Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (12543/2017 – C8-0422/2017 – 2017/0238(NLE) – 2017/2269(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12543/2017),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (12548/2017),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2), u l-Artikoli 207 u 209, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), u l-Artikolu 218(7) u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0422/2017),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Armenja,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-summits tas-Sħubija tal-Lvant, partikolarment dik maqbula fl-2017 fi Brussell,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), partikolarment ir-rapport tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-Implimentazzjoni tar-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (JOIN(2017)0018) u d-dokument ta' ħidma konġunt tad-9 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Eastern Partnership – 20 Deliverables for 2020: Focusing on key priorities and tangible results" (SWD(2017)0300) (Is-Sħubija tal-Lvant – 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli), kif ukoll il-komunikazzjoni tal-2016 dwar "Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Viċinat tal-Lvant u, partikolarment ir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2018(4) 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,
– wara li kkunsidra l-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Armenja, iffirmati fil-21 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0179/2018),
A. billi l-qafas attwali tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Unjoni Ewropea hu bbażat fuq il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-1996, li daħal fis-seħħ fl-1999 u li għandu jiġi sostitwit bil-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ (CEPA) li qiegħed jiġi propost;
B. billi permezz tas-Sħubija tal-Lvant, l-UE u l-Armenja bbażaw ir-relazzjonijiet tagħhom fuq impenn kondiviż favur id-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
C. billi għad hemm tħassib rigward ir-rispett sħiħ tal-Armenja dwar uħud mill-valuri ewlenin imsemmija aktar kmieni, partikolarment rigward id-demokrazija u l-istat tad-dritt, li qegħdin jiġu mxekkla mill-korruzzjoni, ix-xiri tal-voti, il-kriminalità organizzata u l-kontroll oligarkiku abbużiv;
D. billi l-pożizzjoni ġeografika tal-Armenja f'salib it-toroq bejn l-Ewropa, l-Asja Ċentrali u l-Lvant Nofsani, kif ukoll il-poteri reġjonali tal-viċinat, partikolarment ir-Russja, l-Iran u t-Turkija, hija kemm strateġika u toħloq sfida; billi n-nuqqas ta' rikonoxximent minn xi wħud mit-traġedji tal-passat, partikolarment il-ġenoċidju Armen, il-preżenza ta' truppi barranin fl-Armenja kif ukoll il-kunflitti mtawla fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, li ħallew effett ukoll fuq l-Ażerbajġan u l-Georgia, jirrappreżentaw theddida ewlenija għas-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali tal-imsieħba kollha; billi s-soluzzjoni paċifika għall-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh tista' sseħħ biss bi qbil mal-Prinċipji Bażiċi 2009 tal-OSKE, partikolarment permezz tal-isforzi u l-proposti tal-Kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE;
E. billi l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tal-Armenja, kif ukoll l-aktar donatur importanti tagħha; billi l-Armenja hija wkoll membru tal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika, li jixhed li l-UE ma tisfurzax, bħala prerekwiżit, li l-imsieħba għandhom jagħżlu relazzjonijiet aktar profondi mal-UE għad-detriment tar-relazzjonijiet tagħhom ma' partijiet terzi, anki jekk xi opportunitajiet - bħal Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) - ma kinux possibbli f'dan il-kuntest;
F. billi l-ftehim il-ġdid jistabbilixxi bażi ġuridika ġdida għat-tisħiħ mill-ġdid tad-djalogu politiku u twessigħ tal-ambitu tal-kooperazzjoni ekonomika, kif ukoll il-kooperazzjoni f'setturi bħall-enerġija, it-trasport, l-infrastruttura u l-ambjent; billi dawn id-dispożizzjonijiet mistennija li jkollhom impatt pożittiv fuq l-Armenja f'termini ta' promozzjoni ta' standards demokratiċi, ta' tkabbir ekonomiku u ta' żvilupp sostenibbli; biex b'hekk dawn il-prospetti jkunu partikolarment importanti għaż-żgħażagħ Armeni, inkluż permezz ta' edukazzjoni mtejba u ta' aktar opportunitajiet ta' xogħol; billi kemm iċ-ċittadini tal-UE kif ukoll tal-Armenja jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni msaħħa;
1. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ, li jirrappreżenta pass sinifikanti 'l quddiem fir-relazzjonijiet UE-Armenja u jinkludi impenn favur l-approfondiment ulterjuri tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi;
2. Jinnota li l-iffirmar tal-Ftehim mhuwiex il-punt aħħari f'termini tal-kooperazzjoni UE-Armenja; jenfasizza, pjuttost, l-importanza ta' implimentazzjoni rapida u effikaċi qabel ma jiġi eżaminat il-potenzjal għat-tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni u tal-integrazzjoni bejn iż-żewġ partijiet, b'ritmu u fuq skala li jkunu aċċettabbli b'mod reċiproku għaż-żewġ partijiet;
3. Ifakkar li biex aktar prospetti ta' kooperazzjoni jsiru disponibbli, huwa importanti li jseħħ progress sinifikanti f'termini ta' rispett ta' valuri fundamentali bħall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll il-preżenza ta' sistema demokratika li tiffunzjona, li tiddefendi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, u li twassal għal riżultati konkreti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; f'dan ir-rigward, jistenna bil-ħerqa li l-UE tikkunsidra, fi żmien debitu, il-ftuħ tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Armenja, sakemm ikun hemm fis-seħħ il-kundizzjonijiet għal mobbiltà ġestita tajba u sigura, kif ukoll l-implimentazzjoni effikaċi tal-iffaċilitar tal-viża u tal-ftehimiet ta' riammissjoni bejn il-partijiet;
4. Ifaħħar liċ-ċittadini tal-Armenja għat-tranżizzjoni tal-poter f'April u f'Mejju 2018, li seħħet b'mod paċifiku u li wasslet għal bidla fil-gvern b'konformità mal-Kostituzzjoni tal-Armenja; jilqa' l-kawtela murija mill-korpi tal-infurzar tal-liġi, iżda jesprimi tħassib dwar l-arresti mhux ġustifikati ta' dimostranti paċifiċi inklużi ta' Membri tal-Parlament; jifraħ mill-qalb lil Nikol Pashinyan għall-ħatra tiegħu bħala l-Prim Ministru l-ġdid tal-Armenja; jistenna b'interess li tiżdied il-kooperazzjoni miegħu, mal-gvern tiegħu u mal-Assemblea Nazzjonali, partikolarment biex jingħatalhom appoġġ ħalli jwettqu l-istennijiet tas-soċjetà Armena kif espressi matul il-protesti, u jesprimi l-fatt li fil-ġejjieni jkun lest li josserva l-elezzjonijiet parlamentari fl-Armenja;
Ambitu, prinċipji ġenerali, valuri fundamentali u impenn għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti
5. Jisħaq li l-applikazzjoni territorjali tal-Ftehim tkopri, minn naħa, it-territorji li fihom japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, bil-kundizzjonijiet stipulati f'dawk it-Trattati, u min-naħa l-oħra, it-territorju tar-Repubblika tal-Armenja. jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li ma jiġi esportat ebda prodott illegalment lejn l-UE mill-Armenja;
6. Jinnota li l-Ftehim hu konformi mal-ispirtu u mal-prinċipji espressi fir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2017, li tiddikjara b'mod ċar li mhu se jiġi rratifikat ebda ftehim komprensiv ma' pajjiż li ma jirrispettax il-valuri tal-UE ta' demokrazija, tal-istat tad-dritt, il-governanza tajba, u d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; iħeġġeġ madankollu lill-awtoritajiet Armeni biex bl-appoġġ tal-UE, jiżguraw li ma jkun hemm ebda rigress fuq dawn il-valuri, għaliex dan jista' jiskatta s-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-Ftehim skont l-Artikolu 379 tiegħu; itenni li l-assistenza finanzjarja tal-UE lejn l-Armenja għadha tiddependi fuq l-implimentazzjoni tar-riformi u l-kwalità tagħhom;
7. Iħeġġeġ lill-Armenja tadotta u timplimenta bil-ħeffa r-riformi li ntlaħaq qbil reċiproku dwarhom, partikolarment fir-rigward tal-istabbiltà tas-sistema elettorali, l-indipendenza tal-ġudikatura, u t-trasparenza fil-governanza tal-istutuzzjonijiet tal-istat, partikolarment fil-kuntest tal-prijoritajiet ta' sħubija UE-Armenja, li għandhom jaġixxu bħala qafas ta' gwida għall-implimentazzjoni tal-Ftehim, sabiex jintlaħqu riżultati tanġibbli u pożittivi għaċ-ċittadini Armeni;
8. Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-parteċipazzjoni sinifikanti u l-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili matul din il-fażi ta' implimentazzjoni, inkluż permezz tal-Pjattaforma l-ġdida tas-Soċjetà Ċivili stabbilita b'dan il-Ftehim, li tmur lil hinn mis-sempliċi obbligu li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jingħataw informazzjoni u li jitwettqu skambji ta' fehmiet magħhom, kif hu previst attwalment fl-Artikolu 366 tal-Ftehim; ifakkar li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti għandhom jirriflettu l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta' interessi politiċi u soċjali;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tapplika l-prinċipju ta' kondizzjonalità tal-assistenza finanzjarja tal-UE billi l-appoġġ mill-UE jintrabat b'mod sistematiku mal-implimentazzjoni effikaċi tar-riformi – inkluż permezz tal-istrument tal-Viċinat Ewropew, l-assistenza makrofinanzjarja u strumenti oħrajn – fejn il-progress imwettaq għandu jkun soġġett għal monitoraġġ bir-reqqa;
10. Jinnota li l-Ftehim huwa konformi wkoll mal-ispirtu u mal-prinċipji espressi fir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2017 inkluż fir-rigward tal-fatt li r-ratifika tal-ftehim il-ġdid mal-Armenja jew mal-Ażerbajġan tiddependi fuq impenn sinifikanti u fuq progress sostanzjali lejn ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex b'rieda tajba jaċċelleraw ir-ritmu u r-riżultati tan-negozjati tagħhom wara l-elezzjonijiet tal-2018 fiż-żewġ pajjiżi sabiex huma jibqgħu mfakkra fl-istorja billi jsibu soluzzjoni għal kunflitt li sewa wisq ħajjiet, speċjalment dawk ta' ċivili, u li pprevjena mhux biss l-istabbiliment tal-paċi u l-istabbiltà, iżda wkoll xekkel l-iżvilupp soċjoekonomiku fir-reġjun għal kważi tletin sena; jesprimi tħassib profond għaż-żieda fil-preżenza militari u l-infiq sproporzjonat għad-difiża fir-reġjun; jappoġġja l-inizjattivi kollha li jwasslu għall-paċi u għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat, inklużi taħdidiet ta' livell għoli u mekkaniżmu ta' monitoraġġ tal-waqfien mill-ġdid, u jappella lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iżidu l-appoġġ tal-UE għall-programmi u biex jiffaċilitaw iż-żieda fil-kuntatti bejn l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (NGO) u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ filwaqt li jiżgura li l-Istati Membri tal-UE jevitaw esportazzjonijiet indiretti ta' prodotti u teknoloġija b'użu doppju lill-partijiet tal-kunflitt;
Riforma politika
11. Jappella kemm lill-Armenja kif ukoll lill-UE biex jagħtu prijorità għolja lir-riformi domestiċi, kif deskritt fl-Artikolu 4, sabiex b'mod partikolari jiżguraw it-tranżizzjoni bla xkiel minn sistema presidenzjali għal waħda parlamentari kif ukoll in-nonpolitizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-istat; iħeġġeġ lill-gvern Armen biex jiżgura li r-riformi ewlenin – bħal dawk marbutin mal-istruttura u mal-attivitajiet tal-gvern jew mal-kodiċi kriminali – jkunu soġġetti għal trasparenza akbar u għal djalogu inklużiv mal-oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili, fl-interessi tas-soċjetà Armena b'mod ġenerali;
12. Jenfasizza l-bżonn li jkun żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-oppożizzjoni kif ukoll ambjent li fih is-soċjetà ċivili, inklużi r-rappreżentanti tal-midja u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jistgħu joperaw ħielsa minn biża' ta' tpattija; jappella lill-Armenja, f'dan il-kuntest, tiżgura proċess rapidu u ġust għall-priġunieri kollha, inkluż għal Andreas Ghukasyan, liema proċessi għandhom ikunu ħielsa minn kull kunsiderazzjoni politika; jappella lill-awtoritajiet Armeni jiżguraw li l-ġurnalisti ma jiffaċċjaw ebda pressjoni jew biża' ta' ritaljazzjoni jew vjolenza fuq ħidmiethom u li jiġi rispettat id-dritt għal-libertà ta' għaqda, u biex jibqgħu lura minn użu eċċessiv tal-forza u l-pressjoni bħal akkużi kriminali mhux ġustifikati kontra d-dimostranti paċifiċi u l-mexxejja tal-protesta; jappella għal investigazzjonijiet imparzjali u proċessi ekwi fil-każijiet kollha, inkluż fir-rigward ta' azzjonijiet sproporzjonati fil-passat mill-pulizija kontra d-dimostranti paċifiċi u fil-każ "Sasna Tsrer", li matulu l-pulizija xekklet serjament il-ħidma tal-avukati difensuri;
13. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Armeni sabiex, fid-dawl tal-elezzjonijiet futuri, jimplimentaw b'mod rapidu u sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-missjonijiet ta' osservazzjoni internazzjonali mmexxija mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE/ODIHR), kif enfasizzat fir-rapport finali tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta' xiri ta' voti, ta' intimidazzjoni tal-votanti, ta' pressjoni fuq ħaddiema taċ-ċivil u fuq impjegati tas-settur privat u ta' ndħil żejjed fil-proċess ta' votazzjoni minn rappreżentanti tal-partiti jew minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, li wasslu għal nuqqas ta' titjib fil-fiduċja pubblika fis-sistema elettorali tal-pajjiż;
14. Iħeġġeġ lill-Armenja timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja bħal dawk inklużi fl-opinjoni tiegħu tal-2017 dwar l-Abbozz tal-Kodiċi Ġudizzjarju, skont liema opinjoni, il-Kodiċi wassal għal bidliet pożittivi wara r-riforma kostituzzjonali, iżda jinkludi diskrepanzi u inkonsistenzi li għandhom jiġu indirizzati;
L-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali
15. Itenni r-rabta qawwija tiegħu mad-dritt internazzjonali u mal-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba u r-rispett għad-drittiijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u jħeġġeġ lill-Armenja twettaq progress sinifikanti f'dawn l-oqsma, partikolarment fir-rigward tal-libertà tal-midja, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni fiskali, in-nepotiżmu u l-kontroll oligarkiku abbużiv; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Armeni biex ivaraw proċess ta' riformi ekonomiċi profondi u ġenwini bil-għan li tingħeleb l-istruttura oligarkika u t-tneħħija tal-monopolji rilevanti; iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Armeni jkomplu jaġixxu b'konsistenza fir-rigward tal-obbligi tal-pajjiż bħala Pajjiż Firmatarju tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura sabiex jevitaw, jipproċedu u jikkastigaw il-ksur;
16. Jiddispjaċih għall-vjolenza bbażata fuq is-sessi u l-orjentazzjoni sesswali li għadha ta' tħassib serju fl-Armenja; jinnota r-rikonoxximent tal-vjolenza domestika bħala problema ewlenija li seħħ bl-adozzjoni, fit-8 ta' Diċembru 2017, tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Vjolenza fi ħdan il-Familja, il-Protezzjoni tal-Vittmi tal-Vjolenza fi ħdan il-Familja u r-Restawr tal-Paċi (Koeżjoni) fil-Familja mill-Assemblea Nazzjonali, iżda jappella għal leġiżlazzjoni aktar b'saħħitha sabiex tiġi miġġielda b'effikaċja vjolenza simili u biex l-awtoritajiet jipproteġu u jipprovdu appoġġ lil dawk li sofrew tali vjolenza; ifaħħar lill-Armenja għall-iffirmar, fit-18 ta' Jannar 2018, tal-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fir-rigward tan-nisa u l-vjolenza domestika, u jħeġġeġ lill-Armenja biex b'mod rapidu tirratifika u timplimenta bir-reqqa din il-Konvenzjoni sabiex tissodisfa b'effikaċja l-impenji tagħha favur standards internazzjonali f'dan il-qasam;
17. Jappella lill-Armenja tindirizza l-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi u kwistjonijiet kontra d-diskriminazzjoni billi tieħu passi rapidi iżda effikaċi li jkollhom l-għan li jiksbu opportunitajiet indaqs għal kulħadd, partikolarment f'termini ta' impjiegi, paga ndaqs u karigi pubbliċi, idealment permezz ta' liġi komprensiva dwar l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, filwaqt li tipproteġi gruppi vulnerabbli oħrajn bħall-persuni LGBTI, bi qbil mal-istandards internazzjonali u mal-impenji diversi dwar id-drittijiet tal-bniedem meħuda mill-Armenja, u biex tiżgura mekkaniżmi ta' protezzjoni effikaċi u b'riżorsi adegwati; f'dan ir-rigward, jesprimi tħassib dwar l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni pendenti mal-istandards internazzjoni dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni
18. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Armeni jagħtu prijorità għolja biex itemmu l-għażla bbażata fuq is-sessi li sseħħ permezz ta' abort selettiv, li l-inċidenza tiegħu fl-Armenja u fl-Ażerbajġan tibqa' fost l-aktar mifruxa fid-dinja wara ċ-Ċina; iħeġġeġ l-impenn tal-Armenja biex ittejjeb il-ħajja tat-tfal - partikolarment tat-tfal b'diżabbiltà u tfal orfni - billi timplimenta b'konsistenza l-prijoritajiet stipulati fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u fil-Pjan ta' Azzjoni rilevanti għall-implimentazzjoni tal-UNCRC, kif ukoll biex tiżgura l-edukazzjoni inklużiva tat-tfal kollha sal-2025 u l-qerda tax-xogħol tat-tfal;
19. Iħeġġeġ it-twettiq ta' sforzi ulterjuri biex tiżdied il-kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità transfruntiera, u jappella lill-Armenja tallinja lilha nnifisha aktar mill-qrib mal-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE;
20. Jappella lill-Armenja tirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) li tiegħu hi firmatarja sa mill-1999;
Kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali
21. Jilqa' l-approfondiment tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn l-UE u l-Armenja kif ukoll il-fatt li f'xi każijiet il-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ (CEPA) imur lil hinn mill-impenji tad-WTO f'termini ta' trasparenza u ta' aċċess għas-suq ta' prodotti u tal-operaturi tal-UE f'oqsma bħall-kummerċ fis-servizzi, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-akkwist pubbliku;
22. Jappella lill-Armenja tipparteċipa f'relazzjoni kummerċjali ta' fiduċja mal-UE bi qbil mal-impenji meħuda bl-adeżjoni tad-WTO; ifakkar li t-termini u l-kundizzjonijiet tas-sħubija tad-WTO, kif ukoll l-obbligi skont il-ftehimiet tad-WTO u d-dispożizzjonijiet ta' dawk il-ftehimiet, japplikaw biss għat-territorji tar-Repubblika tal-Armenja kif rikonoxxuti min-NU;
23. Jesprimi t-tama li l-Ftehim se jipprovdi malajr opportunitajiet ekonomiċi ġodda u attraenti għaċ-ċittadini Armeni li jgħixu fl-Armenja jew li qegħdin jirritornaw lejha, u partikolarment liż-żgħażagħ fil-pajjiż;
24. Jiddispjaċih madankollu, li l-Ftehim ma jistax jinkludi fih it-tneħħija tal-ostakoli tariffarji bħala riżultat tas-sħubija tal-Armenja fl-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika; jilqa' madankollu, ir-rata ta' utilizzazzjoni għolja tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP+) tal-UE mill-Armenja, iżda jinnota bi tħassib li l-esportazzjonijiet SĠP+ huma kkonċentrati f'numru limitat biss ta' prodotti; jinnota li l-Ftehim jirrispetta l-politika barranija multidimensjonali tal-Armenja, iżda jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza tal-UE fl-Armenja ma tkunx diretta lejn setturi milquta mis-sanzjonijiet Russi kontra l-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissorvelja b'mod strett il-konformità tal-Istati Membri tal-UE għar-regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014, sabiex jiġi evitat li r-Russja takkwista prodotti u teknoloġija permezz tal-Armenja;
25. Jilqa' l-ftehim milħuq dwar il-protezzjoni tat-trademarks, inkluż id-dispożizzjonijiet tranżitorji fl-Artikolu 237 dwar il-Cognac u x-Champagne, biex b'hekk jitħarsu l-interessi tal-UE kif ukoll biex l-Armenja tkun tista' tiżviluppa l-kummerċ tagħha fis-setturi ewlenin kollha tal-ekonomija tagħha;
Enerġija u oqsma oħra ta' kooperazzjoni
26. Jilqa' l-enfasi li saret, partikolarment fl-Artikolu 42, dwar is-sigurtà nukleari abbażi tal-istandards u tal-prattiki tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u tal-Unjoni Ewropea; jiddispjaċih għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Armeni li jestendu t-tul ta' ħajja tal-impjant nukleari ta' Medzamor, u jtenni t-tħassib serju tiegħu fuq id-diskrepanzi persistenti bejn l-istandards tas-sigurtà ta' dan l-impjant nukleari kif ukoll ir-riskji ewlenin li jirriżultaw mill-pożizzjoni tal-impjant f'żona siżmika; ifaħħar lin-negozjaturi talli inkludew kooperazzjoni speċifika dwar "l-għeluq u d-dekummissjonar sikur tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Medzamor u l-adozzjoni bikrija ta' pjan direzzjonali/pjan ta' azzjoni għal dan l-għan, filwaqt li titqies il-ħtieġa għas-sostituzzjoni tiegħu b'kapaċità ġdida sabiex tiġi żgurata sigurtà tal-enerġija u l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli tar-Repubblika tal-Armenja" fl-Artikolu 42 tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ (CEPA);
27. Jilqa' wkoll id-dispożizzjonijiet speċifiċi għal kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali fl-Armenja, b'kunsiderazzjoni tal-bżonn urġenti għal progress f'dan il-qasam kif ukoll tal-opportunitajiet għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis ta' dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija li tista' tirriżulta mill-iżvilupp ta' sorsi alternattivi ta' enerġija nadifa; b'mod partikolari jistieden lill-Kummissjoni tassisti u tappoġġja l-gvern Armen kemm teknikament kif ukoll finanzjarjament fil-pjan ambizzjuż tiegħu li jiżviluppa l-enerġija rinnovabbli;
28. Jappella lill-awtoritajiet Armeni biex isaħħu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll fil-proċessi ta' akkwist pubbliku u ta' privatizzazzjoni, u barra minn hekk, biex isaħħu s-superviżjoni tas-settur bankarju;
29. Jenfasizza l-importanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-djalogu u l-kooperazzjoni dwar il-politika tal-impjiegi, tad-drittijiet tax-xogħol bħas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, inklużi l-gruppi vulnerabbli u marġinalizzati, sabiex jiġu pprovduti impjiegi aħjar b'kundizzjonijiet ta' xogħol imtejba, partikolarment għaż-żgħażagħ Armeni, u li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-qgħad għoli u l-faqar estrem;
Dispożizzjonijiet istituzzjonali
30. Jilqa' l-istabbiliment ta' Kumitat Parlamentari ta' Sħubija skont l-Artikolu 365 tal-Ftehim u jimpenja ruħu li, flimkien mal-Parlament tal-Armenja, jistabbilixxi b'mod rapidu r-regoli ta' proċedura ta' dan il-kumitat bil-għan li l-attivitajiet tiegħu jiġu varati kmieni;
31. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jibagħtu lill-Parlament rapport bil-miktub dettaljat dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali kull sitt xhur, bi qbil mar-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017, li tenniet ir-riżoluzzjoni tal-Parlament li jżid il-monitoraġġ tiegħu tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali mas-sħab tal-Lvant u li jqawwi l-iskrutinju tiegħu tal-appoġġ tal-UE pprovdut f'dan ir-rigward;
32. Jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet Armeni biex jintensifikaw l-isforzi ta' komunikazzjoni tagħhom rigward l-għanijiet u l-objettivi ta' dan il-ftehim ġdid sabiex ikomplu jsaħħu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, kemm fl-Armenja kif ukoll fl-UE, dwar l-opportunitajiet u l-benefiċċji li huma mistennija li joħorġu mill-konklużjoni tal-ftehim; jappella, barra minn hekk, liż-żewġ partijiet biex ikomplu bl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra kwalunkwe kampanja ta' diżinformazzjoni fir-rigward tar-relazzjonijiet UE-Armenja;
o o o
33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Armenja.