Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2061(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0233/2018

Testi mressqa :

A8-0233/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2018 - 9.5

Testi adottati :

P8_TA(2018)0296

Testi adottati
PDF 146kWORD 55k
L-Erbgħa, 4 ta' Lulju 2018 - Strasburgu
Il-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim UE-Turkija dwar l-iskambju ta' data personali fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu
P8_TA(2018)0296A8-0233/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2018 dwar ir-rakkomandazzjoni, tal-Kummissjoni, għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti tat-Turkija fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (COM(2017)07992018/2061(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni, tal-Kummissjoni, għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti tat-Turkija fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (COM(2017)0799),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 16 u 218 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(5),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tad-Data (ETS Nru 108) u l-Protokoll Addizzjonali tat-8 ta' Novembru 2001 għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali f'dak li għandu x'jaqsam mal-awtoritajiet superviżorji u flussi ta' data bejn il-fruntieri (ETS Nru 181),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/2018 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar tmien mandati ta' negozjar sabiex jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali li jippermettu l-iskambju ta' data bejn il-Europol u l-pajjiżi terzi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità(6),

–  wara li kkunsidra l-ftehim li ntlaħaq mill-Parlament tal-UE u mill-Kunsill dwar l-proposta għal Regolament dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (COM(2017)0008), u b'mod partikolari l-Kapitolu dwar l-ipproċessar ta' data personali operazzjonali li japplika għall-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni meta jwettqu l-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitoli 4 u 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0233/2018),

A.  billi r-Regolament (UE) 2016/794 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) jippermetti t-trasferiment ta' data personali lil awtorità ta' pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, sa fejn tali trasferiment hu neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol, abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza tal-Kummissjoni skont id-Direttiva (UE) 2016/680, ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprevedi salvagwardji adegwati, jew ftehimiet ta' kooperazzjoni li jippermettu l-iskambju ta' data personali konklużi qabel l-1 ta' Mejju 2017, u, f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali, fuq bażi ta' każ b'każ taħt kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) 2016/794 u dment li jkunu żgurati salvagwardji adegwati;

B.  billi l-ftehimiet internazzjonali li jippermettu lill-Europol u lil pajjiżi terzi jikkooperaw u jiskambjaw data personali jenħtieġ li jirrispettaw l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 16 tat-TFUE, u b'hekk jirrispettaw il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, id-dritt għal aċċess, id-dritt għal rettifika u jkunu soġġetti għal monitoraġġ minn awtorità indipendenti stipulata speċifikament mill-Karta, u jkunu meħtieġa u proporzjonati għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol;

C.  billi tali trasferiment huwa bbażat fuq ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprevedi garanziji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi;

D.  billi f'dawn l-aħħar snin inkixfu bosta każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tat-Turkija; billi, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' qbil ġie mrażżan b'mod spjetat, u l-ġurnalisti, l-attivisti politiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kienu fost dawk fil-mira; billi każijiet ta' tortura baqgħu jiġu rrapportati, anki wara t-tentattiv ta' kolp ta' stat f'Lulju 2016; billi kwalunkwe investigazzjoni effikaċi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-uffiċjali tal-istat ġiet impedita minn impunità pervażiva, u billi l-gruppi armati komplew bl-abbuż;

E.  billi d-dokument ta' programmazzjoni tal-Europol 2018-2020(7) jenfasizza li r-rilevanza dejjem tikber ta' approċċ multidixxiplinari msaħħaħ, inkluża l-aggregazzjoni tal-għarfien espert u tal-informazzjoni meħtieġa minn firxa titwessa' ta' sħab, għat-twettiq tal-missjoni tal-Europol;

F.  billi l-Parlament, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-Ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, issottolinja li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni strateġiċi u operazzjonali bejn il-Europol u pajjiżi terzi jiffaċilitaw kemm l-iskambju ta' informazzjoni kif ukoll kooperazzjoni prattika fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

G.  billi l-Europol diġà stabbilixxa diversi ftehimiet dwar l-iskambju ta' data ma' pajjiżi terzi fil-passat; bħall-Albanija, l-Awstralja, il-Bożnija-Ħerżegovina, il-Kanada, il-Kolombja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Georgia, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Moldova, Monaco, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera, l-Ukrajna, l-Istati Uniti tal-Amerka;

H.  billi l-KEPD ilu l-kontrollur tal-Europol mill-1 ta' Mejju 2017, u huwa wkoll il-konsulent tal-istituzzjonijiet tal-UE għal dak li jikkonċerna l-politiki u l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

1.  Iqis li n-neċessità tal-kooperazzjoni mar-Repubblika tat-Turkija fil-qasam tal-infurzar tal-liġi għall-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-proporzjonalità tagħha, jeħtieġ li jiġu vvalutati kif xieraq; jitlob li l-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, twettaq valutazzjoni tal-impatt eżawrjenti; jissottolinja li hemm bżonn ta' kawtela xierqa fid-definizzjoni ta' mandat ta' negozjar għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet Torok kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu;

2.  Iqis li l-konsistenza sħiħa mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, kif ukoll ma' drittijiet u libertajiet fundamentali oħra protetti mill-Karta, għandha tiġi żgurata fil-pajjiżi terzi riċeventi; jistieden lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, ilesti l-linji gwida tan-negozjar proposti mill-Kummissjoni bil-kundizzjonijiet stabbiliti f'din ir-riżoluzzjoni;

3.  Iqis li hemm tħassib kbir dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fir-Repubblika tat-Turkija, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' reliġjon, u d-dritt li wieħed ma jkunx soġġett għal tortura jew trattament inuman, kif stipulat fil-Karta u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

4.  Jenfasizza li prerekwiżit għat-tnedija tan-negozjati huwa li t-Turkija tissodisfa l-obbligu orizzontali tagħha ta' kooperazzjoni sħiħa, effettiva u mhux diskriminatorja mal-Istati Membri kollha dwar kwistjonijiet ta' ġustizzja u affarijiet interni, inkluż mar-Repubblika ta' Ċipru;

5.  Jinnota li sal-lum ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt xierqa sabiex jiġu vvalutati r-riskji li jirriżultaw mit-trasferimenti ta' data personali lejn ir-Repubblika tat-Turkija fir-rigward tad-drittijiet ta' individwi għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, iżda wkoll fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali oħra protetti mill-Karta; jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt xierqa sabiex tiddefinixxi s-salvagwardji meħtieġa li għandhom jiġu integrati fil-ftehim;

6.  Jinsisti li l-livell ta' protezzjoni li jirriżulta mill-ftehim għandu jkun essenzjalment ekwivalenti għal-livell ta' protezzjoni fid-dritt tal-UE; jisħaq fuq il-punt li, jekk tali livell ma jistax jiġi ggarantit, kemm fil-liġi u kemm fil-prattika, il-ftehim ma jistax jiġi konkluż;

7.  Jitlob li, biex jiġu osservati bis-sħiħ l-Artikolu 8 tal-Karta u l-Artikolu 16 tat-TFUE u biex tiġi evitata kwalunkwe responsabbiltà potenzjali mill-Europol fir-rigward ta' ksur tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data li tirriżulta minn trasferiment ta' data personali mingħajr is-salvagwardji meħtieġa u xierqa, il-ftehim jinkludi dispożizzjonijiet stretti u speċifiċi li jimponu l-osservanza tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop b'kundizzjonijiet ċari għall-ipproċessar tad-data personali trażmessa;

8.  Jitlob il-Linja Gwida B tiġi kkompletata biex tindika espressament il-ftehim li l-Europol, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar il-Europol, għandu jirrispetta kwalunkwe restrizzjoni imposta fuq data personali trażmessa lill-Europol mill-Istati Membri jew minn fornituri oħra fir-rigward tal-użu u l-aċċess għad-data li se tiġi ttrasferita lir-Repubblika tat-Turkija;

9.  Jitlob li l-ftehim jipprevedi b'mod ċar li kwalunkwe pproċessar ulterjuri għandu dejjem jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel u bil-miktub mill-Europol; jenfasizza li dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu dokumentati mill-Europol u jkunu disponibbli għall-KEPD fuq talba tiegħu; jitlob li l-ftehim ikun fih ukoll dispożizzjoni li tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tat-Turkija jirrispettaw dawn ir-restrizzjonijiet u jispeċifikaw kif il-konformità ma' dawn ir-restrizzjonijiet se tiġi infurzata;

10.  Jinsisti li l-ftehim jinkludi dispożizzjoni ċara u preċiża li tistabbilixxi l-perjodu taż-żamma tad-data personali li ġiet trasferita u li timponi t-tħassir tad-data personali trasferita fi tmiem il-perjodu taż-żamma tad-data; jitlob li jiġu stipulati miżuri proċedurali fil-ftehim li biex tiġi żgurata l-konformità; jinsisti li, f'każijiet eċċezzjonali, fejn ikun hemm raġunijiet debitament ġustifikati għall-ħżin tad-data għal perjodu estiż, lil hinn mill-iskadenza tal-perjodu taż-żamma tad-data, dawn ir-raġunijiet u d-dokumentazzjoni ta' akkumpanjament jiġu kkomunikati lill-Europol u l-KEPD;

11.  Jistenna li l-kriterji inklużi fil-Premessa 71 tad-Direttiva (UE) 2016/680 jiġu applikati, jiġifieri t-trasferimenti ta' data personali għandhom jitwettqu b'mod konformi mal-obbligi ta' kunfidenzjalità tal-awtoritajiet Torok kompetenti li jirċievu d-data personali mill-Europol kif ukoll mal-prinċipju tal-ispeċifiċità, u li d-data personali mhijiex se tintuża f'kwalunkwe każ biex tintalab, tingħata jew tiġi eżegwita l-piena tal-mewt jew kwalunkwe forma oħra ta' trattament krudili u inuman;

12.  Iqis li l-kategoriji ta' reati li għalihom id-data personali se tiġi skambjata jeħtieġ li jkunu definiti b'mod ċar u mniżżla fil-ftehim internazzjonali stess, f'konformità mad-definizzjonijiet ta' reati kriminali tal-UE meta jkunu disponibbli; jisħaq fuq il-punt li din il-lista għandha tiddefinixxi b'mod ċar u preċiż l-attivitajiet koperti minn tali reati, u l-persuni, il-gruppi u l-organizzazzjonijiet li aktarx jiġu affettwati mit-trasferiment;

13.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiddefinixxu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) u fis-sens tal-Artikolu 8(3) tal-Karta, mal-Gvern tat-Turkija, liema awtorità superviżorja indipendenti għandha tkun responsabbli biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim internazzjonali; iħeġġeġ li tali awtorità tiġi identifikata u stabbilita qabel ma jidħol fis-seħħ il-ftehim internazzjonali; jinsisti li l-isem ta' din l-awtorità jiġi espressament inkluż f'anness mal-ftehim;

14.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tkun kawta dwar il-profondità tar-riskji maħluqa mit-trasferiment ta' data personali lit-Turkija, minħabba l-ilmenti frekwenti min-naħa taċ-ċittadini dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tat-Turkija;

15.  Iqis li għandu jkun possibbli għal kull parti kontraenti li tissospendi jew tirrevoka l-ftehim internazzjonali jekk ikun hemm ksur tiegħu, u li l-korp superviżorju indipendenti għandu jkollu wkoll is-setgħa li jissuġġerixxi li l-ftehim jiġi sospiż jew itterminat f'każ ta' ksur tiegħu; iqis li kwalunkwe data personali li tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim u li tkun ġiet trasferita qabel is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tiegħu tista' tkompli tiġi pproċessata b'mod konformi mal-ftehim; iqis li evalwazzjoni perjodika tal-ftehim għandha tkun stabbilita sabiex tevalwa l-konformità tas-sħab mal-ftehim;

16.  Huwa tal-fehma li definizzjoni ċara tal-kunċett ta' każijiet individwali hija meħtieġa, minħabba li dan il-kunċett huwa neċessarju biex jiġu vvalutati n-neċessità u l-proporzjonalità tat-trasferimenti tad-data; jissottolinja li din id-definizzjoni għandha tirreferi biss għall-investigazzjonijiet kriminali effettivi u mhux għall-operazzjonijiet ta' intelligence kriminali immirati lejn individwi kkunsidrati bħala suspettati;

17.  Huwa tal-fehma li l-kunċett ta' raġunijiet raġonevoli jeħtieġ li jiġi ddefinit għall-valutazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tat-trasferimenti ta' data; jenfasizza li din id-definizzjoni għandha tirreferi għal investigazzjonijiet kriminali reali;

18.  Jisħaq fuq il-punt li d-data trasferita lil awtorità riċeventi qatt ma tista' tiġi pproċessata ulterjorment minn awtoritajiet oħrajn u li, għal dan il-għan, għandha titfassal lista eżawrjenti tal-awtoritajiet kompetenti fir-Repubblika tat-Turkija li lilhom l-Europol jista' jittrasferixxi d-data, inkluża deskrizzjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet; iqis li kwalunkwe modifika għal tali lista li tissostitwixxi jew iżżid awtorità kompetenti ġdida tkun teħtieġ reviżjoni tal-ftehim internazzjonali;

19.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi indikat espressament li t-trasferimenti suċċessivi ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tat-Turkija lil awtoritajiet oħra fir-Repubblika tat-Turkija jistgħu biss jippermettu li jiġi ssodisfat l-għan oriġinali tat-trasferiment mill-Europol u dawn għandhom dejjem jiġu kkomunikati lill-awtorità indipendenti, il-KEPD u l-Europol;

20.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi indikat espressament li t-trasferimenti suċċessivi ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tat-Turkija lil pajjiżi oħra huma projbiti u jirriżultaw fit-terminazzjoni immedjata tal-ftehim internazzjonali;

21.  Iqis li l-ftehim internazzjonali mar-Repubblika tat-Turkija għandu jinkludi d-dritt tas-suġġetti tad-data għal informazzjoni, rettifika u tħassir kif previst f'leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

22.  Josserva li t-trasferiment ta' data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union, id-data ġenetika jew id-data dwar is-saħħa u l-ħajja sesswali huwa estremament sensittiv u jagħti lok għal tħassib profond fid-dawl tal-qafas legali, il-karatteristiċi soċjetali u l-isfond kulturali differenti tat-Turkija meta mqabbla mal-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-fatt li l-atti kriminali huma definiti b'mod differenti fl-Unjoni u fit-Turkija; huwa tal-fehma li tali trasferiment ta' data għandu jseħħ biss f'każijiet verament eċċezzjonali u b'salvagwardji ċari għas-suġġett tad-data u l-persuni marbuta mas-suġġett tad-data; iqis li jeħtieġ li jiġu ddefiniti salvagwardji speċifiċi li jkunu jridu jiġu rrispettati min-naħa tat-Turkija fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluż ir-rispett tal-libertà ta' espressjoni, tal-libertà ta' reliġjon u tad-dinjità tal-bniedem;

23.  Jemmen li għandu jiġi inkluż fil-ftehim mekkaniżmu ta' monitoraġġ u li l-ftehim għandu jkun suġġett għal valutazzjonijiet perjodiċi biex jiġu evalwati l-funzjonament tiegħu bi rbit mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-Europol kif ukoll il-konformità tiegħu mad-drittijiet u mal-prinċipji Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tfittex il-parir tal-KEPD qabel il-finalizzazzjoni tal-ftehim internazzjonali bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 2016/794 u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001;

25.  Jisħaq fuq il-punt li l-kunsens tal-Parlament għall-konklużjoni tal-ftehim se jiddependi fuq l-involviment sodisfaċenti tal-Parlament fl-istadji kollha tal-proċedura skont l-Artikolu 218 tat-TFUE;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvern tar-Repubblika tat-Turkija.

(1) ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.
(2) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(3) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(4) ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.
(5) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0366.
(7) Id-Dokument ta' Programmazzjoni tal-Europol 2018-2020 adottat mill-Bord ta' Amministrazzjoni tal-Europol fit-30 ta' Novembru 2017, EDOC# 856927v18.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza