-TUE u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"), l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom hija msejsa l-UE, u billi, fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kull forma ta' diskriminazzjoni, telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi opportunitajiet indaqs u trattament ugwali;
D. billi l-Artikolu 3 tat-TUE jistipula li l-għanijiet tal-Unjoni huma, inter alia, il-promozzjoni tal-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha u l-ħidma favur l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa msejjes fuq tkabbir ekonomiku ekwilibrat u l-istabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija tas-suq soċjali kompettittiva ħafna, li timmira lejn l-impjieg sħiħ u l-progress soċjali, u livell għoli ta' ħarsien u titjib tal-kwalità tal-ambjent, u li l-Unjoni għandha tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-ħarsien soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tal-drittijiet tal-minorenni,
E. billi, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni ċara u preċiża dwar il-mod li bih jittrasponu d-direttivi tal-UE fid-dritt nazzjonali; billi, skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri(9) u d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tas-27 ta' Ottubru 2011 tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni(10), l-Istati Membri jistgħu, meta jinnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali lill-Kummissjoni, ikunu obbligati wkoll jipprovdu dokumenti li jispjegaw kif ittrasponew id-direttivi fid-dritt nazzjonali;
F. billi skont l-Artikolu 4(3) tat-TUE u l-Artikoli 288(3) u 291(1) tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja li jittrasponu, japplikaw u jimplimentaw id-dritt tal-UE b'mod korrett u fiż-żmien previst, kif ukoll li jipprovdu rimedji suffiċjenti biex jiżguraw il-protezzjoni legali effikaċi fl-oqsma koperti mid-dritt tal-UE;
G. billi l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE tiggarantixxi l-benefiċċji tal-politiki tal-Unjoni liċ-ċittadini Ewropej kollha u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji;
H. billi, wara l-adozzjoni f'Diċembru 2016 tal-komunikazzjoni tagħha bit-titlu "Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar", il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonċentra fuq każijiet fejn l-Istati Membri jonqsu milli jikkomunikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni, fejn dawk il-miżuri jittrasponu direttivi b'mod inkorrett, jew fejn l-Istati Membri jonqsu milli jikkonformaw ma' sentenza tal-QtĠ-UE (skont l-Artikolu 260(2) tat-TFUE), u jikkawżaw dannu serju lill-interessi finanzjarji tal-UE jew jidħlu fuq is-setgħat esklużivi tal-UE;
I. billi, skont l-Artikolu 6(1) tat-TUE, il-Karta għandha l-istess valur legali tat-Trattati, u hija indirizzata lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni u tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 51(1) tal-Karta);
J. billi l-proċeduri tal-EU Pilot huma maħsuba għal kooperazzjoni eqreb u aktar koerenti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex ikun hemm rimedju, permezz ta' djalogu bilaterali, għall-ksur tad-dritt tal-UE fi stadju bikri sabiex, kulfejn ikun possibbli, jiġu evitati proċedimenti formali għal ksur;
K. billi huwa neċessarju – b'reazzjoni għad-defiċit demokratiku attwali u b'referenza għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali – li jiġi stabbilit mekkaniżmu ġdid li jipprovdi qafas uniku u koerenti msejjes fuq l-istrumenti u l-mekkaniżmi eżistenti, li għandu jiġi applikat b'mod uniformi għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE u għall-Istati Membri kollha;
L. billi, madankollu, skont il-politiki l-ġodda adottati mill-Kummissjoni biex tiżgura l-konformità mad-dritt tal-UE, l-għan tal-EU Pilot mhuwiex li l-proċedura ta' ksur tittawwal, li minnu nnifsu huwa mezz biex wieħed jidħol fi djalogu ma' Stat Membru għas-soluzzjoni tal-problemi;
M. billi, sabiex tiżgura approċċ aktar strateġiku u effikaċi tal-infurzar biex tittratta l-każijiet ta' ksur, il-Kummissjoni ddeċidiet, kif indikat fil-komunikazzjoni tagħha bit-titlu "Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar", li tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur mingħajr ma toqgħod fuq il-mekkaniżmu tal-EU Pilot, dment li l-użu tiegħu ma jitqisx utli f'każ partikolari;
N. billi fl-2016 il-Kummissjoni rċeviet 3 783 ilment ġdid li rrapportaw dwar possibbiltajiet ta' ksur tad-dritt tal-UE, u l-Istati Membri li kontrihom tressqu l-aktar ilmenti kienu l-Italja (753), Spanja (424) u Franza (325);
O. billi, skont l-Artikolu 258(1) u (2) tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni motivata lil Stat Membru meta tqis li dan ikun naqas minn obbligu skont it-Trattati, u tista' ġġib il-każ quddiem il-QtĠ-UE jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mal-opinjoni fi żmien data ta' skadenza stabbilita mill-Kummissjoni;
P. billi fl-2016, il-Kummissjoni nediet 847 proċedura ġdida ta' ksur għal traspożizzjoni tard tad-direttivi;
Q. billi fl-2016, 95 każ ta' ksur kienu għadhom miftuħin u b'reazzjoni għal dan il-QtĠ-UE ddeċidiet dwar in-nuqqas ta' konformità min-naħa tal-Istati Membri involuti;
R. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tippreżenta sa Settembru 2017, fuq il-bażi tal-Artikolu 295 tat-TFUE, proposta għall-konklużjoni ta' Patt tal-Unjoni għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt tal-UE għad-DRF) fil-forma ta' ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi arranġamenti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-qafas tal-Artikolu 7 tat-TUE;
S. billi l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jipprevedi l-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar il-proċeduri ta' ksur kollha bbażati fuq l-ittri ta' intimazzjoni, iżda ma jkoprix il-proċedura informali tal-EU Pilot li tippreċedi l-ftuħ tal-proċeduri ta' ksur formali;
T. billi l-Artikolu 41 tal-Karta jiddefinixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala d-dritt ta' kull persuna li l-kwistjonijiet li jirrigwardawha jiġu ttrattati b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli min-naħa tal-istituzzjonijiet, u billi l-Artikolu 298 tat-TFUE jistipula li, fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti;
U. billi fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta' Frar 2017 dwar ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR), il-Kummissjoni ssostni li stabbiliet djalogu strutturat u komprensiv mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u, mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' infurzar tagħha skont it-Trattati tal-UE, toffri li tiffaċilita l-isforzi tal-Istati Membri permezz ta' qafas ġdid iddedikat;
V. billi l-Artikolu 157 tat-TFUE jippermetti li l-leġiżlazzjoni tiġġieled kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq il-ġeneru, u l-Artikolu 19 tiegħu jabilita dan;
W. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom, fid-Dikjarazzjoni Nru 19 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adotta t-Trattat ta' Lisbona, fil-ġlieda "kontra kull xorta ta' vjolenza domestika [...], sabiex jipprevjenu u jikkastigaw dawn l-atti kriminali kif ukoll sabiex jappoġġaw u jipproteġu lill-vittmi";
X. billi l-leġiżlazzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari tan-nisa u t-tfal, ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 79 u 83 tat-TFUE; billi l-Programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza jiffinanzja, fost affarijiet oħra, miżuri li jikkontribwixxu għall-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa;
Y. billi għadd ta' direttivi tal-UE, b'mod partikolari dawk iffukati fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhux qed jiġu implimentati kif suppost f'għadd ta' Stati Membri, u dan iħalli lil nies ta' ġeneri differenti mingħajr protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-aċċess għall-impjiegi, għall-oġġetti u għas-servizzi;
Z. billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru tinkroċja ma' tipi oħra ta' diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-razza u l-etniċità, ir-reliġjon, id-diżabbiltà, is-saħħa, l-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-età u/jew il-kundizzjoni soċjoekonomika;
AA. billi 33 % tan-nisa fl-UE esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew vjolenza sesswali u 55 % ġarrbu fastidju sesswali, 32 % fuq il-post tax-xogħol; billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza sesswali, fiżika u online u għall-bullying u l-istalking ċibernetiċi; billi aktar minn nofs in-nisa vittmi ta' qtil jiġu maqtula minn sieħeb jew membru tal-familja; billi l-vjolenza kontra n-nisa hija waħda mill-vjolazzjonijiet l-aktar mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem, irrispettivament mill-età, in-nazzjonalità, ir-reliġjon, l-edukazzjoni, jew l-istatus finanzjarju u soċjali tal-vittma, u tirrappreżenta ostakolu mill-akbar għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-fenomenu tal-femminiċidju mhux qed jonqos fl-Istati Membri;
AB. billi l-istħarriġ tal-UE dwar l-LGBT juri li n-nisa leżbjani, bisesswali u transġeneri jiffaċċaw riskju kbir ħafna ta' diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom jew tal-identità tal-ġeneru tagħhom; billi 23 % tal-leżbjani u 35 % tal-persuni transġeneri ġew attakkati jew mhedda fiżikament/sesswalment bi vjolenza fid-dar jew xi mkien ieħor (fit-triq, fuq mezzi tat-trasport pubbliku, fuq il-post tax-xogħol, eċċ.) tal-inqas darba fl-aħħar ħames snin;
AC. billi nstab li l-applikazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE fejn tidħol l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Istati Membri tinvolvi problemi speċifiċi relatati mat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-direttivi rilevanti, bħalma huma nuqqasijiet sostantivi fil-leġiżlazzjoni u l-applikazzjoni inkonsistenti tagħha mill-qrati nazzjonali;
AD. billi l-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma spiss emarġinati fl-istrutturi governattivi nazzjonali, billi huma maqsuma bejn oqsma ta' politika differenti u mxekkla minn mandati kumplessi kif ukoll nieqsa minn persunal, taħriġ u data adegwati u riżorsi suffiċjenti, u ma jkollhomx biżżejjed appoġġ mill-mexxejja politiċi;
AE. billi, skont l-analiżi komparattiva tal-liġi tan-nondiskriminazzjoni fl-Ewropa ppubblikata fl-2017 min-netwerk Ewropew ta' esperti legali fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni, fil-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi għad hemm tħassib serju f'dak li jirrigwarda l-perċezzjoni u l-għarfien, peress li l-individwi spiss ma jkunux informati dwar id-drittijiet tagħhom għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni jew dwar l-eżistenza ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni; billi, skont din l-analiżi, fir-rigward tal-infurzar tad-direttivi tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, qamu kwistjonijiet oħra ta' tħassib, bħalma huma n-nuqqas ta' locus standi (jew locus standi restrittiv wisq) tal-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet rigward l-involviment tagħhom fi proċedimenti f'isem jew favur il-vittmi ta' diskriminazzjoni u l-applikazzjoni restrittiva tal-bidla fl-oneru tal-provi, kif ukoll għadd ta' ostakoli għall-aċċess effettiv għall-ġustizzja, u dawn qed jaġixxu bħala ostakoli li jxekklu liċ-ċittadini milli jkunu jistgħu jgawdu u jipproteġu b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni;
AF. billi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2017 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) juri biss titjib marġinali, u dan juri biċ-ċar li l-UE għadha 'l bogħod milli tilħaq l-istat ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri, billi l-punteġġ komplessiv issa huwa ta' 66,2 minn 100, erba' punti biss ogħla minn għaxar snin ilu;
AG. billi fir-rigward tal-isfera tat-teħid ta' deċiżjonijiet, id-data dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri msemmija hawn fuq turi titjib ta' kważi għaxar punti matul l-aħħar deċennju, billi l-punteġġ bħalissa huwa ta' 48,5, iżda dan il-qasam għad għandu l-aktar punteġġ baxx ta' kisba minn fost il-punteġġi kollha; billi din iċ-ċifra negattiva tirrifletti primarjament ir-rappreżentanza mhux ugwali tan-nisa u tal-irġiel fil-politika u tindika defiċit demokratiku fil-governanza tal-UE;
AH. billi r-rapport tal-Eurofound dwar id-distakk bejn is-sessi fil-qasam tal-impjiegi jistima li dan id-distakk qed jiswa lill-UE madwar EUR 370 biljun fis-sena, li jikkorrispondu għal 2,8 % tal-PDG tal-UE;
AI. billi skont l-Istħarriġ dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Eurofound, l-indikatur kompost ta' ħin tax-xogħol imħallas u mhux imħallas juri li meta jiġu kkomputati s-sigħat tax-xogħol imħallsa u mhux imħallsa, in-nisa jaħdmu sigħat itwal;
AJ. billi, minkejja l-impenn tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-bordijiet tat-tmexxija tal-aġenziji tal-UE għandhom nuqqas serju ta' bilanċ bejn il-ġeneri, u juru xejriet persistenti ta' segregazzjoni tal-ġeneri;
AK. billi l-femminilizzazzjoni tal-faqar hija fatt fl-UE u billi l-applikazzjoni u l-infurzar xierqa u sħaħ tad-drittijiet tal-UE dwar l-ugwaljanza u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom jimxu id f'id mal-politiki li jimmiraw lejn ir-rati għoljin ħafna tal-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost in-nisa, ; billi n-nuqqas ta' politiki dwar l-ugwaljanza u n-nuqqas ta' implimentazzjoni tad-dritt dwar il-ġeneri u l-ugwaljanza jkomplu jipperikolaw lin-nisa u jżidu r-riskju tal-faqar u l-emarġinazzjoni soċjali billi jeskluduhom mis-suq tax-xogħol;
AL. billi l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti hija essenzjali biex isir progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi, għalkemm id-Direttiva riformulata 2006/54/KE tipprojbixxi b'mod ċar kemm id-diskriminazzjoni diretta kif ukoll dik indiretta, u minkejja l-fatt li n-nisa jiksbu bħala medja livell għoli ta' edukazzjoni, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa xorta kienet għadha ta' 16,3 % fl-2015;
AM. billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jeħtieġ li jkun parti essenzjali fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE;
AN. billi l-ġbir tad-data, possibilment diżaggregata skont il-ġeneri, huwa sostanzjalment importanti biex jiġi evalwat il-progress li sar sa issa fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE;
1. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni(11) li twieġeb għall-ksur minnufih, u jappoġġa l-isforzi tagħha biex issolvi l-problemi ta' implimentazzjoni b'mod informali; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-sistema għas-soluzzjoni tal-problemi tal-EU Pilot;
2. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fin-numru totali ta' proċedimenti ta' ksur fl-2016, li tella' ċ-ċifra għal każijiet bħal dawn għall-ogħla livell irreġistrat f'dawn l-aħħar ħames snin;
3. Jilqa' r-Rapport Annwali 2016 tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, u jinnota li, skont dan ir-rapport, l-erba' oqsma li fihom l-akbar numru ta' proċedimenti ta' ksur infetħu kontra l-Istati Membri fl-2016 kienu l-ambjent, il-ġustizzja u l-konsumaturi, it-tassazzjoni u s-suq intern;
4. Ifakkar li d-dritt għall-petizzjoni fil-Parlament huwa pilastru taċ-ċittadinanza Ewropea, kif stabbilit fl-Artikoli 20 u 227 tat-TFUE u fl-Artikolu 44 tal-Karta, u skont eżerċizzji ta' stħarriġ reċenti, jikklassifika fit-tieni post fl-importanza għaċ-ċittadini; jissottolinja l-importanza tal-petizzjonijiet bħala mezz biex iċ-ċittadini u r-residenti jħossuhom involuti fl-attivitajiet tal-Unjoni u biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar każijiet ta' ksur jew applikazzjoni ħażina tad-dritt tal-UE u dwar lakuni potenzjali, filwaqt li fl-istess ħin dawn id-defiċjenzi jiġu rilevati bit-tama li tinkiseb soluzzjoni f'waqtha u effikaċi tal-problemi mqajma; jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni li l-ħidma li saret biex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-dritt eżistenti tal-UE jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta bħala ta' importanza ekwivalenti għall-ħidma ddedikata għall-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni ġdida; jistieden lill-Kummissjoni biex f'dan ir-rigward ittejjeb it-trattament tagħha tal-petizzjonijiet preżentati billi tipprovdi risposti f'waqthom u fid-dettall;
5. Jiġbed l-attenzjoni għall-istudju kkummissjonat mill-Kumitat tal-Parlament għall-Petizzjonijiet għad-Dipartiment Tematiku C bit-titlu "Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE: għodod u sfidi", u jilqa' r-rakkomandazzjonijiet konkreti tiegħu għal azzjoni lill-Parlament; f'dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni għall-istudju ppubblikat riċentement ikkummissjonat lid-Dipartiment Tematiku C bit-titlu "Aċċess effettiv għall-Ġustizzja", b'segwitu għall-allegazzjonijiet rikorrenti li rriżultaw mit-trattament ta' diversi petizzjonijiet; jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex jitrawwem it-taħriġ ġudizzjarju fid-dritt tal-UE għall-Istati Membri differenti sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fid-deċiżjonijiet u għaldaqstant l-infurzar ugwali tad-drittijiet fl-Unjoni kollha;
6. Jilqa' ż-żieda fit-trasparenza fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2016, flimkien mal-għoti ta' aktar informazzjoni statistika, meta mqabbel ma' rapporti preċedenti; jiddispjaċih dwar il-fatt, madankollu, li r-rapport ma jipprovdi l-ebda informazzjoni preċiża dwar l-għadd ta' petizzjonijiet li wasslu għall-bidu ta' EU Pilot jew proċeduri ta' ksur u jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi din l-informazzjoni speċifika; jinnota b'dispjaċir li la l-Parlament u lanqas il-petizzjonanti mhuma involuti f'dawn il-proċeduri; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tikkondividi mal-Parlament l-informazzjoni dwar l-EU Pilots miftuħa u l-proċeduri ta' ksur mibdija kollha sabiex titjieb it-trasparenza, jitnaqqas iż-żmien għas-sejbien ta' soluzzjoni għat-tilwim permezz tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, tinbena l-fiduċja fil-proġett tal-UE u, fl-aħħar mill-aħħar, tissaħħaħ il-leġittimità tal-proċedura EU Pilot, speċjalment meta jkunu kkonċernati l-proċeduri ta' ksur; jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika b'mod sistematiku d-deċiżjonijiet tagħha u l-passi differenti meħuda mill-Kulleġġ tal-Kummissarji u biex tippubblika l-aġenda u l-eżiti ewlenin tal-gruppi ta' laqgħat; jirrikonoxxi d-deċiżjoni tal-QtĠ-UE fil-kawżi C-39/05 P, C-52/05 P u C-562/14 P ta' Mejju 2017, li tiddikjara li d-dokumenti fil-proċedura EU Pilot ma għandhomx jiġu żvelati pubblikament jekk ikun hemm riskju li tali żvelar jolqot in-natura tal-proċedura ta' ksur, ibiddel il-progress tagħha jew jimmina l-objettivi ta' dik il-proċedura; jistieden lill-Kummissjoni tiżvela d-dokumenti skambjati mal-Istati Membri ladarba r-riskju ma jibqax jeżisti, jiġifieri wara li jingħalqu l-proċeduri EU Pilot; jappoġġa, f'dan ir-rigward, is-suġġeriment tal-Ombudsman Ewropew dwar it-tempestività u t-trasparenza tal-każijiet ta' qabel il-ksur tal-EU Pilot; jenfasizza l-importanza li l-atturi kollha kkonċernati jinżammu infurmati u li tinġieb aktar trasparenza lill-proċessi tal-EU Pilot; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' impenn muri mill-Kummissjoni meta tkun qed twieġeb għat-tħassib imqajjem fil-proċeduri tal-EU Pilot mill-MPE u jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet bi kwalunkwe pass sinifikanti ġdid fl-investigazzjoni u d-djalogu li jkun għaddej mal-Istati Membri meta jkunu kkonċernati petizzjonijiet miftuħa; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex fir-rapport annwali tagħha tinkludi r-rata ta' implimentazzjoni kemm tar-regolamenti tal-UE kif ukoll tad-direttivi tagħha;
7. Iqis li l-għadd kbir ta' proċeduri ta' ksur juri li l-iżgurar tal-applikazzjoni f'waqtha u korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri għadu jikkostitwixxi sfida kbira u prijorità, waqt li jqis l-approċċ ġdid, aktar strateġiku u effikaċi għall-infurzar adottat mill-Kummissjoni għall-2016; iqis li xi wħud minn dawn il-każijiet ta' ksur jistgħu jkunu r-riżultat tan-nuqqas ta' riżorsi ddedikati lill-amministrazzjoni pubblika f'uħud mill-Istati Membri;
8. Jissottolinja l-fatt li l-għadd ta' lmenti ġodda qiegħed l-ogħla li qatt kien sa mill-2011 'l hawn, li jirrappreżenta żieda ta' 67,5 % fuq is-sena li għaddiet, b'għadd rekord ta' 3 783 ilment ġdid u tnaqqis fir-rati ta' soluzzjoni, li, barra minn hekk, 1 657 kawża ta' ksur baqgħu miftuħa fi tmiem l-2016, filwaqt li 986 każ ta' ksur infetħu fl-2016, li minnhom 847 jikkonċernaw it-traspożizzjoni tardiva; jinnota bi tħassib li 95 każ ta' ksur kienu għadhom miftuħa wara deċiżjoni tal-Qorti minħabba li l-Kummissjoni qieset li l-Istati Membri kkonċernati kienu għadhom ma kkonformawx mas-sentenzi skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, u li, b'mod ġenerali, l-oqsma tal-"impjieg" u l-"ġustizzja u l-konsumaturi" huma l-aktar affettwati, segwiti mis-suq intern, l-industrija, l-intraprenditorija u l-SMEs, it-tassazzjoni u d-dwana, u l-ambjent;
9. Jilqa' t-tnaqqis fl-għadd ta' fajls ġodda tal-EU Pilot miftuħin fl-2016 (790 meta mqabbel mat-881 fl-2014) u l-fatt li dan in-numru laħaq l-aktar livell baxx mill-2011, minkejja li l-Kummissjoni ma tiftaħ l-ebda proċedura tal-EU Pilot fl-eventwalità tat-traspożizzjoni tardiva tad-direttivi; jinnota, madankollu, li r-rata ta' soluzzjoni naqset ftit meta mqabbla ma' dik tal-2015 (minn 75 % għal 72 %); jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi kjarifikazzjoni dwar l-istabbiliment tal-prijoritajiet tagħha fir-rigward tal-politika dwar l-infurzar tagħha li tiddikjara li se tiffoka l-azzjoni ta' infurzar tagħha fejn tista' tagħmel differenza reali, u dwar il-prijoritajiet ta' politika waqt każijiet li jiżvelaw dgħufijiet sistemiċi f'sistema legali ta' Stat Membru;
10. Jinnota li l-impenn tal-Kummissjoni li tkun aktar strateġika fl-infurzar tad-dritt tal-UE dan l-aħħar wassal għall-għeluq tal-kawżi ta' ksur għal raġunijiet politiċi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tispjega l-kunsiderazzjonijiet wara tali deċiżjonijiet f'rapporti ta' monitoraġġ futuri;
11. Jenfasizza li ħafna mill-fajls tal-EU Pilot li wasslu għal proċeduri ta' ksur formali kienu jikkonċernaw prinċipalment l-oqsma ta' politika li jikkonċernaw lill-ambjent, lis-suq intern, lill-industrija, lill-intraprenditorija u lill-SMEs, lill-enerġija u lit-tassazzjoni u lid-dwana; jinnota wkoll li l-Ungerija, il-Ġermanja, Spanja u l-Polonja kellhom l-ogħla numru ta' fajls tal-EU Pilot li kienu segwiti permezz ta' proċeduri ta' ksur;
12. Jirrikonoxxi li r-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE hija tal-Istati Membri, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan il-fatt ma jeżonerax lill-istituzzjonijiet tal-UE mid-dmir tagħhom li jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE meta jkunu qed jistabbilixxu d-dritt sekondarju tal-UE, speċjalment fil-qasam tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-Karta;
13. Jirrimarka li l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE huma essenzjali biex titwettaq il-politika tal-UE f'dak li hu l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif minqux fit-Trattati u għall-inkoraġġiment u t-trawwim tal-fiduċja reċiproka bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini, filwaqt li jfakkar ukoll li l-fiduċja u ċ-ċertezza legali t-tnejn iservu bħala bażi għall-kooperazzjoni tajba u għall-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE;
14. Huwa mħasseb li f'għadd ta' Stati Membri għad fadal nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tal-immaniġġjar tal-iskart, tal-infrastrutturi għat-trattament tal-ilma mormi u tal-konformità mal-valuri ta' limitu tal-kwalità tal-arja;
15. Jissottolinja r-rwol importanti tas-sħab soċjali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, taċ-ċittadini Ewropej u ta' partijiet ikkonċernati oħra fil-monitoraġġ u fir-rappurtar ta' nuqqasijiet fit-traspożizzjoni u fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri; jilqa' għalhekk iż-żieda fir-responsività fost iċ-ċittadini għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż ir-rwol kruċjali tal-informaturi fis-settur privat u dak pubbliku; jenfasizza li ċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jkunu tal-ewwel li jsiru jafu, b'mod ċar, effettivament aċċessibbli, trasparenti u tempestiv, jekk u liema liġijiet nazzjonali jkunu ġew adottati bi traspożizzjoni tal-liġijiet tal-UE, u liema awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli biex jiġi żgurat li dawn jiġu implimentati b'mod korrett;
16. Jinnota l-importanza mogħtija mill-Kummissjoni lit-traspożizzjoni f'waqtha u korretta tad-dritt tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-eżistenza ta' dispożizzjonijiet ta' qafas interni ċari li jobbligaw lill-Istati Membri jagħtu prijorità lil dan l-objettiv, sabiex jiġi evitat ksur tad-dritt tal-UE, filwaqt li jiżguraw li l-individwi u l-impriżi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tiegħu;
17. Jirrimarka, madankollu, li l-iskadenzi mhux realistiċi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni jistgħu jagħmluha impossibbli għall-Istati Membri li jikkonformaw, ħaġa li timplika aċċettazzjoni taċita ta' dewmien fl-implimentazzjoni; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jaqblu dwar skeda ta' żmien aktar realistika għall-implimentazzjoni tar-regolamenti u d-direttivi, filwaqt li jieħdu kont taż-żmien meħtieġ għall-verifika u l-konsultazzjoni; iqis li l-Kummissjoni għandha tressaq rapporti, sommarji u reviżjonijiet leġiżlattivi dwar id-dati miftiehma mill-koleġiżlaturi u f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli;
18. Jirrimarka li fl-2016 kien hemm 70 direttiva x'jiġu trasposti, żieda minn 56 fl-2015; jesprimi tħassib rigward iż-żieda qawwija fl-għadd ta' każijiet ġodda ta' traspożizzjoni tard minn 543 għal 847; jiddispjaċih li fl-aħħar tal-2016, 868 każ ta' ksur għal traspożizzjoni tard kienu għandhom miftuħin, żieda ta' 67,5 % fuq il-518-il każ miftuħa fl-aħħar tal-2015;
19. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, fl-2015, l-Istati Membri naqsu milli jonoraw l-impenji kollha tagħhom li jipprovdu dokumenti ta' spjegazzjoni flimkien mal-miżuri li jkunu ħadu biex jittrasponu d-direttivi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; iqis li, minħabba l-kwalità mhux uniformi ta' ħafna mid-dokumenti ta' spjegazzjoni ppreżentati, il-Kummissjoni għandha tipprovdi aktar għajnuna lill-Istati Membri fil-preparazzjoni tagħhom u fit-tfassil tat-tabelli ta' korrelazzjoni;
20. Jissottolinja l-fatt li n-nuqqas li tiġi żgurata traspożizzjoni f'waqtha u korretta tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE – li tindirizza l-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs u t-trattament indaqs tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' edukazzjoni, impjiegi u xogħol, paga ugwali għal xogħol ugwali, u t-trattament indaqs tan-nisa u l-irġiel fl-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provvista tagħhom – kif ukoll id-dispożizzjonijiet eżistenti biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u biex jintemmu l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, fl-aħħar mill-aħħar iċaħħad liċ-ċittadini u lin-negozji mill-benefiċċji li huma intitolati għalihom skont id-dritt tal-UE;
21. Jenfasizza l-fatt li l-UE ġiet stabbilita bħala Unjoni msejsa fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (l-Artikolu 2 tat-TUE); jinnota li, fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw bis-sħiħ mad-drittijiet fundamentali minquxa fit-Trattati u fil-Karta; itenni li l-monitoraġġ bir-reqqa tal-atti u l-ommissjonijiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE huwa ta' importanza kbira;
22. Itenni t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-għadd ta' petizzjonijiet lill-Parlament u tal-ilmenti lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li l-Kummissjoni suppost kellha ssolvi;
23. Jirrileva l-importanza li tiġi salvagwardjata l-integrità tal-ordinament ġuridiku tal-UE, li jinkludi l-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja u l-liġi mhux vinkolanti; għal din ir-raġuni jitlob li sseħħ l-adozzjoni f'waqtha tal-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi rikjesti biex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jsir realtà għaċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni teżerċita l-aktar trasparenza u koerenza possibbli fl-isforzi tagħha biex toħloq qafas ġdid iddedikat għall-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE, bħar-EIR; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-ħolqien ta' tali qafas iddedikat b'mod speċifiku għall-iżvilupp ġust u bbilanċjat, l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-kwistjonijiet tal-inklużjoni fir-rigward tal-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali;
24. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, wara r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016, biex tippreżenta proposta għall-konklużjoni ta' patt tal-Unjoni għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt tal-UE għad-DRF), u għaldaqstant effettivament tirraggruppa r-rapporti tematiċi annwali rilevanti tagħha bl-eżitu tal-mekkaniżmi eżistenti ta' monitoraġġ u l-għodod ta' valutazzjoni perjodika, li għandhom jiġu ppreżentati fi żmien debitu; ifakkar li l-Kummissjoni, bħala Gwardjan tat-Trattati b'rispett sħiħ tal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u effettiva stabbiliti mill-Artikoli 298 tat-TFUE u l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, għandha d-dmir li timmonitorja u tivvaluta l-implimentazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, u r-rispett mogħti lill-prinċipji u l-objettivi minquxa fit-Trattati mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni, u biex tirrispetta l-impenn tagħha li tgħin b'mod attiv lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw ċerti direttivi u regolamenti; jirrakkomanda għalhekk li dan il-kompitu jittieħed f'kunsiderazzjoni fiċ-ċiklu tal-politika DRF mill-2018 'l quddiem u r-rapporti tematiċi annwali rilevanti tagħha – flimkien mal-eżitu tal-mekkaniżmi ta' monitoraġġ eżistenti u l-għodod ta' valutazzjoni perjodika eżistenti – jiġu ppreżentati fi żmien debitu;
25. Ifakkar li l-Parlament, f'diversi okkażjonijiet, talab lill-Kummissjoni tissorvelja, tidderieġi u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki ambjentali b'mod aktar proattiv;
26. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tgħin b'mod attiv lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni Ewropea billi tħejji pjanijiet ta' implimentazzjoni għal ċerti direttivi u regolamenti;
27. Iqis li peress li l-Parlament huwa responsabbli b'mod konġunt għall-iżgurar tal-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE skont il-Ftehim Interistituzzjonali u minħabba fil-funzjoni ta' kontroll politiku rilevanti tiegħu fuq il-Kummissjoni mogħtija mill-Artikolu 14 tat-TUE, il-Parlament għandu jiġi notifikat awtomatikament dwar kull EU Pilot miftuħ u ksur mibdi, u għandu jingħata aċċess adegwat għad-dokumenti relatati ma' dawn iż-żewġ tipi ta' proċeduri, b'mod partikolari meta jirriżultaw minn petizzjonijiet, filwaqt li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità meħtieġa għat-trattament b'suċċess tal-każijiet;
28. Jipproponi li r-rappreżentanti tal-Istati Membri jkunu aktar preżenti waqt id-diskussjonijiet dwar il-petizzjonijiet fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet;
29. Jinnota l-livell ta' applikazzjoni mhux sodisfaċenti tad-dritt tal-UE fost l-Istati Membri kif muri min-numru għoli ta' lmenti mibgħuta lill-Kummissjoni u l-fluss konsiderevoli ta' petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni kif espressa fil-komunikazzjoni tagħha ta' Diċembru 2016 biex iżżid l-użu tagħha ta' għodod preventivi bħal gruppi ta' laqgħat, linji gwida ta' implimentazzjoni, gruppi ta' esperti U netwerks speċjalizzati (inkluż in-netwerk SOLVIT) u biex jiġi appoġġat il-bini ta' kapaċità fl-Istati Membri biex jiġi infurzat id-dritt tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tuża d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 197 tat-TFUE biex timplimenta din il-politika ta' infurzar imġedda fi sħubija sħiħa mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-mod kif tittratta l-petizzjonijiet indirizzati billi tipprovdi tweġibiet f'waqthom u dettaljati;
30. Jinnota li filwaqt li għadhom miftuħin 95 każ ta' ksur u filwaqt li l-QtĠ-UE laħqet deċiżjoni dwar in-nonkonformità tal-Istati Membri, huma biss tlieta minn dawn il-kawżi li ġew riferuti mill-Kummissjoni lill-QtĠ-UE fuq il-bażi tal-Artikolu 260 tat-TFUE; jikkunsidra li huwa ta' importanza assoluta li tiġi żgurata eżekuzzjoni sħiħa u f'waqtha tad-deċiżjonijiet tal-Qorti u fejn meħtieġ li jsir użu sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 279 tat-TFUE biex jiġi evitat kwalunkwe mminar tad-dritt tal-UE u tal-awtorità tal-QtĠ-UE; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din is-sitwazzjoni u tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar f'dan ir-rigward;
31. Jenfasizza l-fatt li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE huma marbuta mit-Trattati tal-UE u mill-Karta(12);
32. Jirrakkomanda li kwalunkwe dibattitu interparlamentari dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali għandu jinkludi lis-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni ċivika, pereżempju permezz ta' petizzjonijiet trażmessi lill-Parlament Ewropew u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;
33. Jenfasizza li l-memoranda ta' ftehim konklużi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri m'humiex meqjusa bħala atti tal-UE skont l-Artikolu 288 tat-TFUE;
34. Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fit-tfassil u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE mill-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza b'mod partikolari l-prinċipju tar-responsabbiltà demokratika – u r-rwol li għandu l-Parlament fl-iżgurar tiegħu – kif ukoll id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-ġustizzja u l-amministrazzjoni tajba, kif stipulat fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta; jirrimarka li dawn id-drittijiet u l-prinċipji jirrikjedu li ċ-ċittadini jingħataw aċċess adegwat u faċli għall-abbozzi tal-atti legali li jikkonċernawhom; ifakkar li dawn l-istess drittijiet u prinċipji għandhom ukoll ikunu ta' importanza fundamentali għall-Istati Membri meta jipproponu abbozzi ta' atti mmirati biex jimplimentaw id-dritt tal-UE;
35. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ, meta jkun possibbli u neċessarju, ir-riżorsi finanzjarji tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew, iddedikati għal "tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-partijiet interessati u amministrazzjoni pubblika effiċjenti" bl-għan li jiġu promossi l-għajnuna soċjali u l-iżvilupp ekonomiku, u biex tissaħħaħ l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni ta' benefiċċju; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-Artikolu 197 tat-TFUE biex tgħin issaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw id-dritt tal-UE;
36. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti mfassla biex jgħinu lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-problemi ta' traspożizzjoni, jindirizzawhom fi stadju bikri tal-proċedura ta' ksur u jgħinuhom isibu soluzzjonijiet konġunti;
37. Ifakkar li l-leġiżlazzjoni li tagħti lok għall-proċeduri ta' ksur l-aktar ċar ġejja mid-direttivi; ifakkar li r-regolamenti huma applikabbli b'mod dirett u obbligatorju fl-Istati Membri kollha; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex kemm jista' jkun tagħmel użu mir-regolamenti meta jkollha l-intenzjoni li toħroġ proposti leġiżlattivi; iqis li tali approċċ jista' jtaffi r-riskju ta' regolamentazzjoni żejda;
38. Ifakkar li d-deċiżjonijiet preliminari jikkontribwixxu biex jiġi ċċarat il-mod kif id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi applikat; iqis li l-użu ta' din il-proċedura jippermetti interpretazzjoni u implimentazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni ssegwi b'mod aktar effikaċi t-twettiq tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jfittxu deċiżjoni preliminari mill-QtĠ-UE skont l-Artikolu 267 tat-TFUE; jinkoraġġixxi, għalhekk, lill-qrati nazzjonali biex f'każ ta' dubju jressqu domandi lill-QtĠ-UE u b'hekk jiġu evitati proċeduri ta' ksur;
39. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kontroll tagħha fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern(13), u biex tniedi l-proċeduri għal ksur meħtieġa, u tkun partikolarment viġilanti fir-rigward tal-applikazzjoni inkorretta jew ħażina;
40. Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tinforza r-regoli ambjentali tal-UE sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi kollha u biex tindirizza n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, inkluż billi tirrikorri għal proċeduri ta' ksur jekk ikun meħtieġ; jissottolinja, madankollu, il-limitazzjonijiet magħrufa fl-effikaċja tar-regoli ambjentali tal-UE u b'mod partikolari d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta’ Ottubru 2017(14) dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali; jirrimarka li f'ċerti Stati Membri d-dritt għal ambjent f'saħħtu qed jiġi mminat min-nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni tal-ħsara lill-arja u lill-ilma, l-immaniġġjar tal-iskart u l-infrastruttura tat-trattament tal-ilma mormi; jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE tista' tiffranka lill-ekonomija tal-UE EUR 50 biljun fis-sena, fuq kollox, f'kostijiet tas-saħħa u f'kostijiet diretti lill-ambjent;
41. Jenfasizza li l-acquis tal-UE jinkludi wkoll ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE; jinnota bi tħassib serju li r-regoli ambjentali tal-UE jistgħu ma jkunux f'konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali ("il-Konvenzjoni ta' Aarhus")(15) fin-nuqqas ta' għoti ta' aċċess suffiċjenti għall-ġustizzja lill-organizzazzjonijiet ambjentali u lill-membri tal-pubbliku; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lir-riżultati u lir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus(16) u l-pożizzjoni tal-Kunsill tat-17 ta' Lulju 2017(17), u tesplora modi u mezzi għall-konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus b'mod li jkun kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u mas-sistema ta' stħarriġ ġudizzjarju tagħha;
42. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tal-miżuri adottati fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni sabiex tiżgura li jikkonformaw mal-prinċipji minquxa fil-Karta, taħdem mal-Istati Membri biex jingħelbu d-diffikultajiet li jaf jiltaqgħu magħhom fl-implimentazzjoni u tniedi l-proċeduri għal ksur meħtieġa meta jkun rilevanti; jinnota bi tħassib li ċerti Stati Membri mhumiex qed jonoraw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-asil u l-migrazzjoni, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda r-rilokazzjoni tal-persuni li jfittxu asil; jissottolinja li huwa meħtieġ li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' solidarjetà bejn uħud mill-Istati Membri fir-rigward tal-asil u l-migrazzjoni sabiex l-Istati Membri kollha jissodisfaw l-obbligi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw iż-żieda fit-traffikar tal-bnedmin għall-fini tal-isfruttament tal-ħaddiema jew għall-fini tal-isfruttament sesswali;
43. Jistieden lill-Kummissjoni tirrispondi b'mod effikaċi għas-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fir-rigward tal-migrazzjoni u tas-sigurtà u ssaħħaħ l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-pakketti ta' implimentazzjoni relatati b'mod effiċjenti; jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod korrett id-Direttiva dwar ir-Ritorn (2008/115/KE)(18) u jirrapportaw regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni;
44. Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika l-kompatibbiltà ta' kuntratti ta' żero sigħat mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-impjiegi, inkluża d-Direttiva dwar il-Ħaddiema Part-Time minħabba li ħafna petizzjonijiet li waslu fl-2016 jirreferu għax-xogħol prekarju;
45. Jilqa' l-fatt li r-rapport jirrikonoxxi r-rwol tal-Parlament li jattira l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri permezz ta' mistoqsijiet parlamentari u petizzjonijiet; jirrimarka li skrutinju aktar rigoruż min-naħa tal-parlamenti nazzjonali tal-gvernijiet rispettivi tagħhom meta dawn tal-aħħar ikunu involuti fil-proċess leġiżlattiv se jippromwovi applikazzjoni aktar effikaċi tad-dritt tal-UE kif previst fit-Trattati;
46. Jesprimi t-tħassib li minħabba t-traduzzjonijiet inkonsistenti ta' bosta direttivi fil-lingwi uffiċjali tal-UE, huwa probabbli li verżjonijiet lingwistiċi differenti jwasslu għal interpretazzjonijiet differenti tat-testi rispettivi u differenzi fit-traspożizzjoni tagħhom fl-Istati Membri; jiddeplora l-fatt li tali differenzi fit-traspożizzjoni u fl-interpretazzjoni legali tad-direttivi jaf ma jinkixfux b'mod sistematiku, iżda biss meta jiġu ċċarati mid-deċiżjonijiet tal-QtĠ-UE;
47. Ifakkar li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol essenzjali kemm fl-iskrutinju preleġiżlattiv tal-abbozzi ta' atti legali tal-UE kif ukoll fl-iskrutinju postleġiżlattiv tal-implimentazzjoni korretta tad-dritt tal-UE min-naħa tal-Istati Membri; jistieden lill-parlamenti nazzjonali jiżvolġu dan ir-rwol b'mod proattiv;
48. Iqis li, f'konformità mal-isforzi tal-Kummissjoni biex tipproduċi leġiżlazzjoni tal-UE aħjar u aktar effikaċi, għandha dejjem titqies l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità;
49. Itenni l-appell tiegħu biex, fid-Direttorati Ġenerali rilevanti (DĠ IPOL, DĠ EXPO u DĠ EPRS), tinħoloq sistema awtonoma għall-valutazzjoni ex post tal-impatt tal-liġijiet ewlenin tal-UE adottati mill-Parlament taħt kodeċiżjoni u f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja;
50. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kontroll tagħha fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' korruzzjoni li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern, u tieħu l-miżuri xierqa biex tindirizza dawn il-fenomeni;
51. Ifakkar lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE li l-iżgurar tal-applikazzjoni f'waqtha u xierqa tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri jibqa' prijorità għall-UE; jenfasizza l-importanza tar-rispett għall-prinċipji tal-għoti tal-kompetenzi, tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, skont l-Artikolu 5 tat-TUE, kif ukoll tal-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi bil-ħsieb ta' titjib fis-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE; ifakkar fl-importanza tas-sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi eżistenti li jindirizzaw b'mod determinat diversi aspetti tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tat-twettiq tiegħu fil-prattika;
52. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex f'kull waqt jaqdu d-dmir tagħhom li jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE meta jkunu qed jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-UE jew dak mhux vinkolanti, meta jiżviluppaw politiki u jiffirmaw ftehimiet jew trattati ma' istituzzjonijiet minn barra mill-UE, li jassistu lill-Istati Membri bil-mezzi kollha disponibbli fl-isforzi tagħhom biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma kollha u biex jirrispettaw il-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni, b'mod speċjali fir-rigward tal-iżviluppi riċenti fl-Istati Membri;
53. Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-ilmentaturi individwali għandhom rwol essenzjali fl-identifikazzjoni ta' problemi aktar mifruxa fl-infurzar u fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE li jaffettwa l-interessi taċ-ċittadini u tan-negozji;
54. Jenfasizza li n-nuqqas ta' ġabra koerenti u komprensiva ta' regoli kodifikati ta' amministrazzjoni tajba madwar l-Unjoni jagħmilha diffiċli għaċ-ċittadini u għan-negozji biex jifhmu faċilment u b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni; jenfasizza, għalhekk, li l-kodifikazzjoni tar-regoli dwar l-amministrazzjoni tajba fil-forma ta' regolament li jistabbilixxi d-diversi aspetti tal-proċedura amministrattiva – inklużi n-notifiki, il-limiti ta' żmien vinkolanti, id-dritt għas-smigħ u d-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha – tirriżulta fit-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini u tat-trasparenza; jemmen li dan ir-regolament iġib aktar aċċessibbiltà, ċarezza u koerenza fl-interpretazzjoni tar-regoli eżistenti, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji u tal-amministrazzjoni u l-uffiċjali tagħha;
55. Ifakkar li fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 u tad-9 ta' Ġunju 2016 il-Parlament talab l-adozzjoni ta' regolament dwar amministrazzjoni tal-UE miftuħa, effiċjenti u indipendenti skont l-Artikolu 298 tat-TFUE, iżda jinnota li din it-talba ma ġietx segwita minn proposta tal-Kummissjoni; jistieden, għalhekk, għal darb'oħra lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar liġi Ewropea tal-proċedura amministrattiva, filwaqt li tqis il-passi li ttieħdu s'issa mill-Parlament f'dan il-qasam;
56. Jenfasizza li l-integrazzjoni inadegwata tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali f'oqsma ta' politika oħra hija waħda mill-kawżi ewlenin tal-implimentazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali;
57. Jissottolinja l-ħtieġa li jinżamm livell għoli kemm ta' protezzjoni ambjentali kif ukoll ta' saħħa u sikurezza tal-ikel;
58. Jenfasizza li l-infurzar effettiv tar-regoli tal-UE fl-oqsma tas-saħħa, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent huwa importanti għaċ-ċittadini Ewropej, peress li dan jinfluwenza l-ħajja tagħhom ta' kuljum u jaqdi l-interess ġenerali;
59. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-każijiet ta' ksur b'rabta mal-ambjent u b'dimensjoni transfruntiera, speċjalment fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar l-arja nadifa, inklużi t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretti tad-dritt tal-UE fi Stati Membri futuri; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex b'mod xieraq, trasparenti u f'waqtu tinforma lil dawk li jressqu l-ilmenti bl-argumenti mogħtija mill-istati kkonċernati b'reazzjoni għall-ilment;
60. Jinnota li l-għadd ta' proċedimenti ta' ksur li jikkonċernaw l-ambjent naqas fl-2016 meta mqabbel mal-2015, iżda jinsab imħasseb li kien hemm żieda fl-għadd ta' proċeduri fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza tal-ikel, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil dan il-punt;
61. Jirrileva l-fatt li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju ewlieni tal-UE li jeħtieġ li jiġi integrat fil-politiki kollha;
62. Jissottolinja r-rwol fundamentali li għandu l-istat tad-dritt f'dak li għandu x'jaqsam mal-għoti ta' leġittimità lil kwalunkwe forma ta' governanza demokratika; jenfasizza li dan huwa wieħed mill-pedamenti tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u bħala tali huwa konsistenti mal-kunċett ta' Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt;
63. Ifakkar li l-prinċipju tal-ugwaljanza – f'dik li hi paga ugwali għal xogħol ugwali – ilu minqux fit-Trattati Ewropej mill-1957 (ara l-Artikolu 157 tat-TFUE), u jirrileva li l-Artikolu 153 tat-TFUE jippermetti li l-UE taġixxi fil-qasam aktar wiesgħa ta' opportunitajiet ugwali u ta' trattament ugwali fil-kwistjonijiet ta' impjieg u ta' xogħol;
64. Jinnota b'apprezzament li l-interpretazzjoni wiesgħa tal-QtĠ-UE tal-kunċett ta' paga ugwali għal xogħol ugwali, kif artikolat fid-deċiżjonijiet u fil-ġurisprudenza estensiva tagħha dwar l-artikolu rilevanti, ċertament estendiet il-possibbiltajiet biex tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bejn is-sessi kemm diretta kif ukoll indiretta fir-rigward tal-pagi u biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, iżda jenfasizza li għad fadal x'isir sabiex tiġi eliminata d-differenza persistenti fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa fl-UE;
65. Jiddispjaċih ħafna li l-introduzzjoni ta' prinċipji legali li jipprojbixxu l-inugwaljanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa waħedha ma kinitx biżżejjed sabiex tinqered id-differenza persistenti fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa; ifakkar li d-Direttiva 2006/54/EC riformulata tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehimiet kollettivi, l-iskali tal-pagi, il-ftehimiet dwar pagi u l-kuntratti ta' impjieg individwali li jmorru kontra l-prinċipju tal-paga ugwali għandhom jew jistgħu jiġu ddikjarati nulli u bla effett jew jistgħu jiġu emendati;
66. Jenfasizza li kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni għandhom jagħtu attenzjoni lill-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw lill-ugwaljanza f'termini ta' ħlas; itenni l-importanza tal-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f'għadd ta' direttivi tal-UE u jikkunsidra strumenti alternattivi bħala għodod prezzjużi għall-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-UE; ifakkar fl-importanza tas-sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi eżistenti li jindirizzaw diversi aspetti tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tat-twettiq tiegħu fil-prattika; jenfasizza li n-negozjar kollettiv jista' jippermetti l-applikazzjoni ulterjuri tal-liġi tal-UE dwar pagi ugwali għal xogħol ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, il-liv tal-ġenituri, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħinijiet tax-xogħol, inkluża ġurnata ta' mistrieħ komuni fil-ġimgħa, biex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għan-nisa u l-irġiel u biex tittejjeb is-sitwazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;
67. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 li titlob l-adozzjoni ta' regolament tal-UE dwar Liġi Ewropea tal-Proċedura Amministrattiva, abbażi tal-Artikolu 298 tat-TFUE; jinnota b'diżappunt li l-Kummissjoni naqset milli tagħti segwitu għat-talba tal-Parlament biex hi tressaq proposta għal att leġiżlattiv fir-rigward tal-liġi tal-proċedura amministrattiva;
68. Jirrikonoxxi l-importanza li tinġabar data, possibilment diżaggregata skont il-ġeneru, biex wieħed jevalwa l-progress li sar fl-avvanz tad-drittijiet tan-nisa;
69. Jiddispjaċih li hemm nuqqasijiet fl-approċċ adottat mill-Kummissjoni dwar il-benesseri tal-annimali hekk kif injorat l-inkonsistenzi serji rrapportati minn għadd kbir ta' ċittadini li eżerċitaw id-dritt ta' petizzjoni; itenni t-talba tiegħu għat-tnedija ta' strateġija ġdida fil-livell tal-UE biex jimtlew il-lakuni eżistenti kollha u biex jiġi żgurat ħarsien sħiħ u effikaċi tal-benesseri tal-annimali permezz ta' qafas leġiżlattiv ċar u eżawrjenti li jkun kompletament konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tat-TFUE;
70. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa l-petizzjonijiet relatati mad-differenzi fil-kwalità ta' prodotti tal-ikel tal-istess ditta fi Stati Membri differenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttemm il-prattiki inġusti u tiżgura li l-konsumaturi kollha jiġu ttrattati b'mod ugwali;
71. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta' Settembru 2016 fil-Kawżi Magħquda C-8/15 P sa C-10/15 P Ledra Advertising Ltd (C-8/15 P), Andreas Eleftheriou (C-9/15 P), Eleni Eleftheriou (C-9/15 P), Lilia Papachristofi (C-9/15 P), Christos Theophilou (C-10/15 P), Eleni Theophilou (C-10/15 P) vs Il-KummissjoniEwropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (ECLI:UE:C:2016:701).