Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2057(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0209/2018

Testi mressqa :

A8-0209/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2018 - 6.10

Testi adottati :

P8_TA(2018)0290

Testi adottati
PDF 128kWORD 50k
L-Erbgħa, 4 ta' Lulju 2018 - Strasburgu
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2018: li jdaħħal is-surplus tas-sena finanzjarja 2017
P8_TA(2018)0290A8-0209/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2018 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2018 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018: Id-dħul tal-bilanċ favorevoli tas-sena finanzjarja 2017 (09325/2018 – C8-0277/2018 – 2018/2057(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, kif adottat b'mod definittiv fit-30 ta' Novembru 2017(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (2014/335/UE, Euratom(5)),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2 għall-baġit ġenerali tal-2018, adottat mill-Kummissjoni fit-13 ta' April 2018 (COM(2018)0227),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2018, adottata mill-Kunsill fit-18 ta' Ġunju 2018 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fid-19 ta' Ġunju 2018 (09325/2018 – C8-0277/2018.

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0209/2018]),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2018 għandu l-għan li jdaħħal fil-baġit 2018 is-surplus li jirriżulta mis-sena finanzjarja 2017, li jammonta għal EUR 555,5 miljun;

B.  billi l-komponenti ewlenin ta' dan is-surplus jikkostitwixxu eżitu pożittiv għall-introjtu ta' EUR 338,6 miljun, li jirriżulta minn sottoeżekuzzjoni tan-nefqa ta' EUR 383,4 miljun, u minn bilanċ pożittiv tad-differenzi fir-rata tal-kambju li jammonta għal EUR 166,4 miljun;

C.  billi min-naħa tal-introjtu, l-ikbar differenza tirriżulta minn eżitu ikbar minn dak mistenni tal-imgħax ta' inadempjenza u multi (EUR 342,6 miljun);

D.  billi mil-lat tan-nefqa, is-sottoimplimentazzjoni fil-pagamenti mill-Kummissjoni laħqu EUR 201,5 miljun għall-2017 (li minnhom EUR 99,3 miljun huma mir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza) u EUR 53,5 miljun għar-riporti tal-2016, u sottoimplimentazzjoni mill-istituzzjonijiet l-oħra ta' EUR 82,6 miljun għall-2017 u EUR 45,7 miljun għar-riporti tal-2016;

1.  Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2018 kif imressaq mill-Kummissjoni, li huwa maħsub biss għall-ibbaġitjar tas-surplus tal-2017, għal ammont ta' EUR 555,5 miljun, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar dan;

2.  Ifakkar li fi tmiem is-sena 2017 s-sottimplimentazzjoni baxxa f'pagamenti kienet possibbli biss permezz tal-adozzjoni tal-baġit emendatorju 6/2017, li naqqas l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 7 719,7 miljun minħabba dewmien qawwi fl-implimentazzjoni, b'mod partikolari fis-subintestatura 1b "Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali"; barra minn hekk, ifakkar li l-baġits emendatorji kollha fl-2017, anki meta żiedu sostanzjalment l-approprjazzjonijiet ta' impenn (pereżempju EUR 1 166,8 miljun taħt il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE għall-Italja, EUR 500 miljun għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, EUR 275 miljun għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli), ġew totalment iffinanzjati b'riallokazzjonijiet minn approprjazzjonijiet ta' pagamenti mhux użati; jiddispjaċih li dewmien fl-implimentazzjoni u previżjonijiet impreċiżi mill-Istati Membri jidhru li qed ikomplu fl-2018;

3.  Jinnota, għal darb'oħra, il-livell relattivament għoli ta' multi relatati mal-kompetizzjoni fl-2017, li ammontaw għal EUR 3 273 miljun; iqis li, b'żieda ma' kwalunkwe surplus li jirriżulta minn sottoimplimentazzjoni, għandu jkun possibbli li kwalunkwe dħul li jirriżulta minn multi jew marbut ma' pagament tard jerġa' jintuża fil-baġit tal-Unjoni mingħajr tnaqqis korrispondenti fil-kontribuzzjonijiet tad-dħul nazzjonali gross; ifakkar fil-proposta tiegħu għall-ħolqien ta' riżerva speċjali fil-baġit tal-UE, li se timtela progressivament bit-tipi kollha ta' dħul ieħor mhux mistenni u riportata b'mod dovut sabiex tipprovdi possibbiltajiet ta' nfiq addizzjonali meta jkun hemm il-bżonn;

4.  Barra minn hekk, jemmen li, fid-dawl tal-bżonn urġenti li jingħata rispons rapidu għall-isfida tal-migrazzjoni u filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dewmien fl-estensjoni tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija, is-surplus tal-2017, li jammonta għal EUR 555,5 miljun, jista' jipprovdi soluzzjoni eċċellenti biex tiġi ffinanzjata l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal dan l-istrument għall-2018 mingħajr ma l-baġit ġenerali jiġi mġebbed sal-limiti tiegħu;

5.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2018;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 2/2018 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 57, 28.02.2018.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza