Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2018 dwar id-definizzjoni ta' SMEs (2018/2545(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs)(1),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2011 intitolata "Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa" (COM(2011)0078), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Mejju 2011 dwar dik il-komunikazzjoni(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar "l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali"(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar in-negozji tal-familja fl-Ewropa(4),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta' Settembru 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 intitolata ''Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu'' (COM(2016)0733),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta' SMEs (O-000050/2018 – B8‑0031/2018),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128 u 123(2) sa (8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-23 miljun SMEs fl-UE, li jammontaw għal madwar 99 % tan-negozji kollha, jimpjegaw kwazi żewġ terzi tal-popolazzjoni Ewropea li taħdem u jipprovdu aktar minn 90 miljun impjieg filwaqt li jiġġeneraw madwar EUR 3,9 triljun f'valur miżjud; billi dawn jagħtu kontribut vitali għat-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-ħolqien u ż-żamma ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità għolja, u huma xpruni ewlenin fil-kuntest tat-tranżizzjoni tal-enerġija, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-kompetittività tal-UE dwar it-teknoloġija ekoloġika, kif ukoll sors ewlieni ta' innovazzjoni fl-UE;
B. billi 90 % tal-SMEs tal-UE u 93 % tal-kumpaniji kollha tal-UE fis-settur tan-negozju mhux finanzjarju huma ditti mikro, li jikkontribwixxu l-ikbar sehem tal-valur miżjud u tal-impjiegi fost l-SMEs peress li jimpjegaw madwar 30 % tal-forza tax-xogħol tal-UE, u għalhekk jeħtieġu attenzjoni speċjali;
C. billi, b'paragun ma' ditti akbar u irrispettivament mill-istruttura organizzattiva tagħhom, l-SMEs huma affettwati b'mod sproporzjonat minn piżijiet amministrattivi u ostakli finanzjarji li jxekklu l-kompetittività, l-esportazzjonijiet u l-ħolqien tal-impjiegi fil-konfront tagħhom; billi dawn jibbenefikaw fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri, reġjonali u lokali minn appoġġ speċifiku, inklużi opportunitajiet ta' finanzjament u proċeduri simplifikati, iżda jistgħu jsiru aktar sforzi lil hinn mill-wegħdiet politiċi li diġà ngħataw biex jinħoloq ambjent aktar sempliċi favorevoli għall-SMEs;
D. billi d-definizzjoni tal-SMEs (minn hawn 'il quddiem "id-definizzjoni ta' SME") issir referenza għaliha f'madwar 100 att legali tal-UE, primarjament fl-oqsma tal-politika tal-kompetizzjoni, tal-leġiżlazzjoni tas-swieq finanzjarji u tal-fondi strutturali, għar-riċerka u għall-innovazzjoni, iżda anke fil-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol, l-ambjent, l-enerġija, il-protezzjoni tal-konsumaturi u dik dwar is-sigurtà soċjali, bħall-leġiżlazzjoni sekondarja ta' REACH u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika;
E. billi ambjent legali koerenti b'regoli ċari huwa vantaġġjuż għan-negozji kollha, u billi definizzjoni stretta ta' SME hija għodda li tista' ttaffi l-fallimenti tas-suq u l-problemi inerenti għall-kompetizzjoni bejn intrapriżi li jvarjaw fid-daqs, fil-volum tal-assi u l-mudelli ta' negozju;
F. billi l-Kummissjoni timmonitorja b'mod regolari l-implimentazzjoni tad-definizzjoni ta' SME tal-UE; billi twettqu evalwazzjonijiet f'għadd ta' okkażjonijiet (fl-2006, fl-2009 u l-iktar reċenti fl-2012) u dawn ikkonkludew li ma hemmx ħtieġa għal reviżjoni maġġuri tad-definizzjoni ta' SME tal-UE;
G. billi l-katina tal-valur transsettorjali għall-SMEs tagħmilha possibbli li jitnaqqsu l-ostakli istituzzjonali, tekniċi u burokratiċi, u billi hemm bżonn ta' politiki ta' appoġġ effettivi għall-ħolqien ta' netwerks bejn in-negozji;
H. billi definizzjoni ta' SME għandha tikkontribwixxi biex tiffaċilita l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà, u tillimita kwalunkwe abbuż għall-minimu assolut.
Id-definizzjoni ta' SME
Azzjonijiet mill-Kummissjoni
1. Jilqa' l-valutazzjoni tal-impatt inizjali tal-Kummissjoni, u jappoġġa l-konċentrazzjoni fuq intrapriżi li jeħtieġu appoġġ u regoli sempliċi bil-ħsieb li l-ippjanar u ċ-ċertezza tad-dritt jiġu ssimplifikati għall-SMEs; jilqa' f'dan il-kuntest il-konsultazzjoni pubblika mill-Kummissjoni;
2. Huwa tal-fehma li, minħabba n-natura ta' dan l-istrument strateġiku u l-ħafna differenzi bejn l-SMEs u l-Istati Membri, il-flessibbiltà mogħtija mir-rakkomandazzjoni tal-2003 għandha tinżamm; jinsab konvint li l-istruttura ġenerali tad-definizzjoni trid tiġi ppreservata u applikata bl-użu tal-kombinazzjoni korretta tal-kriterji li diġà ġew identifikati;
Evalwazzjoni mill-ġdid tad-definizzjoni ta' SME
3. Jistieden lill-Kummissjoni tipprevjeni l-possibbiltà li atturi ta' daqs akbar jiżviluppaw strutturi korporattivi artifiċjali biex jieħdu vantaġġ mid-definizzjoni ta' SME, li jwassal għal sistema li biha l-appoġġ disponibbli jiġi distribwit b'mod żbaljat u aktar mifrux, u b'hekk dan ma jkunx disponibbli għal dawk l-SMEs li jkunu jeħtiġuh; jenfasizza li aġġustament tad-definizzjoni ta' SME għandu dejjem isir għall-benefiċċju tal-SMEs u biex iħaffef l-aċċess tagħhom għall-appoġġ pubbliku;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li taġġorna d-definizzjoni ta' SME filwaqt li tieħu wkoll kont tal-previżjonijiet ekonomiċi tal-Kummissjoni rigward l-inflazzjoni u l-produttività tax-xogħol, sabiex teskludi l-bżonn ta' kwalunkwe aġġustament rapidu matul is-snin li ġejjin; jemmen li kwalunkwe aġġustament futur fid-definizzjoni ta' SME għandu jsir b'mod li jiżgura l-istabbiltà tad-definizzjoni fuq terminu twil;
5. Jinnota li l-għadd tal-impjegati sar kriterju ġeneralment aċċettat u għandu jibqa' l-kriterju ewlieni; jirrikonoxxi li l-kriterju tal-għadd tal-impjegati għandu ċerti limitazzjonijiet f'termini ta' preċiżjoni għal tqabbil madwar l-UE, u jemmen għalhekk li t-total tal-fatturat u tal-karta tal-bilanċ huma kriterji importanti wkoll għad-definizzjoni; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tar-rikonoxximent xieraq ta' negozji ġodda u ta' "intrapriżi mikro" u b'hekk tal-akronimu MSME;
6. Jenfasizza li hemm il-ħtieġa għal simplifikazzjoni tat-termini "intrapriża assoċjata" u "intrapriża msieħba" u l-istatus tal-SMEs fil-fużjonijiet; iqis li huwa essenzjali li l-proċeduri, il-burokrazija u r-regoli applikabbli jiġu ssimplifikati; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tissimplifika r-regoli applikabbli; huwa tal-fehma li, jekk in-negozji l-ġodda jaħdmu flimkien ma' intrapriżi konġunti, l-intrapriżi li jkunu assoċjati mal-intrapriżi konġunti m'għandhomx jitqiesu meta jiġi vvalutat l-istatus ta' SME tan-negozju l-ġdid, sakemm dan ma jkunx kostruzzjoni artifiċjali u ma jkunx hemm aktar konnessjonijiet bejn in-negozju l-ġdid u l-intrapriżi assoċjati;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-aggregazzjoni ta' intrapriżi, b'mod partikolari r-raggruppamenti u n-netwerks tan-negozji, bil-għan li tippromwovi r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż u ttejjeb l-iskambju tal-għarfien u tal-kompetenzi, b'referenza partikolari għall-innovazzjoni marbuta kemm ma' prodotti/servizzi kif ukoll ma' proċessi.
Punti oħra marbuta mad-definizzjoni ta' SME
8. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni favur in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu; iqis il-promozzjoni tal-intraprenditorija bħala importanti għat-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni; jilqa' l-perjodu tranżitorju ta' sentejn li matulu, pereżempju, kumpaniji b'rata għolja ta' tkabbir iżommu status ta' SME; jitlob li ssir evalwazzjoni tal-ħtieġa biex jiġi estiż il-perjodu tranżitorju; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq l-assistenza tal-intraprendituri, in-negozji l-ġodda u l-SMEs rigward inizjattivi ta' ġbir ta' fondi, inklużi dawk ġodda bħall-crowdfunding;
9. Huwa tal-fehma li l-istrumenti tad-diplomazija ekonomika użati fil-livell tal-UE, bħall-Missjoni għat-Tkabbir, jistgħu jintużaw biex jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi u jisfruttaw l-opportunitajiet ekonomiċi fil-livell dinji b'mod aktar effettiv; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha f'dak il-qasam fil-qafas tal-istrateġija tal-politika industrijali tal-UE, mingħajr ma toħloq strutturi doppji; jitlob, f'dan ir-rigward, l-iżvilupp ta' indikatur ta' "potenzjal tal-esportazzjoni skont id-daqs tal-intrapriża", sabiex jittejbu l-informazzjoni u l-eżempji tal-aħjar prattika dwar opportunitajiet għall-internazzjonalizzazzjoni u l-kompetittività internazzjonali tal-SMEs, u li l-SMEs jingħataw appoġġ addizzjonali b'potenzjal għoli ta' esportazzjoni;
10. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, minkejja l-kontribut konsiderevoli li jagħtu għall-impjieg u t-tkabbir bis-saħħa tal-produttività tagħhom, il-MidCaps (l-intrapriżi li jmorru lil hinn mid-definizzjoni tal-SMEs iżda li għandhom strutturi tipiċi tal-intrapriżi ta' daqs medju) ma jirċevux attenzjoni xierqa minn dawk li jfasslu l-politika; jappella, għalhekk, lill-Kummissjoni tikkunsidra l-istabbiliment ta' definizzjoni separata għal dawn il-kumpaniji sabiex ikun hemm possibbiltà ta' miżuri mmirati għall-MidCaps filwaqt li jiġi evitat ir-riskju li d-definizzjoni tal-SME titwessa' sal-punt li tkun detrimentali għall-objettivi oriġinali tagħha;
11. Jinnota li, apparti l-SMEs, il-ħaddiema freelance u l-intrapriżi l-kbar, il-MidCaps jikkontribwixxu wkoll għall-impjiegi u t-tkabbir, speċjalment bis-saħħa tal-produttività tagħhom, u għalhekk jistħoqqilhom livell ġust ta' attenzjoni fil-politiki tal-UE;
12. Jistieden lill-Kummissjoni, biex, flimkien mal-miżuri prijoritarji għall-SMEs tal-UE, tistudja l-possibbiltà ta' inizjattiva mmirata lejn iffinanzjar, li tkopri l-aċċess għall-kollaborazzjoni fir-riċerka, l-istrateġiji tat-tranżizzjoni diġitali, l-iżvilupp ta' swieq tal-esportazzjoni;
Obbligi ta' Rappurtar, statistiki, studji u valutazzjonijiet tal-impatt
13. Jemmen li l-programmi COSME, FP9 u Fondi Strutturali futuri taħt il-QFP li jmiss għandhom ikomplu jallokaw ammonti suffiċjenti biex jappoġġaw lill-SMEs li jfittxu li jkunu innovattivi u jiġġeneraw l-impjiegi;
14. Jissottolinja l-importanza li tinżamm definizzjoni ċara u komuni tal-SMEs fil-kuntest tan-negozjati għaddejja dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea, peress li l-SMEs huma definiti fil-liġi tal-UE u ħafna drabi jingħatalhom status speċjali fil-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni;
15. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju komprensiv tal-impatt possibbli tad-definizzjoni ta' SME fuq l-iżvilupp kummerċjali u l-effetti tal-"lock-in", jiġifieri meta intrapriżi deliberatament jagħżlu li ma jespandux sabiex jevitaw piżijiet burokratiċi u obbligi oħra li jirriżultaw mit-telf tal-istatus ta' SME tagħhom;
16. Jissottolinja li intrapriżi lokali żgħar li joffru servizzi pubbliċi u li jissodisfaw il-kriterji tal-SMEs iwettqu kompiti importanti għall-komunitajiet lokali għandhom għeruq fondi fl-ambjent tan-negozju lokali tagħhom u, inter alia, joħolqu l-prekundizzjonijiet ġusti għat-tkabbir tal-SMEs l-oħra kollha; jinnota li s-sjieda pubblika ma timplikax neċessarjament appoġġ finanzjarju jew regolatorju mill-entità pubblika bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, liġijiet dwar l-għajnuna mill-istat jew entitajiet pubbliċi dgħajfa mil-lat finanzjarju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, twettaq studju dwar l-impatti tad-definizzjoni dwar intrapriżi pubbliċi li huma finanzjarjament indipendenti, organizzati fil-qafas tal-liġi privata jew li joperaw taħt kundizzjonijiet kompetittivi ma' kumpaniji privati;
17. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju tal-fattibbiltà ta' definizzjonijiet ta' SME speċifiċi għas-settur, sabiex jiġi eżaminat bir-reqqa l-impatt ta' tali approċċ fuq dawn is-setturi tal-ekonomija u l-valur miżjud ġenerat;
18. Jitlob li t-test tal-impatt tal-SMEs li jimplimenta l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" jiġi magħmul obbligatorju għall-proposti leġiżlattivi kollha tal-UE, lil hinn mill-inizjattivi tal-Kummissjoni stess; jenfasizza li r-riżultat ta' dan it-test għandu jiġi indikat b'mod ċar fil-valutazzjoni tal-impatt għall-proposti leġiżlattivi kollha; jistieden lill-Kummissjoni tassumi tali impenn fil-Ftehim Interistituzzjonali li jmiss dwar tfassil aħjar tal-liġijiet, u huwa tal-fehma li jista' jiġi kkunsidrat aġġornament tas-Small Business Act għall-Ewropa;
Għajnuna għall-SMEs fir-rigward tad-definizzjoni
19. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprovdu għajnuna lill-intrapriżi dwar il-proċeduri użati fid-determinazzjoni tal-istatus tal-SMEs u l-informazzjoni dwar kwalunkwe bidla li tikkonċerna d-definizzjoni jew il-proċeduri tal-SMEs, fil-ħin u b'mod ottimali;
o o o
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.