Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/0248(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0215/2018

Testi mressqa :

A8-0215/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 03/07/2018 - 11.10

Testi adottati :

P8_TA(2018)0278

Testi adottati
PDF 204kWORD 63k
It-Tlieta, 3 ta' Lulju 2018 - Strasburgu
Miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud *
P8_TA(2018)0278A8-0215/2018

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-proposta emendata għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (COM(2017)0706 – C8-0441/2017 – 2017/0248(CNS))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2017)0706),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0441/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0215/2018),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 1a (ġdida)
(1a)  Il-frodi tal-VAT hija ħafna drabi marbuta mal-kriminalità organizzata u numru żgħir ħafna ta' dawn in-netwerks organizzati jista' jkun responsabbli għal biljuni ta' euro fi frodi tal-VAT transfruntiera, li taffettwa mhux biss il-ġbir tad-dħul fl-Istati Membri iżda għandha wkoll impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom responsabbiltà kondiviża biex jitħares id-dħul mill-VAT fl-Istati Membri kollha.
Emenda 2
Proposta għal regolament
Premessa 2
(2)  Ta' spiss ikollhom jitwettqu inkjesti amministrattivi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, b'mod partikolari meta l-persuna taxxabbli ma tkunx stabbilita fl-Istati Membri fejn tkun trid titħallas it-taxxa. Biex jiġi żgurat l-infurzar xieraq tal-VAT u biex jiġu evitati x-xogħol doppju u l-piż amministrattiv tal-awtoritajiet tat-taxxa u tan-negozji, meta mill-inqas żewġ Stati Membri jqisu li tkun meħtieġa inkjesta amministrattiva fl-ammonti ddikjarati minn persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju tagħhom iżda taxxabbli fih, jenħtieġ li l-inkjesta titwettaq mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-persuna taxxabbli u jenħtieġ li l-Istati Membri li jitolbu din l-inkjesta jassistu lill-Istat Membru tal-istabbiliment billi jieħdu sehem attiv fl-inkjesta.
(2)  Ta' spiss ikollhom jitwettqu inkjesti amministrattivi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, b'mod partikolari meta l-persuna taxxabbli ma tkunx stabbilita fl-Istat Membru fejn tkun trid titħallas it-taxxa. Biex jiġi żgurat l-infurzar xieraq tal-VAT, jiġi evitat ix-xogħol doppju u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet tat-taxxa u tan-negozji, jeħtieġ li titwettaq inkjesta amministrattiva fl-ammonti ddikjarati minn persuna taxxabbli li mhijiex stabbilita fit-territorju tagħhom iżda hija taxxabbli fih. L-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-persuna taxxabbli jkollu jwettaq l-inkjesta u l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jitolbu din l-inkjesta jkollhom jassistu lill-Istat Membru tal-istabbiliment billi jieħdu sehem attiv fl-inkjesta.
Emenda 3
Proposta għal regolament
Premessa 11
(11)  Bil-għan li jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv u effiċjenti tal-VAT fit-transazzjonijiet transfruntiera, ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 jipprevedi l-preżenza ta' uffiċjali fl-uffiċċji amministrattivi u waqt l-inkjesti amministrattivi fi Stati Membri oħra. Biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet tat-taxxa biex jivverifikaw il-provvisti transfruntiera, jenħtieġ li jkun hemm awditi konġunti li jippermettu lill-uffiċjali minn żewġ Stati Membri jew aktar, jagħmlu parti minn tim wieħed ta' awditjar u li jieħdu sehem attiv f'inkjesta amministrattiva konġunta.
(11)  Bil-għan li jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv u effiċjenti tal-VAT fit-tranżazzjonijiet transfruntiera, ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 jipprevedi l-preżenza ta' uffiċjali fl-uffiċċji amministrattivi u waqt l-inkjesti amministrattivi fi Stati Membri oħra. Biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet tat-taxxa billi jiġu provduti b'aktar riżorsi tekniċi u umani biex jivverifikaw il-provvisti transfruntiera, jenħtieġ li jkun hemm awditi konġunti li jippermettu lill-uffiċjali minn żewġ Stati Membri jew aktar, jagħmlu parti minn tim wieħed ta' awditjar u li jieħdu sehem attiv f'inkjesta amministrattiva konġunta, fi spirtu kooperattiv u produttiv u skont it-termini miftehma mill-Istati Membri sabiex tiġi identifikata u miġġielda l-frodi tal-VAT transfruntiera li attwalment qed iddgħajjef il-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri.
Emenda 4
Proposta għal regolament
Premessa 13
(13)  Biex jiġu miġġielda l-aktar skemi serji ta' frodi transfruntiera, jenħtieġ li jiġu ċċarati u msaħħa l-governanza, il-kompiti u l-funzjonament tal-Eurofisc. Jenħtieġ li l-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc ikunu jistgħu jaċċessaw, jiskambjaw, jipproċessaw u janalizzaw malajr l-informazzjoni kollha meħtieġa u jikkoordinaw kull azzjoni ta' segwitu. Huwa wkoll meħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' awtoritajiet oħra involuti fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz ta' skambju ta' informazzjoni mmirata mal-Europol u mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi. Għalhekk, jenħtieġ li l-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc ikunu jistgħu jikkondividu, spontanjament jew fuq talba, informazzjoni u għarfien mal-Europol u mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi. Dan jippermetti li l-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc jirċievu dejta u għarfien miżmuma mill-Europol u mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi sabiex jiġu identifikati dawk li tassew iwettqu l-attivitajiet ta' frodi tal-VAT.
(13)  Biex jiġu miġġielda l-aktar skemi serji ta' frodi transfruntiera, jenħtieġ li jiġu ċċarati u msaħħa l-governanza, il-kompiti u l-funzjonament tal-Eurofisc. Jenħtieġ li l-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc ikunu jistgħu jaċċessaw, jiskambjaw, jipproċessaw u janalizzaw malajr l-informazzjoni kollha meħtieġa u jikkoordinaw kull azzjoni ta' segwitu. Huwa wkoll meħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' awtoritajiet oħra involuti fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz ta' skambju ta' informazzjoni mmirata mal-Europol u mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi. Għalhekk, jenħtieġ li l-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc jikkondividu, spontanjament jew fuq talba, informazzjoni u għarfien mal-Europol, mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u, għall-Istati Membri parteċipanti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, b'mod speċjali għas-suspett ta' frodi tal-VAT 'il fuq minn ċertu ammont. Dan jippermetti li l-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc jirċievu dejta u għarfien miżmuma mill-Europol u mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi sabiex jiġu identifikati dawk li tassew iwettqu l-attivitajiet ta' frodi tal-VAT.
Emenda 5
Proposta għal regolament
Premessa 15
(15)  L-organizzazzjoni tat-trażmissjoni tat-talbiet għal rifużjonijiet tal-VAT — skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE, toffri l-opportunità li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti biex jirkupraw djun tal-VAT mhux imħallsa fl-Istat Membru ta' stabbiliment.
(15)  L-organizzazzjoni tat-trażmissjoni tat-talbiet għal rifużjonijiet tal-VAT — skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE toffri l-opportunità li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti biex jirkupraw obbligazzjonijiet ta' taxxa mhux imħallsa fl-Istat Membru ta' stabbiliment.
__________________
__________________
Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta' Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta' rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 23).
Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta' Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta' rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 23).
Emenda 6
Proposta għal regolament
Premessa 16
(16)  Biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi serja transfruntiera tal-VAT, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jikkomunikaw lil dak l-uffiċċju, inkluż permezz tal-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc, informazzjoni dwar l-aktar reati serji tal-VAT kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill36.
(16)  Biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi transfruntiera serja tal-VAT, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jikkomunikaw fi żmien utli lil dak l-uffiċċju, inkluż permezz tal-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc, informazzjoni dwar l-aktar reati serji tal-VAT kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill36.
__________________
__________________
36 Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
36 Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
Emenda 7
Proposta għal regolament
Premessa 18
(18)  Il-Kummissjoni jista' jkollha aċċess biss għall-informazzjoni kkomunikata jew miġbura skont ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 meta dan ikun meħtieġ għall-kura, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi ospitati mill-Kummissjoni u użati mill-Istati Membri għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.
(18)  Il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha aċċess għall-informazzjoni kkomunikata jew miġbura skont ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 meta dan ikun meħtieġ għall-kura, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi ospitati mill-Kummissjoni u użati mill-Istati Membri għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq żjarat fl-Istati Membri biex tevalwa kif jaħdmu l-arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattiva.
Emenda 8
Proposta għal regolament
Premessa 19
(19)  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, huwa xieraq li jitqiesu l-limitazzjonijiet ta' ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill37, biex jitħarsu l-interessi msemmija fl-Artikolu 23(1)(e) ta' dak ir-Regolament. Dawn il-limitazzjonijiet huma meħtieġa u proporzjonali meta jitqies it-telf ta' dħul potenzjali għall-Istati Membri u l-importanza kruċjali li din l-informazzjoni ssir disponibbli sabiex il-ġlieda kontra l-frodi tkun effettiva.
(19)  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, huwa xieraq li jitqiesu l-limitazzjonijiet ta' ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill37, biex jitħarsu l-interessi msemmija fl-Artikolu 23(1)(e) ta' dak ir-Regolament. Dawn il-limitazzjonijiet huma meħtieġa u proporzjonali meta jitqies it-telf ta' dħul potenzjali għall-Istati Membri u l-importanza kruċjali li din l-informazzjoni ssir disponibbli sabiex il-ġlieda kontra l-frodi tkun effettiva. Jenħtieġ li limitazzjonijiet bħal dawn, madankollu, ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv u dawn iridu jilħqu l-istandards għoljin meħtieġa mill-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, kwalunkwe att ta' implimentazzjoni futur għal dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun konformi mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u Council.37a
__________________
__________________
37 Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
37 Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
37a Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
Emenda 9
Proposta għal regolament
Premessa 20a (ġdida)
(20a)  Fid-dawl tan-numru żgħir ta' Stati Membri li jippubblikaw stimi ta' telf tal-VAT minħabba frodi intrakomunitarja, id-disponibbiltà ta' dejta komparabbli dwar frodi intrakomunitarja tal-VAT se tikkontribwixxi għal kooperazzjoni mmirata aħjar bejn l-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tiżviluppa approċċ statistiku komuni biex jikkwantifikaw u janalizzaw il-frodi tal-VAT.
Emenda 42
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 7 – paragrafu 4
4.  It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista' tinkludi talba motivata għal inkjesta amministrattiva speċifika. L-awtorità rikjesta għandha twettaq l-inkjesta amministrattiva flimkien mal-awtorità rikjedenti. Jistgħu jintużaw l-għodod u l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 28 sa 30 ta' dan ir-Regolament. Jekk l-awtorità rikjesta tkun tal-fehma li mhi meħtieġa l-ebda inkjesta amministrattiva, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.
4.  Meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tqis li jkun hemm bżonn li ssir inkjesta amministrattiva, hija għandha tippreżenta talba debitament motivata. L-awtorità rikjesta ma tistax tirrifjuta li twettaq l-inkjesta kkonċernata u, jekk l-informazzjoni tkun diġà disponibbli, l-awtorità rikjesta għandha tipprovdiha mingħajr dewmien lill-awtoritajiet rikjedenti qabel kwalunkwe talba. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru arranġamenti bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta li permezz tagħhom l-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti għandhom jieħdu sehem f'inkjesta amministrattiva mwettqa fit-territorju tal-awtorità rikjesta bil-għan li jiġbru l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu. Din l-inkjesta amministrattiva għandha titwettaq b'mod konġunt mill-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti u tal-awtoritajiet rikjesti bi spirtu kooperattiv u produttiv. L-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandu jkollhom aċċess għall-istess informazzjoni, dokumenti u bini u għandhom, sa fejn dan huwa permess mil-liġi tal-Istat Membru rikjest, ikunu jistgħu jinterrogaw direttament individwi sabiex jidentifikaw u jiġġieldu l-frodi transfruntiera tal-VAT li bħalissa qed tippreġudika l-bażijiet ta' taxxa nazzjonali.
Minkejja l-ewwel subparagrafu, inkjesta dwar l-ammonti ddikjarati minn persuna taxxabbli stabbilita fl-Istat Membru tal-awtorità rikjesta u li jkunu taxxabbli fl-Istat Membru tal-awtorità rikjedenti, tista' tiġi rifjutata biss:
(a)  għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 54(1), ivvalutati mill-awtorità rikjesta skont id-dikjarazzjoni tal-aħjar prattiki dwar l-interazzjoni ta' dan il-paragrafu u l-Artikolu 54(1), li għandha tiġi adottata skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 58(2);
(b)  għar-raġunijiet previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 54;
(c)  għar-raġunijiet li l-awtorità rikjesta tkun diġà pprovdiet lill-awtorità rikjedenti bl-informazzjoni dwar l-istess persuna taxxabbli, bħala riżultat ta' inkjesta amministrattiva mwettqa inqas minn sentejn qabel.
Meta l-awtorità rikjesta tirrifjuta inkjesta amministrattiva msemmija fit-tieni subparagrafu għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti (a) jew (b), hija għandha xorta waħda tipprovdi lill-awtorità rikjedenti bid-dati u bl-ammonti ta' kull provvista rilevanti magħmula mill-persuna taxxabbli fl-Istat Membru tal-awtorità rikjedenti matul l-aħħar sentejn.
Meta l-awtoritajiet kompetenti ta' mill-inqas żewġ Stati Membri jqisu li hemm bżonn li ssir inkjesta amministrattiva, l-awtorità rikjesta ma għandhiex tirrifjuta li twettaq din l-inkjesta. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru arranġamenti bejn dawk l-awtoritajiet rikjedenti u l-awtorità rikjesta li permezz tagħhom l-uffiċjali awtorizzati mill-awtoritajiet rikjedenti għandhom jieħdu sehem f'inkjesta amministrattiva mwettqa fit-territorju tal-awtorità rikjesta bil-għan li jiġbru l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu. Din l-inkjesta amministrattiva għandha titwettaq b'mod konġunt mill-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti u tal-awtorità rikjesta. L-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti għandhom jeżerċitaw l-istess setgħat ta' kontroll bħal dawk mogħtija lill-uffiċjali tal-awtorità rikjesta. L-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti għandu jkollhom aċċess għall-istess bini u dokumenti bħall-uffiċjali tal-awtorità rikjesta għall-fini uniku li titwettaq l-inkjesta amministrattiva.
Emenda 13
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1a (ġdid)
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 12a (ġdid)
(1a)  jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
"Artikolu 12a
L-Istati Membri kollha għandhom jimplimentaw sett ta' miri operazzjonali għat-tnaqqis tal-perċentwal ta' tweġibiet tard u għat-titjib tal-kwalità tat-talbiet għal informazzjoni u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dawk il-miri.";
Emenda 14
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 13 – paragrafu 3
3.  L-informazzjoni għandha tintbagħat permezz ta' formoli standard jew b'mezzi oħra li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi jqisu xierqa. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-formoli standard permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2);
3.  L-informazzjoni għandha tintbagħat billi jintużaw formoli standard jew mezzi oħra li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi jqisu xierqa. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-formoli standard permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).
Emenda 15
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2a (ġdid)
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 14 – paragrafu 1 – subparagrafu 2
(2a)  fl-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:
"Stat Membru jista' jastjeni milli jieħu sehem fl-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni rigward kategorija waħda jew aktar meta l-ġbir ta' informazzjoni għal tali skambju jkun jeħtieġ l-impożizzjoni ta' obbligi ġodda fuq persuni soġġetti għall-VAT jew ikun jimponi piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-Istat Membru."
"Stat Membru jista' jastjeni milli jieħu sehem fl-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni rigward kategorija waħda jew aktar meta l-ġbir ta' informazzjoni għal tali skambju jkun jeħtieġ l-impożizzjoni ta' obbligi sproporzjonati fuq persuni soġġetti għall-VAT jew ikun jimponi piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-Istat Membru.";
Emenda 16
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3 – punt a
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 17 – paragrafu 1 – punt e
(e)  l-informazzjoni dwar l-istatus ta' persuna taxxabbli ċertifikata skont l-Artikolu 13a tad-Direttiva 2006/112/KE, kif ukoll id-data li fiha jkun ingħata, ikun ġie rifjutat jew ikun ġie rtirat dak l-istatus.
(Ma taffettwax il-verżjoni Maltija.)
Emenda 17
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3 – punt b
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 17 – paragrafu 1 – punt f
(f)  l-informazzjoni li jiġbor skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 143(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, kif ukoll il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-kodiċi tal-prodott, il-munita, l-ammont totali, ir-rata tal-kambju, il-prezzijiet tal-oġġetti individwali u l-piż nett.
(f)  l-informazzjoni li jiġbor skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 143(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, kif ukoll il-pajjiż tal-oriġini, id-dejta li tidentifika l-esportatur, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-kodiċi tal-prodott, il-munita, l-ammont totali, ir-rata tal-kambju, il-prezz tal-artiklu u l-piż nett.
Emenda 18
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3 – punt e
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 17 – paragrafu 3
3.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-kategoriji eżatti ta' informazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).;
3.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-kategoriji speċifiċi li jridu jiġu inklużi fil-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-għoti ta' informazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).
Emenda 19
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt a
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 21 – paragrafu 1a
1a.  Kull Stat Membru għandu jagħti lill-uffiċjali tiegħu li jivverifikaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 143(2) tad-Direttiva 2006/112/KE aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu (17)(1) ta' dan ir-Regolament li għalihom jingħata aċċess awtomatizzat mill-Istati Membri l-oħra.
1a.  Kull Stat Membru għandu jagħti lill-uffiċjali tiegħu li jivverifikaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 143(2) tad-Direttiva 2006/112/KE aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu (17)(1) ta' dan ir-Regolament, inkluż l-aċċess għar-reġistru li juri l-lista ta' persuni taxxabbli ċċertifikati, li għalihom jingħata aċċess awtomatizzat mill-Istati Membri l-oħra.
Emenda 20
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt b – punt i
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 21 – paragrafu 2 – punt e – punt i
(i)  l-aċċess huwa marbut ma' investigazzjoni dwar suspett ta' frodi jew biex jiġu individwati jew identifikati dawk li jwettqu frodi;
(i)  l-aċċess huwa marbut ma' investigazzjoni dwar suspett ta' frodi jew biex jiġu individwati jew identifikati l-awturi ta' frodi u ta' kondotta ħażina serja;
Emenda 21
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt b – punt i
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 21 – paragrafu 2 – punt e – punt ii
(ii)  l-aċċess jingħata permezz ta' uffiċjal ta' kollegament tal-Eurofisc, kif imsemmi fl-Artikolu 36(1) li jkollu identifikazzjoni personali tal-utent għas-sistemi elettroniċi li jippermettu l-aċċess għal din l-informazzjoni.
(ii)  l-aċċess jingħata permezz ta' uffiċjal ta' kollegament tal-Eurofisc, kif imsemmi fl-Artikolu 36(1) li jkollu identifikazzjoni personali tal-utent għas-sistemi elettroniċi li jippermettu l-aċċess għal din l-informazzjoni u għar-reġistru li juri l-lista ta' persuni taxxabbli ċċertifikati.
Emenda 22
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt c
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 21 – paragrafu 2a – subparagrafu 1 – parti introduttorja
Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(1)(f), minn tal-inqas id-dettalji li ġejjin għandhom ikunu aċċessibbli:
Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(1)(f), minn tal-inqas l-informazzjoni li ġejja għandha tkun aċċessibbli:
Emenda 23
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt c
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 21 – paragrafu 2a – subparagrafu 1 – punt a
(a)  in-numri ta' identifikazzjoni tal-VAT maħruġa mill-Istat Membru li qed jirċievi l-informazzjoni;
(a)  in-numri ta' identifikazzjoni tal-VAT maħruġa mill-Istat Membru li qed jirċievi l-informazzjoni, u r-reġistru li juri l-lista ta' persuni taxxabbli ċċertifikati;
Emenda 24
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt c
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 21 – paragrafu 2a – subparagrafu 1 – punt c
(c)  il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-kodiċi tal-prodott, il-munita, l-ammont totali, ir-rata tal-kambju, il-prezzijiet tal-oġġetti individwali u l-piż nett tal-oġġetti importati segwiti bi provvista intra-Komunitarja ta' oġġetti minn kull persuna msemmija fil-punt (b) għal kull persuna li għandha numru ta' identifikazzjoni tal-VAT imsemmi fil-punt (a);
(c)  il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-kodiċi tal-prodott, il-munita, l-ammont totali, ir-rata tal-kambju, il-prezz tal-artiklu u l-piż nett tal-oġġetti importati segwiti bi provvista intra-Komunitarja ta' oġġetti minn kull persuna msemmija fil-punt (b) għal kull persuna li għandha numru ta' identifikazzjoni tal-VAT imsemmi fil-punt (a);
Emenda 25
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt c
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 21 – paragrafu 2a – subparagrafu 1 – punt d – parti introduttorja
(d)  il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-kodiċi tal-prodott, il-munita, l-ammont totali, ir-rata tal-kambju, il-prezzijiet tal-oġġetti individwali u l-piż nett tal-oġġetti importati segwiti bi provvista intra-Komunitarja ta' oġġetti minn kull persuna msemmija fil-punt (b) għal kull persuna li għandha numru ta' identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn Stat Membru ieħor skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(d)  il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-kodiċi tal-prodott, il-munita, l-ammont totali, ir-rata tal-kambju, il-prezz tal-artiklu u l-piż nett tal-oġġetti importati segwiti bi provvista intra-Komunitarja ta' oġġetti minn kull persuna msemmija fil-punt (b) għal kull persuna li għandha numru ta' identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn Stat Membru ieħor skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:
Emenda 26
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt c
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 21 – paragrafu 2a – subparagrafu 1 – punt d – punt i
(i)  l-aċċess huwa marbut ma' investigazzjoni dwar suspett ta' frodi jew biex jiġu individwati jew identifikati dawk li jwettqu frodi;
(i)  l-aċċess huwa marbut ma' investigazzjoni dwar suspett ta' frodi jew biex jiġu individwati jew identifikati l-awturi ta' frodi u ta' kondotta ħażina serja;
Emenda 27
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 5
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 21 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt i
(i)  l-aċċess huwa marbut ma' investigazzjoni dwar suspett ta' frodi jew biex jiġu individwati jew identifikati dawk li jwettqu frodi;
(i)  l-aċċess huwa marbut ma' investigazzjoni dwar suspett ta' frodi jew biex jiġu individwati jew identifikati l-awturi ta' frodi u ta' kondotta ħażina serja;
Emenda 28
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 8 – punt a
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 28 – paragrafu 2a
2a.  Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u skont l-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, l-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jistgħu, bil-għan li jiġbru u jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, jieħdu sehem fl-inkjesti amministrattivi mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru rikjest. Dawn l-inkjesti amministrattivi għandhom jitwettqu b'mod konġunt mill-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti u tal-awtorità rikjesta. L-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandhom jeżerċitaw l-istess setgħat ta' kontroll bħal dawk mogħtija lill-uffiċjali tal-awtorità rikjesta. L-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti għandu jkollhom aċċess għall-istess bini u dokumenti bħall-uffiċjali tal-awtorità rikjesta għall-fini uniku li titwettaq l-inkjesta amministrattiva. Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u skont l-arranġamenti stabbiliti mill-awtorità rikjesta, iż-żewġ awtoritajiet jistgħu jabbozzaw rapport ta' awditu komuni.
2a.  Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u skont l-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, l-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jistgħu, bil-għan li jiġbru u jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, jieħdu sehem fl-inkjesti amministrattivi mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru rikjest. Dawn l-inkjesti amministrattivi għandhom jitwettqu b'mod konġunt bi spirtu ta' fiduċja reċiproka u kooperazzjoni produttiva mill-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti u tal-awtoritajiet rikjesti, filwaqt li jiġu rispettati l-prattiki amministrattivi ta' dawk l-awtoritajiet u l-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-awtorità rikjesta sabiex tiġi miġġielda l-frodi transfruntiera tal-VAT. L-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti għandu jkollhom aċċess għall-istess bini u dokumenti bħall-uffiċjali tal-awtorità rikjesta għall-fini uniku li titwettaq l-inkjesta amministrattiva. Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u skont l-arranġamenti stabbiliti mill-awtorità rikjesta, l-awtoritajiet parteċipanti jistgħu jabbozzaw rapport ta' awditu komuni.
Emenda 29
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 11 – punt a
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 33 – paragrafu 1
1.  Sabiex tiġi promossa u ffaċilitata l-kooperazzjoni multilaterali fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, dan il-Kapitolu jistabbilixxi netwerk għall-iskambju, l-ipproċessar u l-analiżi fil-pront ta' informazzjoni mmirata bejn l-Istati Membri u l-koordinazzjoni ta' kull azzjoni ta' segwitu ("Eurofisc").
1.  Sabiex tiġi promossa u ffaċilitata l-kooperazzjoni multilaterali fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, dan il-Kapitolu jistabbilixxi netwerk għall-iskambju, l-ipproċessar u l-analiżi fil-pront ta' informazzjoni mmirata dwar skemi ta' frodi transfruntiera bejn l-Istati Membri u għall-koordinazzjoni ta' kull azzjoni ta' segwitu ("Eurofisc").
Emenda 30
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 11 – punt b – punt i
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 33 – paragrafu 2 – punt b
(b)  iwettqu u jikkoordinaw l-iskambju multilaterali fil-pront u l-ipproċessar u l-analiżi konġunti ta' informazzjoni mmirata fl-oqsma ta' ħidma li fihom topera l-Eurofisc ("l-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc");
(b)  iwettqu u jikkoordinaw l-iskambju multilaterali fil-pront u l-ipproċessar u l-analiżi konġunti ta' informazzjoni mmirata dwar skemi ta' frodi transfruntiera fl-oqsma ta' ħidma li fihom topera l-Eurofisc ("l-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc");
Emenda 31
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 11 – punt b – punt ii
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 33 – paragrafu 2 – punt d
(d)  jikkoordinaw l-inkjesti amministrattivi tal-Istati Membri parteċipanti dwar il-persuni ssuspettati bi frodi u dawk li jwettqu l-frodi identifikati mill-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc kif imsemmi fl-Artikolu 36(1).
(d)  jikkoordinaw l-inkjesti amministrattivi tal-Istati Membri parteċipanti dwar il-frodi identifikata mill-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc kif imsemmi fl-Artikolu 36(1).
Emenda 32
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 12
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 34 – paragrafu 2
2.  L-Istati Membri li jkunu għażlu li jieħdu sehem f'qasam ta' ħidma tal-Eurofisc għandhom jipparteċipaw b'mod attiv fl-iskambju multilaterali u l-ipproċessar u l-analiżi konġunti ta' informazzjoni mmirata bejn l-Istati Membri parteċipanti kollha u fil-koordinazzjoni ta' kull azzjoni ta' segwitu.
2.  L-Istati Membri li jkunu għażlu li jieħdu sehem f'qasam ta' ħidma tal-Eurofisc għandhom jipparteċipaw b'mod attiv fl-iskambju multilaterali u l-ipproċessar u l-analiżi konġunti ta' informazzjoni mmirata dwar skemi ta' frodi transfruntiera bejn l-Istati Membri parteċipanti kollha u fil-koordinazzjoni ta' kull azzjoni ta' segwitu.
Emenda 33
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 13
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 35 – paragrafu 1
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Eurofisc b'appoġġ tekniku u loġistiku. Il-Kummissjoni ma għandux ikollha aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, li tista' tiġi skambjata fil-Eurofisc għajr fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikolu 55(2).
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Eurofisc bl-appoġġ tekniku u loġistiku meħtieġ. Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, li tista' tiġi skambjata fil-Eurofisc, fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikolu 55(2).
Emenda 34
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 14 – punt c
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 36 – paragrafu 3
3.  Il-koordinaturi tal-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba, jgħaddu xi informazzjoni miġbura u proċessata lill-Europol u lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi ("OLAF"), kif maqbul mill-parteċipanti fl-oqsma ta' ħidma.
3.  Il-koordinaturi tal-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba, jgħaddu informazzjoni rilevanti dwar l-aktar reati transfruntiera serji fir-rigward tal-VAT lill-Europol u lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi ("OLAF"), kif maqbul mill-parteċipanti fl-oqsma ta' ħidma.
Emenda 35
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 14 – punt c
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 36 – paragrafu 4
4.  Il-koordinaturi tal-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc għandhom jqiegħdu l-informazzjoni li tasal mingħand il-Europol u l-OLAF għad-dispożizzjoni tal-uffiċjali ta' kollegament parteċipanti l-oħra tal-Eurofisc; din l-informazzjoni għandha tiġi skambjata b'mezzi elettroniċi.
4.  Il-koordinaturi tal-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc jistgħu jsaqsu lill-Europol u lill-OLAF għal informazzjoni rilevanti. Il-koordinaturi tal-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc għandhom jqiegħdu l-informazzjoni li tasal mingħand il-Europol u l-OLAF għad-dispożizzjoni tal-uffiċjali ta' kollegament parteċipanti l-oħra tal-Eurofisc; din l-informazzjoni għandha tiġi skambjata b'mezzi elettroniċi.
Emenda 36
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 16
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu  48 – paragrafu 1 – subparagrafu 2
Meta l-Istat Membru ta' stabbiliment isir jaf li persuna taxxabbli li tagħmel talba għal rifużjoni tal-VAT skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/9/KE, għandha obbligazzjonijiet tal-VAT mhux ikkontestati f'dak l-Istat Membru ta' stabbiliment, dan jista' jinforma lill-Istat Membru tar-rifużjoni b'dawk l-obbligazzjonijiet biex l-Istat Membru tar-rifużjoni jitlob il-kunsens tal-persuna taxxabbli għat-trasferiment tar-rifużjoni tal-VAT direttament lill-Istat Membru ta' stabbiliment biex jiġu rilaxxati l-obbligazzjonijiet pendenti tal-VAT. Meta l-persuna taxxabbli tagħti l-kunsens għal dan it-trasferiment, l-Istat Membru tar-rifużjoni, f'isem il-persuna taxxabbli, għandu jittrasferixxi dan l-ammont lill-Istat Membru ta' stabbiliment sa fejn ikun meħtieġ biex jiġu rilaxxati l-obbligazzjonijiet pendenti tal-VAT. L-Istat Membru ta' stabbiliment għandu jinforma lill-persuna taxxabbli jekk l-ammont trasferit jammontax għar-rilaxx sħiħ jew parzjali tal-obbligazzjonijiet tal-VAT fi żmien 15-il ġurnata mill-wasla tat-trasferiment mill-Istat Membru tar-rifużjoni.
Meta l-Istat Membru ta' stabbiliment isir jaf li persuna taxxabbli li tagħmel talba għal rifużjoni tal-VAT skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/9/KE, għandha obbligazzjonijiet tal-VAT mhux ikkontestati f'dak l-Istat Membru ta' stabbiliment, dan għandu jinforma lill-Istat Membru tar-rifużjoni b'dawk l-obbligazzjonijiet biex l-Istat Membru tar-rifużjoni jitlob il-kunsens tal-persuna taxxabbli għat-trasferiment tar-rifużjoni tal-VAT direttament lill-Istat Membru ta' stabbiliment biex jiġu rilaxxati l-obbligazzjonijiet pendenti tal-VAT. Meta l-persuna taxxabbli tagħti l-kunsens għal dan it-trasferiment, l-Istat Membru tar-rifużjoni, f'isem il-persuna taxxabbli, għandu jittrasferixxi dan l-ammont lill-Istat Membru ta' stabbiliment sa fejn ikun meħtieġ biex jiġu rilaxxati l-obbligazzjonijiet pendenti tal-VAT. L-Istat Membru ta' stabbiliment għandu jinforma lill-persuna taxxabbli jekk l-ammont trasferit jammontax għar-rilaxx sħiħ jew parzjali tal-obbligazzjonijiet tal-VAT fi żmien 10 ijiem xogħol mill-wasla tat-trasferiment mill-Istat Membru tar-rifużjoni.
Emenda 37
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 18
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 49 – paragrafu 2a – subparagrafu 2
L-Istati Membri jistgħu jikkomunikaw lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, kull informazzjoni disponibbli dwar reati kontra s-sistema komuni tal-VAT sabiex ikun jista' jqis azzjoni xierqa skont il-mandat tiegħu.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 36(3), l-Istati Membri jistgħu jikkomunikaw lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, kull informazzjoni disponibbli dwar reati kontra s-sistema komuni tal-VAT sabiex ikun jista' jqis azzjoni xierqa skont il-mandat tiegħu.
Emenda 38
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 18a (ġdid)
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 49a (ġdid)
(18a)  jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
‘Artikolu 49a
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu sistema komuni tal-ġbir tal-istatistika dwar frodi tal-VAT intrakomunitarja u jippubblikaw l-istimi nazzjonali tat-telf tal-VAT minħabba din il-frodi, kif ukoll l-istimi għall-Unjoni kollha. Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-arranġamenti prattiċi għal din is-sistema statistika. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).";
Emenda 39
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 18b (ġdid)
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 50 – paragrafu 1a (ġdid)
(18b)  fl-Artikolu 50, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
"1a. Meta Stat Membru jipprovdi informazzjoni aktar ġenerali lil pajjiż terz minn dik prevista fil-Kapitoli II u III ta' dan ir-Regolament, dak l-Istat Membru ma jistax jirrifjuta li jipprovdi dik l-informazzjoni lil kwalunkwe Stat Membru ieħor li jkun qed jitlob kooperazzjoni jew li jkollu interess li jirċeviha."
Emenda 40
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 19 – punt a
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 55 – paragrafu 2
2.  Il-persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta' Akkreditament ta' Sigurtà tal-Kummissjoni jista' jkollhom aċċess biss għal din l-informazzjoni meta dan ikun meħtieġ għall-kura, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi ospitati mill-Kummissjoni u użati mill-Istati Membri biex jimplimentaw dan ir-Regolament.
2.  Il-persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta' Akkreditament ta' Sigurtà tal-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni meta dan ikun meħtieġ għall-kura, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi ospitati mill-Kummissjoni u użati mill-Istati Membri biex jimplimentaw dan ir-Regolament, u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament.
Emenda 41
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 19 – punt b
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 55 – paragrafu 5
5.  Kull ħażna, ipproċessar jew skambju ta' informazzjoni msemmija f'dan ir-Regolament hija soġġetta għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*). Madankollu għall-fini tal-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jillimitaw il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi u tad-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikoli 5 u 34 tar-Regolament (UE) 2016/679 sal-limitu meħtieġ biex jitħarsu l-interessi msemmija fl-Artikolu 23(1)(e) ta' dak ir-Regolament. L-ipproċessar u l-ħżin tal-informazzjoni msemmija f'dan ir-Regolament għandhom jitwettqu biss għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament u l-perjodi ta' ħżin ta' din l-informazzjoni għandhom ikunu limitati sakemm ikun meħtieġ biex jintlaħqu dawk il-finijiet.
5.  Kull ħażna, ipproċessar jew skambju ta' informazzjoni msemmija f'dan ir-Regolament hija soġġetta għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*). Madankollu għall-fini tal-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jillimitaw il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi u tad-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikoli 5 u 34 tar-Regolament (UE) 2016/679 sal-limitu meħtieġ biex jitħarsu l-interessi msemmija fl-Artikolu 23(1)(e) ta' dak ir-Regolament. L-ipproċessar u l-ħżin tal-informazzjoni msemmija f'dan ir-Regolament għandhom jiġu approvati biss għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament u l-perjodi ta' ħżin ta' din l-informazzjoni għandhom ikunu limitati sakemm ikun meħtieġ biex jintlaħqu dawk il-finijiet.
Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza