Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill, il-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Ftehim Komprensiv UE-Ażerbajġan (2017/2056(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22 u 36, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-varar ta' negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ażerbajġan fis-7 ta' Frar 2017 dwar ftehim komprensiv ġdid li ser jieħu post il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-1999 bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, min-naħa l-oħra(1),
– wara li kkunsidra l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill, fis-7 ta' Novembru 2016, tad-direttivi ta' negozjati għal dan il-ftehim,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil dwar Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ażerbajġan fil-qasam tal-enerġija tas-7 ta' Novembru 2006,
– wara li kkunsidra r-riżultati ewlenin tal-15-il laqgħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ażerbajġan tad-9 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ażerbajġan fi ħdan il-qafas tal-PEV riveduta (SWD(2017)0485),
– wara li kkunsidra l-messaġġ tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Euronest lill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tat-30 ta' Ottubru 2017,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-summits tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża dik tal-24 ta' Novembru 2017,
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni u tas-SEAE ta' Ġunju 2016 dwar "Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", u b'mod partikolari l-prinċipji ewlenin tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-każ tal-ġurnalist Ażerbajġan Afgan Mukhtarli(4), u riżoluzzjonijiet oħra dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,
– Wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta' Jannar 2018 tal-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta' Tkabbir dwar il-kundanna tal-ġurnalist Afgan Mukhtarli fl-Ażerbajġan,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-11 ta' Ottubru 2017 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Ażerbajġan,
– wara li kkunsidra l-varar ta' proċeduri ta' ksur fil-5 ta' Diċembru 2017 mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa minħabba r-rifjut kontinwu tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan li jimplimentaw is-sentenza Ilgar Mammadov vs. Ażerbajġan tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE/ODIHR) dwar il-Missjoni ta' Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet tat-2 ta' Marzu 2018 dwar l-elezzjoni presidenzjali bikrija fl-Ażerbajġan,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 108(4) u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0185/2018),
A. billi s-Sħubija tal-Lvant (SL) hija bbażata fuq impenn kondiviż bejn l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova, l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea għall-approfondiment tar-relazzjonijiet tagħhom u r-rispett tad-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi l-ftehim ġdid bejn l-UE u l-Ażerbajġan ser javvanza l-interessi tal-Unjoni fir-reġjun kif ukoll ser jippromwovi l-valuri tagħha;
B. billi l-Parlament huwa favur approfondiment tar-relazzjonijiet mal-membri kollha tas-Sħubija tal-Lvant dment li jirrispettaw dawn il-valuri fundamentali; billi, fi ħdan il-politika tas-SL, il-mudell "SL+" attraenti u fuq perjodu twil propost mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar is-Sħubija tal-Lvant, li eventwalment jista' jwassal biex dawn jingħaqdu mal-unjonijiet doganali, tal-enerġija u dik diġitali u maż-żona Schengen, fost oħrajn, għandu wkoll ikun miftuħ għal pajjiżi li m'għandhomx ftehim ta' assoċjazzjoni mal-UE – bħall-Ażerbajġan – ladarba jkunu lesti għal tali impenji msaħħa u jkunu għamlu progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tar-riformi li ntlaħaq ftehim reċiproku dwarhom;
C. billi r-relazzjonijiet UE-Ażerbajġan bħalissa huma rregolati mill-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-1999; billi l-UE hija bil-wisq l-akbar sieħba kummerċjali tal-Ażerbajġan, kemm f'termini ta' importazzjonijiet kif ukoll ta' esportazzjonijiet, hekk li tirrappreżenta 48,6 % tal-kummerċ totali tal-Ażerbajġan u hija wkoll l-akbar sors ta' investiment dirett; billi l-Ażerbajġan huwa sieħeb strateġiku tal-enerġija għall-UE, li jippermetti li l-UE tiddiversifika s-sorsi ta' enerġija; billi, madankollu, l-ekonomija tal-Ażerbajġan tiddependi miż-żejt u l-gass għal madwar 90 % tal-esportazzjonijiet tagħha, u b'hekk hija vulnerabbli għax-xokkijiet u l-varjazzjonijiet esterni fil-prezzijiet globali taż-żejt; billi l-Ażerbajġan għadu mhuwiex membru tad-WTO, u billi dan iwassal għal ostakli tariffarji u mhux tariffarji kbar li jxekklu r-relazzjonijiet kummerċjali u professjonali mal-UE;
D. billi l-UE u l-Ażerbajġan fid-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tal-24 ta' Novembru 2017 issottolinjaw li "b'mod differenzjat, l-UE ser tkompli tiddiskuti b'mod konġunt ma' kull wieħed mill-pajjiżi sħab, fosthom l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Belarussja, għażliet attraenti u realistiċi biex jissaħħaħ il-kummerċ reċiproku u jiġi mħeġġeġ l-investiment biex jiġu riflessi l-interessi komuni, il-politika riformata dwar l-investiment fir-rigward tal-protezzjoni tal-investiment, kif ukoll ir-regoli kummerċjali internazzjonali u l-istandards internazzjonali marbutin mal-kummerċ, inkluż fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, u biex jingħata kontribut għall-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji";
E. billi l-ftehim ġdid huwa mistenni li jkollu impatt pożittiv fuq l-Ażerbajġan f'termini ta' promozzjoni ta' standards demokratiċi, tkabbir u żvilupp ekonomiku; billi dawn il-prospetti huma partikolarment importanti għaż-żgħażagħ tal-Ażerbajġan f'termini ta' trawwim ta' ġenerazzjoni ġdida ta' ċittadini tal-Ażerbajġan edukati, bil-ħsieb tar-rispett tal-valuri fundamentali tagħna u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż; billi soċjetà ċivili li tiffunzjona b'mod tajjeb hija prekundizzjoni essenzjali għall-iżgurar tad-diversifikazzjoni ekonomika;
1. Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:
Prinċipji ġenerali, valuri fundamentali u impenn għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti
(a)
jiġi żgurat li l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ażerbajġan isir bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar iżomm u jirrispetta l-valuri u tal-prinċipji fundamentali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà ta' espressjoni u assoċjazzjoni, id-drittijiet tal-minoritajiet u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-interess taż-żewġ partijiet u b'mod partikolari taċ-ċittadini tagħhom;
(b)
l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jitfakkru dwar il-pożizzjoni tal-Parlament kif espressa fir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar is-Sħubija tal-Lvant, li tappella lill-Ażerbajġan biex ikun konformi mal-impenji internazzjonali tiegħu u li mingħajr ambigwità tiddikjara li l-ebda ftehim komprensiv mhu ser jiġi ratifikat ma' pajjiż li ma jirrispettax il-valuri fundamentali u d-drittijiet tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-QEDB u fir-rigward tal-fastidju, l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-NGOs, il-membri tal-oppożizzjoni, l-avukati, il-ġurnalisti u l-attivisti ambjentali; jiġi żgurat li l-priġunieri politiċi u l-priġunieri minħabba twemmin kollha fl-Ażerbajġan jiġu rilaxxati – kif imħabbar mill-awtoritajiet tal-pajjiż – qabel kwalunkwe ftehim ġdid UE-Ażerbajġan; jiġi żgurat li fil-ftehim il-ġdid jiġi inkluż mekkaniżmu ta' sospensjoni speċifiku b'dispożizzjonijiet ċari dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;
(c)
l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jitfakkru dwar il-pożizzjoni tal-Parlament, espressa fl-istess rakkomandazzjoni, skont liema r-ratifika ta' ftehimiet ġodda bejn l-UE u kull waħda mill-partijiet fil-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh għandha tkun kundizzjonali għal impenji sinifikanti u għal progress sostanzjali għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitt, bħaż-żamma tal-waqfien mill-ġlied u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji Bażiċi 2009 tal-OSKE u għall-isforzi tal-Kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE; tittenna l-ħtieġa li kemm is-soċjetà ċivili tal-Armenja kif ukoll dik tal-Ażerbajġan jiġu involuti fi kwalunkwe proċess ta' negozjar;
(d)
jiġi żgurat li l-ftehim futur mal-Ażerbajġan ikun ambizzjuż, komprensiv u jħares 'il quddiem, kompatibbli mal-aspirazzjonijiet kemm tal-UE kif ukoll tal-Ażerbajġan abbażi tal-valuri u l-interessi kondiviżi u allinjati mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u li joffri benefiċċji tanġibbli u konkreti għaż-żewġ naħat, mhux biss għall-kumpaniji l-kbar iżda wkoll b'kunsiderazzjoni meħuda tal-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs u għaċ-ċittadini tal-UE u tal-Ażerbajġan;
(e)
jiġi żgurat progress rapidu u kostanti fin-negozjati, bl-objettiv li dan il-ftehim ġdid jiġi ffirmat qabel is-Summit li jmiss tas-Sħubija tal-Lvant fl-2019, dejjem jekk il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq jiġu ssodisfati;
(f)
jiġu kkomunikati b'mod attiv u ċar l-għanijiet u l-kundizzjonalità tal-ftehim il-ġdid u tal-proċess ta' negozjar li għaddej sabiex tittejjeb it-trasparenza u s-sensibilizzazzjoni pubblika, kemm fl-Ażerbajġan kif ukoll fl-UE, u dwar l-opportunitajiet u l-benefiċċji li huma mistennija jirriżultaw mill-konklużjoni tiegħu, ukoll bħala oppożizzjoni għall-kampanji kollha ta' diżinformazzjoni;
Djalogu politiku u kooperazzjoni reġjonali
(g)
isir provvediment għal djalogu politiku regolari u profond sabiex jiġu inkoraġġuti riformi b'saħħithom maħsuba għat-tqawwija tal-istituzzjonijiet u t-tisħiħ tal-kondiviżjoni tal-poteri bejniethom, sabiex dawn isiru aktar demokratiċi u indipendenti, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-midja u biex jiżviluppaw ambjent regolatorju li fih is-soċjetà ċivili tista' topera mingħajr interferenza barra minn lokha, inkluż fil-proċess ta' riforma;
(h)
jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi maħsuba għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODHIR u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa bil-ħsieb li jiġi żgurat li jsir progress għal elezzjonijiet u referenda inklużivi, kompetittivi u trasparenti li jiggarantixxu espressjoni libera u ġusta tal-fehmiet u tal-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tal-Ażerbajġan;
(i)
jiġu appoġġjati bis-sħiħ il-konklużjonijiet preliminari tal-OSKE u tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-elezzjonijiet presidenzjali bikrija fil-11 ta' April 2018 li skonthom "l-elezzjoni kienet nieqsa minn kompetizzjoni ġenwina" minħabba "l-ambjent politiku restrittiv", "qafas legali li jillimita d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali", "nuqqas ta' pluraliżmu, inkluż fil-midja", "in-nuqqas ta' rispett mifrux għall-proċeduri obbligatorji, in-nuqqas ta' trasparenza u l-għadd kbir ta' irregolaritajiet serji bħat-tfigħ ta' voti żejda";
(j)
jinkisbu dispożizzjonijiet li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-paċi u l-ġustizzja internazzjonali, u b'mod partikolari biex jiġi insistit li l-Ażerbajġan jaderixxi mal-obbligi internazzjonali tiegħu, inkluż li bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa jsegwi d-deċiżjonijiet tal-QEDB; l-Ażerbajġan jitħeġġeġ jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC); jitfittex li jinkisbu wkoll miżuri b'saħħithom ta' kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, kif ukoll fl-indirizzar tal-kummerċ illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir;
(k)
tiġi prevista kooperazzjoni aktar mill-qrib fi kwistjonijiet ta' politika barranija, difiża u sigurtà sabiex tiġi żgurata, kemm jista' jkun possibbli, konverġenza, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispons għal theddid globali u sfidi, inkluż it-terroriżmu, il-prevenzjoni ta' kunflitti, il-ġestjoni ta' kriżijiet u l-kooperazzjoni reġjonali, filwaqt li titqies ukoll il-politika barranija diversifikata tal-Ażerbajġan; jiġi appoġġjat l-iffirmar ta' Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni (FPA) bejn l-UE u l-Ażerbajġan bħala bażi legali u politika għal kooperazzjoni fil-missjonijiet u operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK);
(l)
jiġi żgurat li tingħata prijorità għolja lid-djalogu bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja u lil parteċipazzjoni msaħħa tal-UE fis-soluzzjoni paċifika tal-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh skont il-Prinċipji Bażiċi 2009 tal-OSKE u b'mod partikolari bl-appoġġ tal-Kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE, li jippromwovu l-inizjattivi kollha li jwasslu għall-konsolidament tal-paċi bħal osservazzjoni tal-waqfien mill-ġlied min-naħat kollha, djalogu fil-livelli kollha, inklużi taħditiet ta' livell għoli, limitazzjoni tad-diskors ta' mibegħda, miżuri ġenwini għat-tisħiħ tal-fiduċja, żieda sostanzjali f'osservaturi internazzjonali tal-OSKE u skambji approfonditi bejn is-soċjetà ċivili tal-Armenja u dik tal-Ażerbajġan, inkluż bejn il-figuri reliġjużi u kulturali, sabiex is-soċjetajiet tal-Armenja u tal-Ażerbajġan jitħejjew għal koeżistenza paċifika; jiġi espress tħassib profond għaż-żieda fil-preżenza militari u l-infiq sproporzjonat għad-difiża fir-reġjun;
(m)
jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi li jappoġġjaw l-isforzi importanti tal-awtoritajiet biex jgħinu għadd kbir ta' rifuġjati u persuni spostati f'pajjiżhom, u biex jiġu appoġġjati l-persuni ċivili li jgħixu f'żoni ta' kunflitt fi ħdan il-fruntieri tal-Ażerbajġan li huma rikonoxxuti f'livell internazzjonali; jiġi insistit li d-drittijiet tal-persuni kollha li jgħixu fil-fruntieri tal-Ażerbajġan, b'mod temporanju jew permanenti, jiġu rrispettati; isir kontribut partikolari għar-rispett tad-dritt tagħhom li jerġgħu lura fid-djar u tintroddilhom lura l-proprjetà tagħhom u li jingħataw kumpens mill-partijiet kollha għall-kunflitt f'konformità mad-deċiżjonijiet tal-QEDB;
L-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali
(n)
jingħata appoġġ għal riforma tal-ġudikatura maħsuba biex tiżgura l-imparzjalità u l-indipendenza tagħha mill-eżekuttiv u ssaħħaħ l-istat tad-dritt; b'mod partikolari, biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-professjonisti legali billi titneħħa l-interferenza mhux dovuta għall-ħidma tal-avukati, l-avukati prattikanti indipendenti jitħallew jirrappreżentaw klijenti bis-saħħa ta' prokura notarili u jintemmu s-setgħat arbitrarji tal-Avokatura tal-Ażerbajġan li tħassar lil avukati mir-reġistru u tiċħad l-ammissjoni ta' membri ġodda;
(o)
jingħata wkoll appoġġ għall-iżvilupp ta' qafas b'saħħtu għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; tiġi ssottolinjata l-importanza tar-rappreżentanza tan-nisa fil-livelli kollha tal-gvern, inkluża l-parteċipazzjoni ugwali, sħiħa u attiva tagħhom fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u biex l-Ażerbajġan jitħeġġeġ jiffirma l-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u tal-vjolenza domestika u l-ġlieda kontra dawn it-tipi ta' vjolenza;
(p)
jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi bħala appoġġ lill-Ażerbajġan fil-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika, inklużi l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa; tiġi promossa aktar trasparenza fir-rigward tas-sidien benefiċjarji ta' kumpaniji u trusts, kif ukoll dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-kumpaniji kbar f'termini ta' profitti ġġenerati u taxxa mħallsa; jiġu appoġġjati l-investigazzjonijiet dwar l-iskemi ta' ħasil tal-flus, b'mod partikolari "l-każ Laundromat", u jiġu stabbiliti mekkaniżmi speċifiċi ta' superviżjoni u kontroll, bħal aċċess ristrett għas-sistema bankarja Ewropea għal dawk involuti fil-ħasil tal-flus u fi skemi ta' frodi;
(q)
jsir provvediment għal aktar kooperazzjoni u li l-Ażerbajġan jingħata appoġġ fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità, u fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tal-kriminalità transkonfinali; issir ħidma konġunta, b'mod partikolari, fil-ġlieda kontra l-iskemi ta' reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi;
(r)
jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tad-dritt penali fl-Ażerbajġan relatati mal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jkunu maħsuba għat-tmiem tal-prosekuzzjonijiet u s-sekwestri politiċi, il-projbizzjonijiet arbitrarji fuq vjaġġar, azzjonijiet kontra dissidenti politiċi, inkluż permezz ta' malafama, u kontra l-ġurnalisti indipendenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rappreżentanti ta' NGOs u l-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà, bħall-membri ta' ċerti gruppi ta' minoranza inkluża l-komunità LGBTQI; jiġi żgurat li referenzi speċifiċi għal dawn il-gruppi jiġu inklużi fil-ftehim; jiġi mtenni li dawn il-prattiki mhumiex aċċettabbli għal kwalunkwe pajjiż sieħeb potenzjali tal-UE; jiġi stabbilit forum imsaħħaħ għal djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jkun effettiv u jagħti riżultati, bejn l-UE u l-Ażerbajġan b'konsultazzjoni mal-NGOs internazzjonali prinċipali u l-NGOs tal-Ażerbajġan li huma tassew indipendenti u kull sena ssir valutazzjoni dwar il-progress li jsir waqt id-djalogu meta mqabbel ma' parametri referenzjarji konkreti;
(s)
issir insistenza dwar l-adozzjoni tal-emendi rilevanti fil-liġi sabiex ikunu possibbli l-attivitajiet leġittimi tas-soċjetà ċivili, it-tneħħija ta' restrizzjonijiet żejda fuq ir-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni l-operazzjonijiet u l-aċċess tagħhom għal reġistrazzjoni għal finanzjament u għotjiet barranin, u li jintemmu l-investigazzjonijiet kriminali żejda, ir-rapportar mhux meħtieġ lil diversi aġenziji tal-gvern, it-tiftix tal-uffiċċji, l-iffriżar tal-kontijiet, il-projbizzjonijiet fuq vjaġġar u l-persekuzzjoni ta' min imexxihom;
(t)
jiġi żgurat li, qabel il-konklużjoni tan-negozjati, l-Ażerbajġan jirrilaxxa l-priġunieri politiċi tiegħu u l-priġunieri tiegħu minħabba twemmin, inklużi, fost l-aktar każijiet emblematiċi, Ilgar Mammadov, Afgan Mukhtarli, Mehman Huseynov, Ilkin Rustamzada, Seymur Haziyev, Rashad Ramazanov, Elchin Ismayilli, Giyas Ibrahimov, Beyram Mammadov, Asif Yusifli u Fuad Gahramanli, ineħħi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ladarba rrilaxxati, inklużi dawk tal-ġurnalista Khadija Ismayilova u l-avukat Intigam Aliyev u li jimplimenta bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tal-QEDB, b'mod partikolari fir-rigward ta' Ilgar Mammadov; jiġu żgurati l-ħelsien u t-titjib tas-sitwazzjoni ta' dawn l-individwi, inkluż ir-rinsedjament tagħhom u tal-familji tagħhom permezz tal-ġustizzja u tal-applikazzjoni tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-dissidenti Ażerbajġani fl-UE; jiġi kkundannat il-fatt li, għall-kuntrarju tal-avviżi tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan, l-ebda priġunier politiku elenkat hawn fuq ma ġie rrilaxxat, u aktar individwi ġew arrestati talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet kostituzzjonali tagħhom, inklużi membri tal-partiti tal-oppożizzjoni u l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Emin Aslan; jintalab il-ħelsien immedjat tal-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Emin Aslan mid-detenzjoni amministrattiva tiegħu u li jkun kompletament ikklerjat minn akkużi dubjużi ta' ‘nuqqas ta' ubbidjenza lejn il-pulizija’; jiġi żgurat li l-Ażerbajġan itemm l-użu ta' detenzjonijiet amministrattivi sabiex isikket il-kritiċi tal-gvern;;
(u)
jiġi żgurat li l-Ażerbajġan jirrispetta d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika, ma jkomplix jirrestrinġi dan id-dritt b'modi li mhumiex kompatibbli mal-obbligi tiegħu fl-ambitu tad-dritt internazzjonali, inklużi l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u li minnufih u b'mod effettiv jinvestiga l-każijiet kollha ta' użu eċċessiv tal-forza, arresti arbitrarji u detenzjoni inġusta ta' dimostranti paċifiċi, inkluż b'rabta mad-dimostrazzjonijiet tal-oppożizzjoni f'Settembru 2017 u Marzu 2018 li ġew sanzjonati, u li jressaq lil dawk ħatja quddiem il-ġustizzja;
(v)
jittieħed impenn, qabel il-konklużjoni tan-negozjati, minn naħa tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan sabiex japplikaw il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, u li dawn jinvestigaw b'mod ġenwin kull każ ta' maltrattament tal-priġunieri politiċi u l-priġunieri minħabba twemmin, b'mod partikolari l-każ tad-deċedut Mehman Galandarov, li miet waqt li kien detenut fl-Ażerbajġan, u l-membri tal-komunità LGBTQI li ġew iffastidjati u arrestati fi gruppi f'Settembru 2017;
(w)
issir enfasi rigward it-tħassib tal-UE dwar l-istat kurrenti tal-libertà tal-istampa fl-Ażerbajġan, ikklassifikata fil-163 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa tal-2018 imfassal minn Reporters Mingħajr Fruntieri; tiġi ssottolinjata l-importanza ta' midja ħielsa u indipendenti, kemm offline kif ukoll online, u jiġi żgurat appoġġ imsaħħaħ għall-UE, kemm politiku kif ukoll finanzjarju, għal midja libera u pluralistika fl-Ażerbajġan, b'indipendenza editorjali minn gruppi politiċi u oligarkiċi gruppi dominanti u f'konformità mal-istandards tal-UE; l-awtoritajiet jintalbu jiżblokkaw l-aċċess għas-siti web ta' Azadliq, u ta' aġenziji tal-aħbarijiet li spiċċaw joperaw minn barra l-pajjiż: Radio Free Europe/Radio Liberty (RFE/RL) Azerbaijan Service, Meydan TV u Azerbaycan Saati;
Kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika
(x)
jiġu inklużi dispożizzjonijiet kummerċjali u ta' investiment ġusti u ambizzjużi, kemm jista' jkun kompatibbli mal-istatus tal-Ażerbajġan bħala stat mhux membru tad-WTO, li jkunu kompletament konformi u ma jdgħajfux l-istandards tal-UE, b'mod partikolari dawk dwar is-sanità, il-fitosanità, l-ambjent, ix-xogħol, is-soċjetà, il-bilanċ bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni, u jiġu żgurati r-rikonoxximent u l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi, b'mod partikolari l-inbejjed u l-ispirti; l-Ażerbajġan jiġi appoġġjat fil-proċess tiegħu ta' adeżjoni mad-WTO;
(y)
jiġu implimentati miżuri sodi li jiżguraw progress rapidu għat-titjib tal-klima kummerċjali u tal-investiment fl-Ażerbajġan, b'mod partikolari rigward it-tassazzjoni u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-akkwist pubbliku – b'referenza għar-regoli stabbiliti fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO – sabiex jippermettu aktar trasparenza, governanza aħjar u obbligu ta' rendikont, aċċess ugwali u kompetizzjoni ġusta;
Enerġija u oqsma oħra ta' kooperazzjoni
(z)
isir provvediment għal aktar kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija skont is-sħubija strateġika fl-enerġija tal-UE u tal-Ażerbajġan u l-prestazzjoni passata tal-Ażerbajġan bħala fornitur affidabbli tal-enerġija, filwaqt li madankollu jitqiesu s-sospensjoni u l-irtirar sussegwenti tal-Ażerbajġan mill-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) f'Marzu 2017 minħabba "l-bidliet fil-leġiżlatura tal-Ażerbajġan dwar l-NGOs" li ma kinux konformi mar-rekwiżiti tas-soċjetà ċivili tal-grupp; l-Ażerbajġan jitħeġġeġ jallinja ruħu mill-ġdid ma' dawn ir-rekwiżiti sabiex jissokta l-attivitajiet tiegħu fl-EITI;
(aa)
jiġu appoġġjati wkoll id-diversifikazzjoni tat-taħlita tal-enerġija tal-Ażerbajġan, il-promozzjoni tas-sorsi ta' enerġija bla karbonju u t-tħejjija għall-era ta' wara l-karbonju billi titnaqqas id-dipendenza fuq il-karburanti fossili u jiġi promoss l-użu tar-rinnovabbli, anke fl-interess tas-sigurtà tal-enerġija; tiġi appoġġjata t-tlestija tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar wara li jiġi indirizzat it-tħassib importanti relatat mat-tibdil fil-klima u l-impatt fuq il-komunitajiet lokali fid-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment dwar il-finanzjament tal-Pipeline tal-Gass Trans-Anatoljan (TANAP);
(ab)
jiġu implimentati dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar il-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima bħala parti mill-ftehim il-ġdid, skont l-Aġenda tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-impenji taż-żewġ partijiet għall-ftehim ta' Pariġi, inkluż permezz tal-integrazzjoni ta' dawn il-politiki bħala parti minn politiki settorjali oħra;
(ac)
jiġu pprovduti prospetti ġodda għal kooperazzjoni msaħħa f'oqsma li mhumiex relatati mal-enerġija, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport, il-konnettività u t-turiżmu, sabiex jiddiversifikaw l-ekonomija tal-Ażerbajġan, jagħtu spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, jimmodernizzaw setturi industrijali u tas-servizzi, u jistimulaw l-iżvilupp sostenibbli fi ħdan in-negozji u r-riċerka; jiġu organizzati aktar skambji bejn in-nies, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fl-iskambji reġjonali mal-NGOs tal-Armenja;
(ad)
tissaħħaħ il-kooperazzjoni rigward l-iskambji taż-żgħażagħ u tal-istudenti billi jissaħħu l-programmi eżistenti u ta' suċċess bħan-netwerk "Żgħażagħ tan-netwerk tal-Ġirien Ewropej" u billi jiġu żviluppati programmi ta' boroż ta' studju u korsijiet ta' taħriġ ġodda, kif ukoll billi tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fi programmi fil-qasam ta' edukazzjoni ogħla, b'mod partikolari l-programm Erasmus+, li jippromwovu l-iżvilupp tal-ħiliet, inklużi l-ħiliet lingwistiċi, u jippermettu liċ-ċittadini tal-Ażerbajġan jiffamiljarizzaw ruħhom mal-UE u l-valuri tagħha;
(ae)
jiġi promoss ukoll it-tkabbir ekonomiku permezz tat-trasport u l-konnettività; jiġi estiż in-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) lill-Ażerbajġan;
(af)
skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tal-2017, jitqies "fi żmien xieraq, jekk il-kundizzjonijiet jippermettu, il-ftuħ ta' Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża mal-Armenja u l-Ażerbajġan rispettivament, dment li l-kundizzjonijiet għal mobbiltà ġestita tajjeb u sigura jkunu twettqu, inkluża l-implimentazzjoni effettiva ta' Ftehimiet ta' Faċilitazzjoni tal-Visa u ta' Riammissjoni bejn il-Partijiet";
Dispożizzjonijiet istituzzjonali
(ag)
jiġi żgurat li l-ftehim ikollu dimensjoni parlamentari b'saħħitha li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet attwali u l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni sabiex ikunu possibbli li jiżdied il-kontribut u l-iskrutinju tal-implimentazzjoni tiegħu, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta' struttura interparlamentari aġġornata li tipprevedi djalogu regolari u kostruttiv bejn il-Parlament Ewropew u l-parlament tal-Ażerbajġan dwar l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet tagħna, inkluża l-implimentazzjoni tal-ftehimiet;
(ah)
in-negozjati jitmexxew bl-akbar trasparenza possibbli; il-Parlament jiġi informat fl-istadji kollha tan-negozjati skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, skont liema "Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura"; jiġu pprovduti wkoll lill-Parlament it-testi ta' negozjati u l-minuti ta' kull ċiklu ta' negozjati; il-Kunsill jitfakkar li, minħabba l-ksur fil-passat tal-Artikolu 218(10) tat-TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà annullat id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta' diversi ftehimiet; jitqies li fil-futur l-approvazzjoni tal-Parlament dwar ftehimiet ġodda tista' ma tingħatax sakemm il-Kunsill ma jkunx issodisfa l-obbligi ġuridiċi tiegħu;
(ai)
jiġi żgurat li l-ftehim ġdid ma jkunx soġġett għal applikazzjoni proviżorja sakemm il-Parlament ma jkunx ta l-kunsens tiegħu; jiġi enfasizzat li l-kunsens tal-Parlament dwar ftehimiet ġodda u ftehimiet futuri oħra jista' ma jingħatax jekk din il-kundizzjoni tiġi injorata;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Ażerbajġan.