Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2072(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0246/2018

Testi mressqa :

A8-0246/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2018 - 6.11

Testi adottati :

P8_TA(2018)0291

Testi adottati
PDF 129kWORD 50k
L-Erbgħa, 4 ta' Lulju 2018 - Strasburgu
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2018: Estensjoni tal-Faċilità tar-refuġjati fit-Turkija
P8_TA(2018)0291A8-0246/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2018 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2018 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima III – Il-Kummissjoni: Estensjoni tal-Faċilità għar-refuġjati fit-Turkija (09713/2018 – C8-0302/2018 – 2018/2072(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, adottat b'mod definittiv fit-30 ta' Novembru 2017(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) (ir-Regolament dwar il-QFP),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2018, adottat mill-Kummissjoni fit-23 ta' Mejju 2018 (COM(2018)0310),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2018 adottata mill-Kunsill fit-22 ta' Ġunju 2018 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fil-25 ta' Ġunju 2018 (09713/2018 – C8‑0302/2018),

–  wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0246/2018),

A.  billi l-Kummissjoni, fl-14 ta' Marzu 2018, emendat id-deċiżjoni tagħha dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (FRT) sabiex talloka EUR 3 biljun addizzjonali ("it-tieni ħlas parzjali") lill-FRT, f'konformità mad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016;

B.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2018 għandu l-għan li jżid EUR 500 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn mal-baġit tal-Unjoni tal-2018 bħala l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għat-tieni ħlas parzjali tal-2018, apparti l-EUR 50 miljun iffinanzjati mill-pakkett baġitarju eżistenti tal-Għajnuna Umanitarja fl-2018;

C.  billi l-Kummissjoni tipproponi l-użu tal-Marġni Globali għall-Impenji, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar il-QFP, biex jiffinanzja EUR 243,8 miljun li ma jistgħux jiġu koperti biss mill-marġni mhux allokat taħt l-Intestatura 4, li taħtha hu propost li jiġu kontribwiti EUR 256,2 miljun;

D.  billi l-Kummissjoni pproponiet li tiffinanzja somma ulterjuri ta' EUR 1,45 biljun taħt l-abbozz ta' baġit 2019 bħala l-kontribuzzjoni tal-baġit tal-Unjoni lill-FRT;

E.  billi l-Parlament saħaq b'mod konsistenti fuq is-sostenn tiegħu għall-issoktar tal-FRT filwaqt li enfasizza li, bħala waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, jeħtieġ li huwa jkun assoċjat bis-sħiħ mal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet relatat mal-estensjoni tal-FRT, inter alia sabiex tiġi evitata ripetizzjoni tal-proċedura tal-istabbiliment tagħha; billi għadhom ma saru ebda negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-finanzjament tat-tieni ħlas parzjali lill-FRT; billi kien ikun aħjar li d-diskussjonijiet dwar il-finanzjament tat-tieni ħlas parzjali jseħħu fil-konċiljazzjoni dwar il-baġit tal-Unjoni 2018;

1.  Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2018 kif imressaq mill-Kummissjoni, li huwa ddedikat biss għall-finanzjament tal-kontribuzzjoni tal-baġit tal-Unjoni 2018 lill-FRT, għal ammont ta' EUR 500 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn, kif ukoll tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar dan;

2.  Jiddeplora bil-qawwa d-diskrepanza bejn in-nuqqas ta' involviment tal-Parlament fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment u l-estensjoni tal-FRT min-naħa waħda, u r-rwol tiegħu bħala awtorità baġitarja fil-finanzjament tal-FRT mill-baġit tal-Unjoni min-naħa l-oħra;

3.  Jiddispjaċih li, fl-abbozz ta' baġit 2018 tagħha, il-Kummissjoni fl-ebda stadju tal-proċedura baġitarja tal-2018 ma inkludiet il-finanzjament tal-2018 għall-FRT; jemmen li tali inklużjoni kienet tkun opportunità għaż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja biex jiddiskutu l-finanzjament tat-tieni parti sħiħa tal-ħlas parzjali tal-FRT, peress li l-pożizzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill huma diverġenti fejn tidħol l-iskala tal-kontribuzzjoni baġitarja tal-Unjoni;

4.  Jinsisti li l-Kummissjoni ssaħħaħ il-monitoraġġ tal-użu tal-FRT u li tirrapporta lill-awtorità baġitarja b'mod regolari u b'dettall adegwat dwar il-kompatibbiltà tal-azzjonijiet iffinanzjati mal-bażi legali sottostanti b'mod ġenerali u mat-tipi ta' azzjonijiet elenkati, b'mod partikolari, fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-FRT;

5.  Jinnota li l-iskop tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2018 huwa primarjament li jippermetti li t-tfal refuġjati fit-Turkija jibqgħu jmorru l-iskola mingħajr intoppi;

6.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2018;

7.  Jenfasizza li din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-parti li jifdal tal-finanzjament tat-tieni ħlas parzjali tal-FRT; jisħaq li, irrispettivament mid-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-estensjoni tal-FRT, il-Parlament se jżomm bis-sħiħ il-prerogattivi tiegħu matul il-proċedura baġitarja tal-2019;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2018 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati, u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 57, 28.02.2018.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza