Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2059(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0210/2018

Testi mressqa :

A8-0210/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 03/07/2018 - 11.4

Testi adottati :

P8_TA(2018)0272

Testi adottati
PDF 145kWORD 55k
It-Tlieta, 3 ta' Lulju 2018 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2017/009 FR/Air France
P8_TA(2018)0272A8-0210/2018
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata minn Franza – EGF/2017/009 FR/Air France) (COM(2018)0230 – C8-0161/2018 – 2018/2059(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0230 – C8-0161/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0210/2018),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji bħala appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja jenħtieġ li tkun dinamika u għandha ssir disponibbli bl-akbar ħeffa u effiċjenza possibbli;

C.  billi Franza ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/009 FR/Air France għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-1 858 sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 51 ta' NACE Reviżjoni 2 (Trasport bl-ajru) fir-reġjuni tal-Île-de-France (FR10) u tal-Provence-Alpes-Côte d'Azur (FR82) tal-livell NUTS 2 fi Franza;

D.  billi l-appoġġ lill-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni huwa ta' importanza kruċjali fid-dawl tal-fatt li sehemhom mis-suq tal-Unjoni fis-settur tat-trasport internazzjonali tal-ajru qiegħed jonqos;

E.  billi l-applikazzjoni hi msejsa fuq il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi aktar 'l isfel fil-katina ta' produzzjoni u / jew minn persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom intemmet;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li Franza għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 9 894 483 skont dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 16 490 805, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 16 410 805 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, amministrazzjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 80 000;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-applikazzjoni fit-23 ta' Ottubru 2017, u li, wara li Franza tat informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-23 ta' April 2018 u nnotifikat il-Parlament dakinhar stess;

3.  Jinnota li Franza bdiet toffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fid-19 ta' Mejju 2015, u li l-perjodu ta' eleġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG għaldaqstant se jkun mid-19 ta' Mejju 2015 sat-23 ta' Ottubru 2019;

4.  Ifakkar li din hi t-tieni applikazzjoni minn Franza, u t-tielet waħda dwar it-trasport bl-ajru, għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fir-rigward tas-sensji fl-Air France, wara l-applikazzjoni EGF/2013/014 FR/Air France fl-2013, EGF/2015/004 IT/Alitalia fl-2015 u deċiżjoni pożittiva dwarhom(4);

5.  Ifakkar li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG hija maħsuba għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex tgħinhom isibu impjieg alternattiv u ma tikkostitwix sussidju lill-kumpaniji;

6.  Jinnota li Franza ssostni li s-sensji huma marbuta ma' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, u aktar speċifikament mat-taqlib ekonomiku serju li għadda minnu s-settur internazzjonali tat-trasport bl-ajru, b'mod partikolari t-tnaqqis tas-sehem tal-Unjoni fis-suq meta mqabbel maż-żieda spettakolari tat-tliet kumpaniji l-aktar importanti tal-Golf Persjan, li jirċievu livell għoli ħafna ta' għajnuna u sussidji mill-istat u huma soġġetti għal regolamentazzjoni soċjali u ambjentali anqas restrittiva minn dik li tapplika għall-kumpaniji tal-Unjoni;

7.  Jiddeplora l-livell ta' sussidji u ta' għajnuna mill-istat li jirċievu l-linji tal-ajru Emirates, Qatar Airways u Etihad Airways, b'mod li wassal għal żieda kbira fil-kapaċità tagħhom u dgħajjef il-pożizzjoni ta' ajruporti prinċipali Ewropej, fosthom dik ta' Charles de Gaulle ta' Pariġi;

8.  Ifakkar li, fit-8 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal regolament dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru(5) li għandha l-għan li tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u dawk tal-pajjiżi terzi, bil-ħsieb li jinżammu kundizzjonijiet li jwasslu għal livell għoli ta' konnettività; jinnota li l-Parlament u l-Kunsill mistennija jibdew in-negozjati dwar din il-proposta leġiżlattiva fil-ħarifa tal-2018;

9.  Ifakkar li s-sensji li ngħataw fl-Air France mistennija jkollhom effett ħażin sinifikanti fuq l-ekonomija lokali, li għandha problemi marbuta mal-qgħad fit-tul u mar-riallokazzjoni ta' ħaddiema li għandhom 50 sena jew aktar;

10.  Jistieden lil Air France tiżgura d-djalogu soċjali ta' kwalità għolja li huwa meħtieġ;

11.  Jinnota li l-applikazzjoni torbot ma' 1 858 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-Air France, b’76,2% tas-sensji kollha f’Île-de-France, li fil-parti l-kbira tagħhom għandhom bejn 55 u 64 sena; jirrikonoxxi l-importanza ta' miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG biex itejbu l-possibbiltajiet ta' reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol; jinnota, barra minn hekk, li l-ebda ħaddiem li ngħata s-sensja mhu fil-faxxa ta' età bejn 25 u 29 sena jew għandu aktar minn 64 sena;

12.  Jinnota li Franza qiegħda tippjana ħames tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma koperti minn din l-applikazzjoni:

   (i) servizzi ta' konsulenza u gwida vokazzjonali għall-ħaddiema,
   (ii) taħriġ vokazzjonali,
   (iii) kontribuzzjoni għall-irkupru ta' negozju jew għall-ftuħ ta' negozju ġdid,
   (iv) benefiċċju tat-tiftix għal impjieg,
   (v) benefiċċju tal-mobbiltà;

13.  Jilqa' pożittivament il-mod li bih il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira u tas-sħab soċjali, kif ukoll il-ftehimiet bejn l-Air France, it-trade unions u l-Kunsill Ċentrali tal-Impriża li żguraw li kull tluq ikun fuq bażi volontarja;

14.  Josserva li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG huma maħsuba għall-ħaddiema li, fil-waqt tat-tluq volontarju tagħhom, ma jkollhomx pjanijiet preċiżi għal bidla fl-impjieg u jixtiequ jibbenefikaw minn miżuri ta' taħriġ mill-ġdid, konsulenza, gwida jew assistenza biex iwaqqfu jew jakkwistaw negozju;

15.  Jirrikonoxxi li l-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż jirrikjedi li kumpanija li timpjega aktar minn elf ruħ tipproponi miżuri u li l-applikazzjoni għal-FEG ma tipprevedi l-ebda kontribuzzjoni fl-ewwel erba' xhur tal-leave għall-bidla fl-impjieg, li jikkorrispondu għat-tul ta' żmien minimu stabbilit bil-liġi Franċiża;

16.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jirrappreżentaw massimu ta' 35 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix għax-xogħol jew għat-taħriġ;

17.  Ifakkar li, b'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament, it-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati jenħtieġ li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa u jenħtieġ li jkun kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

18.  Jenfasizza li l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

19.  Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, jew miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jipprovdu aktar dettalji, fi proposti futuri, dwar is-setturi li jkollhom prospettivi ta' tkabbir, u li għalhekk aktarx jirreklutaw in-nies, kif ukoll biex jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' reintegrazzjoni miksuba permezz tal-FEG; barra minn hekk, jitlob li l-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tal-FEG u tirrapporta lura lill-Parlament;

21.  Ifakkar fit-talba tiegħu li l-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

22.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Id-Deċiżjoni (UE) 2015/44 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/014 FR/Air France, minn Franza) (ĠU L 8, 14.01.2015, p. 18).
(5) COM(2017)0289


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata minn Franza – EGF/2017/009 FR/Air France

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2018/1093.)

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza