Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2018 Lejn strateġija esterna tal-UE kontra ż-żwiġijiet prekoċi u furzati - il-passi li jmiss (2017/2275(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abolizzjoni taż-żwieġ tat-tfal(1),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u, b'mod partikolari, l-Artikolu 16 tagħha, u t-trattati u l-istrumenti l-oħra kollha tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 10(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-20 ta' Novembru 1989, u l-erba' prinċipji fundamentali tagħha tan-nondiskriminazzjoni (Artikolu 2), l-aħjar interessi tat-tfal (Artikolu 3), is-sopravivenza, l-iżvilupp u l-protezzjoni (Artikolu 6) u l-parteċipazzjoni (Artikolu 12), u wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-kunsens għaż-żwieġ, l-età minima taż-żwieġ u r-reġistrazzjoni taż-żwiġijiet,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18 ta' Diċembru 2014 u tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar iż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ prekoċi u ż-żwieġ furzat,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 29/8 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-2 ta' Lulju 2015 dwar "Strengthening efforts to prevent and eliminate child, early and forced marriage" ("It-tisħiħ tal-isforzi biex jiġi pprevenut u eliminat iż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat"), ir-riżoluzzjoni 24/23 tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar "Strengthening efforts to prevent and eliminate child, early and forced marriage: challenges, achievements, best practices and implementation gaps" ("It-tisħiħ tal-isforzi biex jiġi pprevenut u eliminat iż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat: sfidi, kisbiet, l-aħjar prattiki u lakuni fl-implimentazzjoni") u r-riżoluzzjoni 35/16 tiegħu tat-22 ta' Ġunju 2017 dwar "Child, early and forced marriage in humanitarian settings" ("Iż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat f'kuntesti umanitarji"),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni adottata mill-Konferenza tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Unjoni Afrikana f'Ġunju 2015 dwar iż-żwieġ tat-tfal, f'Johannesburg (l-Afrika t'Isfel),
– wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Konġunt tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR) u tal-Kumitat Afrikan ta' Esperti dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal (ACERWC) dwar l-Eliminazzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 32, 37 u 59(4) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA) tal-2012 bit-titolu ''Marrying Too Young – End Child Marriage'' ("Żwieġ Kmieni Wisq - Waqqfu ż-żwieġ tat-Tfal"),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 9 tagħha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal,
– wara li kkunsidra l-prinċipji fundamentali stabbiliti fil-komunikazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-2016 dwar Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012(3), wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015(4), wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-27 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "EU Action Plan on Human Rights and Democracy (2015-2019): Mid-Term Review – June 2017" (Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019): Rieżami ta' Nofs it-Terminu – Ġunju 2017") (SWD(2017)0254),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida riveduti tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal tas-6 ta' Marzu 2017 bit-titolu "Ma Neskludu lill-Ebda Tifel jew Tifla" ("Leave No Child Behind"),
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp tas-7 ta' Ġunju 2017, li jenfasizza l-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi f'konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0187/2018),
A. billi ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati huma ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, id-drittijiet tan-nisa, inklużi d-drittijiet għall-ugwaljanza, l-awtonomija u l-integrità tal-ġisem, l-aċċess għall-edukazzjoni u l-ħelsien mill-isfruttament u d-diskriminazzjoni, u huma problema li teżisti mhux biss f'pajjiżi terzi, iżda jista' jkun li jokkorru wkoll f'xi Stati Membri; billi l-eliminazzjoni ta' dawn il-prattiki hija waħda mill-prijoritajiet għall-azzjoni esterna tal-UE fil-qasam tal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tad-drittijiet tal-bniedem; billi diversi karti u liġijiet internazzjonali jipprojbixxu ż-żwieġ tal-minuri bħalma huma l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokolli Fakultattivi tagħha; billi ż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ prekoċi u ż-żwieġ furzat għandhom impatt estremament negattiv fuq is-saħħa fiżika u mentali u fuq l-iżvilupp personali tal-individwi kkonċernati u fuq it-tfal li jitwieldu minn dawn iż-żwiġijiet, u, bħala riżultat, fuq is-soċjetà b'mod ġenerali; billi ż-żwieġ tat-tfal huwa sura ta' żwieġ furzat peress li t-tfal b'mod inerenti m'għandhomx il-kapaċità li jagħtu l-kunsens sħiħ, liberu u informat tagħhom għaż-żwieġ tagħhom jew għaż-żmien meta jsir; billi t-tfal jirrappreżentaw parti minn grupp li hu vulnerabbli ħafna;
B. billi l-UE hija impenjata li tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, u billi ż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ furzat jikkostitwixxu ksur ta' dawn id-drittijiet; billi l-UE hija impenjata li b'mod komprensiv tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tat-tfal fil-politika esterna tagħha;
C. billi l-ebda żwieġ ma għandu jiġi kkuntrattat legalment mingħajr il-kunsens sħiħ u liberu taż-żewġ partijiet, u mill-ebda persuna taħt l-età minima taż-żwieġ;
D. billi ż-żwieġ tat-tfal huwa problema globali li b'mod trażversali tinsab fil-pajjiżi, il-kulturi u r-reliġjonijiet kollha; billi l-bniet miżżewġa jinstabu fir-reġjuni kollha tad-dinja, mil-Lvant Nofsani sal-Amerika Latina, mill-Asja sal-Ewropa u mill-Afrika sal-Amerika ta' Fuq; billi ż-żwieġ tat-tfal jaffettwa wkoll lis-subien, iżda wisq inqas milli jaffettwa lill-bniet;
E. billi, sal-lum, aktar minn 750 miljun mara żżewġu qabel l-età ta' 18-il sena, li minnhom 250 miljun ġew imżewġa qabel l-età ta' 15-il sena; billi bħalissa hemm madwar 40 miljun tifla ta' bejn l-età ta' 15 u 19-il sena li huma miżżewġa jew li qed jikkoabitaw; billi, kull sena, xi 15-il miljun aktar jiżżewġu qabel l-età ta' 18-il sena, li minnhom 4 miljun jiżżewġu qabel l-età ta' 15-il sena; billi 157 miljun tifel ukoll iżżewġu qabel l-età ta' 18-il sena, li minnhom 25 miljun ġew imżewġa qabel l-età ta' 15-il sena; billi ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati huma aktar frekwenti fir-reġjuni fqar u sottożviluppati; billi l-għadd ta' żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati qed jiżdiedu hekk kif qed tiżdied il-popolazzjoni dinjija; billi rapport riċenti tal-UNICEF jikkalkula li, fl-2050, madwar 1.2 biljun tifla se jkunu żżewġu qabel l-età ta' 18-il sena; billi 9 minn 10 pajjiżi li għandhom l-ogħla rata ta' żwieġ tat-tfal huma kklassifikati bħala stati fraġli;
F. billi l-kawżi fundamentali taż-żwieġ tat-tfal huma, b'mod ġenerali, il-faqar, in-nuqqas ta' edukazzjoni, id-disparità bejn is-sessi u l-istereotipi b'għeruq fondi, il-perċezzjoni li ż-żwieġ se jagħti "protezzjoni", l-unur tal-familja u n-nuqqas ta' protezzjoni effettiva tad-drittijiet tas-subien u tal-bniet kif ukoll prattiki, perċezzjonijiet, użanzi, u normi diskriminatorji dannużi; billi dawn il-fatturi spiss jiġu aggravati minħabba l-aċċess limitat għal edukazzjoni ta' kwalità u għal opportunitajiet ta' xogħol u jiġu msaħħa minn ċerti standards soċjali taż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati li għandhom għeruq fondi;
G. billi ż-żwiġijiet tat-tfal, iż-żwiġijiet prekoċi u ż-żwiġijiet furzati huma marbuta ma' riskju għoli ta' tqaliet f'età bikrija u mhux mixtieqa, rati għolja ta' mortalità materna u ta' mortalità tat-tfal, rata aktar baxxa tal-użu tal-ippjanar tal-familja u tqaliet mhux mixtieqa b'riskji ikbar għas-saħħa, aċċess inadegwat jew ineżistenti għall-informazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u normalment ifissru t-tmiem tal-edukazzjoni tat-tifla; billi xi pajjiżi saħansitra jipprojbixxu lill-bniet tqal u lill-ommijiet żgħażagħ milli jerġgħu lura l-iskola; billi ż-żwieġ tat-tfal jista' jwassal ukoll għax-xogħol furzat, l-iskjavitù, u l-prostituzzjoni;
H. billi, minkejja li l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tenfasizza l-importanza ta' miżuri li jinkoraġġixxu attendenza regolari l-iskola, ħafna bniet ma jinsabux fl-edukazzjoni minħabba għadd ta' fatturi, pereżempju minħabba li l-iskejjel mhumiex aċċessibbli jew huma għalja ħafna; billi ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati għandhom impatt devastanti sproporzjonat fuq il-vittmi tagħhom kif ukoll konsegwenzi tul ħajjithom kollha u spiss iċaħħdu lill-persuni kkonċernati mill-possibilità li jkomplu l-istudji tagħhom peress li l-bniet għandhom it-tendenza li joħorġu mill-iskola fiż-żmien it-tħejjija ta' qabel iż-żwieġ jew ftit taż-żmien wara li jkunu żżewġu; billi l-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni sesswali, hija mod effettiv kif jiġu pprevenuti ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati peress li l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ jikkontribwixxi għall-emanċipazzjoni, għall-opportunitajiet tax-xogħol u jippromwovi l-libertà tal-għażla, id-dritt għall-awtodeterminazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà b'mod li l-individwi jkunu jistgħu jeħilsu lilhom infushom minn kwalunkwe sura ta' kontroll li b'mod negattiv jaffettwa d-drittijiet tagħhom li mingħajrhom is-sitwazzjoni ekonomika, ġuridika, tas-saħħa u soċjali tan-nisa u l-bniet u l-iżvilupp tas-soċjetà b'mod ġenerali jibqa' mxekkel;
I. billi, ta' kull sena, 17-il miljun tifel u tifla jkollhom wild, sitwazzjoni li ġġegħilhom jieħdu fuqhom infushom responsabilitajiet tal-adulti u tqiegħed fil-periklu s-saħħa, l-edukazzjoni u l-prospetti ekonomiċi tagħhom; billi ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati jesponu lill-bniet biex ikollhom it-tfal f'età bikrija, sitwazzjoni li tinvolvi riskji u diffikultajiet konsiderevoli matul it-tqala kif ukoll waqt il-ħlas, b'mod partikolari minħabba li l-aċċess għall-appoġġ mediku, jekk mhux ineżistenti, ikun wisq inadegwat, inklużi ċentri tas-saħħa ta' kwalità għolja, li spiss tirriżulta fil-mortalità u l-morbidità tal-ommijiet; billi hemm riskju ogħla li jittieħdu infezzjonijiet trażmessi inkluż l-HIV; billi fil-pajjiżi bi dħul baxx u medju l-kumplikazzjonijiet waqt it-tqala u l-ħlas huma l-kawża ewlenija ta' mewt fost il-bniet tal-età ta' bejn il-15 u d-19-il sena; billi r-rata tal-mortalità tat-trabi li jitwieldu minn ommijiet adolexxenti hija ta' madwar 50 % ogħla u dawn it-trabi għandhom riskju ogħla li jkollhom problemi ta' żvilupp fiżiku u konjittiv; billi l-esperjenza ta' tqaliet frekwenti u bikrija tista' wkoll tikkawża varjetà ta' kumplikazzjonijiet tas-saħħa fit-tul, u saħansitra l-mewt;
J. billi ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati huma ksur tad-drittijiet tat-tfal u sura ta' vjolenza kontra l-bniet u s-subien, u billi, bħala tali, l-istati għandhom l-obbligu li jinvestigaw l-allegazzjonijiet, iressqu lill-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja u jipprovdu rimedju lill-vittmi, li huma primarjament nisa u bniet; billi dawn iż-żwiġijiet iridu jiġu kkundannati u ma jistgħu jiġu ġġustifikati għall-ebda raġuni kulturali jew reliġjuża; billi ż-żwiġijiet tat-tfal, iż-żwiġijiet prekoċi u ż-żwiġijiet furzati jżidu r-riskju tal-vjolenza sessista, u spiss huma fl-oriġini tal-vjolenza domestika u tal-vjolenza minn sħab intimi u tal-abbuż sesswali, fiżiku, psikoloġiku, emozzjonali u finanzjarju u prattiki oħra dannużi għall-bniet u n-nisa, bħalma huma l-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-hekk imsejħa reati tal-unur, kif ukoll iżidu r-riskju li l-bniet u n-nisa jkunu esposti għad-diskriminazzjoni u għall-vjolenza sessista matul ħajjithom;
K. billi l-għadd ta' żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati jiżdied b'mod sinifikanti f'sitwazzjonijiet ta' instabilità, kunflitt armat u diżastri naturali u umanitarji, li waqthom il-kura medika u psikoloġika jew l-aċċess għall-edukazzjoni kif ukoll l-opportunitajiet biex dak li jkun jaqla' l-għajxien spiss huma nieqsa u n-netwerks soċjali u r-rutini jkunu ġew sfrattati; billi waqt il-kriżijiet riċenti tal-migrazzjoni, xi ġenituri, bil-ħsieb li jipproteġu lil uliedhom, speċjalment lil uliedhom bniet, mill-aggressjoni sesswali, jew għax iqisuhom bħala piż finanzjarju fuq il-familja tagħhom, ħassew li ma kellhom l-ebda għażla oħra ħlief li jżewġuhom qabel l-età ta' 18-il sena bil-fehma li ż-żwieġ jista' jiftħilhom triq biex jeħilsu mill-faqar;
L. billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tikklassifika ż-żwieġ furzat bħala sura ta' vjolenza kontra n-nisa, u titlob il-kriminalizzazzjoni tal-atti fejn it-tfal jiġu mġiegħla jidħlu fi żwieġ u fejn jiġu ingannati jitilqu minn pajjiżhom bil-għan li t-tifla jew tifel jiġu mġiegħla jidħlu fi żwieġ; billi l-fatt li l-vittmi għandhom nuqqas ta' aċċess għal appoġġ legali, mediku, u soċjali jista' jaggrava l-kwistjoni; billi hemm 11-il Stat Membru tal-UE li għadhom iridu jirratifikaw il-konvenzjoni;
M. billi n-natura taż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati tfisser li spiss ħafna każijiet ma jiġux irrappurtati, fejn insibu każijiet ta' abbuż li jmorru lil hinn mill-fruntieri internazzjonali u mill-konfini kulturali, u jistgħu jammontaw għal sura ta' traffikar tal-bnedmin li jwassal għall-iskjavitù, l-isfruttament, u/jew il-kontroll;
N. billi f'Lulju 2014 f'Londra sar l-ewwel Summit dwar il-Bniet (Girl Summit), li kellu l-għan li jimmobilizza l-isforzi nazzjonali u internazzjonali biex fi żmien ġenerazzjoni waħda jinqatgħu l-prattiki tal-mutilazzjoni ġenitali u taż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati;
O. billi l-prevenzjoni u r-rispons għall-forom kollha ta' vjolenza kontra l-bniet u n-nisa, inklużi ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat, huwa wieħed mill-miri tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020;
P. billi, sal-2030, iż-żwieġ tat-tfal se jkun sewa lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw triljuni ta' dollari(5);
Q. billi ż-żwiġijiet prekoċi u tat-tfal għadhom suġġett tabù li jeħtieġ li jiġi indirizzat pubblikament bil-għan li jinqatgħu t-tbatija li jġarrbu ta' kuljum il-bniet żgħar u l-bniet adolexxenti involuti u l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; billi mod wieħed ta' kif isir dan huwa li tiġi appoġġata u mxerrda l-ħidma tal-ġurnalisti, l-artisti, il-fotografi u l-attivisti li jindirizzaw il-kwistjoni taż-żwiġijiet prekoċi;
1. Jinnota li xi Stati Membri tal-UE jippermettu ż-żwieġ fl-età ta' 16-il sena bil-kunsens tal-ġenituri; jistieden lil-leġiżlaturi, kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi, jiffissaw l-età uniformi minima taż-żwieġ għal 18-il sena u jadottaw il-miżuri amministrattivi, ġuridiċi u finanzjarji biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-rekwiżit, pereżempju billi jippromwovu r-reġistrazzjoni taż-żwiġijiet u tat-twelid u billi jiżguraw li l-bniet ikollhom aċċess għal mekkaniżmi ta' appoġġ istituzzjonali inklużi l-counselling psikosoċjali, mekkaniżmi ta' protezzjoni u opportunitajiet għall-emanċipazzjoni ekonomika; itenni li ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati għandhom jitqiesu bħala ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-drittijiet fundamentali tat-tfal ikkonċernati, l-ewwel u qabel kollox tad-dritt li jesprimu b'mod liberu l-kunsens tagħhom u d-dritt għall-integrità fiżika u s-saħħa mentali tagħhom, iżda wkoll bħala ksur indirett tad-dritt għall-edukazzjoni u għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet ċivili u politiċi; jikkundanna ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati u jqis li kwalunkwe ksur tal-leġiżlazzjoni għandu jiġi indirizzat b'mod proporzjonat u effettiv;
2. Jemmen li huwa importanti li jiġu indirizzati b'mod determinat il-kawżi multipli taż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati, fosthom it-tradizzjonijiet dannużi, il-faqar endemiku, il-kunflitti, l-użanzi, il-konsegwenzi tad-diżastri naturali, l-istereotipi, in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għad-drittijiet, is-saħħa u l-benesseri tan-nisa u l-bniet, in-nuqqas ta' opportunitajiet edukattivi, ir-risposti ġuridiċi u politiċi dgħajfa b'attenzjoni speċjali lit-tfal minn komunitajiet żvantaġġati; jappella, f'dak ir-rigward, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien mal-korpi rilevanti tan-NU u sħab oħra sabiex jiġbdu l-attenzjoni lejn il-kwistjoni taż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ prekoċi u ż-żwieġ furzat; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jilħqu l-objettivi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li jiġġieldu lill-prattiki dannużi, bħalma hi l-mutilazzjoni ġenitali, b'mod aktar effettiv u li lil dawk responsabbli jġiegħluhom iwieġbu għal għemilhom; jappoġġa l-finanzjament akbar mingħand l-UE u l-Istati Membri tagħha permezz ta' mekkaniżmi ta' għajnuna għall-iżvilupp li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-edukazzjoni, bl-għan li l-bniet u n-nisa jkollhom aċċess aħjar għall-edukazzjoni u jissaħħu l-opportunitajiet biex huma jipparteċipaw fl-iżvilupp komunitarju u fit-tmexxija ekonomika u politika, bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-kawżi taż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati;
3. Jagħraf li projbizzjoni statutorja fuq iż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati waħedha ma tiggarantixxix li dawn il-prattiki jinqatgħu; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkoordinaw u jsaħħu aħjar l-infurzar tat-trattati, il-leġiżlazzjoni u l-programmi internazzjonali, kif ukoll permezz tar-relazzjonijiet diplomatiċi mal-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet fil-pajjiżi terzi, sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet relatati maż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati; jappella li jsir kull sforz biex jiġu infurzati projbizzjonijiet statutorji u biex dawn il-projbizzjonijiet jiġu kkomplementati b'ġabra usa' ta' liġijiet u politiki; jirrikonoxxi li dan jirrikjedi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki, strateġiji u programmi komprensivi u olistiċi, inkulużi t-tħassir tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi diskriminatorji rigward iż-żwieġ u l-adozzjoni ta' miżuri affermattivi biex it-tfal bniet jiġu emanċipati;
4. Jinnota li d-disparità bejn is-sessi, in-nuqqas ta' rispett għall-bniet u għan-nisa b'mod ġenerali u ż-żamma ta' tradizzjonijiet kulturali u soċjali li jkomplu jippermettu d-diskriminazzjoni kontra l-bniet u n-nisa huma fost l-akbar ostakli għall-ġlieda kontra ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati; jirrikonoxxi, barra minn hekk, ir-rabta li hemm bejn iż-żwiġijiet tat-tat-tfal, prekoċi u furzati u l-vjolenza bbażata fuq l-unur u jappella li reati bħal dawn jiġu investigati kif għandu jkun u li l-awturi ta' dawn ir-reati jiġu pproċessati quddiem qorti; jinnota, barra minn hekk, li s-subien u l-irġiel żgħażagħ ukoll jistgħu jkunu vittmi ta' tali vjolenza; jappella li dawn il-prattiki jiġu indirizzati fl-ipprogrammar rilevanti kollu tal-UE u fid-djalogi politiċi tal-UE mal-pajjiżi sħab sabiex jiġu pprovduti mekkaniżmi biex dawn il-prattiki jiġu indirizzati b'mod determinat, kif ukoll permezz tal-edukazzjoni u tal-isforzi ta' sensibilizzazzjoni fil-pajjiżi sħab;
5. Jirrimarka li, sabiex tindirizza b'mod determinat u komprensiv iż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati, l-Unjoni Ewropea, bħala attur ewlieni fl-iżvilupp dinji u fid-drittijiet tal-bniedem, jeħtiġilha taqdi rwol prinċipali b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet reġjonali u l-komunitajiet lokali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mas-sistemi ġudizzjarji fil-pajjiżi terzi, u jipprovdu taħriġ u għajnuna teknika sabiex jgħinu fl-adozzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi ż-żwiġijiet tat-tfal, iż-żwiġijiet prekoċi u ż-żwiġijiet furzati u fl-eliminazzjoni tal-liġijiet, l-istandards soċjali u t-tradizzjonijiet kulturali li jaġixxu bħala ħajt għad-drittijiet u l-libertà tal-bniet żgħar u tan-nisa; jistieden lill-Istati Membri jikkontribwixxu għal inizjattivi bħalma hi l-Inizjattiva Spotlight tal-UE-NU li hi ffukata fuq l-eliminazzjoni ta' kull sura ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;
6. Jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri li fil-leġiżlazzjoni tagħhom għadhom ma inkludewx projbizzjoni totali fuq iż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati, li għadhom ma jinfurzawx id-dritt penali u li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul, biex jagħmlu dan; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mas-soċjetà ċivili ħalli jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom dwar il-kwistjoni; jenfasizza l-importanza ta' appoġġ adegwat u fit-tul, ta' postijiet ta' kenn għan-nisa u għar-rifuġjati u għat-tfal mhux akkumpanjati u spostati, ħalli ħadd ma jiġi mċaħħad mill-protezzjoni minħabba nuqqas ta' riżorsi; jistieden lill-Istati Membri kollha jinfurzaw l-età minima taż-żwieġ stabbilita mil-leġiżlazzjoni u jimmonitorjaw is-sitwazzjoni billi jiġbru data diżaggregata skont is-sessi, sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw aħjar il-kobor tal-problema; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi tad-data Ewropea, inkluża informazzjoni mill-pajjiżi terzi, sabiex timmonitorja ż-żwieġ furzat;
7. Jistieden lill-Unjoni Ewropea, fil-kuntest tal-politika barranija tagħha u tal-politika tagħha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, toffri patt strateġiku lil sħabha u, għal dak l-għan, tirrikjedi li:
(a)
il-pajjiżi sħab tagħha kollha jipprojbixxu ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati, filwaqt li jeliminaw kwalunkwe lakuni ġuridiċi u li jinfurzaw il-leġiżlazzjoni f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-tneħħija ta' kwalunkwe dispożizzjoni li tista' tippermetti, tiġġustifika jew tagħti lok għal-żwieġ tat-tfal, bikri jew furzat, inklużi dawk li jippermettu lill-awturi ta' stupru, abbuż sesswali, sfruttament sesswali, ħtif, traffikar tal-bnedmin u suriet moderni ta' skjavitù jaħarbu mill-prosekuzzjoni u l-kastig jekk huma jiżżewġu lill-vittmi tagħhom, speċifikament billi jħassru jew jemendaw dik il-liġi;
(b)
din il-projbizzjoni hija rispettata u infurzata fil-livelli kollha ladarba l-liġi tkun daħlet fis-seħħ, u li jiġu stabbiliti strateġiji u programmi komprensivi u olistiċi li jinkludu miri progressivi li jistgħu jitkejlu sabiex jiġu pprevenuti u eradikati ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati, u li dawn l-istrateġiji u programmi jiġu finanzjati u vvalutati b'mod adegwat, b'mod partikolari billi jiġi żgurat l-aċċess għall-mekkaniżmi u r-rimedji tal-ġustizzja u tal-obbligu ta' rendikont;
(c)
il-gvernijiet sħab juru tmexxija u rieda politika sostnuti sabiex jaqtgħu ż-żwieġ tat-tfal u jiżviluppaw oqfsa ġuridiċi u pjanijiet ta' azzjoni komprensivi b'punti ta' progress u kalendarji ċari li jintegraw miżuri ta' prevenzjoni taż-żwieġ tat-tfal b'mod trażversali f'setturi differenti, u li jitolbu ambjenti politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ċivili li jipproteġu u jemanċipaw lin-nisa u lill-bniet u jappoġġaw l-ugwaljanza bejn is-sessi;
(d)
jiġu mobilizzati r-riżorsi meħtieġa biex dan l-objettiv jintlaħaq, filwaqt li jittieħed ħsieb li din il-kooperazzjoni tinfetaħ għall-atturi istituzzjonali kollha bħalma huma l-ġudikatura, il-professjonisti edukattivi u tas-saħħa, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, il-mexxejja komunitarji u reliġjużi kif ukoll is-soċjetà ċivili fil-qasam tal-indirizzar determinat taż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati;
(e)
il-livell ta' allokazzjoni ta' għajnuna pubblika għall-iżvilupp lill-awtoritajiet tal-gvern isir jiddependi minn kemm il-pajjiż riċevitur huwa impenjat li jikkonforma, b'mod partikolari, mar-rekwiżiti rigward id-drittijiet tal-bniedem, inkluż fil-ġlieda kontra ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati;
(f)
il-programm tal-UNFPA u tal-Fond tan-NU għat-Tfal (UNICEF) jiġi implimentat b'kooperazzjoni trijangolari li tinvolvi lil dawn l-organizzazzjonijiet, lill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f'dan il-qasam u lill-pajjiżi sħab fil-ġlieda kontra ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati permezz tal-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali bbaġitjati, fejn tingħata prijorità lill-programmi u lill-metodi li x'aktarx imorru lil hinn mill-hekk imsejħa prattiki kulturali, reliġjużi jew tribali li, fir-realtà, jikkostitwixxu l-agħar ksur tad-drittijiet tat-tfal u tad-dinjità tat-tfal; jitlob li din il-kooperazzjoni tindirizza wkoll il-kwistjonijiet assoċjati tal-vjolenza bbażata fuq l-unur;
(g)
l-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi tkun mibnija fuq il-konvenzjonijiet u t-testi rilevanti, kif ukoll l-għanijiet u l-miri speċifiċi adottati mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Settembru 2015 fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari l-Għan Nru 3 ("Niżguraw li kulħadd jgħix ħajja b'saħħitha u nippromwovu l-benesseri ta' kulħadd fl-etajiet kollha"), l-Għan 4 ("Niżguraw edukazzjoni ta' kwalità inklużiva u ekwa u nippromwovu l-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd"), l-Għan 16 ("Nippromwovu soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli, nipprovdu aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd u nibnu istituzzjonijiet effettivi, bl-obbligu ta' rendikont u inklużivi fil-livelli kollha"), speċjalment "intemmu l-abbuż, l-isfruttament, it-traffikar u kull sura ta' vjolenza kontra t-tfal u kull sura ta' tortura tagħhom;
(h)
l-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi għandha għandha tkun mibnija wkoll fuq l-Għan 5 tal-SDGs ("Niksbu l-ugwaljanza bejn is-sessi u nemanċipaw lin-nisa u lill-bniet kollha"), inkluż l-aċċess għall-ippjanar tal-familja u għall-firxa sħiħa tad-drittijiet pubbliċi u universali tas-saħħa sesswali u riproduttiva, b'mod partikolari l-kontraċezzjoni moderna u l-abort sikur u legali għall-bniet; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-moviment SheDecides (TiddeċiediHi) u jwiegħdu li jipprovdu finanzjament addizzjonali lill-għajnuna internazzjonali għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi, inklużi l-aborti sikuri u l-informazzjoni dwar l-aborti, u b'hekk issir oppożizzjoni lir-Regola "Global Gag" li reġgħet iddaħħlet mill-gvern tal-Istati Uniti kmieni fl-2017;
(i)
fid-djalogu li għaddej bħalissa bejn ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambrinidis u pajjiżi terzi, jitqajmu l-kwistjonijiet relatati maż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmi tagħhom tat-tiswir tal-paċi u tar-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt, jiżviluppaw programmi għall-għajxien ekonomiku u l-edukazzjoni għall-bniet u n-nisa li huma vittmi ta' żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat, u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għas-servizzi tas-saħħa u tas-saħħa riproduttiva fiż-żoni milquta minn kunflitt;
8. Iqis li huwa ta' importanti ewlenija li jinħoloq spazju għad-djalogu rispettuż mal-mexxejja komunitarji u li titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku b'mod ġenerali u fost dawk li jinsabu f'riskju b'mod partikolari, abbażi tal-edukazzjoni u ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u permezz tan-netwerks soċjali u l-midja ġodda bħala parti mill-ġlieda kontra ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat; jitlob, għalhekk, li jiġu żviluppati azzjonijiet trażversali governattivi, ġuridiċi, soċjetali, u diplomatiċi immirati biex jipprevjenu tali prattiki; jemmen li huwa essenzjali li jsir impenn fil-komunitajiet lokali mal-partijiet ikkonċernati ewlenin bħalma huma l-istudenti maskili u femminili adolexxenti, l-għalliema, il-ġenituri, il-mexxejja reliġjużi u dawk komunitarji permezz ta' programmi bbażati fil-komunità jew programmi speċifiċi ta' sensibilizzazzjoni biex tinġibed l-attenzjoni lejn l-impatt negattiv taż-żwieġ tat-tfal fuq it-tfal, il-familji u l-komunitajiet, dwar il-liġi eżistenti rigward iż-żwieġ tat-tfal u disparità bejn is-sessi u dwar kif wieħed ikollu aċċess għall-finanzjament biex jindirizza din il-problema;
9. Iqis li l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet permezz tal-edukazzjoni, l-appoġġ soċjali u l-opportunitajiet ekonomiċi hija għodda kruċjali biex issir il-ġlieda kontra dawn il-prattiki; jirrakkomanda li l-UE tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet indaqs għan-nisa u l-bniet fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni, filwaqt li tagħmel enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni primarja u sekondarja ta' kwalità għolja mingħajr ħlas u tintegra l-edukazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva fil-kurrikuli tal-iskejjel filwaqt li l-familji tal-bniet jiġu pprovduti inċentivi u/jew għajnuna finanzjarji biex jinkitbu fl-iskola u jkompluha sal-aħħar; jisħaq fuq il-ħtieġa li t-tfal rifuġjati jiġu ggarantiti aċċess sħiħ għall-edukazzjoni u lil-integrazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fl-edukazzjoni nazzjonali jiġu promossi; jirrikonoxxi li hemm il-ħtieġa ta' appoġġ u protezzjoni għal dawk li jinsabu fir-riskju taż-żwieġ tat-tfal, taż-żwieġ bikri, jew taż-żwieġ furzat, u għal dawk li diġà jinsabu f'xi żwieġ minn dawn f'dawk li huma edukazzjoni, appoġġ psikoloġiku u soċjali, abitazzjoni u servizzi soċjali oħra ta' kwalità għolja, kif ukoll servizzi tas-saħħa mentali, sesswali u riproduttivi u kura tas-saħħa;
10. Jitlob li l-Unjoni Ewropea tiżgura li jingħata taħriġ lill-uffiċjali tal-gvern, inkluż lill-persunal diplomatiku tiegħu, lill-assistenti soċjali, lill-mexxejja reliġjużi u komunitarji, lill-aġenziji kollha tal-infurzar tal-liġi, lis-sistemi ġudizzjarji ta' pajjiżi terzi, lill-għalliema u lill-edukaturi u persunal ieħor li jkollu kuntatt ma' vittmi potenzjali, ħalli jkunu kapaċi jirreaġixxu għall-każijiet ta' żwieġ tat-tfal u għall-vjolenza sessista, u jkunu kapaċi b'mod aħjar li jidentifikaw u jappoġġaw lill-bniet u s-subien li huma esposti għaż-żwieġ tat-tfal, furzat u prekoċi, għall-vjolenza domestika, għar-riskju ta' vjolenza sesswali u kwalunkwe prattika oħra li ddgħajjef id-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem, u sabiex huma jkunu f'pożizzjoni aħjar biex jieħdu azzjoni effettiva ħalli jiżguraw li d-drittijiet u d-dinjità ta' dawn l-individwi jiġu rispettati;
11. Jitlob li l-Unjoni Ewropea tiżgura li jingħata taħriġ lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi sabiex dawn ikunu f'pożizzjoni aħjar li jiddefendu d-drittijiet tal-bniet li jkunu esposti għaż-żwieġ furzat u prekoċi, għall-vjolenza domestika, għar-riskju ta' stupru kif ukoll għal kwalunkwe prattika oħra li ddgħajjef id-dinjità tal-bniedem;
12. Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu lin-nisa u l-bniet migranti permess ta' residenza awtonomu li ma jiddependix mill-istatus tal-konjuġi jew is-sieħeb tagħhom, b'mod partikolari għall-vittmi ta' vjolenza fiżika u psikoloġika, inklużi żwiġijiet furzati jew miftiehma, u li jiggarantixxu li jittieħdu l-miżuri amministrattivi kollha meħtieġa biex dawn in-nisa u l-bniet jiġu protetti, fosthom aċċess effettiv għall-mekkaniżmi ta' assistenza u protezzjoni;
13. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jqisu li jappoġġaw u jsaħħu l-miżuri ta' protezzjoni f'pajjiżi terzi, bħalma huma l-postijiet ta' kenn sikuri, u l-aċċess għal appoġġ legali, mediku, u, fejn ikun hemm bżonn, konsulari, għall-vittmi ta' żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati;
14. Jagħraf li l-Unjoni Ewropea, li hi impenjata biex tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali, inkluż ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, ma għandha jkollha assolutament xejn x'wieħed ilum fiha fil-livell tal-Istati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal kampanja wiesgħa ta' sensibilizzazzjoni u tiddedika sena Ewropea għall-ġlieda kontra ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat;
15. Jappoġġa bis-saħħa l-ħidma tas-sħubija globali Girls Not Brides biex jinqata' ż-żwieġ tat-tfal u biex il-bniet ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom;
16. Jilqa' l-kampanja li għaddejja bħalissa tal-Unjoni Afrikana biex jinqata' ż-żwieġ tat-tfal u jilqa' wkoll il-ħidma ta' organizzazzjonijiet bħalma huma r-Royal Commonwealth Society (is-Soċjetà Rjali tal-Commonwealth) biex jippromwovu azzjoni akbar biex jinqata' ż-żwieġ tat-tfal u tiġi indirizzata b'mod determinat id-disparità bejn is-sessi;
17. Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-irġiel u s-subien jiġu infurmati u edukati, u li dawn jiġu mmobilizzati biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tat-tfal u tan-nisa;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lin-Nazzjonijiet Uniti.