Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità innovattiva tal-industrija tad-difiża tal-UE (COM(2017)0294 – C8-0180/2017 – 2017/0125(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0294),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0180/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-7 ta' Diċembru 2017(1),
– wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta' Ġunju 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0037/2018),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni li se tkun ippubblikata fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-att leġiżlattiv finali;
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-3 ta' Lulju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/1092.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR SORSI TA' FINANZJAMENT GĦALL-PROGRAMM EWROPEW GĦALL-IŻVILUPP FL-INDUSTRIJA TAD-DIFIŻA
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-awtorità baġitarja fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali, li l-finanzjament tal-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża se jiġi kopert fis-snin 2019-2020 kif ġej:
— EUR 200 miljun mill-marġni mhux allokat;
— EUR 116,1 miljun mis-CEF;
— EUR 3,9 miljun mill-EGNOS;
— EUR104,1 miljun mill-Galileo
— EUR 12-il miljun mill-Copernicus;
— EUR 63,9 miljun mill-ITER.
DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI BL-APPOĠĠ TAL-PARLAMENT EWROPEW LI TIKKONĊERNA L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM EWROPEW GĦALL-IŻVILUPP FL-INDUSTRIJA TAD-DIFIŻA
Sabiex timplimenta l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża b'mod effiċjenti u tiżgura konsistenza sħiħa ma' inizjattivi oħra tal-Unjoni, il-Kummissjoni biħsiebha timplimenta programm taħt ġestjoni diretta f'konformità mal-Artikolu 62(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju.