Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2018 dwar l-istampar tridimensjonali, sfida fl-oqsma tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tar-responsabbiltà ċivili (2017/2007(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 rigward l-infurzar tad-drittijiet taser proprjetà intellettwali,(1)
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi(2),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titlu "Ngħixu l-ġejjieni. L-istampar 3D – għodda għall-għoti tas-setgħa lill-ekonomija Ewropea"(3)
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tad-29 ta' Novembru 2017 bit-titlu "Sistema bbilanċjata ta' infurzar tal-Proprjetà Intellettwali li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà tal-lum" (COM(2017/0708),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2017 bit-titlu "Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (COM(2017/0708),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2017 dwar il-Ġestjoni tal-Globalizzazzjoni (COM(2017)0240),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0223/2018),
A. billi l-istampar tridimensjonali (3D) sar aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali bit-tqegħid fis-suq ta' stampaturi 3D maħsuba għall-individwi u mal-miġja ta' kumpaniji li qed jipproponu kemm mudelli diġitali kif ukoll servizzi ta' stampar 3D;
B. billi l-istampar 3D huwa meqjus bħala waħda mit-teknoloġiji l-aktar prominenti fejn l-Ewropa tista' tiżvolġi rwol ta' gwida; billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet il-benefiċċji tal-istampar 3D meta sponsporjat 21 proġett ibbażati fuq it-teknoloġija minn Orizzont 2020 bejn l-2014 u l-2016;
C. billi, fuq livell esperimentali, l-istampar 3D ilu jeżisti mis-sittinijiet, billi inizjalment it-teknoloġija tal-istampar 3D ġiet żviluppata fl-Istati Uniti u bdiet tidħol fil-qasam industrijali mill-bidu tat-tmeninijiet;
D. billi s-suq għall-istampaturi 3D jikkostitwixxi settur li qed jgħaddi minn tkabbir rapidu u billi huwa mistenni li jkompli jikber fis-snin li ġejjin;
E. billi, madankollu, bl-iżvilupp tal-ispazji komunitarji għall-istampar 3D (aktar magħrufin bħala "fablabs") kif ukoll tas-servizzi għall-istampar mill-bogħod, xi drabi marbuta ma' pjattaforma ta' skambju ta' fajl 3D onlajn, kulħadd jista' jistampa oġġett 3D u dan jikkostitwixxi vantaġġ kbir għall-inventuri u l-organizzaturi ta' proġetti;
F. billi l-istampar 3D għandu l-potenzjal enormi li jittrasforma l-katini ta' provvista f'manifattura u dan jista' jgħin lill-Ewropa żżid il-livelli ta' produzzjoni; billi l-applikazzjoni ta' din it-teknoloġija toffri opportunitajiet oħra għall-innovazzjoni u l-iżvilupp kummerċjali;
G. billi l-UE poġġiet din it-teknoloġija fost l-oqsma teknoloġiċi prijoritarji; billi l-Kummissjoni rreferiet għaliha, barra minn hekk, fid-dokument ta' riflessjoni riċenti tagħha dwar il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni bħala wieħed mill-fatturi ewlenin li ser iwasslu għal trasformazzjoni industrijali;
H. billi l-Kummissjoni identifikat l-istampar 3D bħala qasam ta' prijorità għal azzjoni u b'hekk dan jikkostitwixxi potenzjal ekonomiku rilevanti, b'mod partikolari għall-impriżi innovattivi żgħar; billi ħafna pajjiżi diġà rrikonoxxew il-potenzjal trasformattiv tal-istampar 3D u bdew jadottaw, għalkemm b'mod mhux ugwali, strateġiji varji għall-ħolqien ta' ekosistema ekonomika u teknoloġika biex jippromwovu l-iżvilupp tiegħu;
I. billi għalissa, il-parti l-kbira tal-prodotti stampati 3D huma prototipi; billi ċerti industriji ilhom numru ta' snin jużaw partijiet finali u billi s-suq tal-partijiet finali qed ikompli jikber b'rata relattivament mgħaġġla; billi parti dejjem akbar tikkonsisti pjuttost f'oġġetti lesti għall-użu jew għat-tqiegħed fis-suq milli sempliċi prototipi;
J. billi l-vantaġġi potenzjali tal-istampar 3D għall-impriżi innovattivi huma bosta; billi, b'mod partikolari, l-istampar 3D jippermetti li jitnaqqsu l-ispejjeż kumplessivi fl-iżvilupp, id-diżinn u l-ittestjar ta' prodotti ġodda jew fit-titjib ta' prodotti diġà eżistenti;
K. billi l-użu tal-istampar 3D qed ikun dejjem aktar mifrux fis-soċjetà, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni, fil-fora taċ-ċittadini jew tal-istart-ups, bħal "marker spaces", kif ukoll fil-qasam privat;
L. billi l-istampar 3D qed isir aktar sempliċi u aċċessibbli għal kulħadd; billi huwa mistenni li l-limiti relatati mal-materjal li jista' jintuża, il-veloċità u l-konsum ta' materja prima u enerġija ser jitnaqqsu b'mod sinifikanti f'perjodu ta' żmien qasir;
M. billi l-biċċa l-kbira tal-industriji avvanzati issa qed tuża din it-teknoloġija, billi l-opportunitajiet ta' użu tal-istampar 3D żdiedu b'mod enormi, u l-aspettattivi huma kbar f'diversi oqsma, bħalma huma fost l-oħrajn is-setturi tal-mediċina (mis-settur tal-mediċina riġenerattiva sal-manifatturi ta' proteżi), tal-ajrunawtika, is-settur ajruspazjali, tal-karozzi, tal-apparat elettrodomestiku, tal-bini, tar-riċerka arkeoloġika, tal-arkitettura, tal-inġinerija mekkanika, tal-industrija rikreattiva u anke tad-disinn;
N. billi n-nuqqas ta' regolamentazzjoni llimita l-użu tal-istampar 3D f'setturi industrijali ewlenin bħal, pereżempju, is-settur ajruspazjali u dak mediku/dentali, u billi r-regolarizzazzjoni tal-użu tal-istampaturi 3D ser tgħin fl-użu ta' teknoloġiji u toffri opportunitajiet għar-riċerka u żvilupp.
O. billi l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew imsemmija hawn fuq tgħid li, permezz tar-rivoluzzjoni teknoloġika u "bl-użu tat-teknoloġija avvanzata tal-manifattura t-tajba, l-Ewropa tkun tista' terġa' ġġib lura lejn xtutha l-produzzjoni minn reġjuni b'pagi iżjed baxxi sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni u toħloq tkabbir sostenibbli fuq artna";
P. billi l-istampar 3D ser inaqqas kemm l-ispejjeż tat-trasport kif ukoll l-emissjonijiet tas-CO2;
Q. billi t-teknoloġija tal-istampar 3D għandu jkollha effett pożittiv fuq il-ħolqien ta' iktar impjiegi ġodda kwalifikati, ta' inqas tbatija u ta' inqas periklu f'ċerti każijiet (tekniċi ta' manutenzjoni, inġiniera, disinjaturi, eċċ) u billi, mal-ħolqien ta' impjiegi ġodda ta' tekniċi (pereżempju operaturi tal-istampaturi 3D) ser jinħolqu responsabbiltajiet ġodda u jkun jeħtieġ li l-industrija tal-istampar 3D tipprovdi t-taħriġ adegwat sabiex it-tekniċi jkollhom l-istess livell tal-kontropartijiet tagħhom fil-manifattura tradizzjonali; billi t-teknoloġija tal-istampar 3D ser tnaqqas ukoll l-ispejjeż ta' produzzjoni u ta' ħażna (manifattura ta' kwantitajiet żgħar u personalizzati, eċċ.); billi madankollu t-tnaqqis fl-għadd ta' impjiegi fis-settur tal-industrija tal-manifattura ser jaffettwa bil-kbir lill-pajjiżi li l-ekonomija tagħhom tiddependi minn għadd kbir ta' impjiegi bi kwalifiki baxxi;
R. billi l-impatt ekonomiku tal-iżvilupp tal-industrija tal-istampar 3D fid-diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea għad ma jistax jitkejjel b'mod preċiż;
S. billi l-istampar 3D jista' joffri lill-konsumaturi l-possibbiltà li jirreaġixxu għall-obsoloxxenza pprogrammata, peress li jkunu jistgħu jipproduċu l-parts tal-bdil għall-apparati domestiċi, li t-tul tal-ħajja tagħhom qed isir dejjem aktar qasir;
T. billi t-teknoloġija tal-istampar 3D tista' tqajjem xi tħassib speċifiku legali u etiku, kemm fil-qasam tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali, bħad-drittijiet tal-awtur, il-privattivi, id-disinn, it-trade marks tridimensjonali u anke l-indikazzjonijiet ġeografiċi, kif ukoll fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, u billi barra minn hekk dan it-tħassib jaqa' taħt il-kompetenza tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament;
U. billi t-teknoloġiji l-ġodda huma kapaċi jiskenjaw oġġetti jew nies u jiġġeneraw fajls diġitali li mbagħad jistgħu jiġu stampati b'mod 3D u billi dan jista' jaffettwa d-drittijiet tal-immaġni u d-dritt għall-privatezza;
V. billi t-teknoloġija tal-istampar 3D tista' tqajjem ukoll tħassib b'rabta mas-sigurtà, u b'mod speċjali ċ-ċibersigurtà, l-aktar f'dak li jirrigwarda l-manifattura ta' armi, splussivi jew droga, jew kwalunkwe oġġett perikoluż ieħor, u billi tenħtieġ attenzjoni partikolari fir-rigward ta' dan it-tip ta' produzzjonijiet;
W. billi, mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur, jeħtieġ li jsiru distinzjonijiet siewja: pereżempju bejn l-istampar fid-dar għall-użu privat u l-istampar għall-użu kummerċjali, u bejn is-servizzi B2B u dawk B2C.
X. billi l-Kunsill Superjuri tal-proprjetà letterjarja u artistika Franċiż qies f'rapport dwar l-istampar 3D u d-drittijiet tal-awtur li "id-demokratizzazzjoni tal-istampar 3D ma tidhirx, sal-lum, li qed toħloq xi problemi kbar ta' ksur tad-drittjiet tal-awtur"; madankollu jammetti li "ir-riskju ta' falsifikazzjoni jaffettwa l-aktar lill-opri tal-arti";
Y. billi dawn il-ftit eżempji li jistgħu jiġu previsti issa probabbilment ser isiru aktar kumplessi hekk kif it-teknoloġija tevolvi; billi titqajjem il-kwistjoni dwar xi jrid isir sabiex jiġi indirizzat il-potenzjal għall-kontraffazzjoni li ssir permezz tat-teknoloġiji tal-istampar 3D;
Z. billi, minħabba l-proċessi li juża, l-istampar 3D jinvolvi dak li l-industrija ssejjaħ bħala "żmembrament tal-att ta' ħolqien", peress li x-xogħol jista' jiċċirkola fi stat diġitali qabel ma jieħu forma fiżika, li jista' jiffaċilita l-ikkuppjar tax-xogħol u jikkomplika l-ġlieda kontra l-kontraffazzjoni;
AA. billi, bħala konklużjoni, l-esperti legali huma tal-fehma li l-istampar 3D ma ħarbatx b'mod fundamentali d-dritt tal-proprjetà intellettwali, iżda fajls maħluqa jistgħu jitqiesu bħala opra u billi, jekk dan huwa l-każ, jenħtieġ li l-opra tkun protetta bħala tali; billi, fuq medda qasira u medja ta' żmien, u biex jingħeleb il-kontraffazzjoni, l-isfida ewlenija ser tkun l-involviment aktar mill-qrib tal-intermedjarji professjonisti fil-protezzjoni tad-dritt tal-awtur;
AB. billi għalkemm l-iżvilupp tal-istampar 3D jagħmel possibbli l-produzzjoni industrijali, għandha titqies il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mezzi ta' rimedju kollettiv biex jingħata kumpens lill-konsumaturi għad-danni;
AC. billi l-impatt tal-istampar 3D fuq id-drittijiet tal-konsumaturi u fuq il-liġi dwar il-konsumatur b'mod ġenerali għandu jiġi eżaminat bir-reqqa fid-dawl tad-direttiva li qed tiġi negozjata bħalissa dwar ċerti aspetti ta' kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali;
AD. billi d-Direttiva 85/374/KEE dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi tkopri l-kuntratti kollha; billi ta' min wieħed jinnota li huwa fost l-oħrajn minħabba l-progress fil-qasam tal-istampar 3D li l-Kummissjoni Ewropea bdiet konsultazzjoni pubblika bl-għan li tevalwa jekk dik id-direttiva hijiex adattata għal użu b'rabta mal-iżviluppi teknoloġiċi ġodda;
AE. billi regoli tar-responsabbiltà ġenerali jkopru wkoll ir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji kif definit fl-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku; madankollu, għandu jiġi kkunsidrat reġim speċifiku ta' responsabbiltà għall-ħsara kkawżata minn oġġett maħluq bit-teknoloġija tal-istampar 3D, peress li l-għadd kbir ta' partijiet interessati involuti u l-proċess ikkumplikat użat biex jinħoloq il-prodott komplut spiss jagħmluha diffiċli għall-vittma li tidentifika l-persuna responsabbli; billi r-responsabbiltà tista' wkoll tkun tal-kreatur jew tal-bejjiegħ tal-fajl 3D, jew tal-produttur tal-istampatur 3D, tal-produttur tas-softwer użat għall-istampatur 3D, tal-fornitur tal-materjal użat jew inkella tal-persuna li ħolqot l-oġġett, skont il-kawża tad-difett li ġie skopert;
AF. billi f'dak li jirrigwarda l-użu speċifiku tal-istampar 3D fil-kuntest kummerċjali, ir-regoli tar-responsabbiltà huma ġeneralment stabbiliti mir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-partijiet involuti;
AG. billi l-elementi kollha tat-teknoloġija tal-manifattura addittiva għandhom jissodisfaw ċerti kriterji u jkunu ċċertifikati biex jiġi ggarantit li jkun possibbli li jiġu manifatturati parts riproduċibbli u ta' kwalità; billi ċ-ċertifikazzjoni ssir kumplessa minħabba l-għadd kbir tat-trasformazzjoni ta' magni, materjal u proċessi u minħabba n-nuqqas ta' database; billi għalhekk ser ikun meħtieġ li jiġu żviluppati regoli li jippermettu ċertifikazzjoni aktar rapida u aktar kosteffettiva tal-materjal, il-proċessi u l-prodotti kollha;
AH. billi l-istampar 3D jaqdi rwol fit-tnaqqis tal-konsum ta' enerġija u riżorsi naturali bl-għan li jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; billi l-użu ta' stampar 3D jimminimizza l-iskart fil-proċess tal-produzzjoni u jtawwal iċ-ċiklu ta' ħajja tal-prodotti għall-konsumaturi billi jippermetti l-produzzjoni ta' parts ta' sostituzzjoni fil-livell tal-konsumaturi;
1. Jenfasizza li sabiex jiġu antiċipati l-problemi marbuta mar-responsabbiltajiet ċivili f'każ ta' inċident jew ta' ksur tal-proprjetà intellettwali li jista' joħloq l-istampar 3D fil-futur, jista' jagħti l-każ li l-Unjoni Ewropea jkollha tadotta leġiżlazzjoni ġdida u tadatta l-liġijiet eżistenti għall-każ speċifiku tat-teknoloġija 3D, b'mod partikolari billi tqis id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u l-ġurisprudenza rilevanti tal-qrati tal-UE u tal-Istati Membri u wara li tkun wettqet valutazzjoni tal-impatt approfondita sabiex tevalwa l-għażliet ta' politika; jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, it-tweġiba leġiżlattiva għandha tevita d-duplikazzjoni tar-regoli eżistenti u għandha tikkunsidra proġetti li diġà qegħdin jitwettqu, b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur li bħalissa hija applikabbli għall-istampar 2D; iżid li jenħtieġ li l-liġi tippromwovi u takkumpanja lill-innovazzjoni, iżda l-liġi ma għandhiex tostakola jew tirrestrinġi tali innovazzjoni;
2. Jinnota li tenħtieġ attenzjoni fir-rigward ta' ċerti kwistjonijiet, bħalma huma l-kriptaġġ u l-protezzjoni tal-fajls, sabiex jiġu evitati t-tlugħ u r-riproduzzjoni illegali ta' dawn il-fajls jew oġġetti protetti kif ukoll ir-riproduzzjoni ta' oġġetti illegali;
3. Iqis li ovvjament għandu jkun hemm prudenza fis-settur tal-istampar 3D, l-aktar f'dak li jirrigwarda l-kwalità tal-prodott stampat u kull periklu li jista' jinħoloq għall-utenti jew għall-konsumaturi, u li għandha tiġi kkunsidrata l-inklużjoni ta' mezzi ta' identifikazzjoni u ta' traċċar sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà ta' prodotti, kif ukoll sabiex tiġi faċilitata l-osservazzjoni tal-użu futur tagħhom għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. iqis li l-kooperazzjoni mill-qrib bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-manifatturi 3D tkun ta' benefiċċju fl-iżvilupp ta' mezzi bħal dawn; iqis ukoll li dan ikun ta' għajnuna biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-oġġetti u titnaqqas il-kontraffazzjoni;
4. Jinnota li l-kontroll tar-riproduzzjoni legali ta' oġġetti 3D protetti mid-drittijiet tal-awtur jista' jkun iffaċilitat, jekk meħtieġ, permezz ta' soluzzjonijiet legali, bħal pereżempju l-wiri sistematiku ta' avviż dwar il-ħtieġa tar-rispett tal-proprjetà intellettwali min-naħa tal-fornituri tad-diġitalizzazzjoni u tal-istampar 3D, jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' elementi li jagħmluha possibbli li jiġu ttraċċati oġġetti 3D; jenfasizza li jekk kopja 3D tikkostitwixxi kopja privata, ser japplikaw il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżenzjonijiet għal kopji privati, inkluż l-iskemi ta' kumpens jew ta' dħul;
5. Jirrimarka li jeħtieġ li jkun hemm sensibilizzazzjoni pubblika sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-qasam tal-istampar 3D, kif ukoll b'rabta mal-ksur tad-drittijiet tad-disinn, tat-trademarks u tal-privattivi.
6. Jenfasizza madankollu li s-soluzzjonijiet tekniċi li sal-lum għadhom mhumiex żviluppati biżżejjed jistgħu jiġu investigati aktar, pereżempju bħall-ħolqien ta' bażijiet tad-data ta' fajls kriptati u protetti, id-disinn ta' stampaturi konnessi u mgħammra b'sistema li tista' timmaniġġja d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew il-promozzjoni ta' kooperazzjoni bejn il-manifatturi u l-pjattaformi biex fajls affidabbli jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-professjonisti u l-konsumaturi; jenfasizza wkoll li, ikunu liema jkunu l-miżuri adottati fost dawn, l-implimentazzjoni tagħhom m'għandu jkollha ebda impatt relatat mal-kost fuq l-attività li diġà tkun qed titwettaq mill-atturi fis-swieq;
7. Jinnota li, f'dan l-istadju, ebda waħda minn dawn is-soluzzjonijiet ma hija verament sodisfaċenti fiha nfisha;
8. Jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma rrevedietx id-Direttiva 2004/48/KE, iżda minflok sempliċiment ippreżentat linji gwida mhux vinkolanti, mingħajr ma ċċarat kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-istampar 3D; jilqa' madankollu l-miżuri li ħabbret il-Kummissjoni fid-29 ta' Novembru 2017 sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali;
9. Jinnota li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali dwar il-bosta elementi tat-teknoloġija tal-istampar 3D ġew iddeterminati u li, b'konsegwenza ta' dan, il-mistoqsija li jmiss ser tkun dwar kif dawn ser jiġu rispettati;
10. Jappella lill-Kummissjoni sabiex, b'mod ġenerali, tikkunsidra l-aspetti kollha tat-teknoloġija tal-istampar 3D fl-implimentazzjoni tal-miżuri elenkati fil-Komunikazzjoni (COM(2017)0707) tagħha, mingħajr ma tirdoppja l-miżuri applikabbli eżistenti; jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-professjonisti kollha f'din il-ħidma, inklużi l-SMEs u l-konsumatur;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tfassal skema ta' regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili għad-danni mhux koperti mid-Direttiva 85/374/KEE;
13. Jirrimarka li t-teknoloġija tal-istampar 3D iġġib magħha bosta vantaġġi ekonomiċi għall-UE peress li toffri opportunitajiet għall-personalizzazzjoni li jissodisfaw b'mod speċifiku r-rekwiżiti tal-konsumaturi Ewropej, u li tista' tagħmilha possibbli li jiġu ripatrijati l-attivitajiet ta' produzzjoni u b'hekk tgħin biex jinħolqu impjiegi ġodda li jkunu inqas impenjattivi fiżikament u inqas perikolużi.
14. Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi b'mod ċar ir-responsabbiltajiet varji billi tidentifika l-partijiet involuti biex isir prodott 3D: disinjatur u fornitur tas-softwer, manifattur tal-istampatur 3D, fornitur tal-materja prima, stampatur tal-oġġetti u l-persuni l-oħra kollha involuti biex isir l-oġġett;
15. Jiġbed l-attenzjoni għall-implikazzjonijiet possibbli ta' forom ġodda ta' kummerċjalizzazzjoni fis-sens ġenerali ta' "għamilha inti stess", billi jiġi pprovdut mhux il-prodott aħħari iżda unikament is-softwer għat-tniżżil u l-ispeċifikazzjonijiet għall-istampar tal-prodott;
16. Jenfasizza l-importanza ta' ħolqien ta' qafas legali koerenti biex jipprovdi tranżizzjoni mingħajr intoppi u ċertezza legali għall-konsumaturi u n-negozji, sabiex tiġi promossa l-innovazzjoni fl-UE;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.