Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2018 dwar ir-rwol tal-bliet fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni (2017/2037(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 5(3) tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-impatt tat-Trattat ta' Lisbona fuq l-iżvilupp tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titlu "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE" (COM(2015)0215),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tagħha,
– wara li kkunsidra tal-Patt ta' Amsterdam li jistabbilixxi l-Aġenda Urbana tal-UE, miftiehma bejn il-Ministri tal-UE responsabbli għal Kwistjonijiet Urbani fit-30 ta' Mejju 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej(4),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – aspetti prinċipali tal-aġenda urbana tal-UE" (COM(2014)0490),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Aġenda Urbana tal-UE, miftiehma bejn il-Ministri responsabbli għall-Koeżjoni Territorjali u Kwistjonijiet Urbani fl-10 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(6),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2016 dwar Aġenda Urbana tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli, approvata fil-Laqgħa Ministerjali Informali dwar l-Iżvilupp Urban u l-Koeżjoni Territorjali li seħħet fl-24 u l-25 ta' Mejju 2007 f'Leipzig,
– wara li kkunsidra l-Aġenda Urbana Ġdida adottata fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Housing u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli (Habitat III) fl-20 ta' Ottubru 2016 fi Quito, l-Ekwador,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-Istat tal-Bliet Ewropej,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2017: Insaħħu d-Drittijiet taċ-Ċittadini f'Unjoni ta' Tibdil Demokratiku(7);
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0203/2018),
A. billi t-Trattat ta' Maastricht stabbilixxa l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, u b'hekk il-bliet ġew involuti – permezz tar-rappreżentanza tagħhom fil-kumitat – fir-rwol konsultattiv tiegħu fil-proċess deċiżjonali tal-UE;
B. billi l-Kumitat tar-Reġjuni jaqdi dan ir-rwol billi jwettaq sensiela ta' attivitajiet bil-għan li jippromwovi d-djalogu u l-parteċipazzjoni attiva fil-proċess deċiżjonali tal-UE;
C. billi l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità jagħti lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni s-setgħa li jressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kontra l-atti leġiżlattivi jekk il-prinċipju ta' sussidjarjetà jew ta' proporzjonalità ma jiġix rispettat fil-każ ta' atti li għall-adozzjoni tagħhom it-Trattat jipprevedi li l-Kumitat jiġi kkonsultat; billi l-bliet għalhekk għandhom għodda li jistgħu jużaw biex jiddefendu l-interessi tagħhom fl-Unjoni Ewropea;
D. billi għandha ssir distinzjoni ċara bejn ir-rappreżentanti tal-bliet minquxa fit-trattati, bħal, pereżempju, il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni, u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-bliet;
E. billi l-maġġoranza tal-popolazzjoni tal-UE (aktar minn 70 %) tgħix f'żoni urbani;
F. billi l-proċess tas-separazzjoni tal-poter minn territorju, li huwa inerenti fil-globalizzazzjoni, ma jneħħix il-ħtieġa għal netwerks ta' bliet Ewropej, fejn jiġu stabbiliti u segwiti l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni;
G. billi l-biċċa l-kbira tal-politiki u tat-testi leġiżlattivi tal-UE huma implimentati fil-livell lokali u reġjonali, inkluż fil-livell tal-bliet, u llum jestendu għal kważi d-dominji politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha;
H. billi l-arkitettura istituzzjonali tal-UE hija bbażata fuq il-prinċipji ta' governanza f'diversi livelli u ta' sussidjarjetà;
I. billi l-Karta għall-Governanza f'diversi livelli fl-Ewropa, adottata mill-Kumitat tar-Reġjuni, tissottolinja r-rabta mill-qrib bejn il-kooperazzjoni leali fi sħubija bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-leġittimità u r-responsabbiltà ugwali ta' kull livell fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom;
J. billi l-Kumitat tar-Reġjuni ħoloq in-Netwerk għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà biex jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni, bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tal-UE, dwar id-dokumenti u l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni li għandhom impatt dirett fuq l-awtoritajiet reġjonali u lokali;
K. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-12 ta' Diċembru 2017, talab lill-Kummissjoni, bil-għan li tissaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-eżerċizzju ta' din iċ-ċittadinanza, biex tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali jagħżlu kunsillier responsabbli għall-affarijiet Ewropej, peress li dan huwa l-livell li huwa l-aktar qrib iċ-ċittadini;
L. billi l-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli tuża t-terminu "bliet Ewropej";
M. billi l-Patt tas-Sindki għen biex jiġu żviluppati strateġiji integrati ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u adattament għalihom, biex itejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u biex tintuża aktar l-enerġija rinnovabbli; billi dawn l-inizjattivi juru kif il-kooperazzjoni fost il-bliet u l-iskambju tal-aħjar prattiki jistgħu jgħinu fil-ksib tal-għanijiet tal-politika tal-UE;
N. billi skont il-Karta ta' Leipzig, il-bliet huma meqjusa "assi ekonomiċi, soċjali u kulturali prezzjużi u insostitwibbli" u għandhom jassumu r-responsabbiltà għall-koeżjoni territorjali, filwaqt li waħda mill-konklużjonijiet ewlenin tar-Rapport tal-Bliet tal-Kummissjoni tal-2016 hija li l-bliet huma ċentrali biex jintlaħqu l-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali ewlenin tal-UE; billi l-bliet għandhom, għaldaqstant, jingħataw rwol ewlieni fil-politika ta' koeżjoni;
O. billi l-Karta ta' Leipzig tirrikonoxxi l-obbligu fuq il-ministri responsabbli tal-Istati Membri li jippromwovu l-organizzazzjoni territorjali bbilanċjata bbażata fuq struttura urbana poliċentrika Ewropea u tiddikjara li l-bliet għandhom ikunu ċ-ċentri ewlenin għall-iżvilupp ta' reġjuni urbani u jassumu r-responsabbiltà għal koeżjoni territorjali;
P. billi l-Aġenda Urbana tal-UE ("Patt ta' Amsterdam"), filwaqt li tafferma l-osservanza sħiħa tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-kompetenzi skont it-Trattati tal-UE, toħloq pjattaforma ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet, il-Kummissjoni, il-Parlament, il-korpi konsultattivi tal-Unjoni, u partijiet interessati oħra fil-kuntest ta' sħubijiet, bil-ħsieb li jsir kontribut informali fit-tfassil u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE kemm eżistenti kif ukoll futuri;
Q. billi l-ambitu tal-Aġenda Urbana jinkludi b'mod partikolari pilastru dwar Regolamentazzjoni Aħjar, li għandu l-għan li jiffoka fuq implimentazzjoni effettiva u koerenti tal-politiki, il-leġiżlazzjoni u l-istrumenti legali tal-UE, mingħajr ma jkollu l-għan li jfassal leġiżlazzjoni ġdida;
R. billi l-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet lokali, fl-ambitu tal-Pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar, fuq bażi ad hoc, biex jipparteċipaw f'valutazzjonijiet tal-impatt territorjali ta' proposti leġiżlattivi futuri;
S. billi fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill laqa' l-Patt ta' Amsterdam u stieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-Parlament Ewropew, fost l-oħrajn, biex jieħdu azzjoni ulterjuri f'dan il-kuntest, u stieden lill-Parlament jikkunsidra r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tas-sħubijiet wara li jikkonsulta d-direzzjoni tad-Diretturi Ġenerali responsabbli għal Kwistjonijiet Urbani, fil-kuntest tal-aġendi tal-Kumitati rilevanti meta tiġi diskussa leġiżlazzjoni rilevanti, ġdida u eżistenti tal-UE;
T. billi l-istess Aġenda Urbana tinkariga lill-Kummissjoni, fost l-oħrajn, tikkunsidra r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tas-sħubijiet meta tkun qed tabbozza jew teżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni, l-istrumenti u l-inizjattivi rilevanti tal-UE, u tinkarigaha taħdem mal-awtoritajiet urbani u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom permezz tad-diversi opportunitajiet eżistenti għal konsultazzjoni u reazzjoni offruti fl-iżvilupp ta' politika ġdida u ta' inizjattivi leġiżlattivi tal-UE u fl-evalwazzjoni tal-istrateġiji, il-politiki u l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE;
U. billi l-isfidi globali l-ġodda relatati mas-sigurtà u l-immigrazzjoni, it-tibdil demografiku, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-isfidi relatati mal-kwalità tas-servizzi pubbliċi, l-aċċess għal enerġija nadifa u għal but ta' kulħadd, id-diżastri naturali u l-protezzjoni ambjentali jeħtieġu risposti lokali u, għalhekk, impenn iktar b'saħħtu min-naħa tal-bliet meta jkunu qed ifasslu u jimplimentaw politiki tal-UE;
V. billi l-valur tal-bliet Ewropej jirriżulta wkoll mill-fatt li dawn jospitaw parti sostanzjali mill-wirt kulturali komuni Ewropew;
W. billi l-bliet jirrappreżentaw il-livell ta' politika l-aktar mifhuma mill-pubbliku u għalhekk għandhom potenzjal kbir bħala postijiet għaċ-ċittadini biex jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet kostruttivi, u, f'dan ir-rigward, l-esperjenzi tal-Kumitat tar-Reġjuni, li jorganizza d-Djalogi taċ-Ċittadini, flimkien mas-sħab lokali u reġjonali, jipprovdu prospetti ottimisti;
X. billi, fid-dawl tar-rekwiżiti politiċi li joħorġu mill-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u mill-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, il-bliet żiedu l-kapaċità tagħhom li jiżviluppaw soluzzjonijiet u strumenti politiċi innovattivi fl-interess tas-sostenibbiltà soċjali, ekoloġika u ekonomika u ta' sistemi ta' kummerċ ġust, kif ukoll il-kapaċità li jikkollegaw ruħhom, fuq livell internazzjonali u tal-UE, lil hinn mill-formati eżistenti, sabiex dawn jitpoġġew fil-prattika;
Y. billi d-dikjarazzjoni "Lejn Aġenda Urbana tal-UE", miftiehma bejn il-Ministri tal-UE responsabbli għall-Koeżjoni Territorjali u l-Kwistjonijiet Urbani f'Ġunju 2015, tirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Kumitat tar-Reġjuni, l-EUROCITIES u l-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR) li jagħtu vuċi liż-żoni urbani;
Z. billi l-bliet jistgħu joffru opportunità biex jintlaħaq il-potenzjal taċ-ċittadinanza Ewropea u li tissaħħaħ permezz tal-promozzjoni ta' ċittadinanza attiva, jekk jiġi rikonoxxut li l-bliet jistgħu jimplimentaw strutturi ta' intermedjazzjoni bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha b'aktar effiċjenza;
AA. billi l-parteċipazzjoni fil-politiki tal-UE min-naħa tal-bliet tikkontribwixxi għal żieda fl-appartenenza lokali tal-UE, governanza aħjar permezz demokrazija Ewropea iktar parteċipattiva, kapaċità amministrattiva aqwa u kwalità aħjar tas-servizzi pubbliċi fl-UE kollha, u b'hekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-dritt għal amministrazzjoni tajba kif minqux fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
AB. billi huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fl-iktar stadji bikrija taċ-ċiklu tat-tfassil tal-politika u li dawn jissaħħu bħala parti integrali fil-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali;
AC. billi l-forom attwali ta' parteċipazzjoni tal-bliet jibqgħu ftit sodisfaċenti mill-perspettiva tal-impatt mixtieq fuq it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE; billi, barra minn hekk, dan l-impatt ikun akbar jekk il-bliet jingħaqdu flimkien f'netwerks ibbażati fuq il-kondiviżjoni ta' affinitajiet storiċi, ġeografiċi, demografiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali;
1. Jinnota li l-involviment tal-bliet, mifhum bħala bliet u ż-żoni urbani u metropolitani, kif ukoll bliet żgħar u ta' daqs medju, fil-proċess deċiżjonali tal-UE huwa ffaċilitat permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Kumitat tar-Reġjuni, bħala korp konsultattiv u ta' konsultazzjoni; jemmen li l-istruttura istituzzjonali attwali tippermetti l-inkoraġġiment ta' pjattaformi ta' kooperazzjoni bejn il-bliet, u bejn il-bliet u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-korpi deċiżjonali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, b'mod konformi mal-prinċipji ta' kooperazzjoni sinċiera, ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità;
2. Jinnota li ma hemm l-ebda definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi belt f'termini ta' popolazzjoni, superfiċji, funzjoni jew livell ta' awtonomija, ħlief għall-grad ta' urbanizzazzjoni u densità ta' residenti, u li kull Stat Membru, għalhekk, jista' u se jkollu interpretazzjoni differenti għat-terminu;
3. Josserva li l-UE qegħda ssaħħaħ b'mod gradwali d-dimensjoni urbana ta' għadd ta' politiki tagħha, kif jidher, pereżempju, mill-kunċett tal-bliet u l-komunitajiet intelliġenti (Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni) u inizjattivi bħalma huma l-Inizjattiva Komunitarja Urbana I (URBAN I), URBAN II, l-iżvilupp urban sostenibbli (Artikolu 7 tal-FEŻR(8)), in-Netwerk għall-Iżvilupp Urban, l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa u l-Belt Kapitali Ewropea tal-Innovazzjoni, il-Patt tas-Sindki, u l-Aġenda Urbana għall-UE;
4. Ifakkar li l-bliet għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' ċerti politiki u strumenti tal-UE, bħal fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej; jistieden, għalhekk, lill-bliet biex jaħdmu b'mod integrat billi jikkooperaw, mal-livelli kollha tal-amministrazzjoni, is-settur privat u s-soċjetà ċivili, b'konformità mal-prinċipju ta' sħubija;
5. Jenfasizza r-rwol prinċipali tal-bliet kif ukoll tal-awtoritajiet lokali kollha fit-tħejjija, it-tfassil, il-finanzjament u l-implimentazzjoni ta' politiki ewlenin tal-Unjoni, eż. l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, permezz ta' proċess ta' żvilupp urban, ekonomiku, soċjali u territorjali li jippermetti lill-bliet jindirizzaw sfidi ġodda u jieħdu l-opportunitajiet fl-ambitu tal-perjodu ta' finanzjament li jmiss tal-UE, bil-għan li jiġu mobilizzati r-riżorsi disponibbli lejn mhux biss tkabbir intelliġenti u sostenibbli, iżda wkoll bliet kreattivi tal-futur; jenfasizza wkoll, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' strateġiji u inizjattivi globali, bħal pereżempju l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Patt Globali tas-Sindki;
6. Jissottolinja li peress li l-bliet urew il-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw b'mod effiċjenti l-azzjonijiet integrati għall-iżvilupp urban sostenibbli, huma għandhom jingħataw rwol akbar fl-implimentazzjoni tal-politiki rilevanti kollha;
7. Jenfasizza l-potenzjal li jingħata rwol importanti lill-bliet fil-politiki esterni tal-Unjoni, bħala strument ta' diplomazija pubblika, li jlaqqa' nies minn pajjiżi differenti flimkien u jindirizza kwistjonijiet li minħabba diversi raġunijiet ma jinstabux fl-aġendi ta' politika ta' livell għoli, u jitlob, għalhekk, li jkun hemm finanzjament aħjar tal-mekkaniżmi ta' appoġġ rispettivi tal-Unjoni;
8. Jirrimarka, madankollu, li xi drabi l-bliet ma jkollhomx l-għodod u l-kapaċità amministrattiva xierqa biex jipparteċipaw fi proċeduri ta' sejħiet għal offerti bl-għan li jiksbu fondi tal-UE; jilqa', għaldaqstant, l-istabbiliment ta' "punt uniku ta' kuntatt" għall-bliet, b'sit elettroniku u dokumenti disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni; jappella għal titjib fil-koordinazzjoni u l-integrazzjoni tal-istrumenti u l-programmi intiżi għall-bliet f'diversi politiki tal-UE, li għandu jinkiseb permezz tal-ħatra ta' Kummissarju li jassumi inizjattiva politika fil-qasam sabiex tingħata direzzjoni strateġika lil dawk il-politiki, b'mod konformi mal-attenzjoni dejjem akbar li l-politiki tal-UE qed jagħtu liż-żoni urbani, f'dan ir-rigward, filwaqt li jieħu inkonsiderazzjoni n-natura varjata tad-differenzi fost l-awtoritajiet lokali Ewropej u l-potenzjal rispettivi tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' approċċ aktar bilanċjat lejn il-bliet, irrispettivament mid-daqs tagħhom, fir-rigward tal-aċċess għall-istrumenti u l-programmi kkonċernati, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' konsulenza;
9. Jilqa' l-Aġenda Urbana għall-UE bħala mudell ġdid ta' governanza f'diversi livelli bbażata fuq is-sħubija billi tinvolvi lill-bliet fir-rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti u fir-riflessjoni dwar is-sura futura tal-politiki; jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ integrat u globali fl-implimentazzjoni prattika ta' governanza f'diversi livelli stabbilita mill-atti tal-UE, b'konformità mal-għanijiet fundamentali tal-politika tal-UE; jinnota r-rwol komplementari importanti tal-approċċi minn isfel għal fuq u bbażati fuq it-territorju bħalma hu l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità;
10. Jitlob li l-Aġenda Urbana tiġi kkoordinata, imsaħħa u formalizzata; jemmen li ma għandhiex tibqa' proċess volontarju u li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jakkwistaw aktar mis-sjieda tagħha u għandhom jimpenjaw ruħhom biex b'attenzjoni jeżaminaw ir-rakkomandazzjonijiet li jirċievu, u fejn possibbli, jimplimetawhom;
11. Jistieden lis-sħubijiet li qed jaħdmu fil-qafas tal-Aġenda Urbana biex b'mod rapidu jadottaw ir-rakkomandazzjonijiet u l-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, turi kif tali proposti konkreti huma kkunsidrati, b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda t-titjib fir-regolamentazzjoni, il-finanzjament u l-għarfien, u tinkludihom, fejn xieraq, fil-proposti leġiżlattivi futuri; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod kostanti lill-Parlament dwar dawn ir-riżultati;
12. Jilqa' l-pjattaformi ta' kooperazzjoni bejn il-bliet li jippermettu l-ħolqien ta' sinerġiji, għal kooperazzjoni transfruntiera u implimentazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE fuq il-post; jemmen li l-Patt tas-Sindki tal-UE għall-Klima u l-Enerġija huwa eżempju tajjeb li għandu jiġi segwit;
13. Jilqa' l-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-pjattaforma tad-data urbana; jistieden, madankollu, l-Eurostat u l-Kummissjoni jiġbru u jikkumpilaw data aktar dettaljata, b'mod partikolari fluss ta' data, bil-ħsieb li b'mod effiċjenti taġġusta l-politiki eżistenti u tfassal dawk futuri;
14. Iqis li huwa meħtieġ li jissaħħaħ l-involviment bikri u koordinat tal-bliet fil-proċess deċiżjonali tal-UE fi ħdan l-istruttura istituzzjonali attwali tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward ta' leġiżlazzjoni li tolqothom direttament, b'mod li t-trasparenza u l-effikaċja fil-politika u l-proċess deċiżjonali jiġu salvagwardati filwaqt li jiġu rispettati r-realtajiet kostituzzjonali differenti tal-Istati Membri; jappella għal aktar trasparenza u għall-involviment taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-UE; jilqa', f'dan ir-rigward, l-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini u jappella għal promozzjoni aħjar ta' din l-għodda fi ħdan l-Istati Membri;
15. Jinsab konvint li hemm il-bżonn li r-rwol tal-bliet fit-tiswir tal-politiki futuri tal-UE jiġi msaħħaħ b'mod konsiderevoli; jistieden, għalhekk, lill-UE tevalwa mill-ġdid l-istabbiliment ta' Politika Urbana Ewropea, speċjalment fid-dawl ta' kunsiderazzjonijiet fit-tul;
16. Ifakkar li l-Kumitat tar-Reġjuni jikkoordina l-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020 (EUROPE 2020MP), li l-kompitu ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-fehmiet ta' bliet, reġjuni u awtoritajiet lokali oħrajn jiġu kkunsidrati fid-definizzjoni tal-istrateġija tal-Kummissjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni;
17. Jirrakkomanda li tissaħħaħ ir-rappreżentanza politika tal-bliet u l-muniċipalitajiet fil-qafas istituzzjonali attwali tal-UE, anke billi jitqies it-tisħiħ tar-rappreżentanza tal-bliet mill-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni, mingħajr ma jitnaqqas ir-rwol tar-reġjuni u taż-żoni rurali;
18. Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu li d-diversità tal-istrutturi territorjali tagħhom tkun riflessa bis-sħiħ fil-proposti tagħhom għall-ħatra ta' membri fil-Kumitat tar-Reġjuni, u jipproponu, fejn xieraq, il-ħatra ta' aktar rappreżentanti fil-livell lokali għall-Kumitat tar-Reġjuni;
19. Jenfasizza l-importanza tal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-bliet, bħalma huma l-EUROCITIES u l-CEMR; jirrakkomanda l-konsolidazzjoni tal-involviment ta' assoċjazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u l-interessi urbani fit-tfassil tal-politika, bħal pereżempju n-netwerk EUROCITIES u l-CEMR u oħrajn, u jqis li dawn l-assoċjazzjonijiet għandhom isiru sħab ewlenin tal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tat-twaqqif ta' mekkaniżmu permanenti ta' djalogu strutturat, anki permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni, b'mod partikolari fil-fażi preleġiżlattiva;
20. Jirrakkomanda li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt territorjali għal kull miżura ta' politika u leġiżlazzjoni li għandha impatt fil-livell lokali; iqis li d-djalogu mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-awtoritajiet lokali u urbani għandu jippermettilhom jikkontribwixxu għall-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali, jagħtu pariri dwar studji ta' tħejjija għat-tfassil tal-politika u jipprovdu b'mod regolari għarfien espert tekniku u immirat dwar l-implimentazzjoni, fil-livell sottonazzjonali, tal-leġiżlazzjoni tal-UE; ifakkar li l-Kumitat tar-Reġjuni jwettaq il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali;
21. Iħeġġeġ aktar kooperazzjoni bejn il-Kunsill u l-awtoritajiet lokali; jitlob li r-rwol tal-bliet u r-reġjuni, u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, fi ħdan il-Kunsill jiġi msaħħaħ meta dan tal-aħħar ikun qed jittratta kwistjonijiet li jaffettwaw il-livell lokali;
22. Huwa tal-fehma li l-bliet, iċ-ċentri urbani u l-muniċipalitajiet għandhom jitqiesu b'mod aktar wiesa', pjuttost milli bħala sempliċi strutturi ta' ġestjoni pubblika taħt kontroll demokratiku, u għandhom jitqiesu bħala fora potenzjali għal dibattitu pubbliku, it-trasferiment ta' għarfien u għat-tiswir ta' spazju politiku fl-UE, mingħajr ma jiġi mminat r-rwol taż-żoni rurali; jinnota li huwa meħtieġ li jiġu definiti l-elementi fundamentali ta' din spazju pubbliku Ewropew kkaratterizzati mit-tgawdija tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u minn valuri bħalma huma l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u l-ġustizzja;
23. Jenfasizza l-importanza tar-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ħajja politika tal-UE; iqis li l-bliet, peress li għandhom aċċess privileġġat għal settur kbir tal-popolazzjoni tal-UE, jirrappreżentaw il-livell li fih in-nies ikunu jistgħu faċilment jiġu involuti, ; jinnota li l-bliet jistgħu għalhekk ikollhom rwol ta' leġittimazzjoni, u jistgħu jikkontribwixxu għall-kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE;
24. Ifakkar li l-bliet għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ċentri li għandhom rwol pożittiv fl-iżvilupp tal-istrateġiji tal-UE, fejn kwistjonijiet globali joriġinaw lokalment u huma solvuti lokalment, u huma jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sistema ta' governanza f'diversi livelli tal-Unjoni, u li din il-perspettiva għandha konsegwenza prattika fuq il-qafas istituzzjonali tal-proċess deċiżjonali minn isfel għal fuq jew minn fuq għal isfel tal-UE;
25. Jemmen li r-rappreżentazzjoni tal-bliet m'għandhiex tkun limitata għar-rappreżentanti uffiċjali li jipparteċipaw fl-istrutturi ta' ġestjoni u ta' konsulenza, u li l-bliet u l-irħula – u mhux biss il-bliet kapitali tal-pajjiżi u r-reġjuni – jistgħu jsiru ċentri ta' dibattitu dwar il-futur tal-Unjoni u l-politiki tagħha;
26. Iqis li sabiex isiru ċentri ta' dibattitu dwar il-futur tal-Unjoni u l-politiki tagħha, il-muniċipalitajiet iridu jaħtru kunsillier responsabbli għall-affarijiet Ewropej, u li għandu jiġi stabbilit netwerk għall-kunsilliera lokali b'tali mandat;
27. Jappella biex jingħata appoġġ suffiċjenti ħalli l-bliet u l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jtejbu d-dimensjoni urbana tat-tfassil tal-politika tal-UE;
28. Jirrakkomanda li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-bliet tal-UE għall-finijiet tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE permezz ta' dibattiti u konsultazzjonijiet fuq kwistjonijiet rilevanti għalihom li jestendu lil hinn mill-politika urbana fis-sens strett;
29. Jinsisti li għan bħal dan se jkun fattibbli biss jekk jitwettqu dibattiti u konsultazzjonijiet f'żoni urbani li mhumiex bliet kapitali nazzjonali jew reġjonali, li jistgħu jikkostitwixxu forum aċċessibbli faċilment għaċ-ċittadini li jgħixu fil-qrib, inklużi fil-bliet u fl-irħula, fejn l-għan ewlieni jkun li l-Unjoni Ewropea toqrob lejn iċ-ċittadini tagħha;
30. Jirrikonoxxi l-importanza li jiġu pprovduti mudelli ta' involviment adattati għal kuntesti differenti u għal żoni urbani ta' daqs u importanza differenti, minn bliet kapitali Ewropej għal bliet żgħar u ta' daqs medju;
31. Iqis li l-Parlament, flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni, huma l-promoturi naturali ta' tali proċess, bħala korpi bil-kapaċità li jinkwadraw il-kwistjonijiet li jikkostitwixxu punt ta' tluq għal diskussjonijiet u konsultazzjonijiet u biex jaslu għal konklużjonijiet abbażi tal-vuċijiet, l-opinjonijiet u l-proġetti miġbura;
32. Jipproponi li l-proċess tal-konsultazzjoni taċ-ċittadini għandu jkun organizzat mill-Parlament u mill-Kumitat tar-Reġjuni, f'kooperazzjoni ma' dawk il-Kunsilli tal-Bliet Ewropej rikonoxxuti bħala fora għal dibattitu Ewropew, u li tali fora għandhom, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, jiġu stabbiliti primarjament fil-bliet li l-firxa tagħhom għandha sinifikat għall-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tar-reġjun ikkonċernat u taffettwahom, sabiex tiġi żgurata l-usa' parteċipazzjoni possibbli;
33. Jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-kunsilli tal-bliet rikonoxxuti bħala fora għal dibattitu Ewropew għandhom ikunu responsabbli biex jipprovdu l-universitajiet, l-iskejjel lokali, u istituzzjonijiet edukattivi oħra, kif ukoll il-midja, l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet soċjali u l-pubbliku ġenerali, b'esperjenza professjonali u pubblika estensiva u aċċess liberu u miftuħ kif ukoll bil-possibbiltà li jipparteċipaw f'dibattiti u konsultazzjonijiet; jemmen li l-kunsilli għandhom ikunu responsabbli wkoll biex jistiednu lir-rappreżentanti tal-livelli kollha tal-governanza urbana inklużi l-unitajiet iżgħar jew il-kunsilli sħab miż-żona urbana usa', u li jkun ukoll raġonevoli li jiġi speċifikat l-ambitu territorjali ta' tali obbligu fil-ftehim milħuq bejn il-korpi rilevanti fil-livell tal-UE u tal-kunsill tal-belt tal-forum Ewropew;
34. Jissuġġerixxi t-twaqqif ta' programm pilota ta' 54 fora għal dibattitu Ewropew – l-iżgurar ta' rappreżentanza territorjali bbilanċjata u r-rappreżentanza ta' bliet ta' daqs differenti – li ser isiru fil-bliet mhux kapitali tal-Istati Membri, bil-ħsieb li tinkiseb sistema ta' dibattitu u konsultazzjoni fil-livell muniċipali dwar l-affarijiet tal-UE;
35. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm skambju ta' prattiki tajbin bejn il-bliet Ewropej, peress li xi wħud minnhom diġà implimentaw b'suċċess programmi fil-qasam tal-migrazzjoni jew it-tibdil fil-klima, jew pjanijiet ta' ġestjoni urbana innovattivi.
36. Jenfasizza li l-konsolidazzjoni tal-pożizzjoni tal-bliet fit-tfassil tal-politiki tal-UE, fost oħrajn, fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni, ma timminax il-fiduċja fil-livelli l-oħra ta' governanza, iżda pjuttost issaħħaħha, peress li hija tappoġġa l-governanza f'diversi livelli u s-sussidjarjetà fuq il-bażi tal-fiduċja bilaterali bejn l-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali;
37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).