Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2018 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ġordan fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (COM(2017)0798 – 2018/2060(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ġordan fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (COM(2017)0798),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 16 u 218 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)(3),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(5),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tad-Data (ETS Nru 108) u l-Protokoll Addizzjonali tat-8 ta' Novembru 2001 għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali f'dak li għandu x'jaqsam mal-awtoritajiet superviżorji u flussi ta' data transfruntiera (ETS Nru 181),
– wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/2018 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar tmien mandati ta' negozjar sabiex jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali li jippermettu l-iskambju ta' data bejn il-Europol u pajjiżi terzi,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità(6),
– wara li kkunsidra l-ftehim li ntlaħaq mill-Parlament tal-UE u mill-Kunsill dwar l-proposta għal Regolament dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (COM(2017)0008), u b'mod partikolari l-Kapitolu dwar l-ipproċessar ta' data personali operazzjonali li japplika għall-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni meta jwettqu l-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitoli 4 u 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0232/2018),
A. billi r-Regolament (UE) 2016/794 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) jippermetti t-trasferiment ta' data personali lil awtorità ta' pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, sa fejn tali trasferiment ikun neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol, abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza tal-Kummissjoni skont id-Direttiva (UE) 2016/680, ta' ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprevedi salvagwardji adegwati, jew ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni li jippermettu l-iskambju ta' data personali konklużi qabel l-1 ta' Mejju 2017, u, f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali, fuq bażi ta' każ b'każ taħt kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) 2016/794 u dment li jkunu żgurati salvagwardji adegwati;
B. billi l-ftehimiet internazzjonali li jippermettu lill-Europol u lil pajjiżi terzi jikkooperaw u jiskambjaw data personali għandhom jirrispettaw l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 16 tat-TFUE, u b'hekk jirrispettaw il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, id-dritt għal aċċess, id-dritt għal rettifika u jkunu soġġetti għal monitoraġġ minn awtorità indipendenti stipulata speċifikament mill-Karta, u jkunu meħtieġa u proporzjonati għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol;
C. billi tali trasferiment għandu jkun ibbażat fuq ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprevedi garanziji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi;
D. billi d-dokument ta' programmazzjoni tal-Europol 2018/2020(7) jirrileva r-rilevanza dejjem tikber ta' approċċ multidixxiplinari msaħħaħ, inkluża l-aggregazzjoni tal-għarfien espert u tal-informazzjoni meħtieġa minn firxa titwessa' ta' sħab, għat-twettiq tal-missjoni tal-Europol;
E. billi l-Parlament, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-Ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, issottolinja li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni strateġiċi u operazzjonali bejn il-Europol u pajjiżi terzi jiffaċilitaw kemm l-iskambju ta' informazzjoni kif ukoll kooperazzjoni prattika fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;
F. billi l-Europol diġà stabbilixxa diversi ftehimiet dwar l-iskambju ta' data ma' pajjiżi terzi fil-passat, bħall-Albanija, l-Awstralja, il-Bożnija-Ħerżegovina, il-Kanada, il-Kolombja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Georgia, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Moldova, Monaco, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera, l-Ukrajna, l-Istati Uniti tal-Amerka;
G. billi l-KEPD ilu l-kontrollur tal-Europol sa mill-1 ta' Mejju 2017, u huwa wkoll il-konsulent tal-istituzzjonijiet tal-UE għal dak li jikkonċerna l-politiki u l-leġiżlazzjoni relatati mal-protezzjoni tad-data;
1. Iqis li n-neċessità tal-kooperazzjoni mar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fil-qasam tal-infurzar tal-liġi għall-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-proporzjonalità tagħha, jeħtieġ li jiġu vvalutati sewwa; jitlob li l-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, twettaq valutazzjoni tal-impatt eżawrjenti; jirrileva li hemm bżonn ta' kawtela xierqa fid-definizzjoni ta' mandat ta' negozjar għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ġordan fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu;
2. Iqis li l-konsistenza sħiħa mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, kif ukoll ma' drittijiet u libertajiet fundamentali oħra protetti mill-Karta, għandha tkun żgurata fil-pajjiżi terzi riċeventi; jistieden lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, jikkompleta l-linji gwida tan-negozjar proposti mill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati f'din ir-riżoluzzjoni;
3. Jieħu nota li, sal-lum, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt xierqa sabiex jiġu vvalutati fil-fond ir-riskji li jirriżultaw minn trasferimenti ta' data personali lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fir-rigward tad-drittijiet tal-individwi għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, iżda wkoll għal drittijiet u libertajiet fundamentali oħra protetti mill-Karta; jitlob li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt xierqa sabiex tiddefinixxi s-salvagwardji meħtieġa li għandhom jiġu integrati fil-ftehim;
4. Jinsisti li l-livell ta' protezzjoni li jirriżulta mill-ftehim għandu jkun essenzjalment ekwivalenti għal-livell ta' protezzjoni fid-dritt tal-UE; jenfasizza li, jekk tali livell ma jistax jiġi ggarantit, kemm fil-liġi u kemm fil-prattika, il-ftehim ma jistax jiġi konkluż;
5. Jitlob li, sabiex jirrispetta bis-sħiħ l-Artikolu 8 tal-Karta u l-Artikolu 16 tat-TFUE u sabiex tiġi evitata kwalunkwe responsabbiltà potenzjali tal-Europol rigward ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data li jirriżulta mit-trasferiment ta' data personali mingħajr is-salvagwardji meħtieġa u xierqa, il-ftehim jinkludi dispożizzjonijiet stretti u speċifiċi li jimponu r-rispett tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop b'kundizzjonijiet ċari għall-ipproċessar tad-data personali trażmessa;
6. Jitlob li l-Linja Gwida B tiġi kkompletata biex tindika espressament il-qbil li l-Europol, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar il-Europol, għandu jirrispetta kwalunkwe restrizzjoni imposta fuq data personali trażmessa lill-Europol mill-Istati Membri jew minn fornituri oħra rigward l-użu u l-aċċess għad-data li għandha tiġi ttrasferita lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan;
7. Jitlob li l-ftehim jipprevedi b'mod ċar li kwalunkwe pproċessar ulterjuri għandu dejjem jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel u bil-miktub mill-Europol; jenfasizza li dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu ddokumentati mill-Europol u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-KEPD fuq talba tiegħu; jitlob li l-ftehim ikun fih ukoll dispożizzjoni li tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan jirrispettaw dawn ir-restrizzjonijiet u jispeċifikaw kif il-konformità ma' dawn ir-restrizzjonijiet imbagħad tiġi infurzata;
8. Jinsisti li l-ftehim jinkludi dispożizzjoni ċara u preċiża li tistipula l-perjodu taż-żamma tad-data għad-data personali li tkun ġiet ittrasferita u li tirrikjedi li d-data personali ttrasferita titħassar fi tmiem il-perjodu taż-żamma tad-data; jitlob li miżuri proċedurali jiġu stipulati fil-ftehim biex jiżguraw il-konformità; jinsisti li, f'każijiet eċċezzjonali, fejn ikun hemm raġunijiet debitament ġustifikati biex id-data tinħażen għal perjodu estiż, lil hinn mill-iskadenza tal-perjodu taż-żamma tad-data, dawn ir-raġunijiet u d-dokumentazzjoni ta' akkumpanjament jiġu kkomunikati lill-Europol u lill-KEPD;
9. Jistenna li l-kriterji inklużi fil-Premessa 71 tad-Direttiva (UE) 2016/680 jiġu applikati, jiġifieri t-trasferimenti ta' data personali għandhom ikunu suġġetti għall-obbligi ta' kunfidenzjalità mill-awtoritajiet kompetenti tal-Ġordan li jirċievu data personali mill-Europol, il-prinċipju tal-ispeċifiċità, u li d-data personali mhi se tintuża fl-ebda każ biex tintalab, tingħata jew tiġi eżegwita piena tal-mewt jew kwalunkwe għamla oħra ta' trattament krudili u inuman;
10. Iqis li l-kategoriji ta' reati li għalihom id-data personali se tiġi skambjata jeħtieġ li jkunu definiti b'mod ċar u mniżżla fil-ftehim internazzjonali stess, f'konformità mad-definizzjonijiet ta' reati kriminali tal-UE meta jkunu disponibbli; jenfasizza li din il-lista għandha tiddefinixxi b'mod ċar u preċiż l-attivitajiet koperti minn tali reati, u l-persuni, il-gruppi u l-organizzazzjonijiet li aktarx jiġu affettwati mit-trasferiment;
11. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiddefinixxu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) u fit-tifsira tal-Artikolu 8(3) tal-Karta, mal-Gvern tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, liema awtorità superviżorja indipendenti għandha tkun responsabbli li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim internazzjonali; iħeġġeġ li tali awtorità tkun identifikata u stabbilita qabel ma jidħol fis-seħħ il-ftehim internazzjonali; jinsisti li l-isem ta' din l-awtorità jiġi espressament inkluż f'anness mal-ftehim;
12. Iqis li għandu jkun possibbli għal kull parti kontraenti li tissospendi jew tirrevoka l-ftehim internazzjonali jekk ikun hemm ksur tiegħu, u li l-korp superviżorju indipendenti għandu jkollu wkoll is-setgħa li jissuġġerixxi li l-ftehim jiġi sospiż jew itterminat f'każ ta' ksur tiegħu; iqis li kwalunkwe data personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim u li tkun ġiet ittrasferita qabel is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tagħha tista' tibqa' tiġi pproċessata f'konformità mal-ftehim; iqis li evalwazzjoni perjodika tal-ftehim għandha tkun stabbilita sabiex tevalwa l-konformità tas-sħab mal-ftehim;
13. Huwa tal-fehma li definizzjoni ċara tal-kunċett ta' każijiet individwali hija meħtieġa, minħabba li dan il-kunċett huwa neċessarju biex jiġu vvalutati n-neċessità u tal-proporzjonalità tat-trasferimenti tad-data; jirrileva li din id-definizzjoni għandha tirreferi għal investigazzjonijiet kriminali reali;
14. Huwa tal-fehma li l-kunċett ta' raġunijiet raġonevoli jeħtieġ li jiġi ddefinit għall-valutazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tat-trasferimenti ta' data; jirrileva li din id-definizzjoni għandha tirreferi għal investigazzjonijiet kriminali reali;
15. Jenfasizza li d-data ttrasferita lil awtorità riċeventi qatt ma tista' tiġi pproċessata ulterjorment minn awtoritajiet oħra u li, għal dan il-għan, għandha titfassal lista eżawrjenti tal-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, li lilhom il-Europol jista' jittrasferixxi data, inkluża deskrizzjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet; iqis li kwalunkwe modifika għal tali lista li tissostitwixxi jew iżżid awtorità kompetenti ġdida tkun tirrikjedi reviżjoni tal-ftehim internazzjonali;
16. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi indikat espressament li trasferimenti ulterjuri ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan lil awtoritajiet oħra fir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan jistgħu jitħallew isiru biss biex jissodisfaw l-iskop oriġinali tat-trasferiment mill-Europol, u għandhom dejjem jiġu kkomunikati lill-awtorità indipendenti, lill-KEPD u lill-Europol;
17. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indikat espressament li t-trasferimenti ulterjuri ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan lil pajjiżi oħra huma projbiti u jirriżultaw fit-terminazzjoni immedjata tal-ftehim internazzjonali;
18. Iqis li l-ftehim internazzjonali mar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jinkludi d-dritt tas-suġġetti tad-data għal informazzjoni, rettifika u tħassir kif previst f'leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;
19. Jinnota li t-trasferiment ta' data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union, id-data ġenetika jew data li tikkonċerna s-saħħa u l-ħajja sesswali ta' persuna huwa estremament sensittiv u jagħti lok għal preokkupazzjonijiet profondi fid-dawl tal-qafas legali, tal-karatteristiċi tas-soċjetà u tal-isfond kulturali differenti tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan meta mqabbel mal-Unjoni Ewropea; jirrileva l-fatt li atti kriminali huma definiti b'mod differenti fl-Unjoni u fir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan; huwa tal-fehma li tali trasferiment ta' data, għaldaqstant, għandu jseħħ biss f'każijiet eċċezzjonali ħafna u b'salvagwardji ċari għas-suġġett tad-data u għall-persuni marbuta mas-suġġett tad-data; iqis li jeħtieġ li jiġu ddefiniti salvagwardji speċifiċi li jkunu jridu jiġu rrispettati mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluż ir-rispett tal-libertà ta' espressjoni, tal-libertà ta' reliġjon u tad-dinjità tal-bniedem;
20. Jemmen li għandu jiġi inkluż fil-ftehim mekkaniżmu ta' monitoraġġ u li l-ftehim għandu jkun suġġett għal valutazzjonijiet perjodiċi biex jiġu evalwati l-funzjonament tiegħu bi rbit mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-Europol kif ukoll il-konformità tiegħu mad-drittijiet u mal-prinċipji Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data;
21. Jitlob li l-Kummissjoni tfittex il-parir tal-KEPD qabel il-finalizzazzjoni tal-ftehim internazzjonali bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 2016/794 u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001;
22. Jenfasizza li l-kunsens tal-Parlament għall-konklużjoni tal-ftehim se jkun kondizzjonali fuq l-involviment sodisfaċenti tal-Parlament fl-istadji kollha tal-proċedura skont l-Artikolu 218 tat-TFUE;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvern tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan.