Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0003(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0217/2018

Testi mressqa :

A8-0217/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 03/07/2018 - 11.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0271

Testi adottati
PDF 215kWORD 68k
It-Tlieta, 3 ta' Lulju 2018 - Strasburgu
L-istabbiliment tal-Impriża Konġunta Ewropea tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja *
P8_TA(2018)0271A8-0217/2018

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta Ewropea tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja (COM(2018)0008 – C8-0037/2018 – 2018/0003(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2018)0008),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 187 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0037/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0217/2018),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 8a (ġdida)
(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill15 jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020), "Orizzont 2020". Dan jimmira li jżid l-impatt fejn jidħlu r-riċerka u l-innovazzjoni billi jgħaqqad il-finanzjament ta' Orizzont 2020 mal-fondi tas-settur privat fi sħubijiet pubbliċi privati f'oqsma ewlenin fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet usa' tal-kompetittività tal-Unjoni, jimmobilizzaw l-investiment privat u jgħinu ħalli jingħelbu l-isfidi soċjetali. Dawn is-sħubijiet jenħtieġ ikunu bbażati fuq impenn fit-tul, inkluż kontribuzzjoni bilanċjata mingħand is-sħab kollha, ikunu responsabbli għall-kisba tal-għanijiet tagħhom u jkunu allinjati mal-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Il-governanza u l-funzjonament ta' dawk is-sħubijiet jenħtieġ ikunu miftuħa, trasparenti, effettivi u effiċjenti u jagħtu l-opportunità biex firxa wiesgħa ta' partijiet konċernati attivi fl-oqsma speċifiċi tagħhom ikunu jistgħu jieħdu sehem.
(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill15 jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020), "Orizzont 2020". Dan jimmira li jżid l-impatt fejn jidħlu r-riċerka u l-innovazzjoni billi jgħaqqad il-finanzjament ta' Orizzont 2020 mal-fondi tas-settur privat fi sħubijiet pubbliċi-privati f'oqsma ewlenin fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet usa' tal-kompetittività tal-Unjoni, jimmobilizzaw l-investiment privat u jgħinu ħalli jingħelbu l-isfidi soċjetali. Dawn is-sħubijiet jenħtieġ li jkunu bbażati fuq impenn fit-tul, inkluż kontribuzzjoni bilanċjata mingħand is-sħab kollha, ikunu responsabbli għall-kisba tal-għanijiet tagħhom u jkunu allinjati mal-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Il-governanza u l-funzjonament ta' dawk is-sħubijiet jenħtieġ li jkunu miftuħa, trasparenti, effettivi u effiċjenti u jagħtu l-opportunità biex firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati attivi fl-oqsma speċifiċi tagħhom ikunu jistgħu jieħdu sehem u biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-gruppi taċ-ċittadini jiġu kkonsultati b'mod xieraq fil-proċess deċiżjonali.
__________________
__________________
15 Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).
15 Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).
Emenda 2
Proposta għal regolament
Premessa 8
(8)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 intitolata "Inizjattiva tal-Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa"22, tappella għall-istabbiliment ta' Infrastruttura tad-Dejta Ewropea bbażata fuq kapaċitajiet tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija u l-iżvilupp ta' ekosistema Ewropea sħiħa tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja li kapaċi tiżviluppa teknoloġija Ewropea ġdida u toħloq superkompjuters fuq skala eksa. L-importanza tal-qasam u l-isfidi li jsibu l-partijiet konċernati tal-Unjoni jeħtieġu azzjoni urġenti ħalli jinġabru r-riżorsi u l-kapaċitajiet meħtieġa ħalli tingħalaq il-katina mir-riċerka u l-iżvilupp sat-twassil u t-tħaddim ta' sistemi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fuq skala eksa. Għaldaqstant jenħtieġ jiġi stabbilit mekkaniżmu fil-livell tal-Unjoni li jikkombina u jikkonċentra l-għoti ta' appoġġ għall-istabbiliment ta' infrastruttura Ewropea tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija u għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-Computing ta' Prestazzjoni Għolja mill-Istati Membri, l-Unjoni u s-settur privat. Jenħtieġ li l din l-infrastruttura tipprovdi aċċess lill-utenti mis-settur pubbliku, l-utenti mill-industrija u l-utenti akkademiċi, fosthom lill-komunitajiet xjentifiċi li huma parti mill-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa.
(8)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 intitolata "Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa"22, tappella għall-istabbiliment ta' Infrastruttura tad-Data Ewropea bbażata fuq kapaċitajiet tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija u l-iżvilupp ta' ekosistema Ewropea sħiħa tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja li kapaċi tiżviluppa teknoloġija Ewropea ġdida u toħloq superkompjuters fuq skala eksa. L-importanza tal-qasam u l-isfidi li jsibu l-partijiet ikkonċernati tal-Unjoni jeħtieġu azzjoni urġenti ħalli jinġabru r-riżorsi u l-kapaċitajiet meħtieġa ħalli tingħalaq il-katina mir-riċerka u l-iżvilupp sat-twassil u t-tħaddim ta' sistemi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fuq skala eksa. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu fil-livell tal-Unjoni li jikkombina u jikkonċentra l-għoti ta' appoġġ għall-istabbiliment ta' infrastruttura Ewropea tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija u għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-Computing ta' Prestazzjoni Għolja mill-Istati Membri, l-Unjoni u s-settur privat. Jenħtieġ li din l-infrastruttura tipprovdi aċċess lill-utenti mis-settur pubbliku, l-utenti mill-industrija – inklużi l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) – u l-utenti akkademiċi, fosthom lill-komunitajiet xjentifiċi li huma parti mill-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa.
__________________
__________________
22 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – "Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa", COM(2016)0178.
22 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – "Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa", COM(2016)0178.
Emenda 3
Proposta għal regolament
Premessa 8a (ġdida)
(8a)  Hu ta' importanza fundamentali għall-Unjoni li tikklassifika fost l-aqwa potenzi tas-supercomputing fid-dinja sal-2022. Bħalissa, l-Unjoni qiegħda lura fl-iżvilupp tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja minħabba nuqqas ta' investiment fil-ħolqien ta' sistema kompluta. Biex jitnaqqas dan id-distakk, l-Unjoni jeħtieġ takkwista superkompjuters ta' klassi dinjija, tiżgura s-sistema tal-provvista tagħha u tforni servizzi lill-industrija u lill-SMEs għas-simulazzjoni, il-viżwalizzazzjoni u l-ħolqien ta' prototipi filwaqt li tiżgura sistema ta' HPC li tirrispetta l-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni.
Emenda 4
Proposta għal regolament
Premessa 10
(10)  Biex l-Unjoni tingħata l-prestazzjoni tal-computing meħtieġa biex tibqa' fuq quddiem fir-riċerka, jenħtieġ li l-investiment tal-Istati Membri fil-Computing ta' Prestazzjoni Għolja jiġi kkoordinat u jrid jissaħħaħ l-użu industrijali tat-teknoloġija tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja. L-Unjoni jenħtieġ iżżid l-effettività tagħha billi ssarraf l-iżviluppi tat-teknoloġija f'sistemi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja li jiġu akkwistati fl-Ewropa, filwaqt li tistabbilixxi rabta effettiva bejn il-forniment tat-teknoloġija, il-kodisinn mal-utenti, u l-akkwist konġunt ta' sistemi ta' klassi dinjija.
(10)  Biex l-Unjoni jkollha l-prestazzjoni tal-computing meħtieġa biex tibqa' fuq quddiem fir-riċerka u jiġi sfruttat il-valur miżjud ta' azzjoni konġunta fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-investiment tal-Istati Membri fil-Computing ta' Prestazzjoni Għolja jiġi kkoordinat u jrid jissaħħaħ l-użu industrijali tat-teknoloġija tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja. L-Unjoni jenħtieġ li żżid l-effettività tagħha billi ssarraf l-iżviluppi tat-teknoloġija f'sistemi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja li jiġu akkwistati fl-Ewropa, filwaqt li tistabbilixxi rabta effettiva bejn il-forniment tat-teknoloġija, il-kodisinn mal-utenti, u l-akkwist konġunt ta' sistemi ta' klassi dinjija.
Emenda 5
Proposta għal regolament
Premessa 10a (ġdida)
(10a)  Hemm bżonn li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jesploraw oqfsa xierqa ta' governanza u finanzjament, filwaqt li jikkunsidraw b'mod xieraq l-inizjattiva tal-Impriża Konġunta EuroHPC, għas-sostenibbiltà tagħha u għall-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-mod li bih l-Istati Membri jikkunsidraw il-programmi ta' finanzjament ikun integrat mal-approċċ tal-Kummissjoni.
Emenda 6
Proposta għal regolament
Premessa 10b (ġdida)
(10b)  Il-Pjattaforma Ewropea għat-Teknoloġija u s-cPPP dwar l-HPC huma kruċjali għad-definizzjoni tal-prijoritajiet tar-riċerka tal-Unjoni fl-iżvilupp tat-teknoloġija tal-Unjoni fis-setturi kollha tal-katina tal-provvista ta' soluzzjonijiet ta' HPC.
Emenda 7
Proposta għal regolament
Premessa 11a (ġdida)
(11a)  Il-missjoni tal-Impriża Konġunta hi li fl-Unjoni tinħoloq u tinżamm ekosistema integrata ta' Computing ta' Prestazzjoni Għolja u Big Data ta' klassi dinjija bbażata fuq is-supremazija Ewropea fit-teknoloġiji tal-HPC, il-cloud u l-Big Data.
Emenda 8
Proposta għal regolament
Premessa 12
(12)  Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta titwaqqaf u tibda taħdem fl-2019 biex tintlaħaq il-mira li l-Unjoni jkollha infrastruttura fuq skala pre-eksa sal-2020 u jiġu żviluppati t-teknoloġiji meħtieġa biex jinkisbu l-kapaċitajiet fuq skala eksa sal-2022/2023. Iċ-ċiklu tal-iżvilupp tat-teknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss normalment jieħu bejn erbgħa (4) sa ħames (5) snin, u għalhekk biex nibqgħu kompetittivi fis-suq dinji, l-azzjonijiet biex tintlaħaq din il-mira jridu jibdew minn issa.
(12)  Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta titwaqqaf u tibda taħdem fl-2019 biex tintlaħaq il-mira li l-Unjoni jkollha infrastruttura fuq skala pre-eksa sal-2020 u jiġu żviluppati t-teknoloġiji meħtieġa biex, kemm jista' jkun, jinkisbu kapaċitajiet fuq skala eksa awtonomi sal-2022/2023. Iċ-ċiklu tal-iżvilupp tat-teknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss normalment jieħu minn erbgħa (4) sa ħames (5) snin, u għalhekk biex nibqgħu kompetittivi fis-suq dinji, l-azzjonijiet biex tintlaħaq din il-mira jridu jibdew minn issa.
Emenda 9
Proposta għal regolament
Premessa 12a (ġdida)
(12a)  Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta EuroHPC tiġi ttrattata bħala parti integrali mill-Infrastruttura tad-Data Ewropea fl-ekosistema kollha u li ssir promozzjoni wiesgħa tal-benefiċċji.
Emenda 10
Proposta għal regolament
Premessa 13a (ġdida)
(13a)  Jenħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ aktar Stati Membri jissieħbu fl-Impriża Konġunta EuroHPC u jużawha bħala qasam prijoritarju għall-programmi ta' riċerka u żvilupp li jikkorrispondu għall-attivitajiet nazzjonali. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tippromwovi l-inizjattiva fl-Istati Membri kollha bħala parti minn impenn politiku u ekonomiku qawwi fl-innovazzjoni diġitali.
Emenda 11
Proposta għal regolament
Premessa 14
(14)  Jenħtieġ li l-Unjoni, l-Istati Parteċipanti u l-membri privati tal-Impriża Konġunta, ilkoll jipprovdu kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta. Skont il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż amministrattivi tista' tintuża għall-ispejjeż operazzjonali biss sal-2023, u għaldaqstant l-Istati Parteċipanti u l-membri privati tal-Impriża Konġunta jenħtieġ ikopru l-bqija tal-ispejjeż amministrattivi kollha tal-Impriża Konġunta mill-2024.
(14)  Jenħtieġ li l-Unjoni, l-Istati Parteċipanti u l-membri privati tal-Impriża Konġunta, ilkoll jipprovdu kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta. Skont il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż amministrattivi tista' tintuża għall-ispejjeż operazzjonali sal-2023 biss, u għaldaqstant l-Istati Parteċipanti u l-membri privati tal-Impriża Konġunta jenħtieġ li jkopru l-bqija tal-ispejjeż amministrattivi kollha tal-Impriża Konġunta mill-2024 sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-Impriża Konġunta fit-tul.
Emenda 12
Proposta għal regolament
Premessa 15a (ġdida)
(15a)  Jenħtieġ li jiġu esplorati s-sinerġiji kollha possibbli bejn l-EuroHPC u l-programmi ta' riċerka nazzjonali u tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tkun integrata mal-istrutturi ta' riċerka u żvilupp eżistenti prinċipali, bħall-PPP tal-Pjattaforma Ewropea għat-Teknoloġija tal-computing ta' prestazzjoni għolja u l-Big Data, biex tkun massimizzata l-effiċjenza u jkun iffaċilitat l-użu tagħha, u b'hekk tinħoloq il-bażi għal ekonomja ta' suċċess immexxija mid-data.
Emenda 13
Proposta għal regolament
Premessa 15b (ġdida)
(15b)  Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jsaħħu l-ħidma eżistenti tas-Sħubija Ewropea dwar il-Cloud Computing abbażi tal-pilastri eżistenti ta' PRACE u GÉANT, jevitaw kwalunkwe kunflitt ta' interess u jirrikonoxxu r-rwoli komplementari essenzjali tagħhom fit-twettiq ta' ekosistema EuroHPC.
Emenda 14
Proposta għal regolament
Premessa 18
(18)  L-Impriża Konġunta jenħtieġ tindirizza suġġetti ddefiniti b'mod ċar li jippermettu lill-industriji Ewropej u l-akkademiċi inġenerali biex ifasslu, jiżviluppaw u jużaw l-aktar teknoloġiji innovattivi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, u biex jibnu infrastruttura integrata mal-Unjoni kollha b'kapaċità tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija, konnettività b'veloċità kbira, applikazzjonijiet mill-aktar avvanzati, u s-servizzi tad-dejta u tas-softwer għax-xjenzati tagħha u għal utenti ewlenin oħra mill-industrija, inkluż mill-SMEs u mis-settur pubbliku. L-Impriża Konġunta jenħtieġ tagħmel l-isforzi biex jonqos id-distakk speċifiku fil-ħiliet relatati mal-HPC. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta twitti t-triq biex tinbena l-ewwel infrastruttura ibrida tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fl-Ewropa, li tintegra arkitetturi tradizzjonali tal-computing ma' tagħmir tal-quantum computing, pereżempju li tesplora l-użu ta' quantum computer bħala aċċelleratur tat-threads tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja. Hemm bżonn appoġġ finanzjarju strutturat u kkoordinat fil-livell Ewropew biex jgħin lit-timijiet tar-riċerka u lill-industriji Ewropej jibqgħu fuq quddiem nett f'kuntest internazzjonali kompetittiv ħafna billi jiġġeneraw riżultati eċċellenti u jintegrawhom f'sistemi kompetittivi, biex ikun żgurat l-isfruttament industrijali malajr u mifrux tat-teknoloġija Ewropea madwar l-Unjoni li joħloq effetti konsegwenzjali importanti għas-soċjetà, biex jinqasam it-teħid tar-riskji u jitwaħħdu l-forzi b'allinjament tal-istrateġiji u investimenti ta' interess Ewropew komuni. Wara notifika mingħand Stat Membru jew grupp ta' Stati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li l-inizjattivi tal-Impriża Konġunta jikkwalifikaw bħala Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni, diment li jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha rilevanti skont il-Qafas tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni25.
(18)  Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tindirizza suġġetti ddefiniti b'mod ċar li jippermettu lill-akkademiċi iżda anki lill-industriji Ewropej inġenerali jfasslu, jiżviluppaw u jużaw l-aktar teknoloġiji innovattivi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u jibnu infrastruttura integrata mal-Unjoni kollha b'kapaċità tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija, konnettività b'veloċità kbira, applikazzjonijiet mill-aktar avvanzati u servizzi tad-data u tas-softwer għax-xjenzati tagħha u għal utenti ewlenin oħra mill-industrija – b'mod partikolari, l-mikrointrapriżi, l-SMEs u n-negozji l-ġodda – u mis-settur pubbliku. L-Impriża Konġunta jenħtieġ li tagħmel sforzi biex jonqos id-distakk speċifiku fil-ħiliet relatati mal-HPC, filwaqt li tħeġġeġ il-kwalifiki, l-għażliet ta' karriera relatati mal-HPC u toffri programmi speċjali biex tinkoraġġixxi rappreżentanza bilanċjata tal-irġiel u n-nisa f'karrieri fil-qasam tal-HPC. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta twitti t-triq biex tinbena l-ewwel infrastruttura ibrida tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fl-Ewropa, li tintegra arkitetturi tradizzjonali tal-computing ma' tagħmir tal-quantum computing, pereżempju li tesplora l-użu ta' quantum computer bħala aċċelleratur tat-threads tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja. Hemm bżonn appoġġ finanzjarju strutturat u kkoordinat fil-livell Ewropew biex jgħin lit-timijiet tar-riċerka u lill-industriji Ewropej jibqgħu fuq quddiem nett f'kuntest internazzjonali kompetittiv ħafna billi jiġġeneraw riżultati eċċellenti u jintegrawhom f'sistemi kompetittivi, biex ikun żgurat l-isfruttament industrijali malajr u mifrux tat-teknoloġija Ewropea madwar l-Unjoni li joħloq effetti konsegwenzjali importanti ta' benefiċċju għas-soċjetà, biex jinqasam it-teħid tar-riskji u jitwaħħdu l-forzi b'allinjament tal-istrateġiji u investimenti ta' interess Ewropew komuni. Wara notifika mingħand Stat Membru jew grupp ta' Stati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li l-inizjattivi tal-Impriża Konġunta jikkwalifikaw bħala Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni, dment li jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha rilevanti skont il-Qafas tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni25.
__________________
__________________
25 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni, ĠU C 188, 20.6.2014, p. 4.
25 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni, ĠU C 188, 20.6.2014, p. 4.
Emenda 15
Proposta għal regolament
Premessa 18a (ġdida)
(18a)  Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tippromwovi u tipprovdi aċċess għal superkompjuters u servizzi assoċjati ta' klassi dinjija lix-xjenzjati, lill-industrija u lis-settur pubbliku tal-Unjoni, u tagħtihom l-għodod biex jibqgħu fuq quddiem fil-kompetizzjoni xjentifika u industrijali bil-ħsieb li jinżammu u jiġu appoġġati l-infrastrutturi integrati tad-data xjentifika u l-Computing ta' Prestazzjoni Għolja.
Emenda 16
Proposta għal regolament
Premessa 18b (ġdida)
(18b)  Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha, li huma mħeġġa jissieħbu fl-Impriża Konġunta u jużawha bħala qasam prijoritarju għall-programmi ta' riċerka u żvilupp li jikkorrispondu għall-attivitajiet nazzjonali. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tippromwovi l-attivitajiet tas-superkompjuter bħala parti minn impenn politiku u ekonomiku qawwi fl-innovazzjoni diġitali.
Emenda 17
Proposta għal regolament
Premessa 18c (ġdida)
(18c)  Sabiex tinbena l-kapaċità meħtieġa u tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha, jenħtieġ li, f'kull Stat Membru, jitwaqqaf Ċentru ta' Kompetenza għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja (Ċentru) assoċjat maċ-ċentru nazzjonali tas-supercomputing. Jenħtieġ li ċ-Ċentri jiffaċilitaw u jippromwovu l-aċċess għall-ekosistema tal-HPC, mill-aċċess għas-superkompjuters għall-aċċess għal applikazzjonijiet u servizzi. Jenħtieġ li dawn iċ-ċentri jipprovdu wkoll tagħlim u korsijiet ta' taħriġ għall-bini ta' ħiliet fl-Ċentru ta' Kompetenza għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja għall-utenti f'dan il-qasam u jippromwovu attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ u għarfien dwar il-benefiċċji tiegħu – b'mod partikolari għall-SMEs – u jwettqu attivitajiet ta' networking mal-partijiet ikkonċernati u maċ-Ċentri oħra biex jitrawmu innovazzjonijiet li jippermettu użu usa' taċ-Ċentru ta' Kompetenza għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja.
Emenda 18
Proposta għal regolament
Premessa 18d (ġdida)
(18d)  Sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ ta' superkompjuter Ewropew li jkun kapaċi jikkontribwixxi għall-kompetittività xjentifika u reġjonali eċċellenti tal-Unjoni, huwa importanti li jkun hemm parteċipazzjoni wiesgħa fl-Unjoni u aċċess ġust u raġonevoli għall-parteċipanti ta’pajjiżi terzi .
Emenda 19
Proposta għal regolament
Premessa 18e (ġdida)
(18e)  Għalkemm il-ħin tal-aċċess għas-superkompjuters huwa proporzjonat mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji, jenħtieġ li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-Istati Membri, ix-xjenzati u l-industriji kollha fl-Unjoni.
Emenda 20
Proposta għal regolament
Premessa 18f (ġdida)
(18f)  Jenħtieġ li l-ħin tal-aċċess tal-Unjoni jiġi allokat wara sejħiet kompetittivi bbażati fuq l-eċċellenza, irrispettivament min-nazzjonalità Ewropea tal-applikant. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jkunu jistgħu jqiegħdu l-ħin tal-aċċess tagħhom għad-dispożizzjoni ta' xjenzati, industriji jew riċerkaturi oħra tal-Unjoni.
Emenda 21
Proposta għal regolament
Premessa 20a (ġdida)
(20a)  Jenħtieġ li s-superkompjuters akkwistati u appoġġati mill-Impriża Konġunta jitfasslu u jintgħażlu b'tali mod li l-effiċjenza tagħhom tkun massimizzata għal skopijiet xjentifiċi kif ukoll biex jintużaw mill-industrija. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha tieħu passi biex tkompli ssaħħaħ il-valutazzjoni tal-effiċjenza u l-kosteffikaċja fl-evalwazzjonijiet tagħha.
Emenda 22
Proposta għal regolament
Premessa 22
(22)  Jenħtieġ li s-superkompjuters fuq skala pre-eksa u peta jintużaw qabelxejn għal skopijiet ta' riċerka u innovazzjoni pubblika, minn utenti akkademiċi, mill-industrija jew mis-settur pubbliku. L-Impriża Konġunta jenħtieġ titħalla twettaq ftit attivitajiet ekonomiċi limitati għal skopijiet privati. Jenħtieġ jingħata aċċess lill-utenti stabbiliti fl-Unjoni jew f'Pajjiż Assoċjat ma' Orizzont 2020. Id-drittijiet tal-aċċess jenħtieġ ikunu bħad-drittijiet ta' kull utent ieħor u jingħataw b'mod trasparenti. Il-Bord tat-Tmexxija jenħtieġ jiddefinixxi d-drittijiet tal-aċċess għas-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni ta' kull superkompjuter.
(22)  Jenħtieġ li s-superkompjuters fuq skala pre-eksa u peta jintużaw qabelxejn għal skopijiet pubbliċi ċivili ta' riċerka u innovazzjoni, minn utenti akkademiċi, mill-industrija – inklużi l-SMEs – jew mis-settur pubbliku. L-Impriża Konġunta jenħtieġ li titħalla twettaq ftit attivitajiet ekonomiċi limitati għal skopijiet privati. Jenħtieġ li jingħata aċċess lill-utenti stabbiliti fl-Unjoni jew f'Pajjiż Assoċjat ma' Orizzont 2020. Id-drittijiet tal-aċċess jenħtieġ li jkunu bħad-drittijiet ta' kull utent ieħor u jingħataw b'mod trasparenti. Jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija jiddefinixxi d-drittijiet tal-aċċess għas-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni ta' kull superkompjuter.
Emenda 23
Proposta għal regolament
Premessa 28a (ġdida)
(28a)  Sabiex jitħarsu l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni, jenħtieġ li, tal-inqas, jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' Orizzont 2020 dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, it-trasferiment tas-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-liċenzjar u l-isfruttament.
Emenda 24
Proposta għal regolament
Premessa 29a (ġdida)
(29a)  Jenħtieġ li l-ammont neċessarju biex jinxtara s-superkompjuter ikopri wkoll l-investiment fit-titjib fil-fluss tad-data u l-konnessjoni man-netwerk.
Emenda 25
Proposta għal regolament
Premessa 30a (ġdida)
(30a)  Il-fornituri tal-inizjattivi fil-qasam tal-HPC li joperaw fl-Unjoni jeħtieġ jikkompetu f'kundizzjonijiet ekwi, u l-istess regoli għandhom japplikaw għal kulħadd.
Emenda 26
Proposta għal regolament
Premessa 30b (ġdida)
(30b)  Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u tiġi evitata d-duplikazzjoni ma' inizjattivi eżistenti oħra fil-qasam tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u l-big data, b'mod partikolari mas-sħubijiet pubbliċi-privati kuntrattwali fil-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u fil-big data stabbiliti fl-2014 u l-PRACE, jenħtieġ li dawk l-inizjattivi jiġu ssimplifikati billi jiġu inkorporati fl-Impriża Konġunta fil-qafas ta' wara l-2020.
Emenda 27
Proposta għal regolament
Premessa 32
(32)  Jenħtieġ li l-għoti ta' appoġġ finanzjarju għal attivitajiet mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jikkonforma mar-regoli ta' dan il-programm.
(32)  Jenħtieġ li titfittex is-simplifikazzjoni amministrattiva u li tiġi evitata l-koeżistenza ta' regoli differenti fl-istess Impriża Konġunta. Minflok il-koeżistenza tar-regoli ta' Orizzont 2020 u tas-CEF, jenħtieġ li jiġi stabbilit sett uniku ta' regoli għall-attivitajiet kollha tal-Impriża Konġunta.
Emenda 28
Proposta għal regolament
Premessa 40
(40)  Kull sejħa għal proposti u għal offerti permezz tal-Impriża Konġunta jenħtieġ tqis it-tul taż-żmien tal-Programm Qafas Orizzont 2020 u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, kif xieraq, għajr f'każijiet ġustifikati kif xieraq.
(40)  Kull sejħa għal proposti u għal offerti permezz tal-Impriża Konġunta jenħtieġ li tqis it-tul taż-żmien tal-Programm Qafas Orizzont 2020 u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, skont il-każ, għajr f'każijiet ġustifikati kif xieraq. Għall-perjodu mhux kopert mill-Programm Qafas Orizzont 2020 u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, jenħtieġ li jsiru l-aġġustamenti xierqa billi jitqies il-QFP għall-perjodu wara l-2020, bil-għan li jitkomplew l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta.
Emenda 29
Proposta għal regolament
Premessa 41a (ġdida)
(41a)  Il-Computing ta' Prestazzjoni Għolja huwa importanti għall-iżvilupp tal-cloud, u l-potenzjal sħiħ tiegħu jista' jintlaħaq biss meta d-data tkun tista' tiċċirkola liberament fl-Unjoni b'regoli ċari.
Emenda 30
Proposta għal regolament
Premessa 41b (ġdida)
(41b)  Barra minn hekk, jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data, il-privatezza u s-sigurtà tkun applikata għal kull superkompjuter li l-Impriża Konġunta tkun is-sid sħiħ jew parzjali tiegħu, jew għal kull superkompjuter li jqiegħed ħin tal-aċċess għad-dispożizzjoni tal-Impriża Konġunta.
Emenda 31
Proposta għal regolament
Premessa 41c (ġdida)
(41c)  Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tiggarantixxi li s-superkompjuters tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fl-Unjoni jkunu aċċessibbli esklużivament għall-entitajiet li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, il-privatezza u s-sigurtà.
Emenda 32
Proposta għal regolament
Premessa 41d (ġdida)
(41d)  Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tiggarantixxi li s-superkompjuters tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fl-Unjoni jkunu aċċessibbli esklużivament għall-entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri jew f'pajjiżi assoċjati li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, il-privatezza u s-sigurtà.
Emenda 33
Proposta għal regolament
Premessa 41e (ġdida)
(41e)  Kemm jista' jkun, jenħtieġ li titrawwem kooperazzjoni internazzjonali mal-pajjiżi terzi u bejn il-pajjiżi parteċipanti. Jenħtieġ li l-aċċess għas-superkompjuters fl-Unjoni ma jingħatax lil entitajiet stabbiliti f'pajjiżi terzi sakemm dawk il-pajjiżi ma jagħtux aċċess reċiproku għas-superkompjuters tagħhom. Jenħtieġ li jitħeġġeġ l-isfruttament tad-data tas-superkompjuters fl-Unjoni, filwaqt li tiġi żgurata konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, il-privatezza u s-sigurtà.
Emenda 34
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 7
(7)  "entità ospitanti" tfisser entità ġuridika stabbilita fi Stat Membru li qed jieħu sehem fl-Impriża Konġunta li tkun tinkludi faċilitajiet biex tospita u tħaddem superkompjuter fuq skala pre-eksa.
(7)  "entità ospitanti" tfisser entità ġuridika stabbilita fi Stat Membru parteċipanti fl-Impriża Konġunta li tkun tinkludi faċilitajiet biex tospita u tħaddem superkompjuter fuq skala peta jew pre-eksa.
Emenda 35
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt a
(a)  lix-xjenzati, lill-industrija u lis-settur pubbliku mill-Unjoni jew minn Pajjiż Assoċjat ma' Orizzont 2020 tagħtihom l-aqwa Infrastruttura tad-Dejta u tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, u tappoġġa l-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet tagħha f'firxa wiesgħa ta' oqsma.
(a)  lix-xjenzati, lir-riċerkaturi, lill-industrija – inklużi n-negozji l-ġodda, il-mikrointrapriżi u l-SMEs – u lis-settur pubbliku mill-Unjoni jew minn Pajjiż Assoċjat ma' Orizzont 2020 tagħtihom l-aqwa Infrastruttura tad-Data u tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, u tappoġġa l-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet tagħha f'firxa wiesgħa ta' oqsma, primarjament għal użu ċivili bħal fil-kura tas-saħħa, l-enerġija, il-bliet intelliġenti, it-trasport awtonomu u l-ispazju;
Emenda 36
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt b
(b)  tipprovdi qafas għall-akkwiżizzjoni ta' infrastruttura integrata tad-dejta u tas-supercomputing fuq skala pre-eksa ta' klassi dinjija fl-Unjoni;
(b)  tipprovdi qafas għall-akkwiżizzjoni ta' infrastruttura integrata tad-data u tas-supercomputing fuq skala pre-eksa ta' klassi dinjija fl-Unjoni, anki permezz ta' appoġġ għall-akkwiżizzjoni ta' superkompjuters fuq skala peta;
Emenda 37
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt d
(d)  tappoġġa l-iżvilupp ta' ekosistema integrata tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja mal-Unjoni kollha li tkopri segmenti industrijali u xjentifiċi kollha tal-katina tal-valur, speċjalment il-ħardwer, is-softwer, l-applikazzjonijiet, is-servizzi, l-inġinerija, l-interkonnessjonijiet, l-għarfien u l-ħiliet.
(d)  tappoġġa l-iżvilupp ta' ekosistema integrata tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja mal-Unjoni kollha li tkopri s-segmenti industrijali u xjentifiċi kollha tal-katina tal-valur, speċjalment il-ħardwer, is-softwer, l-applikazzjonijiet, is-servizzi, l-inġinerija, l-interkonnessjonijiet, l-għarfien u l-ħiliet, sabiex l-Unjoni tissaħħaħ u tkun ċentru globali għall-innovazzjoni, u tikkontribwixxi għall-kompetittività u t-tisħiħ fil-kapaċità ta' riċerka u żvilupp;
Emenda 38
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt da (ġdid)
(da)  tippermetti sinerġiji u tipprovdi valur miżjud ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri parteċipanti u atturi oħra;
Emenda 39
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt db (ġdid)
(db)  tikkoordina ma' sħubijiet pubbliċi-privati kuntrattwali eżistenti fir-rigward tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u l-big data sabiex jinħolqu sinerġiji u integrazzjoni.
Emenda 40
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt d
(d)  tibni u tħaddem infrastruttura integrata tad-dejta u tas-supercomputing ta' livell dinji madwar l-Unjoni bħala komponent essenzjali għall-eċċellenza xjentifika, u għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, u tas-settur pubbliku, u biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-innovazzjoni u l-kompetittività globali ħalli joktor it-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi fl-Unjoni;
(d)  tibni u tħaddem infrastruttura integrata tad-data u tas-supercomputing ta' livell dinji madwar l-Unjoni, li titfassal b'tali mod li tkun effiċjenti għal skopijiet xjentifiċi u li tipprovdi komponent essenzjali għall-eċċellenza xjentifika, u għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, u tas-settur pubbliku, u biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-innovazzjoni u l-kompetittività globali ħalli joktor it-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi fl-Unjoni;
Emenda 41
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt e
(e)  tipprovdi aċċess għal infrastrutturi u servizzi bbażati fuq Computing ta' Prestazzjoni Għolja lil firxa wiesgħa ta' utenti mill-komunità tar-riċerka u xjentifika kif ukoll lill-industrija, inkluż lill-SMEs, u lis-settur pubbliku, għal applikazzjonijiet u servizzi komputintensivi u tad-dejta ġodda u emerġenti;
(e)  tipprovdi aċċess għal infrastrutturi u servizzi bbażati fuq Computing ta' Prestazzjoni Għolja lil firxa wiesgħa ta' utenti mill-komunità tar-riċerka u xjentifika kif ukoll lill-industrija, lill-mikrointrapriżi, lill-SMEs, u lis-settur pubbliku, għal applikazzjonijiet u servizzi komputintensivi u tad-data ġodda u emerġenti;
Emenda 42
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt f
(f)  ixxejjen id-distakk bejn ir-riċerka u l-iżvilupp u l-forniment ta' sistemi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fuq skala eksa, filwaqt li ssaħħaħ il-katina tal-provvista tat-teknoloġija diġitali fl-Unjoni u li l-Impriża Konġunta tkun tista' takkwista superkompjuters tal-aqwa kwalità fid-dinja;
(f)  ixxejjen id-distakk bejn ir-riċerka u l-iżvilupp u l-forniment ta' sistemi tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja fuq skala eksa, filwaqt li ssaħħaħ il-katina tal-provvista tat-teknoloġija diġitali fl-Unjoni u li l-Impriża Konġunta tkun tista' takkwista superkompjuters ta' klassi dinjija;
Emenda 43
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt h
(h)  tinterkollega u tiffedera superkompjuters reġjonali, nazzjonali u Ewropej tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u sistemi tal-computing oħrajn, ċentri tad-dejta u softwer u applikazzjonijiet assoċjati;
(h)  tinterkollega u tiffedera superkompjuters reġjonali, nazzjonali u Ewropej tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u sistemi tal-computing oħrajn, ċentri tad-data u softwer u applikazzjonijiet assoċjati, mingħajr ma tipperikola l-protezzjoni tad-data u l-privatezza;
Emenda 44
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt i
(i)  iżżid il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-industrija, u b'mod partikolari tal-SMEs, bl-użu ta' infrastrutturi u servizzi avvanzati tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja;
(i)  iżżid il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-industrija, u b'mod partikolari tal-mikrointrapriżi u tal-SMEs, kif ukoll tal-komunitajiet xjentifiċi u tar-riċerka bl-użu ta' infrastrutturi u servizzi avvanzati tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, inklużi ċ-ċentri nazzjonali tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u tas-supercomputing;
Emenda 45
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt j
(j)  ittejjeb il-fehim tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u tikkontribwixxi biex jonqsu d-distakki fil-ħiliet fl-Unjoni b'rabta mal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja;
(j)  ittejjeb il-fehim tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u tikkontribwixxi biex jonqsu d-distakki fil-ħiliet fl-Unjoni b'rabta mal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, billi tinkoraġġixxi l-kwalifiki u r-rappreżentanza bilanċjata tal-irġiel u n-nisa f'karrieri fil-qasam tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja;
Emenda 46
Proposta għal regolament
Artikolu 6 – paragrafu 1
(1)  L-Impriża Konġunta għandha tafda t-tħaddim superkompjuter fuq skala pre-eksa individwali miżmum għandha, f'idejn entità ospitanti magħżula skont il-paragrafu 3 u skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 11.
(1)  L-Impriża Konġunta għandha tafda t-tħaddim ta' kull superkompjuter fuq skala pre-eksa jew peta individwali miżmum għandha f'idejn entità ospitanti, li tirrappreżenta Pajjiz Parteċipanti wieħed jew aktar, magħżula skont il-paragrafu 3 u skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 11.
Emenda 47
Proposta għal regolament
Artikolu 6 – paragrafu 2
(2)  Is-superkompjuters fuq skala pre-eksa għandhom ikunu jinsabu fi Stat Parteċipanti li jkun Stat Membru tal-Unjoni. Stat Membru ma għandux jospita aktar minn superkompjuter fuq skala eksa wieħed.
(2)  Is-superkompjuters fuq skala pre-eksa jew peta għandhom ikunu jinsabu fi Stat Parteċipanti li jkun Stat Membru tal-Unjoni. Stat Membru ma għandux jospita aktar minn superkompjuter fuq skala eksa wieħed.
Emenda 48
Proposta għal regolament
Artikolu 6 – paragrafu 3 – parti introduttorja
(3)  L-entità ospitanti għandu jagħżilha l-Bord tat-Tmexxija abbażi, fost l-oħrajn, dawn il-kriterji li ġejjin:
(3)  L-entità ospitanti għandu jagħżilha l-Bord tat-Tmexxija permezz ta' proċess ġust u trasparenti, abbażi, fost l-oħrajn, ta' dawn il-kriterji li ġejjin:
Emenda 49
Proposta għal regolament
Artikolu 6 – paragrafu 3 – punt c
(c)  l-esperjenza tal-entità ospitanti fl-installazzjoni u t-tħaddim ta' sistemi simili;
(c)  l-esperjenza tal-entità ospitanti fl-installazzjoni, fit-tħaddim u fil-manutenzjoni ta' sistemi simili, inkluża d-domanda ta' enerġija tas-superkompjuter;
Emenda 50
Proposta għal regolament
Artikolu 6 – paragrafu 3 – punt ca (ġdid)
(ca)  livell għoli ta' protezzjoni tad-data, privatezza u ċibersigurtà, inkluża ġestjoni mill-aqwa tar-riskji u t-theddid u reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi;
Emenda 51
Proposta għal regolament
Artikolu 6 – paragrafu 4a (ġdid)
(4a)  Ladarba jintgħażlu l-entitajiet ospitanti, l-Impriża Konġunta għandha tiżgura sinerġiji mal-FSIE.
Emenda 52
Proposta għal regolament
Artikolu 9 – paragrafu 2
(2)  Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ġenerali tal-aċċess u jista' jiddefinixxi kundizzjonijiet speċifiċi tal-aċċess għal tipi differenti ta' utenti jew applikazzjonijiet. Il-kwalità tas-servizz għandha tkun l-istess għal kull utent.
(2)  Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ġenerali tal-aċċess u jista' jiddefinixxi kundizzjonijiet speċifiċi tal-aċċess għal tipi differenti ta' utenti jew applikazzjonijiet. Il-kwalità tas-servizz għandha tkun l-istess għal kull utent iżda jistgħu jiġu definiti kriterji ta' prijorità minn qabel mingħajr ma jkun preġudikat l-aċċess għall-utenti u l-applikazzjonijiet potenzjali kollha.
Emenda 53
Proposta għal regolament
Artikolu 9 – paragrafu 3
(3)  Mingħajr preġudizzju għal ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, il-ħin tal-aċċess għandu jingħata biss lil utenti li jirrisjedu, stabbiliti jew li jinsabu fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat ma' Orizzont 2020, għajr meta l-Bord tat-Tmexxija jiddeċiedi mod ieħor, f'każijiet debitament ġustifikati u filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-Unjoni.
(3)  Mingħajr preġudizzju għal ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, il-ħin tal-aċċess għandu jingħata biss lil utenti li jirrisjedu, stabbiliti jew li jinsabu fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat ma' Orizzont 2020, għajr meta l-Bord tat-Tmexxija jiddeċiedi mod ieħor, f'każijiet debitament ġustifikati, u, b'mod partikolari, fir-rigward ta' pajjiżi terzi li jkunu ffirmaw ftehimiet internazzjonali dwar il-kooperazzjoni xjentifika u, meta jkun il-każ, jekk ikunu taw aċċess reċiproku għas-superkompjuter tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-Unjoni.
Emenda 54
Proposta għal regolament
Artikolu 10 – paragrafu 2 – subparagrafu 1
Is-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għal kull superkompjuter fuq skala pre-eksa għandu jkun proporzjonat direttament mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż tagħha tal-akkwiżizzjoni b'rabta mal-ispiża totali tal-akkwiżizzjoni u t-tħaddim tas-superkompjuter fuq skala pre-eksa. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi d-drittijiet tal-aċċess għas-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni.
Is-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni għal kull superkompjuter fuq skala pre-eksa għandu jkun proporzjonat direttament mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż tagħha tal-akkwiżizzjoni b'rabta mal-ispiża totali tal-akkwiżizzjoni u t-tħaddim tas-superkompjuter fuq skala pre-eksa. L-aċċess għas-sehem tal-ħin tal-Unjoni għandu jkun iffukat esklużivament fuq applikazzjonijiet ċivili. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi d-drittijiet tal-aċċess għas-sehem tal-ħin tal-aċċess tal-Unjoni.
Emenda 55
Proposta għal regolament
Artikolu 10 – paragrafu 2a (ġdid)
(2a)  Il-kontribuzzjoni ta' kull Stat Parteċipanti għall-ispiża tal-ħin tal-aċċess għandha tiġi ppubblikata.
Emenda 56
Proposta għal regolament
Artikolu 17 – paragrafu 1
(1)  Sat-30 ta' Ġunju 2022, il-Kummissjoni bl-għajnuna ta' esperti indipendenti għandha twettaq evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta, li b'mod partikolari għandha tivvaluta l-livell ta' parteċipazzjoni fil-azzjonijiet indiretti, u l-kontribuzzjonijiet għalihom, min-naħa tal-Istati Parteċipanti, min-naħa tal-membri privati u l-entitajiet kostitwenti u l-entitajiet affiljati tagħhom, u anki min-naħa ta' entitajiet ġuridiċi oħra. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dik l-evalwazzjoni li jkun fih il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2022.
(1)  Sat-30 ta' Ġunju 2022, il-Kummissjoni bl-għajnuna ta' esperti indipendenti għandha twettaq evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta, li b'mod partikolari għandha tivvaluta l-livell ta' parteċipazzjoni fl-azzjonijiet indiretti, u l-kontribuzzjonijiet għalihom, min-naħa tal-Istati Parteċipanti, min-naħa tal-membri privati u l-entitajiet kostitwenti u l-entitajiet affiljati tagħhom kif ukoll l-industrija tal-Unjoni inġenerali, u anki min-naħa ta' entitajiet ġuridiċi oħra. L-evalwazzjoni għandha wkoll tidentifika l-possibbiltà ta' ħtiġijiet strateġiċi oħra, inkluża l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni f'setturi speċifiċi dwar il-possibbiltà li jiksbu aċċess għall-opportunitajiet li joffri l-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u jisfruttawhom. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dik l-evalwazzjoni li jkun fih il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2022.
Emenda 57
Proposta għal regolament
Artikolu 17 – paragrafu 3a (ġdid)
(3a)  L-evalwazzjoni għandha tkopri s-servizzi kummerċjali kif imsemmi fl-Artikolu 12, ibbażat fuq l-użu attwali.
Emenda 58
Proposta għal regolament
Anness – Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt c
(c)  tniedi u timmaniġġa l-proċedura għall-akkwiżizzjoni tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa, tevalwa l-offerti riċevuti, tagħti finanzjament fil-limiti tal-fondi disponibbli, tissorvelja l-implimentazzjoni tal-kuntratt u timmaniġġa l-kuntratti;
(c)  tniedi u timmaniġġa l-proċedura għall-akkwiżizzjoni tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa b'mod miftuħ u trasparenti, bl-għajnuna ta' esperti indipendenti, tevalwa l-offerti riċevuti, tagħti finanzjament fil-limiti tal-fondi disponibbli, tissorvelja l-implimentazzjoni tal-kuntratt u timmaniġġa l-kuntratti;
Emenda 59
Proposta għal regolament
Anness – Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt d
(d)  tagħżel l-entità ospitanti tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa, b'konformità mar-regoli finanzjarji tagħha msemmija fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament;
(d)  tagħżel l-entità ospitanti tas-superkompjuters fuq skala pre-eksa, b'konformità mal-Artikolu 6(3) u mar-regoli finanzjarji msemmija fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament;
Emenda 60
Proposta għal regolament
Anness – Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt i
(i)  tipprovdi appoġġ finanzjarju, l-aktar fil-forma ta' għotjiet, li jkun jiffoka fuq applikazzjonijiet, attivitajiet ta' kuntatt, azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u attivitajiet tal-iżvilupp professjonali biex ir-riżorsi umani jitqarrbu lejn il-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, u biex jiżdiedu l-ħiliet u l-għarfien prattiku marbut mal-inġinerija tal-ekosistema;
(i)  tipprovdi appoġġ finanzjarju, l-aktar fil-forma ta' għotjiet, li jkun jiffoka fuq applikazzjonijiet, attivitajiet ta' kuntatt, azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u attivitajiet ta' żvilupp professjonali u rikonverżjoni biex ir-riżorsi umani jitqarrbu lejn il-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, titrawwem il-parteċipazzjoni bilanċjata tal-irġiel u n-nisa, u jiżdiedu l-ħiliet u l-għarfien prattiku marbut mal-inġinerija tal-ekosistema;
Emenda 61
Proposta għal regolament
Anness – Artikolu 6 – punt 5
(5)  Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi President għal perjodu ta' sentejn. Il-mandat tal-President għandu jiġi estiż darba biss, wara deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija.
(5)  Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi President minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta' sentejn. Il-mandat tal-President għandu jiġi estiż darba biss, wara deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija.
Emenda 62
Proposta għal regolament
Anness – Artikolu 8 – punt 1 – paragrafu 2 – subparagrafu 1a (ġdid)
Il-lista tal-kandidati għandha titfassal b'tali mod li jiġu żgurati rappreżentanza u opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa.
Emenda 63
Proposta għal regolament
Anness – Artikolu 10 – punt 2
(2)  Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn tnax-il membru, li sa sitta minnhom għandhom jaħtruhom il-membri privati u sa sitta għandu jaħtarhom il-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi l-kriterji speċifiċi u l-proċess tal-għażla tal-membri li jaħtar.
(2)  Il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn għoxrin membru, li sa tmienja minnhom għandhom jaħtruhom il-membri privati u sa tnax għandu jaħtarhom il-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi l-kriterji speċifiċi u l-proċess tal-għażla tal-membri li jaħtar.
Emenda 64
Proposta għal regolament
Anness – Artikolu 21 – paragrafu 1a (ġdid)
L-Impriża Konġunta għandha tiżgura konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza.
Emenda 65
Proposta għal regolament
Anness – Artikolu 23 – punt 2
(2)  Il-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta għandu jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-konflitti ta' interess fir-rigward tal-membri, il-korpi u l-persunal tiegħu. Dawk ir-regoli għandu jkun fihom dispożizzjonijiet maħsuba biex ikun evitat kull kunflitt ta' interess fir-rigward tar-rappreżentanti tal-membri tal-Impriża Konġunta li jservu fil-Bord tat-Tmexxija.
(2)  Il-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta għandu jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-membri, il-korpi u l-persunal tiegħu f'konformità mal-aħjar prattiki tal-Unjoni. Dawk ir-regoli għandu jkun fihom dispożizzjonijiet maħsuba biex ikun evitat kull kunflitt ta' interess fir-rigward tar-rappreżentanti tal-membri tal-Impriża Konġunta li jservu fil-Bord tat-Tmexxija.
Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza