– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000 (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"), li ġiet ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea(1), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017(2) u tat-13 ta' Diċembru 2017(3) dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tad-29 ta' April 2017 maħruġa wara n-notifika mir-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-TUE u l-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tistabbilixxi direttivi għan-negozjar ta' ftehim mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt min-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit tat-8 ta' Diċembru 2017 dwar il-progress fl-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE dwar il-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, u l-abbozz tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tal-15 ta' Diċembru 2017 u l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Jannar 2018 li tissupplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-għan tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u r-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) huwa li jagħmlu provvediment għall-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-UE;
B. billi l-Artikolu 50 tat-TUE jiddikjara li l-arranġamenti għall-ħruġ tar-Renju Unit għandhom iqisu l-qafas għar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni;
C. billi, minħabba l-fatt li f'Diċembru 2017 inkiseb biżżejjed progress fin-negozjati dwar kwistjonijiet ta' separazzjoni, huwa xieraq li n-negozjati jkunu jistgħu issa jittrattaw il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit, dejjem jekk isir progress korrispondenti fin-negozjati dwar l-abbozz tal-Ftehim dwar il-Ħruġ imfassal mill-Kummissjoni;
D. billi dawn in-negozjati jistgħu jibdew biss ladarba l-Kap Negozjatur tal-UE jkun ingħata mandat mill-istituzzjonijiet tal-UE biex jibdiehom;
E. billi kwalunkwe ftehim dwar qafas għal relazzjonijiet futuri se jiġi ttrattat bħala parti integrali mill-ftehim globali dwar il-ħruġ u se jinforma d-deliberazzjonijiet tal-Parlament Ewropew matul il-proċedura ta' approvazzjoni tiegħu;
F. billi huwa fl-interessi tal-partijiet kollha li l-qafas għar-relazzjonijiet futuri jkun iddettaljat kemm jista' jkun;
G. billi r-Renju Unit se jsir pajjiż terz wara l-ħruġ, ikun xi jkun il-qafas li jsir qbil dwaru għar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-UE;
H. billi, minbarra l-elementi inklużi fin-notifika tar-Renju Unit tad-29 ta' Marzu 2017 li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru tar-Renju Unit tat numru ta' diskorsi – f'Lancaster House fis-17 ta' Jannar 2017, f'Firenze fit-22 ta' Settembru 2017, fi Munich fis-17 ta' Frar 2018 u, l-aktar reċenti, f'Mansion House fit-2 ta' Marzu 2018; billi għadha ma ddeskrivitx viżjoni konsistenti tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit;
I. billi r-Renju Unit u l-UE se jibqgħu ġirien imqarrba u se jibqa' jkollhom ħafna interessi komuni; billi relazzjoni mqarrba ta' dan it-tip fil-forma ta' ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit tista' titqies bħala qafas xieraq għar-relazzjonijiet futuri, li permezz tiegħu dawn l-interessi komuni jistgħu jkunu protetti u promossi, inkluża relazzjoni kummerċjali ġdida;
J. billi l-vantaġġ ta' ftehim ta' assoċjazzjoni għar-relazzjonijiet futuri huwa li dan jipprovdi qafas flessibbli li jippermetti livelli differenti ta' kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika; billi dik il-kooperazzjoni se tirrikjedi li ż-żewġ partijiet iżommu standards għoljin u l-impenji internazzjonali tagħhom f'għadd ta' oqsma ta' politika;
K. billi huwa kruċjali li l-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim ŻEE), ikunu salvagwardjati;
L. billi l-UE u r-Renju Unit, bħala Stat Membru li se joħroġ mill-UE, għandhom obbligu sovrastanti li jiżguraw approċċ komprensiv u reċiproku biex iħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u dawk taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE-27;
M. billi, bil-għan li jippreserva l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira tal-1998 fil-partijiet kollha tiegħu u d-drittijiet tal-poplu tal-Irlanda ta' Fuq, ir-Renju Unit jeħtieġlu jirrispetta l-impenji tiegħu biex jiżgura li l-fruntiera fil-gżira tal-Irlanda ma titwebbisx, u dan jista' jsir jew permezz ta' proposti dettaljati li jitressqu fin-negozjati dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit, fil-forma ta' soluzzjonijiet speċifiċi għall-Irlanda ta' Fuq, jew inkella permezz ta' allinjament regolatorju kontinwu mal-acquis tal-UE;
N. billi se jkunu meħtieġa arranġamenti tranżizzjonali li jinvolvu l-estensjoni fiż-żmien tal-acquis sħiħ tal-UE biex jevitaw xenarju ta' xifer l-irdum meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE, u biex jagħtu lin-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit il-possibbiltà li jinnegozjaw ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri;
O. billi huwa xieraq li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, flimkien ma' istituzzjonijiet pubbliċi u privati, iwettqu ħidma biex jippreparaw ruħhom għal kull eventwalità li tista' tinqala' bħala riżultat tan-negozjati;
P. billi l-għaqda tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri hija kruċjali sabiex jiddefendu l-interessi tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha matul il-fażijiet sussegwenti tan-negozjati, b'mod partikolari rigward il-qafas għar-relazzjonijiet futuri, iżda wkoll biex jiżguraw li dawk in-negozjati jiġu konklużi b'suċċess u f'waqthom;
1. billi l-Artikolu 50(2) tat-TUE jiddikjara li l-ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ ta' Stat Membru għandu jqis il-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-UE;
2. Jinnota li tali qafas għar-relazzjonijiet futuri għandu jieħu l-forma ta' dikjarazzjoni politika assoċjata mal-Ftehim dwar il-Ħruġ; jenfasizza li, meta jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Parlament Ewropew se jivvaluta l-kontenut tad-dikjarazzjoni;
3. Itenni li ftehim internazzjonali dwar ir-relazzjoni l-ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit jista' jiġi nnegozjat formalment biss ladarba r-Renju Unit ikun ħareġ mill-UE u jkun sar pajjiż terz; ifakkar li dan il-ftehim jista' jiġi konkluż biss bl-involviment sħiħ u bl-approvazzjoni finali tal-Parlament Ewropew;
4. Ifakkar li l-Parlament Ewropew mhux se jaċċetta qafas għar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit sakemm dan il-qafas ma jkunx bi qbil strett mal-prinċipji li ġejjin:
–
li pajjiż terz ma jridx ikollu l-istess drittijiet u benefiċċji ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew ta' membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) jew taż-ŻEE,
–
li l-integrità u l-funzjonament korrett tas-suq intern, tal-unjoni doganali u tal-erba' libertajiet ikunu protetti, bla ma jkun permess approċċ li jittratta s-setturi wieħed wieħed,
–
li l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE tkun ippreservata,
–
li l-ordinament ġuridiku tal-UE u r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) ikunu salvagwardjati,
–
li tkompli l-aderenza mal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif definiti b'mod partikolari fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Protokolli tagħha, fil-Karta Soċjali Ewropea, fl-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u fi trattati internazzjonali oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ir-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt,
–
li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi, b'mod partikolari fir-rigward tal-aderenza kontinwa tar-Renju Unit mal-istandards stipulati minn obbligi internazzjonali u mil-leġiżlazzjoni u mill-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-kompetizzjoni ġusta u bbażata fuq ir-regoli, inklużi l-għajnuna mill-Istat, id-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema, u speċjalment livelli ekwivalenti ta' protezzjoni soċjali u salvagwardji kontra d-dumping soċjali, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-konsumaturi, is-saħħa pubblika, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, it-taxxa, inkluża l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus, u l-protezzjoni tad-data u l-privatezza, flimkien ma' mekkaniżmu ta' infurzar ċar li jiżgura l-konformità,
–
li l-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jkunu salvagwardjati, inkluż il-Ftehim taż-ŻEE, u jinżamm il-bilanċ globali ta' dawn ir-relazzjonijiet,
–
li l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u l-konformità mas-sistema u l-istandards regolatorji u superviżorji tagħha, kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom, ikunu salvagwardjati,
–
li jkun hemm bilanċ korrett bejn drittijiet u obbligi, inklużi, fejn ikunu xierqa, kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti;
5. Itenni li ftehim ta' assoċjazzjoni nnegozjat u maqbul bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-ħruġ ta' dan tal-aħħar skont l-Artikolu 8 tat-TUE u l-Artikolu 217 tat-TFUE jista' jipprovdi qafas xieraq għar-relazzjonijiet futuri, u jista' jiżgura qafas ta' governanza konsistenti, li għandu jinkludi mekkaniżmu b'saħħtu għas-soluzzjoni tat-tilwim, u b'hekk jevita l-proliferazzjoni ta' ftehimiet bilaterali u n-nuqqasijiet li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tal-UE mal-Iżvizzera;
6. Jipproponi li din ir-relazzjoni futura tkun ibbażata fuq l-erba' pilastri li ġejjin:
–
ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi,
–
il-politika barranija, il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp,
–
is-sigurtà interna,
–
il-kooperazzjoni tematika;
Qafas għar-relazzjoni futura
7. Jinnota li, fid-dawl tal-bażi kondiviża ta' valuri komuni tal-UE u tar-Renju Unit, tar-rabtiet mill-qrib tagħhom u tal-allinjament regolatorju kurrenti fi kważi l-oqsma kollha, tal-qrubija ġeografika u tal-istorja komuni tagħhom, inkluż il-fatt li r-Renju Unit kien Stat Membru tal-UE għal aktar minn 40 sena, u wkoll tar-rwol tar-Renju Unit bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u membru tan-NATO, ir-Renju Unit ser jibqa' sieħeb importanti għall-UE fl-erba' pilastri msemmija hawn fuq, u li huwa fl-interess reċiproku taż-żewġ partijiet li jistabbilixxu sħubija li tiżgura l-kooperazzjoni kontinwa;
8. Jinnota, madankollu, li tali kooperazzjoni mir-Renju Unit bħala pajjiż terz tista' ssir biss f'konformità mal-prinċipji msemmija fil-paragrafu 4 ta' din ir-riżoluzzjoni; ifakkar li l-UE għandha regoli komuni vinkolanti, istituzzjonijiet komuni u mekkaniżmi komuni ta' sorveljanza, infurzar u aġġudikazzjoni, u li pajjiżi terzi, anke dawk b'leġiżlazzjoni identika jew b'allinjament regolatorju sħiħ, ma jistgħux igawdu l-istess benefiċċji jew aċċess għas-suq bħall-Istati Membri tal-UE, pereżempju rigward l-erba' libertajiet u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-baġit tal-UE;
9. Iqis li l-ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri għandu jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-moviment ta' ċittadini mill-UE għar-Renju Unit u mir-Renju Unit għall-UE wara l-perjodu ta' tranżizzjoni, li għandu jkun mill-inqas korrispondenti għal-livell ta' kooperazzjoni fl-erba' pilastri t'hawn taħt;
10. Ifakkar li kwalunkwe ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit se jkun jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew jenfasizza li huwa għandu jinżamm informat b'mod immedjat u sħiħ waqt l-istadji kollha tal-proċedura f'konformità mal-Artikoli 207, 217 u 218 tat-TFUE u mal-ġurisprudenza relevanti;
(i)
Relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi
11. Itenni li s-sħubija tar-Renju Unit fis-suq intern u fl-unjoni doganali tkun l-aħjar soluzzjoni kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall-UE-27, u li hija l-unika waħda li tista' tiggarantixxi t-tkomplija ta' kummerċ bla frizzjoni u tippreserva bis-sħiħ il-benefiċċji tar-relazzjonijiet ekonomiċi tagħna; ifakkar li l-parteċipazzjoni fis-suq intern tirrikjedi aderenza sħiħa mal-erba' libertajiet u inkorporazzjoni tar-regoli korrispondenti tal-UE, kundizzjonijiet ekwi, inkluż permezz ta' kompetizzjoni u sistema tal-għajnuna mill-Istat, ġurisprudenza vinkolanti tal-QtĠ-UE u kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-UE; jinnota li l-unjoni doganali tneħħi l-ostakli tariffarji u xi kontrolli doganali, iżda tirrikjedi konformità mal-politika kummerċjali tal-UE u fruntiera esterna komuni; jieħu nota li l-Gvern tar-Renju Unit qed ikompli jeskludi kemm is-suq intern kif ukoll l-unjoni doganali;
12. Jinnota li ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva teħtieġ mekkaniżmu vinkolanti għal konverġenza mal-acquis tal-UE u rwol vinkolanti għall-QtĠ-UE fl-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u ma tippermettix l-għażla selettiva ta' setturi tas-suq intern;
13. Jikkunsidra li l-pożizzjoni kurrenti tar-Renju Unit hija kompatibbli biss ma' ftehim kummerċjali skont l-Artikolu 207 tat-TFUE, li jista' jifforma l-pilastru kummerċjali u ekonomiku ta' ftehim ta' assoċjazzjoni; jinsab lest li jaħdem mar-Renju Unit abbażi tal-mudelli l-oħrajn imsemmija hawn fuq, dment li r-Renju Unit jerġa' jikkunsidra l-linji ħomor kurrenti tiegħu;
14. Ifakkar li l-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles reċenti kollha huma bbażati fuq tliet partijiet ewlenin: l-aċċess għas-suq, il-kooperazzjoni regolatorja, u r-regoli; jissottolinja li, b'żieda mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 4 hawn fuq:
–
il-livell ta' aċċess għas-suq tal-UE jrid jikkorrispondi għall-grad ta' konverġenza kontinwa mar-regoli u mall-istandards tekniċi tal-UE u ta' allinjament magħhom, bl-ebda provvediment għal kwalunkwe approċċ settur b'settur, u jrid jippreserva l-integrità tas-suq intern,
–
l-awtonomija tal-UE ft-tfassil tad-dritt u tal-istandards tal-UE, flimkien mar-rwol tal-QtĠ-UE bħala l-uniku interpretu tad-dritt tal-UE, iridu jiġu ggarantiti,
–
jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u l-istandards tal-UE jiġu salvagwardjati sabiex tiġi evitata ġirja lejn il-qiegħ u ma jitħalliex isir arbitraġġ regolatorju mill-operaturi tas-suq,
–
ir-regoli tal-oriġini għandhom jiġu bbażati fuq ir-regoli preferenzjali standard tal-UE u l-interessi tal-produtturi tal-UE,
–
l-aċċess reċiproku għas-suq irid jiġi nnegozjat f'konformità sħiħa mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), inkluż għall-prodotti, is-servizzi, l-akkwist pubbliku u – fejn ikun rilevanti – l-investiment dirett barrani, u l-mezzi kollha ta' forniment ta' servizzi, inklużi impenji dwar il-moviment ta' persuni fiżiċi li jaqsmu l-fruntieri (mod 4), u dan l-aċċess irid ikun irregolat f'konformità sħiħa mar-regoli tal-UE f'dak li jirrigwarda l-prinċipji ta' trattament ugwali, speċjalment għall-ħaddiema,
–
il-kooperazzjoni fl-ambitu tar-regolamentazzjoni, b'enfasi speċifika fuq l-SMEs, fil-qies tan-natura volontarja tal-kooperazzjoni regolatorja u d-dritt ta' regolamentazzjoni fl-interess pubbliku, filwaqt li jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni regolatorja fi ftehim kummerċjali ma jistgħux jirreplikaw b'mod sħiħ l-istess kummerċ bla frizzjoni bħal dak li tipprovdi s-sħubija fis-suq intern;
15. Jenfasizza li dan il-ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit għandu jissalvagwardja l-qafas tar-relazzjonijiet kummerċjali li jeżistu bejn l-UE u l-pajjiżi terzi u jevita kull parassitiżmu billi jiżgura l-konsistenza fiż-żamma ta' sistema adatta ta' tariffi u kwoti u regoli ta' oriġini għall-prodotti fil-konfront ta' pajjiżi terzi;
16. Jissottolinja li, fl-ambitu ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, l-aċċess tas-servizzi għas-suq huwa limitat u dejjem soġġett għal esklużjonijiet, riżervi u eċċezzjonijiet;
17. Jissottolinja li l-ħruġ mis-suq intern iwassal biex ir-Renju Unit jitlef kemm id-drittijiet ta' passaport għas-servizzi finanzjarji kif ukoll il-possibbiltà li jiftaħ fergħat fl-UE li jkunu soġġetti għas-superviżjoni tar-Renju Unit; ifakkar li l-leġiżlazzjoni tal-UE tipprevedi, f'ċerti oqsma, il-possibbiltà li r-regoli ta' pajjiżi terz jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti abbażi ta' approċċ proporzjonat u bbażat fuq ir-riskju, u jinnota l-ħidma leġiżlattiva li għaddejja u l-proposti ġejjiena tal-Kummissjoni f'dan il-qasam; jenfasizza li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza huma dejjem ta' natura unilaterali; jenfasizza wkoll li, sabiex titħares l-istabbiltà finanzjarja u tiġi żgurata konformità sħiħa mar-reġim regolatorju u mal-istandards tal-UE u l-applikazzjoni tagħhom, esklużjonijiet prudenzjali u limitazzjonijiet dwar il-forniment transfruntiera ta' servizzi finanzjarji jokkorru spiss fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles;
18. Jissottolinja li ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit għandu jinkludi mekkaniżmu b'saħħtu għas-soluzzjoni tat-tilwim kif ukoll strutturi ta' governanza; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-kompetenza tal-QtĠ-UE fl-interpretazzjoni ta' kwistjonijiet marbuta mad-dritt tal-UE;
19. Ifakkar li l-pożizzjoni kurrenti u l-linji ħomor tar-Renju Unit iwasslu għal kontrolli u verifiki doganali li jaffettwaw il-katini ta' provvista globali u l-proċessi ta' manifattura, anke jekk l-ostakli tariffarji jistgħu jiġu evitati; jissottolinja l-importanza ta' livell għoli ta' allinjament bejn iż-Żona Unika tal-VAT fl-UE u fir-Renju Unit; jemmen li kwistjonijiet ta' tassazzjoni għandhom jiġu inklużi fi kwalunkwe ftehim ieħor bejn ir-Renju Unit u l-UE biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit u t-territorji dipendenti tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva;
20. Itenni li, fir-rigward ta' prodotti alimentari u agrikoli, l-aċċess għas-suq tal-UE huwa marbut ma' konformità stretta mad-dritt u mal-istandards kollha tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tas-sigurtà tal-ikel, l-OĠM, il-pestiċidi, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-benessri tal-annimali, it-tikkettar u t-traċċabbiltà, l-istandards sanitarji u fitosanitarji, u s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti;
(ii)
Il-politika barranija, il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp
21. Jinnota li, fir-rigward tal-politika estera u ta' sigurtà komuni, ir-Renju Unit bħala pajjiż terz mhux se jkun jista' jieħu sehem fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u li l-pożizzjonijiet u l-azzjonijiet komuni tal-UE jistgħu jiġu adottati biss mill-Istati Membri tal-UE; jirrimarka, madankollu, li dan ma jeskludix mekkaniżmi ta' konsultazzjoni li jippermettu li r-Renju Unit jallinja ruħu mal-pożizzjonijiet ta' politika barranija tal-UE, mal-azzjonijiet konġunti, b'mod partikolari dwar id-drittijiet tal-bniedem, jew mal-kooperazzjoni multilaterali, speċjalment fl-oqfsa tan-NU, tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa; jappoġġja l-koordinazzjoni dwar il-politika ta' sanzjonijiet u l-implimentazzjoni tagħha, inklużi embargos fuq l-armi u l-Pożizzjoni Komuni dwar l-esportazzjoni tal-armi;
22. Jenfasizza li sħubija bħal din tista' tiġi stabbilita fl-ambitu tal-Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni li jamministra r-rwol ta' pajjiżi terzi, biex b'hekk ikun possibbli li r-Renju Unit jieħu sehem f'missjonijiet ċivili u militari tal-UE (bl-ebda rwol ta' tmexxija għar-Renju Unit) u f'operazzjonijiet, programmi u proġetti, fl-iskambju ta' informazzjoni, fit-taħriġ u fl-iskambju ta' persunal militari, u fil-kollaborazzjoni dwar il-politika dwar l-armamenti, inklużi proġetti żviluppati fil-kuntest tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO); jissottolinja li tali parteċipazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet, id-deċiżjonijiet u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, inkluż dwar l-akkwist pubbliku u t-trasferimenti fil-qasam tad-difiża, u għandha tkun konsistenti magħhom; jafferma li din il-kooperazzjoni tiddependi minn konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali u d-drittijiet fundamentali tal-UE;
23. Jinnota li kwalunkwe kooperazzjoni fl-oqsma msemmija hawn fuq li tinvolvi l-iskambju ta' informazzjoni klassifikata tal-UE, inkluż dwar l-intelligence, tiddependi minn ftehim dwar informazzjoni tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE;
24. Jinnota li, abbażi ta' arranġamenti oħra simili ma' pajjiżi terzi, ir-Renju Unit jista' jieħu sehem fil-programmi tal-Unjoni b'appoġġ għad-difiża u s-sigurtà esterna (bħalma huma l-Fond Ewropew għad-Difiża, Galileo u l-programmi taċ-ċibersigurtà); huwa miftuħ għall-possibbiltà li r-Renju Unit jibqa' jikkontribwixxi għall-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet komuni, speċjalment fil-viċinat komuni;
25. Jinnota li r-Renju Unit huwa attur ewlieni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja u li l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit f'dawn l-oqsma wara l-Brexit tkun ta' benefiċċju għat-tnejn;
(iii)
Is-sigurtà interna
26. Jenfasizza li huwa fl-interess kemm tal-UE kif ukoll tar-Renju Unit li jistabbilixxu sħubija li tiżgura l-kooperazzjoni kontinwa fil-qasam tas-sigurtà sabiex jiffaċċjaw theddidiet komuni, speċjalment it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u li tevita t-tfixkil ta' flussi ta' informazzjoni f'dan il-qasam; jinnota li pajjiżi terzi (barra ż-żona ta' Schengen) ma jibbenefikaw mill-ebda aċċess privileġġjat għall-istrumenti tal-UE, inklużi bażijiet ta' data, f'dan il-qasam, u lanqas ma jistgħu jieħdu sehem fl-istabbiliment ta' prijoritajiet u fl-iżvilupp tal-għanijiet strateġiċi pluriennali jew imexxu pjanijiet ta' azzjoni operazzjonali fil-kuntest taċ-ċiklu tal-politika tal-UE;
27. Jinnota wkoll li, minbarra l-ħtieġa li jitħarsu l-proċeduri u l-investigazzjonijiet li jkunu għadhom għaddejjin li jinvolvu lir-Renju Unit, permezz ta' arranġamenti tranżitorji, iridu jinstabu arranġamenti separati mar-Renju Unit bħala pajjiż terz rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, inkluż dwar l-estradizzjoni u l-assistenza ġuridika reċiproka, minflok arranġamenti tal-lum bħall-Mandat ta' Arrest Ewropew;
28. Huwa tal-fehma li kooperazzjoni futura tista' tiġi żviluppata fuq il-bażi ta' -arranġamenti ta' pajjiż terz li mhux parti minn Schengen li jippermettu l-iskambju ta' data rilevanti għas-sigurtà u l-kooperazzjoni operazzjonali mal-korpi u l-mekkaniżmi tal-UE (bħall-Europol u l-Eurojust);
29. Jenfasizza li din il-kooperazzjoni għandha tipprovdi ċertezza ġuridika, trid tkun ibbażata fuq salvagwardji fir-rigward tad-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u trid tipprovdi livell ta' protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dak tal-Karta; jenfasizza, barra minn hekk, li l-kooperazzjoni għandha tirrispetta bis-sħiħ l-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE u sserraħ fuq infurzar u soluzzjoni tat-tilwim effikaċi; iqis li huwa neċessarju li tinstab soluzzjoni li tirregola l-iskambju ta' data fil-ġejjieni bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, l-intelligence u l-operazzjonijiet kontra t-terroriżmu; jissottolinja li deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni tkun l-għażla preferuta u l-aktar sigura; ifakkar fil-fatt li, fi kwalunkwe każ, ir-Renju Unit irid jipprovdi livell ta' protezzjoni tad-data li jkun sod daqs ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;
(iv)
Kooperazzjoni tematika
30. Jissottolinja li l-prinċipji mfissra fil-paragrafu 4 hawn fuq għandhom ukoll japplikaw b'mod sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni futura mar-Renju Unit f'għadd ta' oqsma ta' interess komuni; jenfasizza li tali ftehimiet ikunu jeħtieġu li jilħqu bilanċ bejn drittijiet u obbligi proporzjonati ma' dawk ta' ftehimiet simili ma' pajjiżi terzi oħra, iżda li jqisu l-qrubija ġeografika u r-rabtiet mill-qrib bejn l-UE u r-Renju Unit;
31. Jemmen li, fid-dawl tal-prinċipji u l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, u fl-interess tal-passiġġieri, it-trasportaturi tal-ajru, il-manifatturi u l-unions tal-ħaddiema, il-konnettività trid tiġi żgurata permezz ta' ftehim dwar it-trasport bl-ajru u ftehim dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni; jenfasizza, madankollu, li l-livell ta' aċċess għas-suq jiddependi mil-livell ta' konverġenza regolatorja u ta' allinjament mal-acquis tal-UE, u mill-istabbiliment ta' mekkaniżmu solidu għas-soluzzjoni tat-tilwim u l-arbitraġġ; ma jeskludix, barra minn hekk, kooperazzjoni futura mar-Renju Unit biex jiġu appoġġjati proġetti ta' interess komuni fis-settur tat-trasport;
32. Jqis, fir-rigward tas-sajd, li għandu jiġi nnegozjat ftehim ta' sħubija bilaterali f'sura ġdida għal pajjiż terz bil-għan li jinżamm livell għoli ta' kooperazzjoni, koerenza u konverġenza, li jiġi żgurat aċċess reċiproku, stabbli u kontinwu għall-ibħra u r-riżorsi skont il-prinċipjiu d-dispożizzjonijiet ta' governanza tal-politika komuni tas-sajd, u l-ġestjoni sostenibbli ta' stokkijiet kondiviżi sabiex il-popolazzjonijiet ta' dawn l-istokkijiet jitreġġgħu għal livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli u jinżammu f'dawk il-livelli; jissottolinja li l-ġestjoni komuni tal-istokkijiet kondiviżi tirrikjedi li r-Renju Unit jibqa' jikkontribwixxi għall-valutazzjoni xjentifika ta' dawk l-istokkijiet; jisħaq, madankollu, li l-aċċess reċiproku għas-suq għal prodotti tas-sajd għandu jiġi nnegozjat bħala parti mill-ftehim futur, u li l-aċċess għas-suq domestiku tal-UE jrid jiddependi mill-aċċess li l-bastimenti tal-UE jkollhom għaż-żoni tas-sajd tar-Renju Unit u għar-riżorsi tagħhom, kif ukoll mil-livell ta' kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-istokkijiet kondiviżi;
33. Jissottolinja l-valur tal-kooperazzjoni kulturali u edukattiva, inklużi t-tagħlim u l-mobbiltà taż-żgħażagħ, kif ukoll l-importanza tal-industriji kulturali u kreattivi, biex jgħinu lill-UE tapprofondixxi r-rabtiet ma' pajjiżi ġirien, u jilqa' kooperazzjoni kontinwa bejn l-UE u r-Renju Unit f'dawk l-oqsma, inkluż permezz ta' programmi rilevanti bħal Erasmus jew Ewropa Kreattiva;
34. Jista' jikkunsidra, fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit bħala pajjiż terz fil-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u fil-programmi spazjali tal-UE, mingħajr ma jippermetti kwalunkwe trasferiment nett mill-baġit tal-UE għar-Renju Unit, jew kwalunkwe rwol ta' teħid ta' deċiżjonijiet għar-Renju Unit;
35. Jemmen li l-aħjar soluzzjoni għall-ambjent, għall-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima, għas-saħħa pubblika u għas-sikurezza tal-ikel tkun dik fejn ir-Renju Unit jibqa' allinjat b'mod sħiħ mal-leġiżlazzjoni attwali u futura tal-UE, inkluża l-aderenza għal impenji u miri għall-2030 li diġà ntlaħaq qbil dwarhom fl-ambitu tal-pakkett dwar l-Arja Nadifa u l-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa; madankollu, jekk dan ma jkunx il-każ, jitlob li jkun hemm arranġamenti bejn l-UE u r-Renju Unit li jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib u standards għoljin dwar dawn il-kwistjonijiet u li jindirizzaw kwistjonijiet ambjentali transfruntiera; jenfasizza li kwalunkwe kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE f'dawn l-oqsma trid tkun ibbażata fuq ftehimiet bilaterali;
36. Jista' jikkunsidra li jsiru arranġamenti simili ta' pajjiżi terzi fl-oqsma tal-enerġija, il-komunikazzjoni elettronika, iċ-ċibersigurtà u l-ICT; huwa tal-fehma li, fir-rigward tas-settur tal-enerġija, kwalunkwe arranġament bħal dan għandu jirrispetta l-integrità tas-suq intern tal-enerġija, jikkontribwixxi għas-sigurtà, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-enerġija u jieħu kont tal-interkonnetturi bejn l-UE u r-Renju Unit; jistenna li r-Renju Unit jikkonforma mal-ogħla standards tal-protezzjoni għas-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni mir-radjazzjoni nukleari, inklużi l-vjeġġi ta' skart u d-dekummissjonar;
37. Jemmen li l-programm PEACE tal-UE, li għandu l-għan li jsaħħaħ soċjetà paċifika u stabbli billi jrawwem ir-rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq u fir-reġjun tal-Fruntiera tal-Irlanda, għandu jinżamm bil-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni min-naħa tar-Renju Unit;
(v)
Governanza tal-ftehim futur
38. Jirrimarka li kwalunkwe ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit, bir-Renju Unit bħala pajjiż terz, għandu jinkludi l-istabbiliment ta' sistema ta' governanza koerenti u solida bħala qafas ġenerali għall-erba' pilastri, li tkopri s-superviżjoni/il-ġestjoni kontinwa konġunta tal-ftehim u s-soluzzjoni tat-tilwim u l-mekkaniżmi ta' infurzar fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim;
39. Jinsisti fuq il-ħtieġa assoluta li din is-sistema ta' governanza tippreserva bis-sħiħ l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-ordinament ġuridiku tal-UE, inkluż ir-rwol tal-QtĠ-UE bħala l-uniku interpretu tad-dritt tal-UE;
40. Jisħaq li t-tfassil tal-arranġamenti ta' governanza għandu jkun proporzjonat man-natura, mal-ambitu u mal-profondità tar-relazzjonijiet futuri u jieħu kont tal-livell ta' interkonnessjoni, kooperazzjoni u qrubija;
41. Jaqbel mal-idea li jitwaqqaf kumitat konġunt li jkollu r-responsabbiltà li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim, jindirizza d-diverġenzi fl-interpretazzjoni, jimplimenta l-miżuri korrettivi miftiehma in buona fede u jiżgura bis-sħiħ l-awtonomija regolatorja tal-UE, inklużi l-prerogattivi leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; jissottolinja li r-rappreżentanti tal-UE fuq dan il-kumitat għandhom ikunu soġġetti għal mekkaniżmi ta' responsabbiltà adegwati li jinvolvu lill-Parlament Ewropew;
42. Iqis li, għad-dispożizzjonijiet ibbażati fuq kunċetti li joħorġu mid-dritt tal-UE, l-arranġamenti ta' governanza għandhom jipprevedu r-rinviju quddiem il-QtĠ-UE; itenni li, għall-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim li ma jirrigwardawx id-dritt tal-Unjoni, jista' biss ikun previst mekkaniżmu għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim jekk dan joffri garanziji ta' indipendenza u imparzjalità ekwivalenti għal dawk tal-QtĠ-UE;
(vi)
Kundizzjonijiet ekwi
43. Ifakkar li r-Renju Unit u t-territorji dipendenti tiegħu għandhom ikomplu jirrispettaw u jimplimentaw l-istandards eżistenti skont l-impenji internazzjonali meħuda, kif ukoll il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni, partikolarment fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 4 hawn fuq, b'mod li jirrifletti l-firxa u l-profondità tar-relazzjonijiet futuri; jinnota l-vantaġġi li jinżamm allinjament regolatorju bbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;
44. Jinnota li l-wisa' u l-profondità tal-ftehim, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kundizzjonijiet ekwi, se jkunu essenzjali biex tiġi ddeterminata l-firxa tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit; ifakkar li l-impenn tar-Renju Unit li jibqa' josserva l-mudell soċjali Ewropew se jkollu rwol kruċjali f'dan;
45. Jemmen bis-sħiħ li r-Renju Unit għandu jirrispetta l-istandards li qed jevolvu fil-qasam tat-tassazzjoni u l-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus fl-acquis tal-Unjoni, inklużi t-trasparenza tat-taxxa, l-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' taxxa u l-miżuri kontra l-evitar tat-taxxa, u għandu jindirizza s-sitwazzjoni tat-territorji dipendenti u n-nuqqas ta' konformità tagħhom mal-kriterji ta' governanza tajba u r-rekwiżiti ta' trasparenza tal-UE; jinsisti li l-aċċess għall-unjoni doganali għandu jkun marbut strettament mal-allinjament tar-Renju Unit mal-istandards imsemmija hawn fuq;
46. Itenni l-ħtieġa li jiġu stabbiliti salvagwardji li jiżguraw iż-żamma ta' standards għoljin u kundizzjonijiet ekwi fl-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent, l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima, is-sikurezza tal-ikel u s-saħħa pubblika; jissottolinja li ċ-ċittadini u l-NGOs jeħtieġ jingħataw garanzija ta' aċċess għall-ġustizzja u mekkaniżmu xieraq għall-ilmenti fir-rigward tal-infurzar tal-istandards ambjentali u tax-xogħol;
47. Jinnota li, bħall-bqija tal-ftehim, id-dispożizzjonijiet dwar kundizzjonijiet ekwi se jkunu jirrikjedu strutturi ta' governanza robusti li jinkludu mekkaniżmi ta' ġestjoni, superviżjoni, soluzzjoni tat-tilwim u infurzar adegwati, kif ukoll sanzjonijiet u miżuri interim – jekk ikun meħtieġ – u l-obbligu li, skont il-każ, iż-żewġ partijiet joħolqu jew iżommu istituzzjonijiet indipendenti li jkunu kapaċi jissorveljaw u jinfurzaw l-implimentazzjoni b'mod effikaċi;
(vii)
Il-possibbiltà ta' parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE
48. Jenfasizza li biex jipparteċipa fl-azzjonijiet u l-programmi tal-UE, ir-Renju Unit se jkun marbut bir-regoli applikabbli għall-pajjiżi terzi li mhumiex fiż-ŻEE; jissottolinja li l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit trid tkun miftiehma b'mod konġunt mal-UE, b'rispett sħiħ tar-regoli, il-mekkaniżmi u l-kundizzjonijiet rilevanti kollha tal-parteċipazzjoni, inkluż fir-rigward tal-finanzjament, l-implimentazzjoni, il-kontroll u l-kwittanza u mingħajr ma jkunu jistgħu jsiru trasferimenti netti mill-baġit tal-UE għar-Renju Unit;
49. Ifakkar li – bħala regola ġenerali – ir-Renju Unit, bħala pajjiż terz, ma jistax jipparteċipa fl-aġenziji tal-UE jew ikollu aċċess għalihom; jinnota, madankollu, li dan ma jeskludix kooperazzjoni f'każijiet speċifiċi u b'mod regolat strettament, li jirrikjedi konformità mar-regoli u mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji rilevanti kollha; jirrimarka li l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss irid jinkorpora l-konsegwenzi tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit;
Il-Ftehim dwar il-Ħruġ
50. Jilqa' l-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ ippubblikat mill-Kummissjoni fit-28 ta' Frar 2018, li fil-biċċa l-kbira jirrifletti l-fehmiet tal-Parlament; jinnota li dan tħejja abbażi tar-Rapport Konġunt tat-8 ta' Diċembru 2017, maqbul bejn il-partijiet, u abbażi tal-pożizzjonijiet tal-UE dwar kwistjonijiet oħra marbuta mas-separazzjoni;
51. Jilqa' d-dispożizzjonijiet istituzzjonali u l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti fl-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluża s-sospensjoni tal-benefiċċji matul il-perjodu ta' tranżizzjoni kif previst fl-Artikolu 165 tal-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ f'każ li ma jiġux rispettati l-impenji u d-dispożizzjonijiet relatati mal-Ftehim dwar il-Ħruġ;
(i)
Id-drittijiet taċ-ċittadini
52. Jilqa' l-approċċ ġenerali adottat fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini fit-Tieni Parti tal-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ ippubblikat mill-Kummissjoni, iżda jtenni li waħda mill-kwistjonijiet ewlenin għall-approvazzjoni tal-Parlament se tkun li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti kollha fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini u li jiġi żgurat li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu legalment fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu legalment fl-UE-27 ma jkunux affettwati mill-Brexit; jaqbel mal-inklużjoni tar-referenza għall-miżżewġin futuri; jieħu nota tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri amministrattivi għall-kisba ta' status ta' residenza permanenti u jinsisti fuq il-ħtieġa li l-familji jkunu jistgħu jibdew il-proċedura permezz ta' formola waħda li tkun ta' natura dikjarattiva u tpoġġi l-oneru tal-prova fuq l-awtoritajiet tar-Renju Unit; jissottolinja li l-Parlament Ewropew se jara li dawn il-proċeduri jiġu implimentati b'mod effikaċi u jkunu sempliċi, ċari u bla ħlas; jinsisti li jiġi ggarantit id-dritt ta' moviment liberu fl-UE kollha għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li bħalissa jirrisjedu f'xi wieħed mill-Istati Membri tal-UE-27, kif ukoll id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet lokali għaċ-ċittadini kollha koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ; jitlob ukoll li ċ-ċittadini tal-UE koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ jingħataw id-dritt jirritornaw lejn ir-Renju Unit meta jridu tul ħajjithom, li ċ-ċittadini b'diżabilità u dawk li jieħdu ħsiebhom ma jkunux jistgħu jitkeċċew, u li d-drittijiet proċedurali relatati mat-tkeċċija msemmija fid-Direttiva 2004/38/KE u d-drittijiet taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi previsti mid-dritt tal-UE jibqgħu jitħarsu;
53. Jinsisti li, tul il-perjodu ta' tranżizzjoni, iċ-ċittadini kollha tal-UE li jidħlu fir-Renju Unit għandhom igawdu l-istess drittijiet bħal dawk li jkunu waslu qabel il-bidu tal-perjodu ta' tranżizzjoni; jirrifjuta, f'dan il-kuntest, il-proposta magħmula fid-dokument ta' politika ppubblikat dan l-aħħar mill-Gvern tar-Renju Unit li tibqa' tipprevedi diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE li jaslu qabel il-bidu tal-perjodu ta' tranżizzjoni u dawk li jaslu wara;
54. Itenni li bosta ċittadini tar-Renju Unit esprimew oppożizzjoni qawwija għat-telfien tad-drittijiet li jgawdu bħalissa skont l-Artikolu 20 tat-TFUE; jipproponi li l-UE-27 teżamina kif tista' ttaffi dan it-telfien fil-limiti tad-dritt primarju tal-UE filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji ta' reċiproċità, ekwità, simetrija u nondiskriminazzjoni; jinnota r-rinviju reċenti ta' kawża quddiem il-QtĠ-UE, u li kienet tressqet f'qorti Olandiża, dwar iż-żamma tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE għaċ-ċittadini tar-Renju Unit wara l-Brexit;
(ii)
L-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq
55. Jilqa' l-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq fl-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ ippubblikat mill-Kummissjoni li jattiva l-pjan ta' kontinġenza deskritt fir-Rapport Konġunt tat-8 ta' Diċembru 2017; jenfasizza li dan jipprovdi soluzzjoni konkreta biex jibqa' jkun hemm kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u tiġi evitata fruntiera fiżika bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda, li tkun meħtieġa jekk ma tinstab l-ebda alternattiva fil-qafas tar-relazzjonijiet kumplessivi bejn l-UE u r-Renju Unit jew permezz ta' soluzzjonijiet speċifiċi proposti mir-Renju Unit, kif imsemmi fil-paragrafu 49 tar-Rapport Konġunt;
56. Ifakkar l-importanza tal-impenn li ħadet ir-Renju Unit biex tiżgura li ma jkunx hemm tnaqqis fid-drittijiet, inklużi d-drittijiet soċjali u demokratiċi, is-salvagwardji u l-opportunitajiet indaqs, kif stabbilit fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, f'konformità mal-impenji tar-Rapport Konġunt; jinsisti fuq it-traspożizzjoni tal-elementi kollha taż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar u l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE, kif minquxa fid-dritt tal-UE u fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira;
(iii)
Il-perjodu tranżitorju
57. Itenni l-prinċipji inkorporati fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017, jiġifieri li, wara d-data tal-ħruġ, ir-Renju Unit mhux se jibqa' parti mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u mhux se jibqa' jikkontribwixxi għat-teħid tad-deċiżjonijiet, u li t-tranżizzjoni tista' tikkonsisti biss fl-estensjoni tal-acquis tal-UE u t-tkomplija tal-applikazzjoni tal-istrumenti u l-istrutturi regolatorji, baġitarji, superviżorji, ġudizzjarji u tal-infurzar eżistenti tal-UE għar-Renju Unit; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-mandat ta' negozjar stabbilit fil-linji gwida tan-negozjati tal-Kunsill Ewropew, id-direttivi ta' negozjar tal-Kunsill u d-dokument ta' pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni;
58. Jesprimi s-sodisfazzjon u l-appoġġ tiegħu għar-Raba' Parti tal-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ li tirrigwarda l-arranġamenti tranżitorji; itenni li d-drittijiet kollha mogħtija liċ-ċittadini mid-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu estiżi tul il-perjodu ta' tranżizzjoni; jenfasizza li dan japplika wkoll għaċ-ċittadini tal-UE li jaslu fir-Renju Unit matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, li għandhom jibbenefikaw eżattament mill-istess drittijiet, speċjalment fir-rigward tal-benefiċċji tat-tfal, ir-riunifikazzjoni tal-familja u l-aċċess għal rimedju ġudizzjarju mill-QtĠ-UE;
59. Ifakkar li kwalunkwe arranġament tranżitorju għandu jkun kompatibbli bis-sħiħ mal-obbligi tad-WTO sabiex ma jkunx hemm xkiel fir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi;
60. Jinsisti li kwalunkwe ftehim kummerċjali futur li r-Renju Unit jista' jinnegozja ma' pajjiżi terzi wara li joħroġ mill-UE jista' jidħol fis-seħħ biss fi tmiem il-perjodu li matulu japplikaw l-arranġamenti tranżitorji;
61. Ifakkar li mid-data tal-ħruġ mill-UE, ir-Renju Unit mhux se jibqa' jibbenefika mill-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE, jew mill-Istati Membri f'isimha, jew mill-UE u l-Istati Membri b'mod konġunt; jinnota li, matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit se jkun għadu marbut bl-obbligi li joħorġu minn dawn il-ftehimiet; jenfasizza li r-Renju Unit mhux se jkun jista' jipparteċipa fl-istrutturi ta' governanza u l-proċeduri deċiżjonali previsti minn dawn il-ftehimiet;
62. Jirrimarka li, bħala parti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, l-arranġamenti tranżitorji jistgħu jiġu implimentati biss ladarba dan il-ftehim jidħol fis-seħħ;
(iv)
Kwistjonijiet oħra marbuta mas-separazzjoni
63. Jitlob li jintlaħaq ftehim bla dewmien dwar id-dispożizzjonijiet kollha marbuta mas-separazzjoni u stabbiliti fit-Tielet Parti tal-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ, u jħeġġeġ lir-Renju Unit jippreżenta pożizzjoni ċara, fejn għadu m'għamilx hekk, dwar il-kwistjonijiet pendenti kollha li għandhom x'jaqsmu mal-ħruġ ordinat tiegħu;
It-tħejjija
64. Jissottolinja l-importanza tal-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fuq livelli differenti f'dak li għandu x'jaqsam mas-sensibilizzazzjoni u t-tħejjija; jenfasizza li, minħabba l-inċertezzi kkawżati mill-Brexit, mhux l-istituzzjonijiet tal-UE biss, iżda anke l-awtoritajiet nazzjonali, l-operaturi ekonomiċi u, speċjalment, iċ-ċittadini jridu jiġu avżati u infurmati b'mod xieraq sabiex ikunu jistgħu jħejju b'mod adegwat għal kull xenarju possibbli, inkluż xenarju fejn ma jintlaħaqx ftehim; jitlob, b'mod partikolari, li jitniedu azzjonijiet immirati lejn l-akbar ammont ta' setturi u persuni kkonċernati, inkluż fl-oqsma li ġejjin:
–
l-aċċess kostanti u sikur għal mediċini għall-użu veterinarju u mill-bniedem u għal apparat mediku għall-pazjenti, inkluża l-provvista konsistenti ta' isotopi radjuattivi,
il-livell ta' tħejjija tal-SMEs u l-operaturi ż-żgħar li jagħmlu kummerċ mar-Renju Unit, bħall-produtturi agroalimentari u tal-prodotti tas-sajd, li għall-ewwel darba jistgħu jkunu qed jaffrontaw proċeduri ta' esportazzjoni u ċerti tipi ta' rekwiżiti, anke sanitarji u fitosanitarji,
–
il-limiti u r-restrizzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-qafas legali l-ġdid għat-trasport tal-passiġġieri u l-prodotti u l-impatt li dawn jista' jkollhom fuq il-komponenti "just-in-time" tal-katina tal-provvista, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel,
–
il-kapaċità fir-rigward tat-tikkettar korrett, it-traċċabbiltà u l-oriġini ġenwina tal-prodotti agrikoli u tas-sajd, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards tas-sikurezza tal-ikel u l-benessri tal-annimali u l-għoti ta' informazzjoni preċiża lill-konsumaturi dwar il-prodotti tal-ikel,
–
il-qafas legali tal-protezzjoni tad-data,
–
l-identifikazzjoni sħiħa, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tirrikjedi tibdil minħabba l-Brexit,
o o o
65. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Gvern tar-Renju Unit.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija (riformulazzjoni) (COM(2017)0353 – C8-0223/2017 – 2017/0146(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0353),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0223/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-6 ta' Diċembru 2017(1),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-23 ta' Frar 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali(2),
– wara li kkunsidra l-ittra tat-13 ta' Ottubru 2017 mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali indirizzata lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu skont l-Artikolu 104(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 104 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0038/2018),
A. billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f'dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Marzu 2018 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija (riformulazzjoni)
Ħatra tal-Viċi President tal-Bank Ċentrali Ewropew
247k
48k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra tal-Viċi President tal-Bank Ċentrali Ewropew (N8-0053/2018 – C8-0040/2018 – 2018/0804(NLE))
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 (N8-0053/2018)(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 283(2), it-tieni inċiż, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill Ewropew (C8-0040/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0056/2018),
A. billi, bl-ittra tat-22 ta' Frar 2018, il-Kunsill ikkonsulta l-Parlament Ewropew dwar il-ħatra ta' Luis de Guindos għall-kariga ta' Viċi President tal-Bank Ċentrali Ewropew għal mandat ta' tmien snin li jibda mill-1 ta' Ġunju 2018;
B. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, kif jirriżulta mill-Artikolu 130 tat-Trattat, tal-ħtieġa tal-indipendenza totali tal-BĊE; billi, fil-qafas ta' din l-evalwazzjoni, il-Kumitat irċieva mill-kandidat curriculum vitae kif ukoll it-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju miktub li kien indirizzat lilu;
C. billi dan il-Kumitat imbagħad, fis-26 ta' Frar 2018, proċeda b'seduta ta' smigħ ta' siegħa u nofs tal-kandidat, li matulha dan għamel stqarrija preliminari, u wara wieġeb għall-mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;
D. billi l-Parlament jesprimi tħassib rigward il-bilanċ bejn is-sessi, il-proċedura tal-għażla, iż-żmien magħżul għall-ħatra u l-indipendenza politika, u jitlob li l-Kunsill jibda djalogu mal-Parlament dwar kif il-proċess jista' jittejjeb għall-ħatriet li jmiss;
1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-ħatra ta' Luis de Guindos bħala Viċi President tal-Bank Ċentrali Ewropew;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda Newcastle (COM(2017)0742 – C8-0431/2017 – 2017/0329(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0742),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0431/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Frar 2018(1),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0026/2018),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta’ Marzu 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda Newcastle
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Georgia (COM(2017)0559 – C8-0335/2017 – 2017/0242(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2017)0559),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 212(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0335/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li tipprovdi assistenza makro-finanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja(1),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-21 ta' Frar 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0028/2018),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Marzu 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) .../2018 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Georgia
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja – EGF/2017/008 DE/Goodyear) (COM(2018)0061 – C8-0031/2018 – 2018/2025(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0061 – C8-0031/2018),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0061/2018),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ internazzjonali jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu kemm jista' jkun;
C. billi l-Ġermanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/008 DE/Goodyear għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 646 sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 22 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-gomma u tal-plastik) fir-reġjun ta' Regierungsbezirk Karlsruhe (DE12) tal-livell NUTS 2 fil-Ġermanja;
D. billi l-applikazzjoni hi msejsa fuq il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi aktar 'l isfel fil-katina ta' produzzjoni u / jew minn persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom waqfet;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li l-Ġermanja għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 165 231 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 608 719;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw l-applikazzjoni fis-6 ta' Ottubru 2017, u li, wara l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali mill-Ġermanja, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fid-9 ta' Frar 2018 u l-Parlament ġie avżat fl-istess ġurnata;
3. Jinnota li s-sehem mis-suq tat-tajers dinji tal-manifatturi Asjatiċi miċ-Ċina, it-Tajwan u Singapore żdirf minn 4 % fl-2011 għal 20 % fl-2013;
4. Jinnota li l-Ġermanja bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Jannar 2018. Għalhekk, in-nefqa fuq dawn l-azzjonijiet se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;
5. Jinnota li l-Ġermanja qed issostni li s-sensji huma marbutin mal-bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ internazzjonali minħabba l-globalizzazzjoni u l-impatt negattiv tagħha fuq il-produzzjoni tat-tajers tal-karozzi tas-segment B fl-Unjoni;
6. Ifakkar li s-sensji li ngħataw fil-Goodyear huma mistennija jpoġġu pressjoni negattiva konsiderevoli fuq l-ekonomija lokali, u li l-impatt tas-sensji huwa marbut mad-diffikultajiet ta' riallokazzjoni minħabba l-iskarsezza ta' impjiegi, il-livell baxx ta' edukazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, mill-iżvilupp tagħhom ta' ħiliet vokazzjonali speċifiċi f'settur li sejjer lura, u mill-għadd kbir ta' dawk li qed ifittxu impjieg;
7. Jinsab konxju mit-tnaqqis fil-produzzjoni tal-karozzi u fis-sehem mis-suq tal-Unjoni bħala riżultat tal-globalizzazzjoni; jirrikonoxxi li b'riżultat ta' dan, inbniet kapaċità żejda sinifikanti fis-segment B tat-tajers tal-Goodyear, li ġiegħlet lill-kumpanija tagħlaq wieħed mill-impjanti Ewropej tagħha, li kien l-akbar impjegatur fir-reġjun; jinnota li l-FEG jista' jiffaċilita wkoll il-moviment transfruntier tal-ħaddiema minn setturi li qed jiċkienu li jinsabu f'xi Stati Membri għal setturi li qed jespandu fi Stati Membri oħra;
8. Jinnota li l-applikazzjoni tikkonċerna 646 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-Goodyear, li fil-parti l-kbira tagħhom għandhom bejn it-30 u l-54 sena; jindika wkoll il-fatt li perċentwal sinifikanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma fl-età ta' bejn il-55 u l-64 sena u għandhom ħiliet speċifiċi għas-settur tal-manifattura; jinnota barra minn hekk li madwar 300 ħaddiem minn dawk li ngħataw is-sensja huma bla ħiliet u għandhom passat ta' migrazzjoni u mingħajr kwalifika formali, bħal taħriġ vokazzjonali, li jpoġġihom fi żvantaġġ fis-suq tal-impjiegi reġjonali; jenfasizza li r-reġjun ta' Waghäusel, li fih jinsab l-impjant ta' Philippsburg, qed jiffaċċja bidliet strutturali; fid-dawl ta' dan, jirrikonoxxi l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG biex jitjiebu l-possibbiltajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi;
9. Jinnota li l-Ġermanja qiegħda tippjana sitt tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) miżuri ta' titjib tal-ħiliet, (ii) gruppi ta' pari / gruppi ta' ħidma, (iii) servizz ta' pariri dwar il-bidu ta' negozju, (iv) tfittxija għal impjieg, (v) mentoring ta' segwitu / l-iżgurar tal-impjiegi, u (vi) allowance għat-taħriġ;
10. Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jirrappreżentaw massimu ta' 35 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' xogħol jew ta' taħriġ;
11. Jilqa' l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati inklużi r-rappreżentanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet reġjonali, kif ukoll il-kunsill tal-ħaddiema, it-trade unions u l-maniġment, li seħħew waqt li tfassal tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati;
12. Jilqa' d-deċiżjoni tas-servizz pubbliku għall-impjiegi biex jieħu kont kemm tal-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol kif ukoll tal-kwalifiki tal-ħaddiema kkonċernati fit-tfassil ta' strateġija ta' kwalifiki u ħiliet;
13. Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' l-assigurazzjoni li l-miżuri organizzati huma f'konformità mal-istrateġija ta' sostenibbiltà tal-Ġermanja, u li l-korp li jistabbilixxi ż-żewġ kumpaniji ta' trasferiment ikollu ċertifikazzjoni ta' sostenibbiltà.
14. Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplementari għal azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;
15. Jikkonstata l-konferma tal-Ġermanja li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhix se tissostitwixxi l-azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata hija meħtieġa tieħu skont id-dritt nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi, jew miżuri għal kumpaniji jew setturi ta' ristrutturar;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-prospettivi ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw, kif ukoll jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità, it-tul ta' żmien u s-sostenibbiltà ta' impjiegi ġodda, dwar l-għadd u l-perċentwal ta' persuni li jaħdmu għal rashom u start-ups, u r-rata ta' riintegrazzjoni miksuba mill-FEG;
17. Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;
18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja – EGF/2017/008 DE/Goodyear)
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Deċiżjoni (UE) 2018/513.)
Il-QFP li jmiss: Tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020
614k
86k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-QFP li jmiss: Tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020 (2017/2052(INI))
– wara li kkunsidra l-Artikoli 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u l-emendi sussegwenti tiegħu min-naħa tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2017/1123 tal-20 ta' Ġunju 2017(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar "it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni"(4),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2017 dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE (COM(2017)0358),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE(5),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(6),
– wara li kkunsidra r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-Parlament Ewropew fl-4 ta' Ottubru 2016(7) u mill-Kunsill fil-5 ta’ Ottubru 2016(8),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu "Challenges facing civil society organisations working on human rights in the EU" ("Sfidi li jaffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem fl-UE"),
– wara li kkunsidra ir-Regola 52 tar-Regoli ta’ Proċedura,
– wara li kkunsidra l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-finanzjament ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-UE,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits, l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat għas-Sajd, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0048/2018),
A. billi fl-2013 intlaħaq qbil dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li għall-ewwel darba involva tnaqqis f'termini reali kemm tal-approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll dawk ta' pagament meta mqabbel mal-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja preċedenti minkejja ż-żieda fil-kompetenzi u fl-ambizzjonijiet tal-UE kif definiti fit-Trattat ta' Lisbona u fl-istrateġija Ewropa 2020 rispettivament; billi involva wkoll diskrepanza notevoli bejn il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament, li kkontribwiet f'akkumulu ta' kontijiet mhux imħallsa fl-ewwel sentejn tal-QFP; billi l-adozzjoni tardiva tal-QFP u l-bażijiet legali relatati kkontribwew għad-dewmien fl-implimentazzjoni, li r-riperkussjonijiet ta' dan għadhom jinħassu sal-ġurnata tal-lum u li x'aktarx iwasslu għal akkumulu ta' talbiet għall-pagament fi tmiem il-QFP attwali, b'hekk jaqgħu fuq il-perjodu li jmiss; billi fuq l-insistenza tal-Parlament iddaħħlu dispożizzjonijiet ġodda fil-QFP ħalli l-limiti massimi globali tiegħu jintużaw kemm jista' jkun u ħalli jkun hemm mekkaniżmi ta' flessibbiltà;
B. billi l-QFP 2014-2020 malajr wera l-inadegwatezza tiegħu biex jissodisfa l-bżonnijiet reali u l-ambizzjonijiet politiċi peress li, mill-bidu nett, intalab jindirizza sensiela ta' kriżijiet u sfidi ġodda fl-oqsma tal-investiment, tal-esklużjoni soċjali, tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati, tal-impjiegi fost iż-żgħażagħ, tas-sigurtà, tal-agrikoltura, tal-ambjent u tat-tibdil fil-klima, li meta ġie adottat ma kinux għadhom ġew previsti; billi, konsegwentement, il-QFP attwali diġà laħaq il-limiti tiegħu wara biss sentejn ta' implimentazzjoni peress li l-marġnijiet disponibbli kienu ġew eżawriti, id-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà u l-istrumenti speċjali kienu ġew mobilizzati sa livell sostanzjali, il-politiki u l-programmi eżistenti kienu tpoġġew taħt pressjoni jew saħansitra tnaqqsu u kienu nħolqu ċerti mekkaniżmi barra mill-baġit biex jagħmlu tajjeb għal-livell u l-flessibbiltà insuffiċjenti tal-baġit tal-UE;
C. billi dawn in-nuqqasijiet diġà kienu saru evidenti fil-mument tal-analiżi u tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP varati fi tmiem l-2016, u kien jistħoqqilhom li minnufih jittieħdu azzjonijiet dwarhom, kif wera l-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016; billi r-reviżjoni ta' nofs it-terminu rnexxielha twessa' l-potenzjal tad-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà eżistenti sa livell moderat, iżda falliet fir-reviżjoni tal-limiti massimi tal-QFP;
D. billi l-Kummissjoni, f'Mejju 2018, se tippreżenta l-pakkett ta' proposti tagħha rigward il-QFP ta' wara l-2020, inklużi riżorsi proprji futuri, filwaqt li r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 stipula li huma kellhom jitwettqu sal-1 ta' Jannar 2018; billi dan huwa mistenni li jiġi segwit ftit wara minn abbozz ta' proposti leġiżlattivi għall-programmi u l-istrumenti finanzjarji;
1. Jadotta din ir-riżoluzzjoni bil-għan li jiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Parlament fir-rigward tal-QFP ta' wara l-2020, b'attenzjoni partikolari għall-prijoritajiet mistennija, id-daqs, l-istruttura, it-tul ta' żmien, il-flessibbiltà u l-prinċipji orizzontali l-oħra, u li jindika l-orjentamenti baġitarji speċifiċi għall-politiki rispettivi tal-UE koperti mill-qafas finanzjarju li jmiss; jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta l-proposta leġiżlattiva għall-QFP li jmiss flimkien ma' abbozz ta' ftehim interistituzzjonali li jqis il-pożizzjonijiet u s-suġġerimenti tal-Parlament; jisħaq fuq il-fatt li din ir-riżoluzzjoni toffri wkoll bażi għall-impenn tal-Parlament fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni tal-QFP li jmiss;
2. Jadotta, b'mod parallel, riżoluzzjoni separata(9) biex tiddefinixxi l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, konformement mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji; jistieden lill-Kummissjoni tqis kif dovut il-pożizzjoni tal-Parlament fit-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi dwar ir-riżorsi proprji tal-UE, li għandha tkun ambizzjuża fil-portata u ppreżentata flimkien mal-proposti tal-QFP; jenfasizza li kemm in-naħa tan-nefqa kif ukoll dik tad-dħul tal-QFP li jmiss se jkunu ttrattati bħala pakkett uniku fin-negozjati imminenti, u li mhu se jintlaħaq l-ebda qbil dwar il-QFP mingħajr ma jsiru passi korrispondenti 'l quddiem f'riżorsi proprji;
I.Prijoritajiet u sfidi fil-QFP li jmiss
3. Jilqa' pożittivament id-diskussjoni dwar il-QFP li jmiss bħala opportunità biex jitqiegħdu l-pedamenti għal Ewropa aktar b'saħħitha u aktar sostenibbli permezz tal-istrument fost dawk l-aktar konkreti, il-baġit tal-Unjoni; jemmen li l-QFP li jmiss għandu jkun integrat fi strateġija u f'narrazzjoni usa' għall-futur tal-Ewropa; iqis li l-QFP jeħtieġlu jkun it-tisrif tal-prijoritajiet politiċi tal-proġetti u l-politika tal-UE f'mezzi baġitarji;
4. Jinsab konvint li l-QFP li jmiss għandu jibni fuq il-politiki u l-prijoritajiet ikkonsolidati tal-Unjoni stabbiliti sew tal-Unjoni, li għandhom l-għan li jippromwovu l-paċi, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi, jagħtu spinta lill-benessri, lit-tkabbir ekonomiku fuq terminu twil u sostenibbli u r-riċerka u l-innovazzjoni, jipprovdu impjiegi ta' kwalità li jwasslu għal impjiegi deċenti, jiġġieldu t-tibdil fil-klima, u jrawmu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u ċ-ċittadini; iqis li dawn il-pilastri huma rekwiżiti preliminari għall-funzjonament korrett tas-suq uniku u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja kif ukoll għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinja; għandu fiduċja li huma aktar rilevanti minn qatt qabel għall-attivitajiet futuri tal-Ewropa;
5. Jemmen li l-QFP li jmiss għandu jippermetti lill-Unjoni tagħti soluzzjonijiet u toħroġ aktar b'saħħitha mill-kriżijiet tad-deċennju: it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u finanzjarju, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-faqar persisenti u l-esklużjoni soċjali, il-fenomenu tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati, it-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali, id-degradazzjoni ambjentali u t-telfien tal-bijodiversità, it-terroriżmu u l-instabbiltà, fost oħrajn; jissottolinja li dawn l-isfidi globali u transfruntieri, b'implikazzjonijiet interni, jiżvelaw l-interdipendenza tal-ekonomiji u tas-soċjetajiet tagħna, u jindikaw il-bżonn ta' azzjonijiet konġunti;
6. Jiġbed l-attenzjoni li l-UE jeħtiġilha twettaq l-impenn tagħha li tkun minn ta' quddiem fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, li jipprovdu pjan direzzjonali globali għal soċjetajiet aktar sostenibbli, ekwitabbli u prosperużi fi ħdan konfini planetarji; jenfasizza li l-QFP li jmiss irid ikun allinjat mal-SDGs; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni favur l-integrazzjoni tal-SDGs fil-politiki u l-inizjattivi tal-UE kollha; jistenna li l-UE twettaq l-impenji tagħha favur dawn l-għanijiet; jenfasizza, barra minn hekk, li l-proklamazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-impenn mill-UE u mill-Istati Membri biex jiżguraw Ewropa aktar soċjali għandhom ikunu appoġġjati minn riżorsi finanzjarji adegwati; iqis li, wara l-Ftehim ta' Pariġi, l-infiq relatat mal-klima għandu jiżdied b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-QFP attwali u jilħaq 30 % mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-2027;
7. Jisħaq fuq il-fatt li l-QFP li jmiss joffri opportunità lill-Unjoni biex turi li hi magħquda u kapaċi tindirizza l-iżviluppi politiċi bħall-Brexit, il-qawmien tal-movimenti populisti u nazzjonalistiċi u l-bidliet fit-tmexxija globali; jissottolinja li l-firdiet u l-egoċentriżmu mhumiex tweġiba għall-problemi tad-dinja u għat-tħassib taċ-ċittadini; iqis li n-negozjati tal-Brexit, b'mod partikolari, juru li l-vantaġġi li tkun membru tal-Unjoni jisbqu bil-kbir l-ispiża tal-kontributi għall-baġit tagħha; jitlob, f'dan il-kuntest, li jkun hemm rispett sħiħ għall-qafas tal-impenji diġà meħuda, bħal fil-każ tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira f'dak li jirrigwardja l-istat tad-dritt u d-demokrazija;
8. Jappella, għaldaqstant, għal appoġġ kontinwu tal-politiki eżistenti, partikolarment il-politiki tal-UE li ilhom stabbiliti u li huma minquxa fit-Trattati, pereżempju l-politika agrikola komuni, il-politika komuni tas-sajd, u l-politika ta' koeżjoni, peress li dawn iwasslu għal benefiċċji tanġibbli tal-proġett Ewropew liċ-ċittadini tal-UE; jirrifjuta kull tentattiv maħsub biex jerġa' jinnazzjonalizza dawn il-politiki, peress li dan la jnaqqas il-piż finanzjarju fuq il-kontribwenti u l-konsumaturi u lanqas ma jikseb riżultati aħjar, iżda jxekkel it-tkabbir, is-solidarjetà u l-funzjonament tas-suq uniku u fl-istess ħin japprofondixxi l-inugwaljanzi u jkabbar id-disparitajiet bejn it-territorji u s-setturi ekonomiċi; biħsiebu jiggarantixxi l-istess livell ta' finanzjament għall-UE-27 għal dawn il-politiki fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss filwaqt li jkompli jtejjeb l-effikaċja tagħhom u jissemplifika l-proċeduri assoċjati magħhom;
9. Jemmen li l-Ewropa għandha toffri prospettivi lill-ġenerazzjoni żagħżugħa kif ukoll lill-impriżi orjentati lejn il-futur li jagħmlu lill-UE attur aktar ta' suċċess fix-xena dinjija; jinsab iddeterminat li jlaħħam sostanzjalment tnejn mill-programmi emblematiċi tiegħu, jiġifieri l-Programm Qafas għar-Riċerka u Erasmus+, li, bil-mezzi attwali tagħhom, ma jistgħux ilaħħqu mad-domanda ferm għolja li tinvolvi applikazzjonijiet ta' kwalità superjuri; jikkonferma bis-saħħa l-appoġġ tiegħu għal żieda sostanzjali fir-riżorsi għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u fl-appoġġ favur l-impriżi ta' daqs medju permezz tal-programmi suċċessuri tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-programm għall-Kompetittività tal-Impriżi u l-SMEs (COSME); jappoġġja wkoll it-tisħiħ tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) 2.0;
10. Jistieden lill-Unjoni tassumi r-rwol tagħha fi tliet oqsma politiċi emerġenti b'dimensjoni interna u esterna, li dehru matul il-QFP attwali:
–
billi tiżviluppa u tiffinanzja politika komprensiva dwar l-asil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni u tindirizza l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni u l-ispostament tal-pajjiżi terzi;
–
billi ssaħħaħ il-protezzjoni tal-fruntieri esterni u tippromwovi l-istabbiltà, b'mod partikolari billi tissalvagwardja d-drittijiet tal-bniedem barra mill-pajjiż, il-prevenzjoni tal-kunflitt u l-politiki ta' żvilupp esterni;
–
billi tipprovdi sigurtà komuni interna liċ-ċittadini Ewropej u tiġbor flimkien ir-riċerka u l-kapaċitajiet fil-qasam tad-difiża, filwaqt li tenfasizza li l-azzjonijiet meħuda f'dawn l-oqsma m'għandhomx isiru askapitu tal-politiki ta' żvilupp tal-UE;
11. Jenfasizza li l-qafas futur mistenni jintegra żewġ tipi ġodda ta' appoġġ finanzjarju li jidhru b'mod prominenti fl-aġenda ekonomika tal-Unjoni, jiġifieri t-tkomplija tal-iskemi ta' appoġġ għall-investimenti, bħall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, u l-iżvilupp ta' funzjoni ta' stabbilizzazzjoni għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, eventwalment permezz tal-Fond Monetarju Ewropew propost, flimkien ma' faċilità ta' konverġenza ddedikata għall-Istati Membri li jinsabu fi triqithom li jissieħbu fl-euro;
12. Jissottolinja li, bħala l-ewwel pass, il-kapaċità baġitarja speċifika taż-żona tal-euro għandha tkun parti mill-baġit tal-Unjoni, billi tingħadd b'mod supplimentari għal-livelli massimi tal-qafas finanzjarju pluriennali, mingħajr preġudizzju għall-programmi l-oħra tal-QFP, u għandha tiġi ffinanzjata mill-membri taż-żona tal-euro u mill-membri parteċipanti l-oħra permezz ta' sors ta' dħul li għandu jiġi miftiehem bejn l-Istati Membri parteċipanti u meqjus li bħala dħul assenjat u garanziji; iqis li l-kapaċità fiskali tista' tkun iffinanzjata, ladarba tkun fi stadju stabbli, permezz ta' riżorsi proprji ġenwini, skont ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Monti dwar il-finanzjament futur tal-UE;
13. Jerġa' jafferma l-prinċipju skont liema l-prijoritajiet politiċi addizzjonali għandhom ikunu abbinati ma' mezzi finanzjarji addizzjonali, sew jekk jinbtu fil-mument tal-adozzjoni ta' QFP ġdid sew jekk matul l-implimentazzjoni tiegħu, u jissottolinja li l-finanzjament tal-bżonnijiet il-ġodda ma għandux jimmina l-politiki u l-programmi eżistenti; jistenna, barra minn hekk, li jkunu stabbiliti biżżejjed dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà biex jilqgħu għaċ-ċirkostanzi mhux mistennija li jistgħu jinqalgħu matul il-QFP;
14. Jemmen li tista' biss tinkiseb Ewropa aktar b'saħħitha u aktar ambizzjuża jekk tingħata l-mezzi finanzjarji msaħħa; jitlob, fid-dawl tal-isfidi u tal-prijoritajiet imsemmija hawn fuq, u meta jitqies il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, żieda sinifikanti fil-baġit tal-Unjoni; jagħti stima tal-limiti massimi tan-nefqa tal-QFP rikjesti ta' 1,3 % tal-ING tal-UE-27, minkejja l-firxa ta' strumenti li għandhom ikunu kkalkolati barra mil-limiti massimi;
15. Jinsab konvint li, sakemm il-Kunsill ma jaqbilx li jżid b'mod sinifikanti l-livell tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tiegħu għall-baġit tal-UE, l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda ġenwini tal-UE tibqa' l-unika alternattiva biex il-QFP li jmiss jiġi ffinanzjat b'mod adegwat;
II.Kwistjonijiet orizzontali
Prinċipji tal-baġit tal-UE u sinċerità tal-baġit
16. Ifakkar fil-prinċipji baġitarji Ewropej, tal-eżattezza baġitarja, tal-annwalità, tal-ekwilibriju, tal-universalità, tal-ispeċifikazzjoni, tal-addizzjonalità, tas-sussidjarjetà, tal-ġestjoni finanzjarja tajba u tat-trasparenza, li jeħtieġ li jiġu rispettati fl-istabbiliment u fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni;
17. Itenni l-pożizzjoni li ilu li adotta skont liema l-ambizzjoni politika tal-Unjoni trid tiġi appoġġjata permezz ta' riżorsi finanzjarji adegwati u jfakkar li l-Artikolu 311 tat-TFUE jgħid li l-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b'suċċess il-politika tagħha;
18. Jiġbed, f'dan il-kuntest, l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa tad-deċiżjonijiet u tal-inizjattivi politiċi meħuda mill-Kunsill Ewropew hija biss possibbli jekk ikun żgurat il-finanzjament neċessarju, u jissottolinja li kwalunkwe approċċ ieħor jimmina s-sinċerità tal-baġit tal-Unjoni u l-fiduċja taċ-ċittadini;
19. Jemmen li l-QFP, huwa u jsarraf il-prijoritajiet politiċi tal-UE f'investimenti konkreti, jikkostitwixxi strument eċċellenti għall-ippjanar fit-tul tal-infiq tal-UE u biex jiżgura ċertu livell stabbli ta' investiment pubbliku fl-Istati Membri; jiddispjaċih, madankollu, għan-nuqqas ta' strateġija fit-tul maqbula b'mod reċiproku qabel l-adozzjoni tal-QFP li jmiss; ifakkar, barra minn hekk, li l-baġit tal-UE huwa, prevalentement, baġit ta' investimenti li jservi bħala għajn ta' finanzjament addizzjonali u komplementari għall-azzjonijiet meħuda fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;
Tul ta' żmien
20. Huwa tal-opinjoni li d-deċiżjoni dwar it-tul ta' żmien tal-QFP għandha ssib bilanċ tajjeb bejn iż-żewġ rekwiżiti kunfliġġenti, jiġifieri, minn naħa, il-bżonn li bosta politiki tal-UE – speċjalment dawk fl-ambitu tal-ġestjoni konġunta, bħall-agrikoltura u l-koeżjoni – joperaw abbażi tal-istabbiltà u tal-prevedibbiltà li hija żgurata permezz ta' impenn ta' almenu seba' snin, u, min-naħa l-oħra, il-bżonn ta' leġittimità u ta' obbligu ta' rendikont demokratiċi li jirriżulta mis-sinkronizzazzjoni ta' kull qafas finanzjarju maċ-ċiklu politiku ta' ħames snin tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni;
21. Jisħaq fuq il-fatt li huwa imperattiv politiku għal kull Parlament li jkun għadu kemm ġie elett li jkun jista' jinfluwenza b'mod sostanzjali l-QFP matul iċ-ċiklu elettorali tiegħu, kemm f'termini ta' ammonti kif ukoll ta' prijoritajiet politiċi; jenfasizza li l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew joffru l-opportunità liċ-ċittadini tal-UE biex jesprimu direttament il-pożizzjoni tagħhom dwar il-prijoritajiet baġitarji tal-Unjoni, li għandhom ikunu riflessi f'aġġustament postelettorali vinkolanti tal-qafas finanzjarju; jemmen, għalhekk, li matul kull ċiklu politiku, il-Kummissjoni jeħtiġilha tipproponi u kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill jeħtiġilhom jiddeċiedu dwar il-ħolqien tal-QFP sussegwenti jew dwar reviżjoni obbligatorja ta' nofs it-terminu tal-QFP li jkun fis-seħħ;
22. Jissottolinja l-ħtieġa li t-tul ta' żmien tal-QFP jgħaddi progressivament għal perjodu ta' 5+5, b'reviżjoni ta' nofs it-terminu obbligatorja; jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposta ċara li tiddefinixxi l-metodi għall-implimentazzjoni fil-prattika ta' qafas finanzjarju 5+5; huwa konvint li perjodu uniku ta' ħames snin ma jistax jiġi kkunsidrat għat-tul ta' żmien tal-QFP, minħabba x-xkiel serju li jkun jimponi fuq ir-rekwiżiti ta' programmazzjoni u ta' implimentazzjoni ta' diversi politiki tal-UE;
23. Jirrikonoxxi, madankollu, li l-għażla tad-dati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss, previsti fir-rebbiegħa tal-2019, peress li l-QFP attwali jibqa' operattiv sa Diċembru 2020, ma tippermettix li s-soluzzjoni 5+5 tkun implimentata immedjatament, billi ma jkun intlaħaq l-ebda allinjament sodisfaċenti tad-diversi ċikli; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-QFP li jmiss għandu jkun iffissat għal perjodu ta' seba' snin (2021-2027), inkluża reviżjoni obbligatorja ta' nofs it-terminu, bħala soluzzjoni ta' tranżizzjoni li tkun applikata għall-aħħar darba;
Reviżjoni ta' nofs it-terminu
24. Huwa konvint mill-bżonn li jinżammu analiżi u reviżjoni, ġuridikament vinkolanti u obbligatorji, ta' nofs it-terminu tal-QFP, stabbiliti fir-Regolament dwar il-QFP il-ġdid; ifakkar li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-2016 kienet l-ewwel okkażjoni storika li fiha saret reviżjoni reali tar-Regolament dwar il-QFP u li ġiet ivvalutata pożittivament kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Parlament, partikolarment f'termini ta' tisħiħ tad-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà tal-QFP;
25. Iqis li, għall-QFP 2021-2027, ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu għandha tkun proposta u deċiża f'ħin utli bil-għan li l-Parlament u l-Kummissjoni li jmiss jitħallew jaġġustaw il-qafas finanzjarju kif xieraq; jissottolinja li kwalunkwe reviżjoni tal-QFP għandha tiżgura l-involviment tal-Parlament u tħares il-prerogattivi tiegħu bħala fergħa ndaqs tal-awtorità baġitarja; jissottolinja, barra minn hekk, li kwalunkwe reviżjoni reali tinvolvi wkoll ir-reviżjoni tal-limiti massimi tal-QFP, f'każ li l-inadegwatezza tagħhom tkun stabbilita għall-bqija tal-perjodu;
Flessibbiltà
26. Jissottolinja li, matul il-QFP attwali, l-awtorità baġitarja approvat mobilizzazzjoni sostanzjali tad-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà u l-istrumenti speċjali inklużi fir-Regolament dwar il-QFP biex tiggarantixxi l-approprjazzjonijiet addizzjonali meħtieġa bħala reazzjoni għall-kriżijiet jew għall-finanzjament ta' prijoritajiet politiċi ġodda;
27. Iqis, għaldaqstant, li d-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà fl-ambitu tal-QFP attwali ħadmu tajjeb u taw soluzzjonijiet fir-rigward tal-finanzjament konsiderevoli meħtieġ partikolarment biex ikunu affrontati l-isfidi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati u biex tkun indirizzata d-diskrepanza fl-investiment; ifakkar li l-Parlament kien l-oriġini ta' bosta minn dawn id-dispożizzjonijiet li ddefenda bil-qawwa matul in-negozjati tal-QFP preċedenti;
28. Jemmen li għadu neċessarju tisħiħ ulterjuri ta' dawn id-dispożizzjonijiet bil-għan li jiġu indirizzati aħjar l-isfidi l-ġodda, l-avvenimenti imprevisti u l-prijoritajiet politiċi f'evoluzzjoni li jinqalgħu matul l-implimentazzjoni ta' pjan fit-tul, bħall-QFP; jitlob flessibbiltà msaħħa għall-QFP li jmiss, li għandha tippermetti li jiġu sfruttati kemm jista' jkun il-limiti massimi tal-QFP globali għall-impenji u għall-pagamenti;
Mekkaniżmi ta' flessibbiltà fil-QFP
29. Iqis li l-limiti massimi tal-QFP li jmiss għandhom ikunu ffissati f'livell li jippermetti mhux biss il-finanzjament tal-politiki tal-UE, iżda wkoll l-għoti ta' marġnijiet suffiċjenti fl-impenji għal kull intestatura;
30. Jinsab konvint li l-marġnijiet mhux allokati kollha għandhom jiġu riportati mingħajr restrizzjonijiet għas-snin finanzjarji sussegwenti u jiġu mobilizzati mill-awtorità baġitarja, għal kwalunkwe skop meqjus neċessarju, fil-proċedura baġitarja annwali; jitlob, għalhekk, li jinżammu l-marġnijiet globali għall-impenji, iżda mingħajr l-ebda restrizzjoni ta' ambitu u ta' żmien;
31. Ifakkar li l-marġni globali għall-impenji jista' jimmobilizza biss il-marġnijiet mhux allokati sa sena N-1, ladarba jkunu ġew ikkonfermati permezz l-aġġustament tekniku qabel il-preżentazzjoni tal-Abbozz ta' Baġit; iqis, madankollu, li huwa essenzjali li jiġu eżaminati modi li bihom jiġu mobilizzati wkoll marġnijiet mhux allokati tas-sena N, bil-għan li xorta jitħalla l-finanzjament tal-bżonnijiet addizzjonali li jistgħu jinqalgħu matul is-sena;
32. Jemmen bis-saħħa li l-impenji awtorizzati mill-awtorità baġitarja għandhom jintużaw għall-iskop oriġinarju tagħhom u li għandu jsir kull sforz biex ikun żgurat li dan ikun il-każ fl-oqsma politiċi kollha kemm huma; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, biex tkompli taħdem attivament f'din id-direzzjoni; huwa konvint, madankollu, li jekk id-diżimpenji tassew iseħħu, bħala konsegwenza tan-nuqqas ta' implimentazzjoni totali jew parzjali tal-azzjonijiet li għalihom kienu allokati, għandhom jerġgħu jkunu disponibbli fil-baġit tal-UE u għandhom jiġu mobilizzati mill-awtorità baġitarja fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali; iqis li d-diżimpenji għandhom jidħlu direttament fil-marġni globali għall-impenji, u mhux fi kwalunkwe strument jew riżerva speċjali partikolari;
33. Ifakkar li d-diżimpenji joħorġu mill-impenji li diġà kienu ġew awtorizzati mill-awtorità baġitarja u li normalment kellhom jirriżultaw f'pagamenti korrispondenti, li kieku l-azzjoni li kellhom jiffinanzjaw tkun saret kif ippjanat; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li r-riċiklaġġ tad-diżimpenji fil-baġit tal-UE huwa ġustifikat b'mod debitu, iżda ma għandux ikun mezz li jeludi r-regoli rilevanti tad-diżimpenji li huma stabbiliti fir-regolamenti settorjali;
34. Jindika l-bżonn li jkun żgurat riport sħiħ tal-marġni tal-pagamenti permezz tal-marġni globali għall-pagamenti fil-QFP kollu kemm hu; jopponi kull restrizzjoni jew limitu massimu applikati għal-livell ta' marġnijiet li jistgħu jkunu trasferiti, kif hu l-każ fil-QFP attwali, u jfakkar li dawn il-marġnijiet jistgħu jiġu mobilizzati biss jekk u sal-punt li l-awtorità baġitarja tiddeċiedi f'dan is-sens; jisħaq fuq il-fatt li l-Marġini Globali għall-Pagamenti jista' jkun strumentali biex jilqa' għal kwalunkwe kriżi ġdida ta' pagamenti li tista' tinqala';
35. Jisħaq fuq il-possibbiltà li r-reviżjoni tal-livelli massimi għandha tibqa' għażla fir-Regolament dwar il-QFP f'każ li jseħħu avvenimenti imprevisti, meta l-ħtiġijiet ta' finanzjament ikunu jeżawrixxu jew jisbqu l-marġnijiet u l-istrumenti speċjali disponibbli; jappella biex ir-Regolament dwar il-QFP jipprevedi proċedura simplifikata għal reviżjoni mmirata taħt livell limitu maqbul;
36. Jirrakkomanda li tinżamm il-possibbiltà ta' forniment minn qabel jew ta' posponiment lejn tmiem il-perjodu tal-finanzjament ta' kwalunkwe programm tal-UE, biex tkun tista' ssir azzjoni kontroċiklika li tikkorrispondi għar-ritmu tal-implimentazzjoni proprja u biex jiġi pprovdut rispons sinifikanti għal kriżijiet kbar; jappella, barra minn hekk, għall-flessibbiltà leġiżlattiva – bħalissa minquxa fil-Punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali (FII) – li tippermetti li jsir aġġustament fil-pakkett globali ta' programmi adottat bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja sa +/-10 %, biex jiżdied b'mod ulterjuri għal +/-15 %;
37. Jindika l-flessibbiltà li tista' tinkiseb permezz tat-trasferimenti fi ħdan l-istess intestatura tal-QFP, bil-għan li r-riżorsi finanzjarji jitqiegħdu eżatt fejn meħtieġa u tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar tal-baġit tal-UE; iqis li numru inferjuri ta' intestaturi jikkontribwixxi għal flessibbiltà akbar fil-QFP; jitlob, madankollu, li l-Kummissjoni tinforma u tikkonsulta b'mod proattiv lill-awtorità tal-baġit meta tadotta trasferimenti awtonomi sinifikanti;
Strumenti speċjali tal-QFP
38. Japprova l-arkitettura ġenerali tal-istrumenti speċjali tal-QFP, partikolarment l-Istrument ta' Flessibbiltà, ir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza, il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), u jirrimarka l-mobilizzazzjoni estensiva tagħhom fl-ambitu tal-QFP attwali; jitlob li jitjiebu l-pakketti finanzjarji u d-dispożizzjonijiet ta' funzjonament tagħhom;
39. Jitlob, partikolarment, żieda sostanzjali fil-pakkett finanzjarju tal-Istrument ta' Flessibbiltà b'allokazzjoni annwali li tilħaq almenu EUR 2 biljun; ifakkar li l-Istrument ta' Flessibbiltà mhuwa marbut mal-ebda qasam politiku speċifiku u jista' għaldaqstant jiġi mobilizzat għal kwalunkwe skop li jiġi kkunsidrat neċessarju; iqis, għalhekk, li dan l-istrument jista' jkun mobilizzat biex ikopri kwalunkwe bżonn finanzjarju ġdid meta jinqala' matul il-QFP;
40. Jindika r-rwol tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza fil-provvista ta' risposta rapida għar-rekwiżiti ta' għajnuna speċifiċi ta' pajjiżi terzi għal avvenimenti imprevisti, u jenfasizza l-importanza partikolari tiegħu fil-kuntest attwali; jitlob żieda sostanzjali fil-pakkett finanzjarju tiegħu sa allokazzjoni annwali ta' EUR 1 biljun;
41. Josserva, b'mod partikolari, il-mobilizzazzjoni notevoli tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jagħti assistenza f'għadd ta' diżastri naturali gravi b'konsegwenzi baġitarji sostanzjali; jenfasizza wkoll l-impatt pożittiv li dan l-istrument iħalli fuq l-opinjoni pubblika; jipproponi t-tisħiħ tal-pakkett finanzjarju tiegħu b'allokazzjoni annwali li tilħaq EUR 1 biljun;
42. Iqis li l-użu tal-FEG, li jagħti solidarjetà u appoġġ tal-UE lill-ħaddiema li tilfu xogħolhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji kkawżati mill-globalizzazzjoni jew bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, ma wassalx biex jintuża l-potenzjal sħiħ tiegħu u jista' jitjieb u jiġi integrat ulterjorment fi ħdan strateġija fuq terminu twil, sabiex b'mod effikaċi jilħaq u jintegra mill-ġdid ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol, fl-Istati Membri kollha; iqis li r-reviżjoni imminenti tal-FEG għandha teżamina l-iskop tiegħu u ttejjeb il-koordinazzjoni tiegħu ma' strumenti oħra; jemmen li FEG rivedut għandu jkun mgħammar b'almenu allokazzjoni annwali identika fil-QFP il-ġdid;
43. Jipproponi l-ħolqien ta' riżerva speċjali għall-istrumenti speċjali tal-QFP ibbazata fuq l-approprjazzjonijiet li ma ntefqux li jiddekadu minn kull strument; iqis li din ir-riżerva għandha topera mingħajr ebda limitu temporali; jitlob li din ir-riżerva tkun mobilizzata favur kwalunkwe strument speċjali tal-QFP li, b'segwitu għal deċiżjoni tal-awtorità baġitarja, jintalab ikopri bżonn finanzjarju ogħla mill-kapaċità finanzjarja tiegħu;
44. Josserva li attwalment jiġu applikati regoli differenti fir-rigward tat-tul ta' żmien għar-riport tal-approprjazzjonijiet li ma ntefqux għal kull strument speċjali tal-QFP; iqis li dawn għandhom ikunu armonizzati b'tali mod li titħalla l-applikazzjoni ta' regola N+1 waħda għal dawn l-istrumenti kollha;
45. Iqis li l-marġni ta' kontinġenza għandu jinżamm bħala strument li jintuża bħala l-aħħar riżorsa; jisħaq li dan huwa strument speċjali li jista' wkoll jiġi mobilizzat għall-approprjazzjonijiet ta' pagament biss, u li l-mobilizzazzjoni tiegħu kienet strumentali biex tingħeleb il-kriżi tal-pagamenti tal-2014; jitlob, għaldaqstant, aġġustament 'il fuq tal-allokazzjoni annwali massima tiegħu għal 0,05 % tal-ING tal-UE;
46. Jissottolinja li l-istrumenti speċjali tal-QFP għandhom ikunu kkalkolati barra mil-limiti massimi tal-QFP kemm għall-approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll ta' pagament; iqis li l-problema tal-inklużjoni fil-baġit tal-pagamenti ta' dawn l-istrumenti ġiet solvuta b'mod inekwivokabbli matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020, b'hekk intemm il-kunflitt ta' interpretazzjoni li ilu għaddej mal-Kunsill; jawspika l-introduzzjoni ta' dispożizzjoni ċara fir-Regolament dwar il-QFP, skont liema l-pagamenti li jirriżultaw mill-mobilizzazzjoni ta' approprjazzjonijiet ta' impenn għall-istrumenti speċjali tal-QFP għandhom ikunu kkalkolati barra mil-limiti massimi ta' pagament annwali tal-QFP;
47. Jinnota li l-FII attwali jeħtieġ maġġoranza sempliċi fil-Parlament għall-mobilizzazzjoni ta' tliet strumenti speċjali tal-QFP; iqis li din id-dispożizzjoni hija obsoleta, peress li tirrifletti l-maġġoranzi speċjali meħtieġa għall-adozzjoni tal-baġit tal-UE qabel it-Trattat ta' Lisbona; jappella biex ikun hemm approċċ omoġenu fir-rigward tar-rekwiżiti tal-votazzjoni għall-mobilizzazzjoni ta' dawn l-istrumenti, li għandhom ikunu l-istess bħal dawk tal-adozzjoni tal-baġit tal-UE;
Dħul – riżerva speċjali
48. Itenni l-pożizzjoni tiegħu meħuda żmien ilu skont liema kwalunkwe dħul li jirriżulta minn multi imposti lill-kumpaniji li jiksru r-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE jew marbuta ma' pagamenti tardivi tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali fil-baġit tal-UE għandhom jikkostitwixxu partita supplimentari ta' dħul għall-baġit tal-UE, mingħajr tnaqqis korrispondenti fil-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING;
49. Jitlob, għal dan l-għan, l-istabbiliment ta' riżerva speċjali fil-baġit tal-UE, li se timtela progressivament bit-tipi kollha ta' dħul ieħor imprevist u riportata kif xieraq biex tipprovdi possibilitajiet ta' nfiq addizzjonali meta jkun hemm il-ħtieġa; iqis li din ir-riżerva għandha tkun riżervata għall-istrumenti speċjali tal-QFP u għandha tipprovdi għal żidiet addizzjonali, kemm f'impenji kif ukoll f'pagamenti, fuq deċiżjoni tal-awtorità baġitarja;
Użu effiċjenti u effikaċi tar-riżorsi tal-UE
50. Jirrikonoxxi li l-kisba ta' valur miżjud Ewropew għandha tkun wieħed mill-prinċipji fundamentali li jiggwidaw l-istituzzjonijiet tal-UE fil-mument ta' deċiżjoni dwar it-tip ta' nfiq fil-QFP li jmiss; jirrimarka, madankollu, l-eżistenza ta' bosta interpretazzjonijiet tal-kunċett u jitlob definizzjoni unika, ċara u li tkun tista' faċilment tinftiehem tal-kriterji rilevanti li għandhom iqisu l-ispeċifiċitajiet territorjali u jinkludu, fejn possibbli, indikaturi ta' prestazzjoni li jistgħu jitkejlu; iwissi kontra kwalunkwe tentattiv ta' użu ta' tali definizzjoni sabiex iqiegħed f'dubju r-rilevanza tal-politiki u l-programmi tal-UE purament dwar kunsiderazzjonijiet ekonomiċi kwantitattivi jew fuq terminu qasir;
51. Josserva r-referenza għan-nozzjoni ta' valur miżjud Ewropew ippreżentata f'diversi dokumenti tal-Kummissjoni; itenni l-lista tal-parametri identifikati mill-Parlament fir-riżoluzjoni msemmijja hawn fuq tal-24 ta’ Ottubru 2017 tiegħu f'dan il-kuntest; ifakkar li r-riżorsi tal-UE għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw beni pubbliċi Ewropej u jaġixxu bħala katalizzatur fl-għoti ta' inċentivi lill-Istati Membri fil-livelli amministrattivi kollha ħalli jaġixxu bil-għan li jissodisfaw l-objettivi tat-Trattat u jilħqu objettivi komuni tal-UE li altrimenti ma jkunux realizzati; jaqbel li l-baġit tal-UE għandu jintuża biex jiffinanzja azzjonijiet li tista' tibbenefika minnhom l-UE fl-intier tagħha, u dan ma jistax ikun żgurat b'mod effikaċi mill-ebda Stat Membru waħdu u li jista' joffri valur aħjar għall-flus meta mqabbel ma' azzjonijiet meħudin esklużivament f'livell nazzjonali, reġjonali jew lokali; jemmen, barra minn hekk, li l-baġit tal-UE għandu jikkontribwixxi għall-istabbiliment u għall-appoġġ tal-paċi u tal-istabbiltà fil-viċinat tal-UE u lil hinn minnu; iqis li l-valur miżjud Ewropew jinħoloq minn programmi f'ġestjoni kemm kondiviża kif ukoll diretta, biż-żewġ metodi li jkunu komplementari biex jintlaħqu l-miri tal-UE; f'dan il-kuntest, jistenna l-Istati Membri, biex fin-negozjati dwar il-QFP li jmiss, iżommu lura milli jsegwu loġika ta' "juste retour" li tqis biss l-interessi nazzjonali fil-forma ta' bilanċi netti;
52. Iqis li nfiq aħjar, jiġifieri l-użu effiċjenti u nondiskriminatorju ta' kull euro tal-baġit tal-UE, jista' jsir mhux biss billi r-riżorsi tal-UE jiġu orjentati lejn l-azzjonijiet bl-ogħla valur miżjud Ewropew u bl-akbar żieda f'termini ta' riżultati tal-politiki u tal-programmi tal-UE, abbażi ta' valutazzjoni fil-fond tan-nefqa attwali, iżda wkoll billi jinkisbu aktar sinerġiji bejn il-baġit tal-UE u l-baġit nazzjonali, u billi jiġi żgurat it-titjib tanġibbli tal-arkitettura tal-infiq; jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Annwali tal-2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, għal qafas ta' kejl effiċjenti ta' indikaturi, rapportar aktar issimplifikat u bbilanċjat dwar il-prestazzjoni, u aċċess aktar faċli għar-riżultati tal-valutazzjoni;
53. Jitlob semplifikazzjoni reali tas-sistema tal-baġit tal-UE fil-QFP li jmiss bil-għan li jiġi ffaċilitat l-assorbiment; jissottolinja, b'mod partikolari, il-bżonn li jitnaqqsu s-sovrappożizzjonijiet mhux meħtieġa bejn l-istrumenti li jservu tipi simili ta' azzjonijiet, pereżempju fis-setturi tal-innovazzjoni, tal-SMEs jew tat-trasport, mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li jintilfu elementi importanti tal-programmi differenti, u l-bżonn li tiġi eliminata l-kompetizzjoni li teżisti bejn id-diversi forom u għejun ta' finanzjament, bil-għan li tkun żgurata l-komplementarjetà massima u jingħata qafas finanzjarju koerenti; jemmen li dan jista' jiffaċilita komunikazzjoni aktar ċara tal-prijoritajiet tal-UE liċ-ċittadini;
54. Jissottolinja li l-"verifika tal-istat tas-saħħa" tal-infiq tal-UE ma tistax tipprevedi tnaqqis tal-livell ta' ambizzjoni tal-UE jew settorjalizzazzjoni tal-politiki u tal-programmi tal-UE, u lanqas ma għandha twassal għal sostituzzjoni tal-għotjiet bi strumenti finanzjarji biex ikunu jistgħu jiġu ffrankati ftit flus, inkwantu l-maġġoranza l-kbira tal-azzjonijiet appoġġjati mill-baġit tal-UE mhijiex idonea li tkun iffinanzjata minn dan tal-aħħar; huwa tal-fehma li l-"verifika tal-istat tas-saħħa" għandha pjuttost twassal għall-identifikazzjoni ta' modi li bihom tista' tittejjeb l-implimentazzjoni tal-programmi ta' nfiq tal-UE;
55. Jitlob armonizzazzjoni wiesgħa tar-regoli, bil-għan li tinħoloq ġabra unika tar-regoli għall-istrumenti baġitarja kollha tal-UE, filwaqt li jitqiesu karattersitiċi speċifiċi għall-fondi u speċifiċi għas-settur; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tal-kombinazzjoni tad-diversi għejun ta' finanzjament billi tipprovdi linji gwida ċari f'dan ir-rigward u tiżgura aċċess ugwali fit-tipi kollha ta' finanzjament fl-Istati Membri kollha;
56. Huwa favur ukoll semplifikazzjoni reali tar-regoli ta' implimentazzjoni għall-benefiċjarji kif ukoll tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi permezz ta' aktar standardizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-proċeduri u tad-dokumenti ta' programmazzjoni; jirrimarka, barra minn hekk, dwar il-ħtieġa li jiġu pprovduti aktar bini ta' kapaċità u assistenza teknika għall-benefiċjarji; jitlob li jkun hemm pass lejn evalwazzjoni bbażata fuq ir-riskju;
Unità, eżattezza tal-baġit u trasparenza
57. Ifakkar li l-prinċipju tal-unità tal-baġit, skont liema d-dħul u n-nefqa kollha tal-Unjoni għandhom jidhru fil-baġit, huwa rekwiżit previst mit-Trattat u kundizzjoni demokratika bażika, jekk jeħtieġ li jkun hemm baġit trasparenti, leġittimu u responsabbli; jiddispjaċih li dan il-prinċipju maż-żmien mhuwiex qiegħed jiġi osservat aktar, filwaqt li l-kumplessità finanzjarja kibret, storikament fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, wara għadda mit-twaqqif tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, sal-inflazzjoni reċenti ta' mekkaniżmi ad hoc barra mill-baġit fil-forma ta' strumenti finanzjarji innovattivi u fondi fiduċjarji jew strumenti esterni li mhumiex irreġistrati fil-karta bilanċjali tal-Unjoni;
58. Għandu dubji dwar il-ġustifikazzjoni u l-valur miżjud tal-ħolqien ta' strumenti barra mill-baġit tal-Unjoni; iqis li d-deċiżjonijiet biex jinħolqu u jinżammu dawn l-istrumenti huma fir-realtà xprunati mit-tentattiv li jinħbew il-bżonnijiet finanzjarji reali u li jkunu evitati r-restrizzjonijiet tal-QFP u tal-limiti massimi tar-riżorsi proprji; jiddeplora l-fatt li dawn l-istrumenti spiss iwasslu wkoll biex, fir-responsabbiltà tripla tiegħu bħala awtorità leġiżlattiva, baġitarja u ta' kontroll, il-Parlament jinqabeż, u jmorru kontra l-objettiv li jkun hemm aktar trasparenza għall-pubbliku ġenerali u l-benefiċjarji;
59. Itenni, għaldaqstant, il-pożizzjoni li ilu li adotta dwar il-fatt li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, flimkien mal-istrumenti l-oħra barra mill-QFP, għandu jiġi integrat fil-baġit tal-Unjoni sabiex iżid il-leġittimità tiegħu kif ukoll l-effiċjenza u l-effikaċja tal-politika ta' żvilupp tal-Unjoni; jissottolinja, madankollu, li l-pakketti finanzjarji rispettivi għandhom jiżdiedu lil hinn mil-limiti massimi maqbula tal-QFP b'tali mod li l-inklużjoni fil-baġit ta' dawn l-istrumenti ma tħalli ebda impatt negattiv fuq il-finanzjament tagħhom, jew fuq programmi u politiki oħrajn tal-UE; jilqa', fil-prinċipju, il-proposta li l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà tiġi inkorporata fil-finanzi tal-Unjoni fil-forma ta' Fond Monetarju Ewropew, mingħajr preġudizzju għall-proġettazzjoni futura tiegħu;
60. Huwa tal-fehma li l-fondi fiduċjarji tal-UE jistgħu jżidu l-valur billi jiġbru flimkien riżorsi minn diversi donaturi għal sitwazzjonijiet speċifiċi, iżda li l-użu tagħhom m'għandux jirriżulta f'sempliċi tikkettar mill-ġdid tal-finanzjament ippjanat tal-UE, u m'għandux jibdel l-objettivi oriġinali tal-istrumenti finanzjarji tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm skrutinju parlamentari akbar tal-ħolqien u l-implimentazzjoni tagħhom; jinsisti li l-fondi fiduċjarji tal-UE għandhom jappoġġjaw biss azzjonijiet barra mill-Unjoni;
61. Iqis ukoll li, meta ċerta parti ta' operazzjonijiet barra mill-baġit tkun ikkunsidrata neċessarja biex jintlaħqu ċerti objettivi speċifiċi, pereżempju permezz tal-użu ta' strumenti finanzjarji jew fondi fiduċjarji, dawn għandhom jinżammu f'livell u tul ta' żmien limitati u għandhom ikunu totalment trasparenti, ġustifikati minn addizzjonalità u valur miżjud ippruvati, u appoġġjati minn dispożizzjonijiet sodi fil-qasam tal-obbligu ta' rendikont u proċeduri b'saħħithom ta' teħid ta' deċiżjonijiet;
62. Jemmen li, fil-QFP li jmiss, il-baġit tal-Unjoni għandu juri b'aktar eżattezza il-kobor tad-dħul assenjat u l-impatt tiegħu fuq in-nefqa reali, b'mod partikolari dawk li ġejjin mill-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi terzi; jissottolinja li dan huwa saħansitra aktar rilevanti fid-dawl tax-xewqa tar-Renju Unit li jipparteċipa f'xi programmi tal-baġit tal-Unjoni tal-QFP ta' wara l-2020 il-ġdid bħala Stat mhux Membru, kif espress fil-kuntest tan-negozjati dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni;
Livell tal-pagamenti
63. Ifakkar li l-approprjazzjonijiet ta' pagament huma l-konsegwenza loġika u legali ta' approprjazzjonijiet ta' impenn, u jitlob li l-limiti massimi ta' pagament futuri jkunu stabbiliti f'livell xieraq, li jħallu biss distakk limitat u realistiku bejn l-impenji u l-pagamenti; jistenna li l-livelli massimi ta' pagament futuri jikkunsidraw, fuq naħa waħda, il-bżonn li jiġu onorati l-impenji li jirriżultaw mill-perjodu finanzjarju attwali li se jsiru pagamenti biss wara l-2020 u, min-naħa l-oħra, tal-ħtieġa li jintlaħqu l-impenji għall-programmi u l-istrumenti wara l-2020;
64. Ifakkar fl-akkumulazzjoni ta' kontijiet mhux imħallsa pendenti fl-aħħar tal-QFP preċedenti li kellha riperkussjonijiet f'dak attwali u jwissi kontra r-ripetizzjoni ta' tali kriżi ta' pagamenti fit-tranżizzjoni għall-QFP li jmiss, peress li din ikollha konsegwenzi serji għall-benefiċjarji bħal studenti, universitajiet, SMEs u riċerkaturi; jiġbed l-attenzjoni lejn it-tendenza attwali ta' sottoeżekuzzjoni fil-pagamenti minħabba dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020, li twassal għal livelli dejjem akbar ta' impenji pendenti li għadhom iridu jitħallsu fi ħdan il-limiti massimi tal-QFP li jmiss; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, inkluż fil-livell tal-ministri tal-finanzi, biex janalizzaw il-kawżi ewlenin ta' dan id-dewmien u biex joħorġu b'miżuri konkreti ta' simplifikazzjoni biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni fil-futur;
65. Jinnota l-eżitu preliminari tan-negozjati dwar is-saldu finanzjarju fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, li jipprevedi l-parteċipazzjoni sħiħa tar-Renju Unit fil-finanzjament u fl-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020 bil-konsegwenzi finanzjarji kollha rilevanti;
Strumenti finanzjarji
66. Jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu għad-dispożizzjoni tiegħu firxa wiesgħa ta' strumenti li jiffinanzjaw attivitajiet appoġġjati fil-livell tal-UE u li jistgħu jinġabru f'żewġ kategoriji, jiġifieri għotjiet fuq naħa waħda, u strumenti finanzjarji fil-forma ta' garanziji, self, kondiviżjoni tar-riskji jew ekwità fuq in-naħa l-oħra; ifakkar ukoll fil-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li l-għan tiegħu huwa l-mobilizzazzjoni tal-kapital privat u pubbliku fl-UE kollha favur proġetti f'setturi ewlenin għall-ekonomija tal-UE, sabiex jiġi integrat il-finanzjament pubbliku limitat;
67. Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-istrumenti finanzjarji biex iżidu l-impatt ekonomiku u politiku tal-baġit tal-Unjoni; jenfasizza, madankollu, li dawn jistgħu jiġu applikati biss għal proġetti li jiġġeneraw dħul f'każijiet ta' kundizzjonijiet ta' investiment subottimali jew falliment tas-suq, u għalhekk jikkostitwixxu biss forma ta' finanzjament komplementari minflok waħda alternattiva meta mqabbla ma' għotjiet; jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji ma għandux ikollhom l-għan li jissostittwixxu skemi eżistenti ta' finanzjament pubbliċi jew privati u għandhom jikkonformu mal-impenji domestiċi u internazzjonali;
68. Ifakkar fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tidentifika dawk l-oqsma li huma moqdija l-aħjar bl-għotjiet, dawk li jistgħu jkunu adattati aħjar bi strumenti finanzjarji, u dawk fejn l-għotjiet jistgħu jiġu kkombinati ma' strumenti finanzjarji u biex tirrifletti dwar bilanċ xieraq bejn it-tnejn; jinsab konvint li s-sussidji għandhom jibqgħu l-metodu predominanti għall-finanzjament tal-proġetti tal-UE fil-QFP li jmiss; jissottolinja li s-self, il-garanziji, il-qsim tar-riskji u l-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma għandhom jintużaw b'kawtela, fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet ex ante xierqa u biss meta l-użu tagħhom ikun jista' juri valur miżjud ċar u effett ta' lieva; jinnota li jista' jittejjeb l-użu tal-istrumenti finanzjarji u s-sinerġiji mal-għotjiet; jitlob li jkun hemm sforzi kbar biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-istrumenti finanzjarji għall-benefiċjarji, u għal aktar flessibbiltà fl-użu transsettorjali tas-sistemi finanzjarji differenti, sabiex jingħelbu r-regoli restrittivi li jipprevjenu lill-benefiċjarji milli jieħdu vantaġġ ta' programmi multipli għal proġetti b'għanijiet korrispondenti;
69. Jistieden lill-Kummissjoni tissemplifika u tarmonizza r-regoli li jirregolaw l-użu tal-istrumenti finanzjarji fil-QFP li jmiss bl-għan li toħloq sinerġiji bejn l-istrumenti differenti u timmassimizza l-applikazzjoni effiċjenti tagħhom; jieħu nota ta' proposta possibbli, li tkun teħtieġ diskussjoni fil-fond, għal fond uniku li jintegra l-istrumenti finanzjarji fil-livell tal-UE li huma ġestiti b'mod ċentralizzat; huwa tal-opinjoni li għandha tiġi pprovduta struttura ċara għall-għażla ta' tipi differenti ta' strumenti finanzjarji għal oqsma politiċi u tipi ta' azzjonijiet differenti u li l-istrumenti finanzjarji rilevanti għandhom ikomplu jiġu bbaġitjati taħt linji baġitarji separati sabiex tiġi pprovduta ċarezza tal-istrumenti; jissottolinja, madankollu, li tali armonizzazzjoni tar-regoli ma tistax taffettwa l-istrumenti finanzjarji ġestiti mill-Istati Membri fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni jew fil-qasam tal-azzjonijiet esterni;
70. Ifakkar fl-appelli ripetuti tiegħu għal aktar trasparenza u skrutinju demokratiku fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji appoġġjati mill-baġit tal-Unjoni;
Struttura
71. Iqis li jkun tajjeb li l-istruttura tal-QFP li jmiss tipprevedi aktar viżibbiltà tal-prijoritajiet politiċi u baġitarji tal-UE għaċ-ċittadini Ewropej, u jagħmel appell għal preżentazzjoni aktar ċara tal-oqsma kollha tal-infiq tal-UE; jinsab konvint li l-pilastri prinċipali tal-infiq futur tal-Unjoni spjegati f'din ir-riżoluzzjoni għandhom ikunu riflessi kif xieraq;
72. Jemmen, għaldaqstant, li l-preżentazzjoni attwali tal-intestaturi tirrikjedi ċertu titjib, iżda huwa kontra kwalunkwe bidla radikali inġustifikata; jipproponi, konsegwentement, l-istruttura segwenti għall-QFP ta' wara l-2020;
Intestatura 1: Ekonomija aktar b'saħħitha u sostenibbli
Inklużi programmi u strumenti li jappoġġjaw:
taħt ġestjoni diretta
– ir-riċerka u l-innovazzjoni
– l-industrija, l-imprenditorija u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju
– it-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u s-soċjetà
– il-proġetti infrastrutturali l-kbar
– it-trasport, l-enerġija, l-ispazju
– l-ambjent u l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima
Intestatura 2: Aktar koeżjoni u solidarjetà fl-Ewropa
Inklużi programmi u strumenti li jappoġġjaw:
– il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (taħt ġestjoni konġunta):
l-investimenti fl-innovazzjoni, fir-riċerka, fid-diġitalizzazzjoni, fit-tranżizzjoni industrijali, fl-SMEs, fit-trasport, fl-adattament u l-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima, fl-ambjent u fl-enerġija
l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tnaqqis tal-faqar u l-isfidi demografiċi
– l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u t-tagħlim tul il-ħajja;
– il-kultura, iċ-ċittadinanza, il-midja u l-komunikazzjoni
– id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali
– is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel
– l-asil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, il-ġustizzja u l-konsumaturi
– l-appoġġ għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-koordinament magħhom
Intestatura 3: Agrikoltura u sajd aktar b'saħħithom u sostenibbli
Inklużi programmi u strumenti li jappoġġjaw:
– l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali
– l-affarijiet marittimi u s-sajd
Intestatura 4: Aktar responsabbiltà fid-dinja
Inklużi programmi u strumenti li jappoġġjaw:
– il-kooperazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp
– il-viċinat
– it-tkabbir
– l-għajnuna umanitarja
– id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza bejn is-sessi
– il-kummerċ
Intestatura 5: Sigurtà, paċi u stabbiltà għal kulħadd
Inklużi programmi u strumenti li jappoġġjaw:
– is-sigurtà, inkluża ċ-ċibersigurtà
– ir-risposta għall-kriżijiet u l-istabbiltà, inkluża l-protezzjoni ċivili
– il-politika estera u ta' sigurtà komuni
– ir-riċerka, inkluż ir-riċerka u l-innovazzjoni
Intestatura 6: Amministrazzjoni effiċjenti għas-servizz taċ-ċittadini Ewropej
– finanzjament tal-persunal tal-UE
– finanzjament tal-bini u tat-tagħmir tal-istituzzjonijiet tal-UE
73. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi f'anness mal-baġit Ewropew in-nefqa kollha marbuta mal-UE li ssir barra mill-baġit tal-UE bħala riżultat ta' ftehimiet u proċeduri intergovernattivi; jemmen li din l-informazzjoni, mogħtija fuq bażi annwali, tkun tikkompleta l-istampa tal-investimenti kollha li magħhom l-Istati Membri impenjaw ruħhom fil-livell Ewropew;
III.Politiki
Ekonomija aktar b'saħħitha u sostenibbli
74. Jenfasizza l-importanza li jkunu kkompletati ż-żona Ewropea tar-riċerka, l-unjoni tal-enerġija, iż-żona unika Ewropea tat-trasport u s-suq uniku diġitali bħala elementi fundamentali tas-suq uniku Ewropew;
75. Jemmen li l-QFP li jmiss għandu jipprevedi aktar konċentrazzjoni tar-riżorsi baġitarji f'oqsma li juru valur miżjud Ewropew ċar u jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-impjiegi madwar ir-reġjuni kollha tal-UE; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza tar-riċerka u tal-innovazzjoni fil-ħolqien ta' ekonomija sostenibbli bbażata fuq l-għarfien u li tinsab fuq quddiem nett fil-livell dinji, u jiddispjaċih li, minħabba n-nuqqas ta' finanzjament adegwat, parti żgħira biss tal-proġetti ta' kwalità għolja f'dan il-qasam ibbenefikat mill-finanzjament tal-UE fl-ambitu tal-QFP attwali;
76. Jitlob, għalhekk, żieda sostanzjali tal-baġit kumplessiv allokat għad-disa' Programm Qafas (FP9) fil-QFP li jmiss, li għandha tkun iffissata f'livell ta' almenu EUR 120 biljun; iqis li dan il-livell huwa xieraq biex jiggarantixxi l-kompetittività globali u r-rwol ta' tmexxija xjentifika, teknoloġika u industrijali tal-Ewropa, biex twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà u biex tikkontribwixxi ħalli jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE u l-SDGs; jappella, b'mod partikolari, li jsiru sforzi sabiex tiġi stimolata innovazzjoni rivoluzzjonarja u li toħloq is-suq, notevolment għall-SMEs;
77. Jitlob, barra minn hekk, enfasi akbar fuq l-implimentazzjoni tar-riċerka u tal-innovazzjoni permezz ta' impriżi konġunti u strumenti oħra u għall-appoġġ tal-investimenti f'teknoloġiji kruċjali biex tkun eliminata d-diskrepanza fl-investiment fil-qasam tal-innovazzjoni; jenfasizza li ż-żieda fir-riżorsi trid tkun akkumpanjata minn simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' finanzjament; jilqa' l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni f'dan ir-rigward u jinsisti biex dawn ikomplu fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss sabiex jingħata aċċess aħjar u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-applikanti permezz ta' sistema ġdida għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri biex jistimulaw parteċipazzjoni bbilanċjata mill-Istati Membri kollha tal-UE;
78. Jilqa' l-proposta reċenti tal-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat il-finanzjament tal-Fond ta' Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għas-snin li ġejjin; jenfasizza l-importanza ta' dan il-fond sabiex tiġi ffinanzjata r-riċerka f'dan is-settur industrijali; jemmen, għalhekk, li hija meħtieġa soluzzjoni fit-tul li tiżgura l-finanzjament wara l-2020 u li tinkorpora wkoll il-fond fil-baġit tal-Unjoni sabiex jippermetti lill-Parlament jaqdi r-rwol tiegħu bħala awtorità għall-kontroll tal-baġit;
79. Jenfasizza li l-SMEs u l-mikrointrapriżi huma l-muturi ewlenin tat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-impjiegi, u jipprovdu 85 % tal-impjiegi ġodda kollha; jirrikonoxxi r-rwol importanti tagħhom biex jiġi żgurat l-irkupru ekonomiku u tingħata spinta lil ekonomija sostenibbli tal-UE; ifakkar li hemm aktar minn 20 miljun SME fl-UE u li dawn jammontaw għal 99 % tan-negozji kollha; iqis li t-titjib tal-aċċess għall-finanzjamenti għall-SMEs, madwar l-Istati Membri kollha, għandu jkompli jibqa' objettiv politiku importanti għall-QFP li jmiss, sabiex titjieb aktar il-kompetittività u s-sostenibbiltà tagħhom; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li tiġi promossa l-intraprenditorija u jittejjeb l-ambjent tan-negozju għall-SMEs sabiex jingħataw il-possibbiltà li jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom fl-ekonomija globali tal-lum;
80. Jilqa' s-suċċess tal-programm tal-UE ddedikat għall-kompetittività tal-intrapriżi u tal-SMEs (COSME) taħt il-QFP attwali; jenfasizza l-livell għoli ta' implimentazzjoni ta' dan il-programm, u jirrimarka l-kapaċità tiegħu li jassorbi saħansitra aktar minn hekk; jitlob, għalhekk, li l-pakkett finanzjarju tal-programm COSME jiġi rduppjat sabiex jikkorrispondi għall-ħtiġijiet attwali tal-ekonomija tal-UE u għad-domanda sinifikanti għal parteċipazzjoni;
81. Itenni l-impenn qawwi tiegħu fil-konfront tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), li jimmira li jimmobilizza EUR 500 biljun f'investimenti ġodda fl-ekonomija reali fl-ambitu tal-QFP attwali; jemmen li l-FEIS diġà ta spinta qawwija u mmirata lis-setturi ekonomiċi li jiffavorixxu t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi; jenfasizza l-impatt pożittiv tal-FEIS dwar il-provvediment ta' finanzjament għal SMEs madwar l-Unjoni; jilqa', għalhekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta leġiżlattiva għat-tkomplija u t-titjib ta' din l-iskema ta' investiment b'baġit apposta li m'għandux ikun iffinanzjat askapitu tal-politiki u l-programmi eżistenti taħt il-QFP l-ġdid; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe proposta leġiżlattiva għandha tissejjes fuq il-konklużjonijiet ta' analiżi tal-Kummissjoni u ta' evalwazzjoni indipendenti; jistenna li l-proposta l-ġdida ser tindirizza b'mod effikaċi kwalunkwe nuqqas tal-implimentazzjoni tal-FEIS u ser ittejjeb, inter alia, il-koperatura ġeografika tal-fond, sabiex il-benefiċċji tiegħu jinħassu madwar l-Unjoni;
82. Jinsisti fuq l-importanza tal-QFP għas-setturi li jiddependu minn investimenti fit-tul, bħas-settur tat-trasport sostenibbli; jenfasizza li l-infrastruttura tat-trasport tikkostitwixxi s-sinsla tas-suq uniku u hija pedament għat-tkabbir sostenibbli u għall-ħolqien tal-impjiegi; jinnota li t-twettiq ta' spazju uniku Ewropew tat-trasport kollegat mal-pajjiżi ġirien jirrikjedi infrastrutturi ewlenin tat-trasport u jrid jitqies bħala prijorità ċentrali għall-kompetittività tal-UE u għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha, inklużi għal żoni periferali u gżejjer; iqis, għaldaqstant, li l-QFP li jmiss għandu jipprevedi biżżejjed finanzjament għal proġetti li jikkontribwixxu b'mod partikolari għat-tlestija tan-netwerk ċentrali TEN-T u tal-kurituri tiegħu, li għandhom ikomplu jiġu estiżi; ifakkar l-għanijiet stabbiliti minn COP 21 fir-rigward tat-trasport sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvestu fi trasport pubbliku intelliġenti, sostenibbli u integrat;
83. Jenfasizza li programm CEF aġġornat u aktar effikaċi għandu jkopri l-modi kollha ta' trasport, inkluża l-infrastuttura tat-triq u ferrovjarja, kif ukoll il-passaġġi fuq l-ilma interni; iqis li għandu jipprijoritizza rabtiet akbar bejn in-netwerks u l-modi komprensivi tat-trasport li jikkontribwixxu biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, u jiffokaw fuq interkonnessjonijiet u t-tlestija tan-netwerk fiż-żoni periferali; itenni l-importanza li tissaħħaħ l-interoperabbiltà permezz tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju u jippermetti l-użu sħiħ tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew; jitlob li titlesta s-sistema diġitali Ewropea għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;
84. Jitlob li tinħoloq linja baġitarja speċifika għat-turiżmu fil-QFP li jmiss, sabiex isir pass lejn politika ġenwina Ewropea għat-turiżmu li tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikattiv għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;
85. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi investiment fl-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss u tippromwovi l-użu tagħhom; jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati l-finanzjamenti għat-tlestija tas-suq uniku diġitali, billi jiġi sfruttat bis-sħiħ l-ispettru, jiġi żgurat l-aġġornament tan-netwerks fissi u d-densifikazzjoni tan-netwerks tal-mowbajl, jiġi promoss il-5G u l-konnettività gigabit, kif ukoll isir progress ulterjuri fl-armonizzazzjoni tar-regoli tal-UE sabiex jinħoloq il-qafas regolatorju xieraq għat-titjib tal-konnettività tal-internet fl-Unjoni kollha; jenfasizza li s-settur tat-telekomunikazzjonijiet tas-CEF għandu jkompli jappoġġja l-Infrastrutturi tas-Servizz Diġitali u netwerks ta' veloċità kbira billi jsiru aktar aċċessibbli anki fir-reġjuni mbiegħda u fiż-żoni rurali, u billi jitjiebu l-kompetenza diġitali, l-interkonnettività u l-interoperabbiltà; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà Ewropej u biex ikun hemm investiment f'teknoloġiji essenzjali bħal Big Data, l-intelliġenza artifiċjali jew il-computing ta' prestazzjoni għolja, f'infrastruttura u f'ħiliet diġitali sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej;
86. Iqis bħala essenzjali l-garanzija ta' provvista enerġetika sostenibbli u bi prezzijiet raġonevoli fl-Ewropa; jitlob, għalhekk, appoġġ kontinwu għall-investimenti li jiżguraw diversifikazzjoni tas-sorsi u tar-rotot tal-enerġija, iż-żieda tas-sigurtà enerġetika u l-indipendenza enerġetika, u t-titjib tal-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' enerġija rinnovabbli, anki permezz tal-Enerġija tas-CEF; jisħaq, partikolarment, fuq l-importanza li jingħata appoġġ komprensiv, speċjalment lir-reġjuni b'livell għoli ta' emissjonijiet ta' karbonju, għat-tranżizzjoni enerġetika, għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, għall-modernizzazzjoni tal-ġenerazzjoni ta' enerġija, għat-titjib ta' interkonnessjonijiet transfruntieri u għall-użu tal-grilji intelliġenti, għat-teknoloġiji għall-ġbir, użu u ħżin tal-karbonju u għall-modernizzazzjoni tat-tisħin distrettwali; iqis li t-trasformazzjoni tas-settur tal-enerġija fid-dawl tal-objettivi dwar il-klima għandha tiġi appoġġjata kif xieraq, speċjalment f'reġjuni u pajjiżi dipendenti fuq il-faħam, sabiex jikkontribwixxu b'mod effikaċi għal tranżizzjoni strateġika lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet; jappella għall-istabbiliment ta' fond komprensiv sabiex tiġi appoġġjata tranżizzjoni ġusta, partikolarment permezz tal-iżvilupp u t-tqassim ta' sorsi rinnovabbli, soluzzjonijiet ta' enerġija effiċjenti, ħżin tal-enerġija, soluzzjonijiet elettromobbli u infrastruttura, modernizzazzjojni tal-ħolqien tal-enerġija u l-grilji, teknoloġiji avvanzati għall-ħolqien tal-enerġija, inkluż il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS), il-ġbir, l-użu u l-ħżin tal-karbonju (CCU) u l-gassifikazzjoni tal-faħam, l-immodernizzar tat-tisħin distrettwali, inkluża l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-adattament bikri għal standards ambjentali futuri u r-ristrutturar tal-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija, kif ukoll jiġu indirizzati l-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali;
87. Jissottolinja l-importanza strateġika ta' proġetti infrastrutturali fuq skala kbira, bħar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER), is-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS), is-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (Galileo), il-Programm ta' Osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus) u l-Komunikazzjonijiet Governattivi bis-Satellita (GOVSATCOM) għall-kompetittività, is-sikurezza u s-setgħa politika futuri tal-UE; jindika li l-baġit tal-UE jeħtieġ li mhux biss jiżgura l-finanzjament ta' dawn il-proġetti l-kbar, iżda wkoll jipprevedi, għal dan il-għan, fondi delimitati (ring-fenced) biex l-ispejjeż possibbli li jkunu akbar minn dawk ippjanati ma jheddux il-finanzjament u l-implimentazzjoni b'suċċess ta' politiki oħrajn tal-Unjoni, kif intwera fil-QFP preċedenti f'ċerti każijiet individwali; ifakkar li, għal dan l-iskop, l-ammont massimu għal dawn il-proġetti bħalissa huwa ffissat fir-Regolament tal-QFP, u jitlob dispożizzjonijiet simili fir-regolament il-ġdid;
88. jisħaq fuq l-importanza tar-rwol tat-tmexxija tal-UE f'li tippreserva, tipproteġi u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent u l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni tal-ekosistemi u t-telf tal-bijodiversità; iqis li finanzjament stabbli u xieraq huwa essenzjali għall-kisba tal-impenji internazzjonali tal-UE, bħal pereżempju l-Ftehim ta' Pariġi; ifakkar li l-QFP li jmiss għandu jgħin lill-Unjoni tilħaq dawk l-objettivi u għandu jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju sal-2050; jissottolinja li l-UE ma għandhiex tiffinanzja proġetti u investimenti li jmorru kontra l-ilħuq ta' dawn l-objettivi; jitlob integrazzjoni totali tal-aspetti marbuta mal-klima tal-infiq futur tal-UE; jitlob, f'dan ir-rigward, għal programmi kkonċernati, bħal-LIFE+, li jkunu ffinanzjati b'mod xieraq u biex ir-riżorsi finanzjarji tagħhom jiġu rduppjati, u għall-istabbiliment ta' pakketti ddedikati għall-bijodiversità u l-ġestjoni tan-netwerk Natura 2000;
Aktar koeżjoni u solidarjetà fl-Ewropa
89. Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020 għandha tibqa' l-politika ta' investiment prinċipali tal-Unjoni Ewropea li tinkludi lir-reġjuni kollha tal-UE, sabiex tindirizza sfidi soċjoekonomiċi kumplessi filwaqt li tikkonċentra l-maġġoranza tar-riżorsi fuq ir-reġjuni l-aktar vulnerabbli; jemmen li, lil hinn mill-għan li tnaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp u żżid il-konverġenza kif minqux fit-Trattat, il-politika ta' koeżjoni għandha tikkonċentra fuq l-ilħuq tal-objettivi politiċi wesgħin tal-UE u tipproponi, għaldaqstant, li fl-ambitu tal-QFP li jmiss, it-tliet fondi tal-politika ta' koeżjoni, jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni, jikkonċentraw prinċipalment fuq l-għoti ta' appoġġ għat-tkabbir u l-kompetittività, għall-innovazzjoni u r-riċerka, id-diġitalizzazzjoni, it-tranżizzjoni industrijali, l-SMEs, it-trasport, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għat-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà ambjentali u t-tranżizzjoni enerġetika ġusta, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tnaqqis fil-faqar u l-isfidi demografiċi; jisħaq fuq il-fatt li dawn it-tliet fondi jirrappreżentaw il-komponenti integrali tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, u jistgħu joperaw biss b'mod konġunt taħt il-qafas uniku ta' din il-politika; jitlob, barra minn hekk, għal kooperazzjoni territorjali msaħħa, inkluż komponent transfruntier u dimensjoni urbana għall-politika, kif ukoll dispożizzjonijiet dedikati għal żoni rurali, muntanjużi, remoti u gżejjer;
90. Iqis ta' importanza assoluta ż-żamma tal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020 għall-UE-27 almenu għal-livell tal-baġit 2014-2020 bi prezzijiet kostanti; jenfasizza li l-PDG għandu jibqa' wieħed mill-parametri għall-allokazzjoni tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, iżda jemmen li dan għandu jkun komplementat minn ġabra addizzjonali ta' indikaturi soċjali, ambjentali u demografiċi biex tingħata stampa aktar preċiża tat-tipi l-ġodda ta' inugwaljanzi bejn u fi ħdan ir-reġjuni tal-UE fl-Istati Membri kollha; jappoġġja, barra minn dan, it-tkomplija, fl-ambitu tal-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid, tal-elementi li ġabu lill-politika ta' koeżjoni aktar moderna u aktar orjentata lejn ir-riżultati fl-ambitu tal-QFP attwali, jiġifieri l-konċentrazzjoni tematika, il-kondizzjonalitajiet ex ante, il-qafas tal-prestazzjoni u r-rabta mal-governanza ekonomika;
91. Jinsab impenjat b'konvinzjoni favur l-impenji, li jirriżultaw mill-Artikolu 9 tat-TFUE għall-kisba ta' Ewropa soċjali u għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, abbażi tat-tkabbir sostenibbli ta' ekonomija tas-suq soċjali ferm kompetittiva, bil-għan li jinkiseb livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali u jiġu promossi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal kif stabbiliti fit-Trattat; jenfasizza li tali implimentazzjoni tirrikjedi li l-politiki soċjali jkunu ffinanzjati kif xieraq u jissottolinja l-bżonn konsegwenti li jissaħħew mill-ġdid l-istrumenti finanzjarji eżistenti li jikkontribwixxu għal dawn l-għanijiet, partikolarment il-FSE, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, il-FEG u l-EaSI; jinsisti li dawn se jitħarsu fil-QFP li jmiss u li dawn għandhom jibqgħu jiġu implimentati b'mod predominanti permezz tal-għotjiet;
92. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu fond speċjali ddedikat għall-Garanzija għat-Tfal, li jqiegħed lit-tfal fiċ-ċentru tal-politiki li jespandu dwar it-tnaqqis tal-faqar u jassigura r-riżorsi korrispondenti għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri politiċi neċessarji, inkluż billi jgħin lill-ġenituri joħorġu mill-esklużjoni soċjali u mill-qgħad permezz ta' interventi mmirati;
93. Jenfasizza li l-FSE b'mod partikolari għandu jespandi l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp tad-djalogu soċjali, jiġifieri billi jtejjeb il-bini ta' kapaċità ta' sħab soċjali inkluż fil-livelli settorjali u intersettorjali Ewropej u li dan l-impenn għandu jsir obbligatorju għall-Istati Membri fir-reġjuni kollha tal-UE;
94. Jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa kontinwa tal-ġlieda kontra l-qgħad u l-esklużjoni fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), bħala parti minn approċċ komprensiv għall-politiki taż-żgħażagħ fil-livell tal-UE; jappella, għalhekk, biex il-pakkett tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ jiġi rduppjat għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE, filwaqt li tiġi żgurata l-allokazzjoni rapida u simplifikata ta' fondi u finanzjament permanenti u stabbli fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss; jissottolinja l-ħtieġa għal regolament imtejjeb sabiex tiġi ssalvagwardjata l-parteċipazzjoni nondiskriminatorja fil-programm għaż-żgħażagħ li jiġu minn sfond soċjoekonomiku żvantaġġat; iqis li l-investiment maħsub biex jagħti spinta lill-edukazzjoni u t-taħriġ, speċjalment l-iżvilupp tal-litteriżmu diġitali, jibqa' fost il-prijoritajiet assoluti tal-UE; jinsisti li dan il-programm ma jridx jissostitwixxi l-infiq preċedentement iffinanzjat mill-baġits nazzjonali;
95. Jesprimi appoġġ għall-programmi fl-oqsma tal-kultura, tal-edukazzjoni, tal-mezzi ta' komunikazzjoni, taż-żgħażagħ, tal-isport, tad-demokrazija, taċ-ċittadinanza u tas-soċjetà ċivili li wrew biċ-ċar il-valur miżjud Ewropew tagħhom u ilhom igawdu minn popolarità fost il-benefiċjarji; jirrakkomanda, għalhekk, investiment kontinwu fil-qafas għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ fl-2020 permezz tal-programm Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-programmi L-Ewropa għaċ-Ċittadini, sabiex jintlaħqu persuni ta' kull età, speċjalment iż-żgħażagħ; itenni l-appoġġ tiegħu biex tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-programmi Erasmus+ u Ewropa Kreattiva; jirrakkomanda, barra minn hekk, it-tkomplija tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, b'riżorsi adegwati li ma għandhomx isiru għad-detriment ta' programmi oħra tal-UE; jenfasizza wkoll il-kontribut sinifikanti li l-industriji kulturali u kreattivi (CCIs) għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE;
96. Jirrakkomanda li jitwaqqaf Fond Ewropew tad-Demokrazija intern għall-appoġġ imsaħħaħ tas-soċjetà ċivili u tal-NGOs li jaħdmu fl-oqsma tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, li għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni;
97. Jitlob, b'mod partikolari, li l-pakkett għal Erasmus+ mill-inqas jittripla fil-QFP li jmiss bil-għan li jintlaħqu ħafna aktar żgħażagħ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u studenti mill-iskejjel sekondarji u apprendisti mill-Ewropa kollha, u biex jiġu pprovduti b'kompetenzi ta' valur u ħiliet għall-ħajja permezz ta' opportunitajiet ta' tagħlim matul il-ħajja kollha, edukazzjoni bbażata fuq min qed jitgħallem, edukazzjoni mhux formali u tagħlim informali, b'mod partikolari l-volontarjat u x-xogħol maż-żgħażagħ; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-persuni li jkunu ġejjin minn sfond soċjoekonomiku żvantaġġjat sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-programm, kif ukoll għal persuni b'diżabilità;
98. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti segwitu għall-proġett "18th Birthday Interrail Pass for Europe" ("Biljett Interrail għall-Ewropa f'Għeluq it-18-il sena") u timplimenta programm dedikat fil-QFP li jmiss b'biżżejjed approprjazzjonijiet annwali biex jiġu koperti l-applikazzjonijiet kollha għal biljett ferrovjarju b'xejn li jaslu mingħand żgħażagħ Ewropej li jagħlqu t-18-il sena f'sena speċifika; jissottolinja li proġett bħal dan isir komponent ewlieni fiż-żieda tal-kuxjenza u tal-identità Ewropej, speċjalment fid-dawl ta' theddidiet bħall-popoliżmu u t-tixrid ta' informazzjoni qarrieqa; itenni li biex jintlaħaq l-objettiv ta' programm bħal dan, hija mistennija proposta b'bażi ġuridika xierqa mingħand il-Kummissjoni;
99. Jistenna li fil-perjodu wara l-2020, l-Unjoni Ewropea se tgħaddi minn modalità ta' ġestjoni tal-kriżi għal politika komuni Ewropea permanenti fil-qasam tal-asil u tal-migrazzjoni; jisħaq li l-azzjonijiet f'dan il-qasam għandhom ikunu koperti minn strument apposta, jiġifieri l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF); jenfasizza li l-fond futur, kif ukoll l-aġenziji fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI), iridu jkunu mgħammra b'livell adegwat ta' finanzjament għall-QFP sħiħ li jmiss sabiex jindirizzaw l-isfidi komprensivi f'dan is-settur; jemmen, barra minn hekk, li l-AMIF għandu jkun komplementat b'komponenti addizzjonali li jittrattaw il-kwistjonijiet taħt il-kappa ta' dawn il-politiki, partikolarment mill-fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-istrumenti ta' finanzjament għall-azzjonijiet esterni, billi l-ebda strument waħdu ma jista' jittama li jindirizza l-kobor u l-kumplessità tal-bżonnijiet f'dan il-qasam; jirrikonoxxi, barra minn hekk, l-importanza tal-programmi kulturali, edukattivi, għaż-żgħażagħ u dawk sportivi fl-integrazzjoni tar-rifuġjati u tal-migranti fis-soċjetà Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk ir-rwol tal-ibliet Ewropej fi ħdan il-politika Ewropea dwar l-asil jistax jissaħħaħ bl-introduzzjoni ta' skema ta' inċentivi li toffri appoġġ finanzjarju għall-akkomodazzjoni tar-rifuġjati u għall-iżvilupp ekonomiku direttament lill-ibliet talli jirċievu rifuġjati u applikanti għall-asil;
100. Jirrikonoxxi l-valur miżjud Ewropew ta' kollaborazzjoni fl-indirizzar tat-theddid komuni għas-saħħa pubblika; jinnota li ebda Stat Membru ma jista' jindirizza waħdu l-isfidi transfruntieri tas-saħħa u jitlob li l-QFP li jmiss jirrifletti r-responsabbiltà tal-UE li timplimenta l-SDG dwar is-saħħa pubblika, is-sistemi tas-saħħa u l-problemi relatati mal-ambjent, u biex tappoġġja lill-Istati Membri biex jeliminaw l-inugwaljanzi dejjem akbar fil-qasam tas-saħħa; iqis li, abbażi tal-eżitu pożittiv tal-azzjonijiet li għaddejja f'dan il-qasam, il-QFP li jmiss għandu jinkludi programm sod tal-ġenerazzjoni li jmiss għas-saħħa li jindirizza dawn il-kwistjonijiet fuq bażi transfruntiera, pereżempju billi jsibu soluzzjonijiet innovattivi għall-provvista tal-kura tas-saħħa, inkluż is-saħħa diġitali, bħan-Netwerks Ewropej ta' Referenza u li tipprovdi appoġġ għall-Istati Membri fil-forma ta' għarfien espert u skambju ta' data, evidenza u prattiki tajba; ifakkar li saħħa tajba hija prerekwiżit għall-ilħuq ta' għanijiet oħra stabbiliti mill-UE, u li politiki bħal dawk dwar l-agrikoltura, l-ambjent, l-impjiegi, il-kwistjonijiet soċjali jew l-inklużjoni għandhom ukoll impatt fuq is-saħħa taċ-ċittadini Ewropej; jappella, għaldaqstant, għat-tisħiħ tal-valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-saħħa u tal-kooperazzjoni transsettorjali fil-QFP li jmiss f'dan il-qasam
Agrikoltura u sajd aktar b'saħħithom u sostenibbli
101. Jafferma li l-politika agrikola komuni (PAK) modernizzata hija fundamentali għas-sigurtà tal-ikel u għall-awtonomija, għall-konservazzjoni tal-popolazzjonijiet rurali u tal-impjiegi, għall-iżvilupp sostenibbli, għas-sostenibbiltà ambjentali, agrikola u tal-forestrija, u għall-għoti ta' prodotti tal-ikel ta' kwalità għolja u nutrittivi bi prezzijiet raġonevoli liċ-ċittadini Ewropej; jindika li r-rekwiżiti alimentari u sanitarji żdiedu, kif ukoll il-bżonn li tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni tal-bdiewa lejn prattiki agrikoli li jirrispettaw aktar l-ambjent u li jindirizzaw it-tibdil fil-klima; jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ lis-sigurtà tad-dħul tal-bdiewa u tissaħħaħ ir-rabta bejn il-PAK u t-twassil tal-beni pubbliċi; jissottolinja li l-PAK hija waħda mill-aktar politiki integrati u hija ffinanzjata prinċipalment fil-livell tal-UE, u għaldaqstant, tieħu post l-infiq nazzjonali;
102. Jenfasizza li l-baġit tal-PAK fil-QFP li jmiss għandu almenu jinżamm fil-livell attwali tiegħu għall-UE-27 bi prezzijiet kostanti; jenfasizza li l-isfidi l-ġodda li jrid iħabbat wiċċu magħhom il-PAK li jmiss jeħtieġu allokazzjoni finanzjarja soda bbażata fuq analiżijiet tal-politika attwali u futuri; jissottolinja li l-pagamenti diretti jiġġeneraw valur miżjud Ewropew ċar u jsaħħu s-suq uniku billi jevitaw tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri; jopponi kwalunkwe rinazzjonalizzazzjoni u kwalunkwe kofinanzjament nazzjonali għall-pagamenti diretti f'dak ir-rigward; jisħaq fuq il-bżonn li jitkomplew miżuri li jżommu l-produzzjoni fis-setturi li huma vitali għaż-żoni vulnerabbli, issir riforma fir-riżerva agrikola ta' kriżi, jiżdied il-finanzjament skont ir-risposti lid-diversi kriżijiet ċikliċi f'setturi sensittivi, bil-għan li jinħolqu strumenti ġodda li jistgħu jtaffu l-volatilità tal-prezzijiet u jżidu l-finanzjamenti għall-Programmi ta' Soluzzjonijiet Speċifiċi Relatati mal-Periferiċità u l-Insularità (POSEI); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-proċess ta' konverġenza ta' pagamenti diretti u tiżgura l-qafas finanzjarju u legali meħtieġ għall-katina tal-provvista tal-ikel, sabiex jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali inġusti; ifakkar li ż-żoni rurali fl-UE qed jaffaċċjaw problemi serji u għalhekk jeħtieġu appoġġ speċifiku;
103. Jenfasizza l-importanza soċjoekonomika u ekoloġika tas-settur tas-sajd, l-ambjent marittimu u l-"ekonomija blu" u l-kontribut tagħhom lejn l-awtonomija alimentari sostenibbli tal-UE f'termini tal-iżgurar ta' sostenibbiltà tal-akkwakultura u s-sajd Ewropej u l-mitigrazzjoni tal-impatt ambjentali; jirrimarka li l-politika komuni tas-sajd hija kompetenza esklużiva tal-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn li jinżamm fond tas-sajd speċifiku, sostanzjali, indipendenti u aċċessibbli biex jimplimenta din il-politika; jitlob li jerġa' jiġi stabbilit il-Programm ta' Soluzzjonijiet Speċifiċi Relatati mal-Periferiċità u l-Insularità fis-Sajd, peress li dan huwa programm importanti ħafna għar-Reġjuni Ultraperifiċi tal-UE; jitlob, tal-inqas, li jinżamm il-livell tal-approprjazzjonijiet finanzjarji ddedikati għas-settur tas-sajd, fl-ambitu tal-QFP attwali, u, jekk jinqalgħu bżonnijiet ġodda, għal żieda fl-approprjazzjonijiet finanzjarji għall-affarijiet marittimi; iwissi kontra l-impatti negattivi possibbli ta' Brexit "iebes" fuq dan is-settur; josserva li l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn, barra mill-għajnuna mhux rimborżabbli, jistgħu jagħtu possibbiltajiet ta' finanzjament komplementari;
Aktar responsabbiltà fid-dinja
104. Jisħaq fuq il-fatt li d-dinja qiegħda taffaċċja bosta sfidi inklużi l-kunflitti, l-attakki ċibernetiċi, it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, id-diżinformazzjoni, id-diżastri naturali, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-disparità bejn is-sessi; jemmen li l-Unjoni għandha responsabbiltà politika u finanzjarja partikolari li tissejjes fuq politika estera li tkun ġenwinament Ewropea u bbażata fuq ir-regoli u l-valuri, u li tissejjes fuq l-appoġġ għall-istabbiltà, is-sigurtà, il-governanza demokratika u l-iżvilupp sostenibbli tas-sħab tagħna, kif ukoll fuq il-qerda tal-faqar u r-rispons għall-kriżijiet;
105. Jenfasizza li l-approprjazzjonijiet għall-azzjoni esterna għandhom jiżdiedu b'mod sostanzjali jekk l-Unjoni trid twettaq ir-rwol tagħha fil-qafas tal-istrateġija globali tagħha u tal-politiki tat-tkabbir, tal-viċinat u tal-iżvilupp tagħha, kif ukoll biex tindirizza l-emerġenzi; jistenna li l-QFP li jmiss jirrifletti l-bżonnijiet bla preċedenti tal-pajjiżi ġirien tan-Nofsinhar u tal-Lvant li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' kunflitti u mal-konsegwenzi tal-isfidi ppreżentati mill-migrazzjoni u mir-rifuġjati; jitlob li jiġi allokat livell ogħla ta' approprjazzjonijiet biex jindirizza l-ħtieġa dejjem akbar ta' għajnuna umanitarja li tirriżulta minn diżastri naturali u minn dawk magħmula mill-bniedem, billi jevita kwalunkwe differenza bejn l-impenji u l-pagamenti; jemmen li huwa meħtieġ għall-Unjoni li żżid il-finanzjament għall-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-NU għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA); jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa għal riżorsi addizzjonali biex jiffinanzjaw pjan ta' investiment għall-Afrika għal promozzjoni tat-tkabbir inklużiv u l-iżvilupp sostenibbli, u b'hekk jiġu indirizzati wħud mill-kawżi primarji tal-migrazzjoni irregolari;
106. Ifakkar li l-politika ta' żvilupp tal-UE hija xprunata minn sensiela ta' impenji, b'mod partikolari l-SDGs, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp, il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, kif ukoll il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u l-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna; jiġbed l-attenzjoni għall-impenn meħud mill-UE u mill-Istati Membri tagħha biex, sal-2030, iżidu l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) tagħhom għal 0,7 % tal-PDG, li minnha 20 % tal-ODA tal-UE jmorru għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem u 0,2 % tal-ING tal-UE fl-ODA jmorru għall-pajjiżi inqas żviluppati;
107. Jinnota li l-għajnuna għall-iżvilupp tista' tiżvolġi rwol importanti fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni u fil-kontribuzzjoni għall-istabbiltà, iżda jqis li l-ODA m'għandhiex tintuża biex tkopri l-ispejjeż li ntefqu fil-pajjiżi donaturi għall-ħtiġijiet tar-rifuġjati; jinnota r-rwol potenzjali tal-ODA li tiffaċilita l-mobilizzazzjoni ta' finanzjament minn sorsi oħra, u jissottolinja l-ħtieġa għal aktar involviment mas-settur privat permezz ta' kontinwazzjoni possibbli tal-Pjan ta' Investiment Estern, billi jibbaża fuq l-evalwazzjonijiet tiegħu;
108. jappoġġja l-għoti dirett ta' fondi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment f'pajjiżi terzi fejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt huma f'riskju; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li l-istrumenti ta' finanzjament estern jipprovdu rispons rapidu għall-iżviluppi politiċi u jsaħħu l-prinċipju ta' "aktar għal aktar";
109. Lest jikkunsidra arkitettura simplifikata għall-istrumenti ta' finanzjament estern, dment li żżid it-trasparenza, ir-responsabbiltà, l-effiċjenza, il-koerenza u l-flessibbiltà, u tirrispetta l-objettivi tal-politiki sottostanti; jitlob li jinżammu strumenti ddedikati separati għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni, għall-Viċinat, għall-Iżvilupp u għall-Għajnuna Umanitarja minħabba l-fatturi politiċi u finanzjarji speċifiċi tagħhom; jinnota li tali arkitettura għandha tinkludi FEŻ ibbaġitjat miżjud mal-limiti miftiehma mingħajr il-Faċilità tal-Paċi Afrikana, u inkorporazzjoni aktar trasparenti tal-fondi fiduċjarji u l-faċilitajiet rilevanti;
110. Ifakkar fl-importanza ta' flessibbiltà msaħħa biex tippermetti l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi addizzjonali u r-rilaxx rapidu tal-fondi; jikkunsidra x'aktarx, bħala parti minn żieda globali fl-istrumenti ta' finanzjament estern, riżerva mhux allokata akbar immirata biex iżżid il-flessibbiltà intrinsika; jisħaq madankollu li tali flessibbiltà m'għandhiex tinkiseb b'detriment għall-objettivi tal-politika fuq tul ta' żmien twil u l-prijoritajiet ġeografiċi u tematiċi, għall-prevedibbiltà tal-finanzjament fuq tul ta' żmien twil, għall-iskrutinju parlamentari u għall-konsultazzjonijiet mal-pajjiżi sħab u mas-soċjetà ċivili;
Sigurtà, paċi u stabbiltà għal kulħadd
111. Jemmen li l-ħolqien ta' intestatura ġdida ddedikata għal "Sigurtà, paċi u stabbiltà għal kulħadd" juri l-prijorità li l-Unjoni tagħti lil din ir-responsabbiltà politika emerġenti, jirrikonoxxi l-ispeċifiċità tagħha u jikseb konsistenza bejn id-dimensjoni interna u dik esterna tagħha;
112. Jissottolinja li l-livell u l-mekkaniżmi ta' finanzjament fil-qasam tas-sigurtà interna għandhom ikunu intensifikati mill-bidu u għall-perjodu sħiħ tal-QFP li jmiss bil-għan li jevitaw ir-rikors sistematiku ta' kull sena għad-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà tal-QFP; jitlob li jingħataw biżżejjed riżorsi lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi (Europol, Eurojust u Cepol) u li l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira (eu-LISA) tkun mgħammra bil-mezzi biex timplimenta u tiġġestixxi r-responsabbiltajiet il-ġodda tagħha; jissottolinja r-rwol tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali biex tifhem u twieġeb għall-fenomeni tar-radikalizzazzjoni, tal-emarġinazzjoni, tad-diskors ta' mibegħda u tar-reati ta' mibegħda;
113. Jemmen li l-QFP li jmiss irid jappoġġja l-ħolqien ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża; jinsab ħerqan dwar il-proposti leġiżlattivi rilevanti, b'segwitu għad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni f'dawn l-oqsma, li jinkludu programm ta' riċerka tal-UE fil-qasam tad-difiża u programm ta' żvilupp industrijali kkomplementat mill-investiment tal-Istati Membri fit-tagħmir kollaborattiv; jerġa' jafferma, f'dan il-kuntest, il-konvinzjoni qawwija tiegħu li l-prijoritajiet politiċi addizzjonali għandhom ikunu abbinati ma' mezzi finanzjarji addizzjonali; ifakkar li kooperazzjoni miżjuda fil-qasam tad-difiża, l-aggregazzjoni tar-riċerka u tat-tagħmir u l-eliminazzjoni tad-duplikazzjonijiet se jagħtu spinta lill-awtonomija strateġika u l-kompetittività tal-industrija tad-difiża tal-Ewropa u jwasslu għal gwadann kbir f'termini ta' effiċjenza, spiss stmat għal madwar EUR 26 biljun fis-sena;
114. Jitlob, fil-kuntest taż-żieda fl-attenzjoni mogħtija lis-sigurtà u d-difiża fl-Unjoni, rivalutazzjoni tan-nefqa kollha għas-sigurtà esterna; jinsab ħerqan, b'mod partikolari, għal riforma tal-mekkaniżmu Athena u tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika wara l-inklużjoni fil-baġit tal-FEŻ; jilqa' l-impenji reċenti li ħadu l-Istati Membri taħt il-kooperazzjoni strutturata permanenti u jitlob lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissjoni biex jipprovdu kjarifiki f'dak li jikkonċerna l-finanzjamenti futuri; jitlob għal programm suċċessur għall-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi li jikkonċentra fuq ir-rispons għall-kriżijiet u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sigurtà u l-iżvilupp, filwaqt li tinstab soluzzjoni legalment soda għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari;
115. Jisħaq fuq l-importanza assoluta tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili li ppermetta għajnuna kkoordinata tal-UE f'diżastri naturali u f'dawk magħmula mill-bniedem fl-Unjoni u lil hinn minnha; jindika l-valur miżjud indiskutibbli tal-operazzjonijiet tal-protezzjoni ċivili li jiġġieldu b'mod effikaċi kontra d-diżastri li qed isiru dejjem aktar spissi u kumplessi, filwaqt li jsaħħu s-sensazzjoni ta' solidarjetà Ewropea fost iċ-ċittadini tal-UE fi żminijiet ta' bżonn; jilqa' l-proposti reċenti tal-Kummissjoni biex tingħata spinta lill-protezzjoni ċivili tal-UE billi jissaħħu l-istat ta' tħejjija u l-miżuri ta' prevenzjoni, inkluż l-istabbiliment ta' riżerva dedikata ta' kapaċitajiet operazzjonali fil-livell tal-Unjoni; jitlob li azzjoni msaħħa f'dan il-qasam tkun akkoppjata ma' finanzjament adegwat fil-QFP li jmiss;
Amministrazzjoni effiċjenti għas-servizz taċ-ċittadini Ewropej
116. Iqis li amministazzjoni pubblika b'saħħitha, effiċjenti u ta' kwalità għolja hija indispensabbli biex il-politiki tal-Unjoni jħallu l-frott u biex terġa' tibni l-fiduċja u ssaħħaħ id-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini fil-livelli kollha; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-istituzzjonijiet magħmula minn membri demokratikament eletti; ifakkar li, skont il-Qorti tal-Awdituri, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE implimentaw tnaqqis ta' 5 % tal-persunal kif stabbilit fl-organigrammi tagħhom; huwa tal-fehma li ma għandhomx ikunu soġġetti għal approċċ ta' tnaqqis orizzontali ulterjuri ta' dan it-tip; jesprimi l-oppożizzjoni feroċi tiegħu għal ripetizzjoni tal-hekk imsejħa aggregazzjoni ta' tqassim mill-ġdid għall-aġenziji;
117. Jilqa' l-inizjattivi tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-aġenziji biex iżidu aktar l-effiċjenza bis-saħħa ta' kooperazzjoni amministrattiva miżjuda u l-aggregazzjoni ta' ċerti funzjonijiet, b'hekk isir iffrankar fil-baġit tal-Unjoni; jenfasizza l-fatt li, għal ċerti aġenziji, jista' jsir aktar gwadann f'termini ta' effiċjenza, speċjalment permezz ta' kooperazzjoni miżjuda fost l-aġenziji b'kompiti simili, bħal fil-qasam tas-superviżjoni tas-suq finanzjarju u tal-aġenziji b'bosta sedi; jitlob, b'mod aktar ġenerali, li jiġu vvalutati bir-reqqa l-possibbiltajiet li jingħaqdu l-aġenziji skont in-natura strateġika tal-missjoni tagħhom u r-riżultati tagħhom sabiex joħolqu sinerġiji bejn l-aġenziji, eż. rigward l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq f'Pariġi;
118. Iqis li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE għandhom jirrispettaw kemm il-bilanċ ġeografiku kif ukoll il-bilanċ bejn is-sessi,
119. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi mekkaniżmu li permezz tiegħu, l-Istati Membri li ma jirrispettawx il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), ikunu soġġetti għal konsegwenzi finanzjarji; iwissi, madankollu, li l-benefiċjarji finali tal-baġit tal-Unjoni ma jistgħu bl-ebda mod jiġu affettwati minn ksur ta' regoli li ma jkunux responsabbli għalih; huwa konvint, għalhekk, li l-baġit tal-Unjoni mhuwiex l-istrument ġust biex jiġi indirizzat in-nuqqas li wieħed jirrispetta l-Artikolu 2 TUE, u li kwalunkwe konsegwenza finanzjarja għandha taqa' fuq l-Istat Membru b'mod indipendenti mill-implimentazzjoni tal-baġit;
120. Jenfasizza li l-eliminazzjoni ta' diskriminazzjonijiet, kif ukoll tad-disparità bejn is-sessi u l-vjolenza abbażi ta' sess, hija vitali biex tissodisfa l-impenji tal-UE lejn Ewropa inklużiva; jappoġġja, għalhekk, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-impenji dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha tal-UE taħt il-QFP li jmiss, kif ukoll id-dimensjoni baġitarja msaħħa fil-ġlieda kontra l-każijiet kollha ta' diskriminazzjoni, b'attenzjoni partikolari għad-dimensjoni tal-ġeneru fi ħdan il-politiki dwar il-migrazzjoni u l-asil u l-politika esterna tal-UE;
121. Jisħaq, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li n-nisa jkollhom aċċess għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet speċifiċi ta' persuni vulnerabbli inklużi minorenni u gruppi oħra, bħall-komunità LGBTI;
122. Huwa favur li jingħata appoġġ lil gruppi destinatarji żvantaġġati, billi jeskludi b'mod espliċitu prattiki segregazzjonali, speċjalment persuni b'diżabbiltà u dawk Rom, u b'mod partikolari li d-denominazzjoni ta' "persuni Rom" tibqa' fil-lista ta' benefiċjarji tal-FSE u l-FEŻR;
123. Jinnota li, minħabba l-iżolament tagħhom mill-kontinent Ewropew, ir-Reġjuni Ultraperiferiċi (ORs) u l-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej (OCTs) iridu jaffaċċjaw sfidi naturali, ekonomiċi u soċjali speċifiċi; iqis li għandhom jiġu stabbiliti għalihom miżuri mfassla apposta u derogi debitament ġustifikati; jitlob li l-UE tkompli tagħti l-appoġġ finanzjarju lill-ORs u l-OCTs fil-QFP li jmiss, b'mod partikolari taħt il-politika ta' koeżjoni għall-ORs u taħt strument speċifiku għall-OCTs, sabiex ikollhom l-aċċess għal programmi ta' riċerka u jiġġieldu kontra l-isfidi speċifiċi tat-tibdil tal-klima li jaffaċċjaw;
124. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għall-fini ta' ġestjoni finanzjarja tajba u trasparenza tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, biex tikkunsidra li tistabbilixxi kundizzjonijiet xierqa għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u tal-frodi finanzjarja rigward fondi tal-UE; jesprimi tħassib partikolari rigward il-frodi doganali, li ħolqot telf sinifikanti ta' introjtu għall-baġit tal-Unjoni; jistieden lil dawk l-Istati Membri li oġġezzjonaw għall-qafas legali tal-Unjoni rigward ksur doganali u sanzjonijiet biex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom sabiex jippermettu soluzzjoni rapida għal din il-problema;
IV.Proċedura u proċess deċiżjonali
125. Ifakkar li l-adozzjoni tal-Regolament dwar il-QFP teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament; jenfasizza, barra minn hekk, li l-Parlament u l-Kunsill huma żewġ fergħat indaqs tal-awtorità baġitarja fl-adozzjoni tal-baġit annwali tal-UE, filwaqt li l-leġiżlazzjoni settorjali li toħloq il-maġġoranza l-kbira tal-programmi tal-UE, inklużi l-pakketti finanzjarji tagħhom, hija deċiża fl-ambitu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jistenna, għaldaqstant, proċedura deċiżjonali fil-QFP li jmiss li tħares ir-rwol u l-prerogattivi tal-Parlament kif stabbiliti fit-Trattati; jinsisti li r-Regolament QFP mhuwiex il-lok xieraq għal tibdiliet fir-Regolament Finanzjarju tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposta separata għal reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju tal-UE, kull meta jkun hemm il-ħtieġa li jsiru bidliet f'dak ir-regolament;
126. Jesprimi d-disponibbiltà tiegħu li jidħol minnufih fi djalogu strutturali mal-Kummissjoni u mal-Kunsill dwar il-QFP ta' wara l-2020 bil-għan li jiffaċilita n-negozjati sussegwenti u jippermetti ftehim sa tmiem din il-leġiżlatura; jinsab lest jiddiskuti mal-Kunsill il-pożizzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni attwali, sabiex jippermettu fehim aħjar tal-aspettattivi tal-Parlament fir-rigward tal-QFP li jmiss;
127. Jissottolinja li, bil-proposti tal-Kummissjoni mistennija għal Mejju 2018, fi żmien sena għandha tittieħed deċiżjoni formali dwar il-QFP li jmiss; iqis li, minkejja d-dewmien fil-preżentazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni, għandu jintlaħaq ftehim fil-ħin għall-qafas ta' wara l-2020, sabiex jibgħat messaġġ politiku importanti rigward il-kapaċità tal-Unjoni li tkompli tibni kunsens dwar il-futur tal-UE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti; jinsisti li dan il-kalendarju se jippermetti, fost oħrajn, l-adozzjoni rapida tar-regolamenti settorjali kollha, b'hekk jippermetti li l-programmi l-ġodda jkunu jistgħu jibdew mingħajr dewmien fl-1 ta' Jannar 2021; ifakkar li, fl-oqfsa finanzjarji preċedenti, il-programmi l-ġodda essenzjalment tnedew ftit snin wara l-bidu tal-perjodu;
128. Iqis li l-Parlament li jkun għadu kemm ġie elett jista', filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza assoluta tal-membri komponenti tiegħu, fi żmien 6 xhur wara l-elezzjonijiet Ewropej jitlob li l-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali li tistabbilixxi l-programmi suċċessuri tal-UE fil-QFP li jmiss, li tkun ġiet adottata mil-leġiżlatura preċedenti;
129. Jissottolinja, għalhekk, il-bżonn li jibdew mingħajr dewmien diskussjonijiet sostanzjali bejn it-tliet istituzzjonijiet; jisħaq fuq il-fatt li l-elementi kollha tar-Regolament dwar il-QFP, inklużi l-limiti massimi tal-QFP, se jkunu parti min-negozjati tal-QFP u għandhom jibqgħu fuq il-mejda tan-negozjati sa ma jintlaħaq il-ftehim finali; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-pożizzjoni kritika tal-Parlament fil-konfront tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni tar-Regolament dwar il-QFP attwali u r-rwol dominanti li l-Kunsill Ewropew assuma f'dan il-proċess billi ddeċieda b'mod irrevokabbli dwar għadd ta' elementi, inklużi l-limiti massimi tal-QFP u bosta dispożizzjonijiet settorjali relatati mal-politiki;
130. Huwa tal-fehma li għandu jintlaħaq qbil mingħajr dewmien, taħt il-Presidenza Bulgara u qabel il-preżentazzjoni tal-proposti għall-QFP, dwar il-proċeduri relatati man-negozjati QFP li ġejjin, u partikolarment l-involviment tal-Parlament fid-diversi fażijiet ta' dan il-proċess; jistenna, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament, fi żmien raġonevoli, bl-istess livell ta' informazzjoni li jkun disponibbli għall-Kunsill; iqis li dawn l-arranġamenti għandhom eventwalment jitniżżlu fil-FII, kif huwa l-każ għall-proċedura baġitarja annwali;
131. Iqis li r-rekwiżit ta' unanimità għall-adozzjoni tar-Regolament dwar il-QFP jirrappreżenta xkiel reali fil-proċess; jistieden lill-Kunsill Ewropew, f'dan ir-rigward, biex jattiva l-klawsola passerelle prevista fl-Artikolu 312(2) tat-TFUE sabiex jippermetti l-adozzjoni tar-Regolament QFP permezz ta' maġġoranza kwalifikata; ifakkar, barra minn hekk, li l-klawsola passerelle ġenerali stipulata fl-Artikolu 48(7) TUE tista' wkoll tiġi implimentata, sabiex tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jisħaq li bidla favur votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għall-adozzjoni tar-Regolament dwar il-QFP tkun konformi mal-proċess deċiżjonali għall-adozzjoni ta', tista' tgħid, il-programmi pluriennali kollha tal-UE, kif ukoll għall-proċedura annwali għall-adozzjoni tal-baġit tal-UE;
o o o
132. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u lill-korpi kkonċernati l-oħrajn, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
— wara li kkunsidra l-Artikoli 311 u 332(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
— wara li kkunsidra l-Artikoli 106a u 171 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
— wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(1),
— wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(2),
— wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti(3),
— wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-21 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali" (COM(2017)0547),
— wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(4),
— wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 intitolata "Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFP) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva"(5),
— wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 intitolata "Negozjati dwar il-QFP 2014-2020: it-tagħlimiet li għandhom jittieħdu u t-triq 'il quddiem"(6),
— wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(7),
— wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014(8) dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej,
— wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016(9) dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020,
— wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Future financing of the EU – Final report and recommendations of the High Level Group on Own Resources (Il-finanzjament futur tal-UE - rapport u rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji), ta' Diċembru 2016,
— wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,
— wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew,
— wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0041/2018),
A. billi, skont it-Trattat ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 1957, il-Komunità Ekonomika Ewropea kellha tkun iffinanzjata b'kontribuzzjonijiet nazzjonali għal perjodu tranżitorju biss li kellu jiġi segwit minn bidla għal sistema ta' riżorsi proprji;
B. billi l-Kunsill Ewropew ta' Lussemburgu ta' April 1970 iddeċieda dwar sistema ta' riżorsi proprji, li kellha ġġib fi tmiem il-kontribuzzjonijiet nazzjonali u tintroduċi żewġ riżorsi proprji ġenwini, jiġifieri imposti agrikoli u dazji doganali, ikkomplementati b'tielet riżorsa bbażata fuq il-valur miżjud (VAT);
C. billi f'Ġunju 1988, il-Kunsill Ewropew introduċa riżorsa proprja bbażata fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-Istati Membri, peress li d-dħul iġġenerat mir-riżorsi proprji eżistenti ma kinux biżżejjed biex ikopru n-nefqa totali tal-baġit tal-UE;
D. billi s-sehem tar-riżorsa bbażata fuq l-ING żdied b'mod sinifikanti, minn madwar 11 % fl-1988 għal 69 % fl-2014, hekk li din ir-riżorsa "residwa" u "ta' bilanċ" inbidlet de facto biex illum saret l-akbar sors ta' dħul għall-baġit tal-UE; billi r-riżorsa tal-VAT bħalissa tammonta għal madwar 12 % tal-baġit tal-UE, ir-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji doganali, dazji agrikoli u imposti fuq iz-zokkor u l-isoglukożju ) għal madwar 13 %, u l-bqija tal-perċentwal huwa kopert minn dħul ieħor, inkluż it-taxxi li jitħallsu mill-persunal tal-UE jew multi li jitħallsu minn kumpaniji li jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni;
E. billi, sa mill-introduzzjoni fl-1984 fil-Kunsill Ewropew ta' Fontainebleau, tar-rifużjoni tal-Gran Brittanja, fejn jiġi rimborżat 66 % tal-kontribuzzjoni netta tar-Renju Unit, diversi rifużjonijiet u mekkaniżmi ta' korrezzjoni oħra ġew introdotti b'mod progressiv sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-hekk imsejħa "bilanċi baġitarji operattivi" ta' ċerti Stati Membri; billi tali korrezzjonijiet bħalissa primarjament jikkonċernaw jew tnaqqis mill-finanzjament tal-korrezzjoni tar-Renju Unit, jew inkella tnaqqis gross mill-kontribuzzjoni annwali tal-VAT jew tal-ING;
F. billi l-Parlament enfasizza, f'għadd ta' riżoluzzjonijiet matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-problemi u l-kumplessità tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, u talab ripetutament għal riforma approfondita sabiex is-sistema ssir aktar sempliċi, trasparenti u demokratika, inkluż bl-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda u ġenwini li għandhom, b'mod progressiv u safejn huwa possibbli, jissostitwixxu l-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING;
G. billi fl-2011, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett leġiżlattiv ambizzjuż dwar ir-riżorsi proprji (COM(2011)0510), ippreżentat b'mod konġunt mal-proposti għall-QFP 2014-2020, bl-għan li tissimplifika l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda – VAT riformata u Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji (TTF) – u r-riforma tal-mekkaniżmi ta' korrezzjoni; billi dawn il-proposti ġew injorati mill-Kunsill;
H. billi, b'riżultat tan-negozjati dwar il-QFP 2014-2020, ġie stabbilit Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji (HLGOR), li jinkludi rappreżentanti mit-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE u huwa ppresedut minn Mario Monti; billi f'Diċembru 2016, l-HLGOR ippreżenta r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, li jirrappreżentaw il-bażi għall-elaborazzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament kif stabbilita f'dan ir-riżoluzzjoni; jenfasizza li dan ir-rapport ġie adottat b'mod unanimu mill-membri tiegħu kollha, inklużi l-membri maħtura mill-Kunsill;
1. Jinnota li l-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta l-proposti tagħha għall-QFP ta' wara l-2020 sa Mejju 2018; jesiġi li l-QFP futur propost mill-Kummissjoni jkun jinkludi proposti ambizzjużi biex jiġu riveduti d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji u l-atti leġiżlattivi relatati kollha, kif ukoll biex jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda; jissottolinja li kemm in-naħa tan-nefqa kif ukoll tad-dħul tal-QFP li jmiss se jiġu ttrattati bħala pakkett uniku fin-negozjati li ġejjin bejn il-Kunsill u l-Parlament; jiddikjara li l-ebda ftehim mhu se jintlaħaq dwar il-QFP mingħajr ma jsiru passi korrispondenti 'l quddiem fir-rigward tar-riżorsi proprji;
2. Jippreżenta dan ir-riżoluzzjoni sabiex jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar l-elementi ewlenin tar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, inkluż il-kompożizzjoni tal-basket ta' riżorsi proprji ġodda, kif ukoll dwar l-elementi tas-sistema attwali li għandhom jibqgħu fis-seħħ; jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont debitu tal-pożizzjoni tal-Parlament fit-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi dwar ir-riżorsi proprji tal-UE, li għandhom ikunu ambizzjużi fil-portata u ppreżentati flimkien mal-proposti dwar il-QFP ta' wara l-2020; jinsab konvint dwar il-ħtieġa urġenti li jsir progress sinifikanti fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE, sabiex jiġi ffaċilitat ftehim dwar il-QFP li jmiss;
I.QAFAS LEGALI U L-PROĊESS TAT-TEĦID TA’ DEĊIŻJONIJIET
3. Ifakkar li l-Artikolu 311 tat-TFUE jipprevedi li: "L-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b'suċċess il-politika tagħha. Salv kull dħul ieħor, l-estimi għandhom ikunu ffinanzjati kompletament minn riżorsi proprji"; jenfasizza, għalhekk, li r-rekwiżit legali biex il-baġit tal-UE jiġi pprovdut b'riżorsi proprji ġenwini jirriżulta direttament mit-Trattat;
4. Ifakkar li, skont l-Artikolu 310 tat-TFUE, "id-dħul u l-ħruġ murija fl-estimi finanzjarji għandhom ikunu jaqblu"; jinnota, għaldaqstant, li d-dħul għandu jkopri t-totalità tal-infiq, kif adottat kull sena mill-awtorità baġitarja; jenfasizza li l-baġit tal-UE ma jistax iġarrab defiċit annwali jew jiġi ffinanzjat permezz ta' self mis-swieq finanzjarji;
5. Jinnota li l-att leġiżlattiv ewlieni li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet relatati mas-sistema tar-riżorsi proprji, l-hekk imsejħa Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, huwa adottat mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta lill-Parlament, u li din id-deċiżjoni hija soġġetta għar-ratifika mill-Istati Membri kollha; jissottolinja li din hija waħda mill-aktar proċeduri leġiżlattivi inkrepattivi previsti fit-Trattat;
6. Jinnota li, f'dan l-att leġiżlattiv, il-Kunsill jistabbilixxi inter alia l-limitu massimu tar-riżorsi proprji, u jista' jistabbilixxi kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji jew jabolixxi kategorija eżistenti; jissottolinja li anke jekk id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji ma għandhiex data ta' skadenza, hija marbuta direttament mal-QFP rispettiv li jistabbilixxi l-livell massimu ta' infiq għall-istess perjodu li huwa jkopri;
7. Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona introduċa dispożizzjonijiet ġodda rigward l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji, li jipprevedu l-possibbiltà li l-Kunsill jadotta regolament permezz ta' maġġoranza kwalifikata wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament; jiddispjaċih, madankollu, li bosta dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari dawk relatati mal-kalkolu tar-riżorsi bbażati fuq l-ING, xorta waħda għadhom jinsabu fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji; jappella, għalhekk, għal proċedura ta' adozzjoni b'inqas xkiel tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' reviżjoni futura tat-Trattat, biex jappoġġaw it-talba mill-Parlament biex b'hekk jimmodifikaw l-Artikolu 311 tat-TFUE, sabiex ir-rwol tal-Parlament jissaħħaħ fil-proċedura għall-adozzjoni tar-riżorsi proprji;
8. Ifakkar li l-Istati Membri huma responsabbli għall-politiki fiskali tagħhom, u jissottolinja li s-setgħa li jimponu taxxi tinsab fil-qalba tas-sovranità tal-Istati Membri; jissottolinja li r-riforma tar-riżorsi proprji tal-UE ma tirrappreżentax trasferiment tas-sovranità nazzjonali f'dan il-qasam, iżda, tallinja s-sistema tal-lum mal-ispirtu u l-ittra tat-Trattati tal-UE;
i.Il-ħtieġa li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-sistema attwali
9. Jenfasizza li s-sistema attwali tar-riżorsi proprji hija kumplessa ħafna, mhijiex ġusta u lanqas trasparenti, u hija totalment inkomprensibbli għaċ-ċittadini tal-UE; jirrimarka b'mod partikolari l-opaċità tal-kalkoli dwar ir-rifużjonijiet nazzjonali u l-mekkaniżmi ta' korrezzjoni li japplikaw għas-sistema tar-riżorsi proprji jew għar-riżorsa statistika bbażata fuq il-VAT; jenfasizza, barra minn hekk, li s-sistema mhijiex soġġetta għall-ebda kontroll parlamentari effettiv fil-livell tal-UE, u essenzjalment hija nieqsa mil-leġittimità u r-responsabbiltà demokratika;
10. Jissottolinja li l-mod kif evolviet is-sistema tar-riżorsi proprji, li gradwalment issostitwiet ir-riżorsi proprji ġenwini bl-hekk imsejħa "kontribuzzjonijiet nazzjonali", tqiegħed enfasi sproporzjonata fuq il-bilanċi netti bejn l-Istati Membri, hekk li l-kontribut tal-baġit tal-UE fl-ilħiq tal-objettivi komuni Ewropej għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE b'mod ġenerali safa injorat ; jiddispjaċih, għalhekk, li s-sehem totali tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-baġit tal-UE, ikkalkulat jew abbażi tal-ING jew bħala perċentwal tar-riżorsa statistika bbażata fuq il-VAT, jirrappreżenta madwar 83 % tad-dħul totali tal-UE;
11. Jinsab konvint li d-dominanza tar-riżorsa tal-ING saħħet il-loġika baġitarja ta' "juste retour" (redditu ġust), li mmonopolizzat id-dibattiti fil-Kunsill, kemm fir-rigward tad-dħul kif ukoll tal-infiq tal-baġit tal-UE; jirrimarka, f'dan il-kuntest, l-introduzzjoni tar-rifużjoni tal-Gran Brittanja u s-serje ta' rifużjonijiet u mekkanizmi ta' korrezzjoni oħrajn fir-rigward tad-dħul, min-naħa waħda, kif ukoll l-impossibbiltà li jintlaħaq ftehim fuq livell suffiċjenti dwar l-approprjazzjonijiet għall-baġit tal-UE fil-proċedura baġitarja annwali, min-naħa l-oħra; huwa tal-fehma li l-UE trid titbiegħed mill-kunċett ta' bilanċ operatorju nett, peress li fil-prattika l-Istati Membri kollha huma benefiċjarji tal-baġit tal-UE;
12. Iqis, b'mod partikolari, li d-deċiżjoni dwar id-daqs tal-baġit annwali tal-UE hija affettwata minn kunsiderazzjonijiet politiċi u finanzjarji fil-livell nazzjonali, li jimponu restrizzjonijiet fuq in-negozjati baġitarji li ta' spiss jirriżultaw f'logħba fejn il-gwadann ta' naħa jissarraf f'telf għan-naħa l-oħra ('zero-sum game') bejn il-kontributuri netti u l-benefiċjarji netti fil-Kunsill; li jinjoraw l-impenji tal-Unjoni, inkluż dawk li saru mill-Kunsill; iqis li, b'riżultat ta' dan, għadd ta' politiki tal-UE li għandhom l-ogħla valur miżjud Ewropew ħafna drabi huma l-oqsma fejn jiġi propost l-iffrankar tal-ispejjeż, u li b'konsegwenza jiddgħajjef il-proġett Ewropew;
13. Jinnota li l-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit tal-UE huma identifikati b'mod ċar fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit nazzjonali, u li ta' spiss huma meqjusa bħala piż finanzjarju li jisboq il-benefiċċji li jirriżultaw minn oqsma tan-nefqa tal-UE li ħafna drabi huma inqas viżibbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-baġit tal-UE;
14. Jinsab konvint, għalhekk, li s-sistema attwali tar-riżorsi proprji tikser, fis-sustanza, l-ittra u l-ispirtu tat-Trattat; itenni l-pożizzjoni li ilu jħaddan, li riforma fil-fond tar-riżorsi tal-UE hija indispensabbli sabiex il-finanzjament tal-baġit tal-UE jiġi riallinjat mar-rekwiżiti tat-Trattat u mal-ħtiġijiet tal-Unjoni kollha;
ii. Il-ħtieġa li l-Unjoni tiffinanzja l-politiki tagħha u twieġeb għall-isfidi l-ġodda
15. Jissottolinja li l-QFP ta' wara l-2020 jeħtieġ li jiżgura l-finanzjament adegwat tal-politiki u l-programmi tal-UE b'valur miżjud ċar Ewropew, iżda wkoll li jipprovdi mezzi addizzjonali biex jiġu indirizzati sfidi li diġà ġew identifikati f'oqsma bħalma huma t-tkabbir u l-impjiegi, it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni ambjentali, il-kompetittività, il-koeżjoni, l-innovazzjoni, il-migrazzjoni, il-kontroll tal-fruntieri esterni tal-UE, is-sigurtà u d-difiża;
16. Jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu evitati n-nuqqasijiet tal-QFP attwali, u li mill-bidu nett jiġi previst livell ta' riżorsi biex l-Unjoni tkun tista' ssegwi l-aġenda tal-politika tagħha b'finanzjament adegwat, u biex tirrispondi b'mod effettiv għall-avvenimenti jew kriżijiet mhux previsti li jistgħu jseħħu matul il-perjodu tal-qafas finanzjarju li jmiss; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi solvuta l-problema rikorrenti tan-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament suffiċjenti fil-proċedura baġitarja annwali; ifakkar fil-mobilizzazzjoni sostanzjali tad-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà tal-QFP li kienet meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni u r-rifuġjati waħedha;
17. Jistenna li, mingħajr preġudizzju għas-saldu finanzjarju, il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jirrappreżenta sfida importanti għall-QFP li jmiss u għad-deċiżjonijiet baġitarji kollha relatati; huwa konvint li, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-QFP ta' wara l-2020, "id-disktakk li jirriżulta mill-Brexit" għandu jitnaqqas sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi tal-UE ma jitnaqqsux u li l-programmi tal-UE ma jiġux milquta b'mod negattiv;
18. Jilqa' l-proposta li għamel il-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, fid-diskors tiegħu fil-Parlament Ewropew dwar l-Istat tal-Unjoni, dwar il-ħolqien ta' intestatura baġitarja speċifika għaż-żona tal-euro fi ħdan il-baġit tal-UE, u li ġiet żviluppata aktar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2017 dwar strumenti baġitarji ġodda għal żona tal-euro stabbli fi ħdan il-qafas tal-Unjoni (COM(2017)0822); jappella, għal dan l-għan, li jkun hemm kapaċità baġitarja fi ħdan il-baġit tal-UE 'il fuq mil-limiti massimi attwali;
III.LEJN SISTEMA TA’ RIŻORSI PROPRJI LI TKUN AĊĊETTABBLI U BBILANĊJATA
i. Prinċipji u suppożizzjonijiet li jirregolaw l-istabbiliment ta' sistema ġdida ta' riżorsi proprji
19. Huwa favur l-istabbiliment ta' sistema ġdida tar-riżorsi proprji li tkun trasparenti, aktar sempliċi u ekwa, li tibni fuq l-elementi tas-sistema attwali fejn dawn urew li kienu effettivi, sabiex ikun hemm finanzi stabbli fil-livell tal-UE; iqis li r-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji għandha tkun ibbażata fuq serje ta' prinċipji gwida;
20. Jenfasizza l-ħtieġa li d-dħul ikun marbut mal-objettivi tal-politika, b'mod partikolari fir-rigward tas-suq uniku, l-unjoni tal-enerġija, u l-politiki dwar l-ambjent, il-klima u t-trasport; jinsab konvint, f'dan ir-rigward, li l-baġit tal-UE għandu jiffoka fuq politiki b'valur miżjud Ewropew kif definit fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2017 dwar id-Dokument ta' riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE(10);
21. Jissottolinja, mil-lat operattiv, li r-riżorsi proprji ġodda ma jistgħux jiġu introdotti kollha fl-istess żmien, u jirrimarka l-ħtieġa li jkun hemm implimentazzjoni progressiva; iqis għalhekk li r-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tista' tinkiseb permezz ta' approċċ f'żewġ stadji: fl-ewwel stadju jiġu introdotti r-riżorsi proprji li huma l-inqas kumplessi teknikament, li l-ġabra tagħhom tkun ġestita b'mod faċli u bi spiża raġonevoli, u fit-tieni stadju tiġi introdotta b'mod gradwali kull riżorsa proprja ġdida, abbażi ta' skeda ta' żmien fissa sakemm ir-riżorsi kollha jkunu qabdu pass kostanti;
22. Iqis li l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda għandu jkollha għan doppju, jiġifieri, l-ewwel nett li twassal għal tnaqqis sostanzjali (bil-mira ta' 40 %) fil-perċentwal tal-kontribuzzjonijiet bbażati fuq l-ING, li b'hekk jirriżulta fi ffrankar għall-bagits tal-Istati Membri; u t-tieni, li tippermetti l-iffinanzjar ta' nfiq tal-UE ta' livell ogħla taħt il-QFP ta' wara l-2020, kif ukoll li tkopri d-diskrepanza li tirriżulta wara l-ħruġ tar-Renju Unit; ifakkar, f'dan il-kuntest, li r-riżorsi proprji ġodda ma għandux ikollhom l-għan li jżidu l-piż fiskali ġenerali għall-kontribwenti tal-UE, li ma għandhomx ikunu milquta bl-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda;
23. Jappella għall-abolizzjoni tar-rifużjonijiet u l-korrezzjonijiet kollha, filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust fost l-Istati Membri; jissottolinja f'dan il-kuntest li l-Brexit se jfisser li r-rifużjoni tar-Renju Unit u "r-rifużjonijiet fuq ir-rifużjoni" relatati se jiġu obsoleti u ma jibqgħux fis-seħħ, filwaqt li riforma tar-riżorsi proprji statistiċi bbażati fuq il-VAT se tkun inevitabbli;
24. Iqis li r-riżorsi proprji tradizzjonali, jiġifieri d-dazji doganali, id-dazji agrikoli u l-imposti fuq iz-zokkor u l-isoglukożju, jikkostitwixxu sors affidabbli u ġenwin ta' dħul tal-UE, peress li huma jirriżultaw mill-fatt li l-UE hija unjoni doganali u mill-kompetenzi legali u mill-politika kummerċjali komuni marbuta magħhom; huwa tal-fehma, għalhekk, li r-riżorsi proprji tradizzjonali għandhom jinżammu bħala sors ta' dħul għall-baġit tal-UE; iqis li jekk jitnaqqas il-perċentwal tal-ispejjeż tal-ġbir li jinżamm mill-Istati Membri, sehem akbar ta' dan id-dħul jista' jiġi ggarantit għall-baġit tal-UE;
25. Jirrikonoxxi li l-kontribuzzjoni bbażata fuq l-ING tipprovdi sors ta' dħul affidabbli, stabbli u ekwu għall-baġit tal-UE, u li din għandha l-appoġġ qawwi tal-parti l-kbira tal-Istati Membri; jemmen, għalhekk, li hija għandha tinżamm biss bħala riżorsa ta' bilanċ u residwali għall-baġit tal-UE, li għandha ttemm il-loġika baġitarja ta' "redditu ġust"; jenfasizza l-ħtieġa, f'dan il-kuntest, li jiġi żgurat li l-kontribuzzjoni tal-ING tiġi kklassifikata bl-istess mod fil-baġits nazzjonali kollha, jiġifieri bħala dħul attribwit lill-UE u mhux bħala nefqa tal-gvernijiet nazzjonali;
ii. Kriterji użati għall-identifikazzjoni ta' riżorsi proprji ġodda
26. Jaqbel mar-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji (HLGOR), li jsostni li l-kriterji li ġejjin għandhom jitqiesu għall-identifikazzjoni tar-riżorsi proprji ġodda possibbli: ekwità/ġustizzja; effiċjenza; suffiċjenza u stabbiltà; trasparenza u sempliċità; responsabbiltà demokratika u dixxiplina baġitarja; enfasi fuq il-valur miżjud Ewropew; prinċipju tas-sussidjarjetà u s-sovranità fiskali tal-Istati Membri; u limitu fuq l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet politiċi;
27. Jistieden lill-Kummissjoni, abbażi ta' dak imsemmi hawn fuq, teżamina l-introduzzjoni tas-segwenti basket ta' riżorsi proprji ġodda;
iii. Basket ta' riżorsi proprji ġodda possibbli
a. Objettiv: Konsolidazzjoni tas-suq uniku, żieda fit-trasparenza tiegħu u titjib tal-kundizzjonijiet ekwi
– Taxxa fuq il-valur miżjud
28. Ifakkar li, sa mill-bidu tagħha kważi 50 sena ilu, il-VAT kienet użata bħala l-bażi għall-kalkolu ta' waħda mir-riżorsi proprji tal-baġit tal-UE, u li din ir-riżorsa bħalissa tirrappreżenta madwar 12 % tad-dħul tal-UE;
29. Jinnota, madankollu, li s-sistema attwali għandha nuqqasijiet serji: ir-riżorsa hija kkalkulata fuq bażi ta' statistika; hija kumplessa għalxejn u ma għandha l-ebda rabta diretta maċ-ċittadini; hija tirrappreżenta biss it-trasferiment ta' parti mid-dħul miġbur mill-Istati Membri, u b'hekk ma għandha l-ebda valur miżjud meta mqabbla mar-riżorsa tal-ING; u l-bażi tal-kontribuzzjoni mhijiex trasparenti u ma hemmx ugwaljanza fost il-kontribwenti;
30. Jiddeplora l-fatt li l-OLAF ripetutament sab każijiet serji ta' frodi doganali fl-Istati Membri, li rriżultaw f'telf sinifikanti ta' dħul għall-baġit tal-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni għar-Rapport Speċjali 19/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Proċeduri ta' importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE", u jinsab imħasseb dwar il-fatt li dawk li jwettqu frodi se jkomplu jsibu l-"aktar ħolqa dgħajfa" fost l-Istati Membri bħala l-punt ta' dħul tagħhom fl-unjoni doganali, u li se jibqa' jkun hemm telf għall-baġit tal-Unjoni anke matul il-QFP li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex iwaqqfu dawn l-attivitajiet li huma ta' ħsara għall-baġit tal-Unjoni;
31. Ifakkar fil-proposta leġiżlattiva tal-2011 dwar riżorsa ġdida tal-VAT, li kellha tirriżulta fl-applikazzjoni ta' rata fissa għall-UE kollha bbażata fuq il-valur nett ta' provvisti ta' prodotti u servizzi jew fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti li fuqhom kellha tiġi applikata rata ta' VAT standard u komuni; jinnota li għalkemm din il-proposta ma ġietx approvata, il-Kunsill Ewropew ta' Frar 2013 ħeġġeġ lill-Kunsill biex ikompli jaħdem fuq dan il-fajl; jemmen li l-kuntest attwali joffri opportunità biex jittieħed pass kbir 'il quddiem f'dan ir-rigward;
32. Jilqa' l-proposta tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-viżjoni tiegħu tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT bl-għan li tkun iktar sempliċi, jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi u tissaħħaħ ir-rabta mal-politika tal-VAT tal-UE u l-irċevuti reali tal-VAT;
33. Jieħu nota tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-VAT ("Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Iż-żmien biex niddeċiedu") ippubblikat fis-7 ta' April 2016 (COM(2016)0148), u l-proposta sussegwenti tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar sensiela ta' prinċipji fundamentali u riformi ewlenin għall-qasam tal-VAT tal-UE; jappoġġa riforma fil-fond tas-sistema tal-VAT fl-UE, li għandu jkollha l-għan li twessa' l-bażi tat-taxxa, tnaqqas l-ambitu għal frodi u l-ispejjeż tal-konformità, u li tiġġenera dħul ġdid; iqis li parti minn dan id-dħul il-ġdid għandu jiġi allokat għall-baġit tal-UE;
34. Iqis li riżorsa tal-VAT semplifikata għandha tinbena fuq id-denominatur komuni ta' sistemi tal-VAT madwar l-UE, u jinnota li, b'konsegwenza ta' dan, ma jiġux eliminati l-ispeċifiċitajiet nazzjonali kollha li huma ġġustifikati għal diversi raġunijiet;
35. Huwa favur l-istabbiliment ta' rata ta' taxxa uniformi (1 % għal 2 %) fuq id-dħul mill-VAT riformata li tinġabar kompletament mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri bħala riżorsa proprja tal-Unjoni; jemmen li tali sistema tista' tipprovdi riċevuti sinifikanti u stabbli għall-UE bi spejjeż amministrattivi limitati;
36. Jissottolinja li l-Kummissjoni diġà ressqet proposti leġiżlattivi għal riforma maġġuri tar-regoli tal-UE dwar il-VAT, u li fl-2018 huma mistennija inizjattivi addizzjonali; jinsisti fuq il-ħtieġa li titlesta r-riforma tal-VAT mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-bidu tal-QFP li jmiss;
37. Jistieden lill-Kummissjoni, sakemm tiġi adottata l-leġiżlazzjoni tal-VAT rilevanti, tippreżenta proposta ta' riżorsa proprja riformata bbażata fuq il-VAT bħala parti mill-pakkett leġiżlattiv li jmiss dwar ir-riżorsi proprji tal-UE; jemmen li tali proposta għandha tqis l-eżiti ewlenin tar-riforma tal-VAT, li bħalissa qiegħda tiġi diskussa;
– Taxxa korporattiva
38. Ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(11), il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta għal bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK), "li tkun akkumpanjata minn skema ta' distribuzzjoni xierqa u ġusta li tkun tista' toffri soluzzjoni komprensiva fir-rigward ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi fl-Unjoni, tipprovdi ċarezza u sempliċità għan-negozji, u tiffaċilita l-attivitajiet ekonomiċi transfruntiera fi ħdan l-Unjoni";
39. Jieħu nota tal-proposti tal-Kummissjoni dwar il-BKKTK, filwaqt li jfakkar l-appell tiegħu li din il-bażi konsolidata tiġi estiża għall-kumpaniji kollha wara l-perjodu ta' tranżizzjoni; jenfasizza li l-proposti attwali għall-BKKTK għandhom ikopru wkoll l-ekonomija diġitali; jissuġġerixxi, abbażi ta' dawn il-proposti, li l-preżenza diġitali ta' kumpanija għandha tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-istabbiliment fiżiku, billi jiġi definit u identifikat stabbiliment diġitali permanenti;
40. Jaqbel mal-valutazzjoni tal-HLGOR li jqis il-BKKTK bħala l-bażi għal riżorsa proprja ġdida, li tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti mill-Grupp; jissottolinja li l-BKKTK hija wkoll element ewlieni fl-iżvilupp tas-suq uniku, li huwa beni pubbliku Ewropew, peress li hija timpedixxi li jkun hemm kompetizzjoni fiskali mhux xierqa bejn l-Istati Membri u l-ottimizzazzjoni fiskali li hija ta' ħsara għal kundizzjonijiet ekwi;
41. Ifakkar li l-evażjoni tat-taxxa fil-forom kollha tagħha twassal biex l-UE titlef ammont li l-Kummissjoni tistma li jlaħħaq it-EUR 1 triljun kull sena; jenfasizza l-ħtieġa li jinġabar lura d-dħul mit-taxxa mhux imħallas permezz ta' politika kkoordinata li tiġġieled l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa permezz ta' qafas ibbażat fuq it-trasparenza, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni;
42. Jitlob lill-Kummissjoni, abbażi tal-konklużjonijiet tar-rieżami tad-Direttiva dwar il-BKKTK, tipproponi l-istabbiliment ta' riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-Unjoni, li tkun ikkalkulata abbażi tad-dħul tal-Istati Membri ġġenerat mill-BKKTK; huwa favur l-istabbiliment ta' rata ta' taxxa uniformi fuq id-dħul mill-BKKTK, li tinġabar bħala riżorsa proprja; jemmen li tali sistema tista' tipprovdi riċevuti sinifikanti u stabbli għall-UE bi spejjeż amministrattivi limitati;
– Sinjoraġġ
43. Huwa tal-fehma li l-introjtu li ġej mill-profitti tal-Bank Ċentrali Ewropew (id-dħul tal-BĊE magħmul mill-ħruġ tal-munita), u b'hekk għandu rabta diretta mal-unjoni monetarja tal-UE, għandu jifforma l-bażi ta' riżorsa proprja ġdida minflok ma jingħata lit-teżori nazzjonali; iqis li tali riżorsa għandha tkun direttament marbuta mal-linja speċifika ddedikata għaż-żona tal-euro fil-baġit tal-UE;
b. Objettiv: Tnaqqis tal-ispekulazzjoni finanzjarja u tisħiħ tal-ġustizzja fiskali fis-setturi li jużaw strumenti ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa jew ottimizzazzjoni fiskali aggressiva
– Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji (FTT) fil-livell Ewropew
44. Jinkoraġġixxi l-isforzi li ttieħdu fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa minn grupp ta' 11-il Stat Membru bl-għan li tiġi stabbilita taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (FTT), wara l-proposta tal-Kummissjoni tal-2011; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha l-oħra biex jingħaqdu mal-grupp imsemmi hawn fuq bl-għan li jimpedixxu t-tfixkil tas-swieq finanzjarji u jiżguraw l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku;
45. Jaqbel mal-valutazzjoni tal-HLGOR li jikkunsidra l-FTT bħala bażi potenzjali għal riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-Unjoni, filwaqt li jitqies ukoll li għandhom jiġu esplorati mezzi oħra ta' tassazzjoni fuq l-attivitajiet finanzjarji;
46. Jappella, għaldaqstant, għall-istabbiliment ta' riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-Unjoni, li tkun ikkalkulata abbażi ta' metodi magħżula ta' tassazzjoni fuq l-attivitajiet finanzjarji;
– Tassazzjoni ta' kumpaniji fis-settur diġitali
47. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-laqgħa infomali tal-Kunsill tal-ministri tal-finanzi, tas-16 ta' Settembru 2017, li jitolbu li jiġu żviluppati regoli ġodda ta' tassazzjoni diġitali, bi tweġiba għall-ittra tal-Erba' Ministri tal-Finanzi li talbu lill-Kummissjoni teżamina "soluzzjonijiet effettivi msejsa fuq il-kunċett tal-istabbiliment tal-hekk imsejħa taxxa ta' ugwalizzazzjoni" fuq il-fatturat iġġenerat fl-Ewropa mill-kumpaniji diġitali; jenfasizza li fil-komunikazzjoni tagħha tal-21 ta' Settembru 2017 intitolata "Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali", il-Kummissjoni ttenni li l-BKKTK tipprovdi qafas li jiffavorixxi reviżjoni tar-regoli favur ftehimiet moderni u stabbli dwar it-tassazzjoni tal-kumpaniji diġitali u li jindirizza l-isfidi mqajma mill-ekonomija diġitali fil-qasam tat-taxxa; jappella għal approċċ ikkoordinat fil-livell tal-UE, anke għal soluzzjonijiet fuq terminu qasir, li jipprevjeni distorsjonijiet fis-suq uniku kkawżati minn azzjoni unilaterali u jevita l-ħolqien ta' rifuġji tat-taxxa għall-kumpaniji diġitali;
48. Jaqbel li l-ekonomija diġitali għandu jkollha qafas fiskali modern u stabbli, li jistimola l-innovazzjoni, jindirizza l-frammentazzjoni tas-suq u l-kompetizzjoni inġusta, u li jħalli li l-parteċipanti kollha jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-kundizzjonijiet ġodda, ekwi u bilanċjati, filwaqt li jiżgura li l-kumpaniji u l-pjattaformi diġitali jħallsu s-sehem dovut tagħhom tat-taxxa fejn jiġġeneraw il-profitti tagħhom; jirrimarka, barra minn hekk, li huwa fundamentali li tiġi żgurata ċ-ċertezza tat-taxxa għall-investiment kummerċjali sabiex jingħalqu d-diskrepanzi tal-lum u jiġi evitat il-ħolqien ta' lakuni fiskali ġodda fi ħdan is-suq uniku;
49. Iqis li huwa kruċjali li jittieħdu miżuri fiskali għas-suq diġitali sabiex jillimitaw l-evażjoni u d-distorsjonijiet tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jew skemi għall-ottimizzazzjoni fiskali, u l-użu ħażin ta' mekkaniżmi Ewropej biex tiġi evitata t-taxxa; iqis li dawn il-prattiki jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq uniku u jċaħħdu lill-Istati Membri mid-dħul mit-taxxa dovut;
50. Jitlob, fil-prinċipju, li tinħoloq riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-Unjoni li tiġi imposta fuq tranżazzjonijiet fl-ekonomija diġitali; iqis, madankollu, li fid-dawl tan-negozjati importanti li għaddejjin kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-OECD, huwa kmieni wisq biex wieħed jiddeċiedi dwar l-arranġamenti eżatti għall-istabbiliment ta' din ir-riżorsa;
51. Jemmen, madankollu, li kwalunkwe arranġament li jsir mill-awtoritajiet tal-UE, bħal sistemi ta' reġistrazzjoni jew monitoraġġ, jew mekkaniżmi regolatorji, għandhom minnufih jippermettu l-ġbir ta' dazji jew imposti għall-benefiċċju tal-baġit tal-Unjoni abbażi tal-valur miżjud Ewropew tagħhom; iqis li dawn huma beni pubbliċi tal-UE li, kif iddikjara l-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji (HLGOR), jipprovdu bażi għall-istabbiliment ta' imposta li tikkostitwixxi "dħul ieħor" li jirriżulta mill-politiki tal-Unjoni;
c. Objettiv: Promozzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija u l-ġlieda kontra t-tisħin globali
– Tassazzjoni u imposti ambjentali
52. Jikkonferma li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, ċirkolari u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u l-miri tal-Unjoni tal-Enerġija, maqbula b'mod komuni, huma objettiv maġġuri tal-politiki tal-UE;
53. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li biss taxxi komuni tal-enerġija jew ambjentali fil-livell tal-UE jistgħu jiżguraw kompetizzjoni ġusta fost in-negozji u l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, u b'hekk iservu ta' mutur biex nersqu lejn mudell ta' żvilupp aktar progressiv u sostenibbli;
54. Jenfasizza l-importanza tat-tassazzjoni ekoloġika bħala mekkaniżmu partikolarment adattat biex jikkontribwixxi għar-riżorsi proprji Ewropej; jitlob li l-Kummissjoni tinkorpora aktar il-proposti għal riżorsi proprji ekoloġiċi addizzjonali, kif deskritt fir-Rapport tal-HLGOR u mill-Kummissarju għall-baġit Ewropew, li huma konformi ma' ċerti politiki tal-Unjoni bħal dawk tal-enerġija (taxxa fuq l-enerġija), tal-ambjent u tal-klima (mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, taxxa fuq il-plastik u l-Iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS)) u tat-trasport (taxxi fuq il-fjuwil għat-trasport bit-triq u fuq il-biljetti tal-ajru), biex jippromwovu riżorsi proprji futuri addizzjonali tal-Unjoni;
55. Jitlob li proporzjon sinifikanti tad-dħul mill-irkantar tal-ETS mill-Fażi 4 (2021) 'il quddiem titqies bħala riżorsa proprja ġdida tal-UE; ifakkar li din l-għażla ġiet diskussa fl-HLGOR, u hija espliċitament issuġġerita mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-14 ta' Frar 2018 intitolata "Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għall-Unjoni Ewropea għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020" (COM(2018)0098); jitlob, b'mod parallel, li jiddaħħal mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, bħala riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-UE, li għandu wkoll ikollu l-effett li jiżgura kundizzjonijiet ekwi fil-kummerċ internazzjonali u jnaqqas ir-rilokazzjoni tal-produzzjoni, filwaqt li jinternalizza l-ispejjeż tat-tibdil fil-klima fil-prezzijiet tal-prodotti importati;
56. Jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni fil-livell tal-UE ta' taxxa fuq il-plastik u fuq oġġetti li jintużaw darba, bil-għan li tinkoraġġixxi l-użu ta' alternattivi aktar sostenibbli;
57. Jemmen li riżorsi proprji bbażati fuq taxxa fuq l-elettriku jitrikkbu fuq l-ambitu tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) u jqajmu tħassib dwar l-istabbiltà tal-kundizzjonijiet tal-investiment u dwar il-piż finanzjarju fuq l-unitajiet domestiċi;
58. Iqis li, f'każ ta' piż eċċessiv fuq Stat Membru partikolari kkawżat minn xi riżorsa proprja, tali piż tkun jista' jitħaffef b'appoġġ addizzjonali permezz ta' programmi tal-UE, li jkollu limitu ta' żmien u ta' ammont, f'konformità mal-objettivi u mal-miri tal-Unjoni; jissottolinja li tali għajnuna ma tistax tingħata permezz tal-introduzzjoni ta' kwalunkwe rifużjoni ġdida jew korrezzjoni ġdida fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE;
59. Jissottolinja li l-introduzzjoni ta' taxxi jew imposti relatati mal-ambjent ma għandhom jaffettwaw la d-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija tagħhom, la l-għażla tagħhom bejn riżorsi tal-enerġija differenti u lanqas l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tagħhom;
iv. Sorsi oħra ta' dħul
60. Ifakkar li, għalkemm ir-riżorsi proprji għandhom ikunu l-komponent ewlieni tad-dħul għall-baġit tal-UE, huma madankollu ssupplimentati b'dak li l-Artikolu 311 tat-TFUE jiddefenixxi bħala "dħul ieħor", li jinkludi: taxxa mħallsa mill-persunal tal-UE fuq is-salarji tagħhom; dħul mill-funzjonament amministrattiv tal-istituzzjonijiet, bħal dħul minn bejgħ ta' oġġetti, kiri u lokazzjoni, il-provvista ta' servizzi u mgħax bankarju; kontribuzzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex fl-UE għal ċerti programmi tal-UE; imgħax fuq ħlasijiet tardivi; multi mħallsa minn kumpaniji, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jirriżulta li jkunu kisru d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE; u dħul minn operazzjonijiet ta' self mill-Unjoni u lill-Unjoni;
61. Jinnota li l-bilanċ minn kull sena finanzjarja jiddaħħal fil-baġit għas-sena ta' wara bħala dħul fil-każ ta' bilanċ favorevoli, u li dħul ieħor, bilanċi u aġġustamenti tekniċi, inkluż il-bilanċ favorevoli tas-sena preċedenti, jammontaw għal madwar 6 % tad-dħul totali; jenfasizza li f'dawn l-aħħar snin id-"dħul ieħor" fil-parti l-kbira tiegħu kien jikkonsisti f'multi, li waħedhom jirrappreżentaw 2,5 % tad-dħul totali (minbarra d-dħul assenjat);
62. Jiddispjaċih li l-potenzjal ta' tali dħul ieħor ġie injorat sal-lum fid-dibattitu dwar il-finanzjament tal-UE; jemmen li, anke jekk tali dħul ma jirrappreżentax alternattiva għal riżorsi proprji oħra minħabba l-livell, il-volatilità u l-imprevedibbiltà tiegħu, madankollu, xorta waħda jirrappreżenta mezz possibbli biex jiġu koperti l-ħtiġijiet finanzjarji akbar taħt il-QFP li jmiss;
63. Ifakkar li l-proċeduri legali li jirregolaw dan id-dħul u emendi possibbli huma aktar flessibbli milli dawk għar-riżorsi proprji, peress li dawn mhumiex stabbiliti mid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, iżda minn leġiżlazzjoni sekondarja, u għalhekk mhumiex soġġetti għar-rekwiżit tal-unanimità;
64. Itenni l-pożizzjoni tiegħu, adottata minn żmien ilu, li kwalunkwe dħul li jirriżulta minn multi imposti fuq il-kumpaniji għax ikunu kisru r-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE, jew marbut ma' pagamenti tardivi tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali fil-baġit tal-UE, għandhom jikkostitwixxu dħul supplimentari għall-baġit tal-UE, mingħajr tnaqqis korrispondenti tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING;
65. Jitlob, għal dan il-għan, li tiġi stabbilita riżerva speċjali fil-baġit tal-UE, li ser timtela progressivament bit-tipi kollha ta' dħul imprevist u riportata kif xieraq sabiex tipprovdi possibilitajiet ta' nfiq addizzjonali meta jkun hemm il-bżonn; ieħor; iqis li din ir-riżerva għandha tkun riżervata għall-istrumenti speċjali tal-QFP u għandha tipprevedi żidiet addizzjonali, kemm fl-impenji kif ukoll fil-pagamenti, fuq deċiżjoni tal-awtorità baġitarja;;
66. Jissottolinja l-potenzjal għall-baġit tal-UE ta' tariffi mitluba għall-implimentazzjoni ta' skemi Ewropej, bħas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivjaġġar (ETIAS) tal-ġejjieni għal ċittadini ta' pajjiżi terzi; iqis li, f'ċerti każijiet, dan id-dħul jista' jkun allokat għall-istess politika jew għan; iqis li għall-ġenerazzjoni ta' programmi u politiki tal-UE ta' wara l-2020, dan it-tip ta' dħul prospettiv għandu jiġi kkunsidrat b'mod aktar sistematiku, bil-għan li jipprovdi lill-baġit tal-UE sors addizzjonali ta' dħul;
67. Jenfasizza li fl-2016 id-dħul assenjat lill-aġenziji deċentralizzati tal-UE, bħat-tariffi u l-ħlasijiet mill-industriji u l-kontribuzzjonijiet mill-baġits nazzjonali, ammontaw għal madwar EUR 1 biljun; jitlob li l-Kummissjoni tipproponi approċċ konsistenti f'dak li jirrigwarda l-finanzjament tal-aġenziji mit-tariffi fil-QFP li jmiss;
o o o
68. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018
450k
58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (2017/2226(INI))
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2), 136 u 148 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni taliżbilanċi makroekonomiċi(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(6),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(7),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(8),
– wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Bord Fiskali Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2017 dwar il-pożizzjoni fiskali prospettiva xierqa għaż-żona tal-euro,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25-26 ta' Marzu 2010 u tas-17 ta' Ġunju 2010, kif ukoll il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea(9),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(10),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 dwar l-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir (COM(2015)0012),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika: analiżi u sfidi(11),
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-ikkompletar tal-unjoni ekonomika u monetarja tal-Ewropa" ("Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti"),
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2015 dwar passi lejn l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2015)0600),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2017 dwar aktar passi lejn it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2017) 0821,
– wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2017,
– wara li kkunsidra l-istudji u l-analiżijiet fil-fond dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fiż-żona tal-euro taħt is-Semestru Ewropew ippreparati għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (Novembru 2015),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 (COM(2015)0690), ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2016 (COM(2015)0691), u l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (COM(2015)0700),
– wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ffirmata u pproklamata fis-17 ta' Novembru 2017 f'Gothenburg,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perijodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa(12),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar rakkomandazzjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(13),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2017 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2017)0770),
– wara li kkunsidra d-dibattitu mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali dwar il-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew 2018,
– wara li kkunsidra d-dibattitu mal-Kummissjoni fil-Parlament Ewropew dwar il-pakkett tas-Semestru Ewropew – Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0047/2018),
A. billi, skont il-previżjonijiet tal-Kummissjoni, filwaqt li l-espansjoni tal-ekonomija Ewropea hija mistennija li tkompli, il-pass tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir tal-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi jimplika telf żgħir fil-momentum fis-sentejn li ġejjin, bit-tkabbir jilħaq it-2,4 % fl-2017 fl-UE u mbagħad jonqos marġinalment għal 2,2 % fl-2018 u għal 2,0 % fl-2019; billi minkejja dan, xorta ser ikun hemm bżonn aktar azzjoni ta' politika biex tindirizza l-legati mhux riżolti tal-kriżi ekonomika globali;
B. billi s-sitwazzjoni attwali tal-ekonomija tal-UE titlob li jkun hemm riformi strutturali u investiment ambizzjużi u bbilanċjati mil-lat soċjali fl-Istati membri sabiex ikun hemm tkabbir, impjiegi u kompetittività, u tinkiseb konverġenza 'l fuq;
C. billi t-tkabbir fil-konsum privat huwa mistenni li jonqos ftit din is-sena qabel ma jtaffi fl-2019, bħala riżultat ta' inflazzjoni ogħla meta mqabbla mal-2017, għalkemm dan hu inqas mill-mira tal-BĊE ta' inqas iżda qrib it-2 %;
D. billi l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), minbarra l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, ipprovdew appoġġ importanti għal investiment fl-UE; billi, madankollu, l-investiment privat jibqa' inqas mil-livelli tal-2008, b'implikazzjonijiet negattivi għal tkabbir, ħolqien tal-impjiegi u produttività potenzjali;
E. billi l-impjiegi huma mistennija li jkomplu jespandu, b'rekord ta' 235,4 miljun persuna f'impjieg fit-tieni kwart tal-2017; filwaqt li xi indikaturi tas-suq tax-xogħol jissuġġerixxu diffikultajiet persistenti, bħal segmentazzjoni dejjem tiżdied tas-suq tax-xogħol, inugwaljanzi li jkomplu jaggravaw, speċjalment fir-rigward taż-żgħażagħ u dawk b'livell baxx ta' edukazzjoni; billi l-qgħad issa jammonta għal 7,5 % fl-UE u 8,9 % fiż-żona tal-euro, li, filwaqt li dawn huma l-aktar livelli baxxi f'dal-aħħar disa' u tmien snin rispettivament, għadu għoli wisq, partikolarment fost iż-żgħażagħ; billi għadhom jippersistu differenzi ferm sostanzjali f'ħafna Stati Membri, u billi r-rati tal-qgħad għad għandhom triq twila sakemm jirkupraw mill-kriżi u, mhux l-inqas, biex jilħqu l-miri nazzjonali ta' Ewropa 2020; billi l-qgħad moħbi (ta' persuni qiegħda, lesti li jaħdmu iżda mhux qed ifittxu impjieg b'mod attiv) kien ta' 20 % fl-2016;
F. billi, bħala riżultat tal-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa li minnhom qed jibbenefikaw ċerti korporazzjonijiet kbar u individwi, diversi Stati Membri tilfu biljuni ta' euro fi dħul għall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, għad-detriment tal-SMEs u ta' kontribwenti oħrajn;
G. billi t-titjib fis-sitwazzjoni ekonomika tipprovdi opportunitajiet għall-implimentazzjoni ta' riformi strutturali ambizzjużi u soċjalment ibbilanċjati, b'mod partikolari miżuri biex jinkoraġġixxu l-investiment, peress li l-livell ta' investiment bħala proporzjon tal-PDG illum għadu aktar baxx milli fil-perjodu immedjatament qabel il-kriżi finanzjarja, u biex tittejjeb is-sitwazzjoni fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, filwaqt li jitqies il-piż li l-iżviluppi demografiċi jpoġġu fuq is-sostenibbiltà tad-dejn tagħhom;
1. Jieħu nota tal-pubblikazzjoni tal-pakkett tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (SAT) u t-taħlita ta' politika proposta ta' investimenti, riformi strutturali ambizzjużi u soċjalment ibbilanċjati u finanzi pubbliċi responsabbli, ippreżentata bħala mod biex jiġu mħeġġa aktar livelli ogħla ta' tkabbir u biex jissaħħaħ l-irkupru Ewropew, il-konverġenza 'l fuq u l-kompetittività; jaqbel li huwa meħtieġ progress ulterjuri f'dak li jirrigwardja l-implimentazzjoni tar-riforma strutturali sabiex jinkisbu riżultati fit-tkabbir u l-impjiegi, u titkompla l-ġlieda kontra dawk l-inugwaljanzi li jxekklu t-tkabbir ekonomiku;
Kapitolu 1 – Investimenti u tkabbir
2. Jenfasizza l-problema stutturali persistenti tat-tkabbir insuffiċjenti tal-output potenzjali, tal-produttività u tal-kompetittività, assoċjati ma' livell baxx wisq ta' investiment pubbliku u privat u nuqqas ta' riformi strutturali ambizzjużi u soċjalment ibbilanċjati f'xi Stati Membri;
3. Ifakkar li xi Stati Membri għad għandhom bilanċi favorevoli kbar fil-kontijiet li jistgħu jintużaw biex isostnu l-investimenti pubbliċi u privati u jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku;
4. Ifakkar fl-importanza li jiġi kkombinat l-investiment pubbliku u dak privat b'riformi stutturali li jagħtu spinta u jservu ta' lieva għat-tkabbir ekonomiku;
5. Jissottolinja l-importanza li tingħata spinta lill-investiment pubbliku fl-UE sabiex it-tnaqqis attwali fl-investiment pubbliku fl-UE jiġi rrimedjat; iħeġġeġ, barra minn hekk, l-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali bil-għan li tingħata spinta lill-investimenti privati fis-suq uniku; iqis li l-qafas regolatorju għall-investiment privat għandu jkompli jiġi mtejjeb;
6. Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, kif ukoll fil-modernizzazzjoni teknoloġika, sabiex tingħata spinta l-produttività; ifakkar li l-investimenti f'oqsma bħalma huma l-infrastrutturi, il-kura tat-tfal, l-akkomodazzjoni soċjali, l-edukazzjoni, it-taħriġ, is-saħħa, ir-riċerka, l-innovazzjoni diġitali u l-ekonomija ċirkolari jistgħu jżidu l-produttività u/jew l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u l-konsum tar-riżorsi, u tiżgura li s-CSRs ikunu konsistenti bis-sħiħ mal-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima;
7. Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-ostakli attwali għal proġetti infrastrutturali sinifikanti li jsaħħu t-tkabbir tul il-ħajja ta' dawn l-investimenti, u biex tiddiskuti mal-Parlament u mal-Kunsill modi li bihom tindirizza dawn l-ostakli fi ħdan il-qafas legali eżistenti;
Kapitolu 2 – Finanzi pubbliċi responsabbli
8. Jieħu nota tal-pożizzjoni fiskali ġenerali u newtrali proposta fir-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro, fejn jinnota li l-pożizzjoni fiskali hi mistennija li tkun xi ftit espansiva f'għadd ta' Stati Membri fl-2018; ifakkar li implimentazzjoni konsistenti u konformità mar-regoli fiskali tal-Unjoni, inkluż ir-rispett sħiħ tal-klawsoli ta' flessibbiltà eżistenti, huma essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-UEM;
9. Jissottolinja l-fatt li l-pożizzjonijiet fiskali fil-livell nazzjonali u taż-żona tal-euro jridu jibbilanċjaw is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi u l-investiment f'konformità sħiħa mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir bi stabbilizzazzjoni makroekonomika fuq terminu ta' żmien qasir;
10. Jilqa' t-titjib li sar fil-finanzi pubbliċi, li huwa essenzjali biex jintlaħaq tkabbir aktar sod, sostenibbli u effiċjenti, b'mod partikolari l-proporzjonijiet tad-dejn mal-PDG li qed jonqsu gradwalment għall-UE u ż-żona tal-euro, u t-tnaqqis tad-defiċit tal-baġit nominali, filwaqt li jenfasizza li l-proporzjon tad-dejn gross mal-PDG fiż-żona tal-euro xorta għadu jammonta għal madwar 90 %, b'diversi Stati Membri li jinsabu 'l fuq sew minn dan il-livell; jenfasizza li dawn l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-proporzjonijiet għolja tad-dejn mal-PDG tagħhom bħala kwistjoni ta' urġenza, peress li dan huwa ferm aktar faċli li jsir fi żminijiet ta' rkupru ekonomiku; ifakkar li soċjetajiet li qed jixjieħu u żviluppi demografiċi oħra jqiegħdu piż enormi fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jieħdu responsabbiltà għall-ġenerazzjonijiet futuri;
11. Jissottolinja l-ħtieġa għal enfasi aktar qawwija fuq il-kompożizzjoni u l-ġestjoni tal-baġits nazzjonali; jilqa', għalhekk, il-prattika dejjem tikber ta' rieżamijiet tal-infiq, u jkompli jħeġġeġ lill-Istati Membri jivvalutaw il-kwalità tal-baġits tagħhom;
Kapitolu 3 – Riformi strutturali
12. Ifakkar li xi Stati Membri jeħtieġ li jkomplu jimplimentaw riformi strutturali soċjalment u ambjentalment sostenibbli, favorevoli għat-tkabbir, b'mod partikolari fil-kuntest ta' sitwazzjoni ekonomika mtejba fl-UE, bi tkabbir tal-PDG fi kważi l-Istati Membri kollha, bil-għan li tingħata spinta lill-kompetittività, lill-ħolqien tal-impjiegi, lit-tkabbir u lill-konverġenza 'l fuq;
13. Jinsisti biex l-infiq fuq ir-R&Ż jinġieb eqreb lejn il-miri tal-UE 2020; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu politiki xierqa, u jipprovdu investiment, biex jiżguraw jew iżommu aċċess ugwali għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja, filwaqt li jqisu l-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol, inkluż l-emerġenza ta' professjonijiet ġodda;
14. Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni, il-globalizzazzjoni u t-tibdil teknoloġiku qed jittrasformaw b'mod radikali s-swieq tax-xogħol tagħna, billi pereżempju jinvolvu tibdil kbir fil-forom ta' impjieg u statuses professjonali li jeħtieġu tranżizzjoni adattata; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' swieq tax-xogħol dinamiċi b'sistemi ta' sigurtà aċċessibbli u ta' kwalità għolja, li jkunu kapaċi jirrispondu għal dawn ir-realitajiet ġodda tas-suq tax-xogħol;
15. Iqis li r-riformi li jeliminaw il-konġestjonijiet tal-investiment jippermettu appoġġ immedjat għall-attività ekonomika u fl-istess ħin jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għat-tkabbir fit-tul;
16. Jappella għall-rieżamijiet tat-tassazzjoni bil-għan li jinkiseb bilanċ ġust tat-tassazzjoni fuq il-kapital, ix-xogħol u l-konsum;
Kapitolu 4 – Konverġenza u inklużjoni
17. Jissottolinja li s-Semestru Ewropew u s-CSRs għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020, inklużi dawk stabbiliti fil-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali, u għandhom iwasslu għal riżultati fit-tkabbir u l-impjiegi; jilqa', għalhekk, "it-tabella ta' valutazzjoni soċjali" bħala għodda għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Soċjali;
18. Jenfasizza l-fatt li, dan l-aħħar, it-tkabbir fil-pagi reali waqa' lura wara t-tkabbir tal-produttività, filwaqt li kien hemm titjib fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li jista' jkun hemm lok għal żidiet fil-pagi f'ċerti setturi u oqsma, f'konformità mal-miri tal-produttivita biex jiġu żgurati standards tajbin ta' għajxien, b'kunsiderazzjoni tal-kompetittività u l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi;
19. Jirrimarka li l-politiki fiskali jeħtieġ iqisu politika monetarja li tirrispetta l-indipendenza tal-BĊE;
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva biex tappoġġa l-investiment li jtejjeb is-sostenibbiltà ambjentali, u li tiġi żgurata rabta xierqa bejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u s-Semestru Ewropew;
21. Jilqa' l-fatt li s-SAT 2018 jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' sistemi fiskali effiċjenti u ġusti li jipprovdu l-inċentivi xierqa għall-attività ekonomika; jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex jinkisbu aktar trasparenza u sistema ta' VAT riformata, u jinnota l-ħidma li saret dwar il-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva; jilqa' l-isforzi fil-livell internazzjonali kontra l-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jinnota li jekk titjieb l-effikaċja tas-sistemi tat-taxxa nazzjonali, id-dħul tal-gvern jista' jiżdied b'mod sinifikanti;
22. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri adegwati biex jgħinu u jintegraw liż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) u lir-rifuġjati, billi jantiċipaw fi stadju bikri r-rekwiżiti li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni bla xkiel tagħhom fis-suq tax-xogħol, b'tali mod li jipprevjenu li dawn jidħlu fl-ekonomija s-sewda u jiżguraw li s-servizzi pubbliċi jkunu mgħammra b'riżorsi suffiċjenti; jenfasizza li s-sħab soċjali għandu jkollhom rwol ewlieni fil-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tal-NEETs u r-rifuġjati, u f'li jiżguraw li dawn ma jsofrux diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol;
23. Huwa mħasseb dwar il-fatt li n-nuqqasijiet u d-diskriminazzjoni jibqgħu jiffurmaw is-swieq tax-xogħol f'xi Stati Membri, filwaqt li jikkontribwixxu għal differenzi bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tar-remunerazzjoni, l-irtirar u l-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet;
Kapitolu 5 – Il-qafas tas-Semestru Ewropew: sjieda u implimentazzjoni
24. Jilqa' l-attenzjoni akbar li qed tingħata għall-pożizzjoni fiskali aggregata taż-żona tal-euro, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għall-obbligi tal-Istati Membri individwali biex jikkonformaw mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, inkluż ir-rispett sħiħ għall-klawżoli eżistenti tiegħu ta' flessibbiltà; jenfasizza li l-kunċett ta' pożizzjoni fiskali aggregata ma jimplikax li s-surpluses u d-defiċits fi Stati Membri differenti jpaċu lil xulxin;
25. Jinsab imħasseb dwar ir-rata baxxa ta' konformità mas-CSRs, inklużi dawk maħsuba li jrawmu l-konverġenza, iżidu l-kompetittività u jnaqqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi; jemmen li sjieda nazzjonali akbar permezz ta' dibattiti pubbliċi ġenwini fil-livell nazzjonali twassal għal implimentazzjoni aħjar tas-CSRs; iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li l-parlamenti nazzjonali jiddibattu r-rapporti tal-pajjiżi u s-CSRs; jemmen li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom ikunu involuti aħjar fil-proċess tas-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-għodod eżistenti kollha biex tinforza dawk is-CSRs li huma maħsuba biex jindirizzaw dawn l-isfidi, li jirrappreżentaw theddida għas-sostenibbiltà tal-unjoni monetarja;
26. Jenfasizza li kwalunkwe pass ulterjuri lejn approfondiment tal-UEM irid jimxi id f'id ma' kontrolli demokratiċi aktar b'saħħithom; jinsisti li, għal dan il-għan, irid jissaħħaħ kemm ir-rwol tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-parlamenti nazzjonali f'konformità mal-prinċipju tar-responsabbiltà; jitlob li s-sħab soċjali jiġu kkonsultati fil-proċess tan-negozjati kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew;
27. Jilqa' l-għarfien mill-Kummissjoni li l-korruzzjoni għadha ostaklu għall-investiment f'xi Stati Membri, u li r-rispett tal-istat tad-dritt u tal-ġudikatura indipendenti u tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi huwa meħtieġ biex jiġi żgurat żvilupp ekonomiku adegwat; jiddeplora madankollu li l-Kummissjoni temmet ir-rapport annwali dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jistieden lill-Kummissjoni terġa' tibda mill-ġdid din l-analiżi annwali tal-korruzzjoni fl-Istati Membri u tipprovdi mekkaniżmi biex tiġi miġġielda;
28. Iqis li l-baġits tal-UE jridu jipprovdu inċentiv għal tkabbir sostenibbli, konverġenza, investimenti u riformi, permezz ta' soluzzjonijiet u sinerġiji fir-rigward tal-baġits nazzjonali; jemmen, għalhekk, li s-SAT iservi bħala linja gwida għall-Istati Membri, u għat-tħejjija tal-baġits nazzjonali u tal-UE, b'mod partikolari fil-kuntest tat-tħejjija tal-qafas finanzjarju pluriennali ta' wara l-2020;
29. Itenni, f'dan ir-rigward, li għandu jkun hemm sinerġiji akbar bejn il-baġits nazzjonali u l-baġit tal-UE; jirrimarka li l-Kummissjoni, minħabba l-involviment tagħha fis-Semestru Ewropew kif ukoll fit-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE, għandha rwol ewlieni x'taqdi f'dan ir-rigward;
30. Jilqa' l-proposta għal sinerġija akbar u n-nonframmentazzjoni tal-baġit tal-UE stabbilit fir-rakkomandazzjonijiet imressqa fil-"Future Financing of the EU" ("Il-Finanzjament Futur tal-UE"), ir-rapport finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji minn Diċembru 2016;
L-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sikurezza alimentari
31. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tvara l-portal tal-internet dwar il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, li jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar suġġetti relatati mal-promozzjoni tas-saħħa u l-benesseri, u li jkun jikkostitwixxi sors importanti ta' informazzjoni ċara u affidabbli għaċ-ċittadini; jenfasizza li dan il-portal għandu jkun totalment aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE, inklużi dawk li jbatu mid-dislessija u minn diffikultajiet oħra bħal dawn;
32. Jappella għal koerenza akbar mal-politiki l-oħra tal-UE fil-qasam tal-prevenzjoni tad-diżastri u l-istat ta' preparazzjoni għalihom, bħall-istrateġija tal-UE għall-adattament għat-tibdil fil-klima, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Fond ta' Solidarjetà, il-leġiżlazzjoni ambjentali u l-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni;
o o o
33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, u lill-Bank Ċentrali Ewropew.
Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018
389k
77k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (2017/2260(INI))
– wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 145, 148, 152, 153, 174 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,
– wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod partikolari n-Nru 1, 3, 4, 5, 8 u 10,
– wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tas-17 ta' Novembru 2017 f'Gothenburg,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018" (COM(2017)0690),
– wara li kkunsidra l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tat-22 ta' Novembru 2017 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (COM(2017)0674),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2017)0677),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2017)0770),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2018" (COM(2017)0771),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji għall-2018: Valutazzjoni Globali" (COM(2017)0800),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "L-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali" (COM(2017)0250),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "Inizjattiva ta' appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu" (COM(2017)0252),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "Taking stock of the 2013 Recommendation on "Investing in children: breaking the cycle of disadvantage"" (Rendikont tar-Rakkomandazzjoni tal-2013 dwar "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ") (SWD(2017)0258),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tas-seba' edizzjoni tal-"Employment and Social Developments in Europe annual review (2017)" (Rieżami Annwali tal-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa (2017)) iffukata fuq il-ġustizzja u s-solidarjetà interġenerazzjonali fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 bit-titolu "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara" (COM(2016)0646),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2016)0604),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "It-Tisħiħ tal-Investimenti Ewropej għall-impjieg u t-tkabbir: Lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u pjan ġdid ta' Investiment Estern għall-Ewropa" (COM(2016)0581),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (COM(2016)0381),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva" (COM(2016)0356),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-Ewropa tinvesti mill-ġdid – Rendikont tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss" (COM(2016)0359),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2016 dwar it-tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2016)0127) u l-annessi tagħha,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2016 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2016)0071), u l-pożizzjoni dwarha tal-Parlament tal-15 ta' Settembru 2016(2),
– wara li kkunsidra l-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013, inkluża r-Rakkomandazzjoni 2013/112/UE bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ"(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(4),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar "Completing Europe’s Economic and Monetary Union" (Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bħala xprun biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014-2015(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Impjieg u Aspetti Soċjali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja u dik tax-xogħol(13),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal(15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi(16),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-Impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli(17),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(18),
– wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tar-rapport tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea (Settembru 2015),
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 5/2017 tal-Qorti tal-Awdituri ta' Marzu 2017 bit-titolu: "Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza? Valutazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ",
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-25 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Developments in working life in Europe: EurWORK annual review 2016" (L-Iżviluppi fil-ħajja tax-xogħol fl-Ewropa: rieżami annwali tal-EurWORK 2016), u b'mod speċifiku l-kapitolu dwar "Pay inequalities: Evidence, debate and policies" (L-inugwaljanzi fil-pagi: Evidenza, dibattitu u politiki),
– wara li kkunsidra l-aġġornament topiku tal-Eurofound tat-18 ta' Lulju 2017 bit-titolu "Pay inequalities experienced by posted workers: Challenges to the "equal treatment" principle" (Inugwaljanzi fil-pagi tal-ħaddiema stazzjonati: Sfidi għall-prinċipju ta' "trattament ugwali") li jipprovdi ħarsa ġenerali dettaljata tal-pożizzjonijiet tal-gvernijiet u tas-sħab soċjali madwar l-Ewropa fir-rigward tal-prinċipju ta' remunerazzjoni ugwali għal xogħol ugwali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tas-26 ta' Ġunju 2017 "Occupational change and wage inequality: European Jobs Monitor 2017" (Il-bidliet fuq il-post tax-xogħol u l-inugwaljanza fil-pagi: Monitoraġġ tal-Impjiegi Ewropej 2017),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tad-19 ta' April 2017 bit-titolu "Social mobility in the EU" (Il-mobilità soċjali fl-UE),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tat-13 ta' Marzu 2017 bit-titolu "Income inequalities and employment patterns in Europe before and after the great Recession" (L-inugwaljanzi fl-introjtu u xejriet tal-impjiegi fl-Ewropa qabel u wara r-Reċessjoni l-Kbira),
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Eurofound tal-24 ta' Frar 2017 dwar l-Involviment tas-sħab soċjali fis-Semestru Ewropew: aġġornament tal-2016, u tas-16 ta' Frar 2016 dwar ir-Rwol tas-sħab soċjali fis-Semestru Ewropew li jeżamina l-perjodu 2011-2014,
– wara li kkunsidra r-rapport ġenerali tal-Eurofound tas-17 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Sixth European Working Conditions Survey" (Is-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tat-12 ta' Marzu 2015 bit-titolu "New forms of employment" (Forom ġodda ta' impjieg),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tad-29 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "Women, men and working conditions in Europe" (In-nisa, l-irġiel u l-kundizzjonijet tax-xogħol fl-Ewropa),
– wara li kkunsidra d-dibattitu mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali dwar il-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew 2018,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0052/2018),
A. billi r-rata tal-qgħad fl-UE qiegħda tiżdied u laħqet 72,3 % fit-tieni kwart tal-2017, li jikkorrispondi għal 235,4 miljun persuna impjegata, u li jikkostitwixxi progress lejn il-kisba tal-mira ta' 75 % ta' rata tal-qgħad speċifikata fl-istrateġija Ewropa 2020; billi għad hemm differenzi sostanzjali ħafna bejn ir-rati ta' impjieg f'bosta Stati Membri, li jvarjaw minn ferm inqas mill-medja tal-UE ta' 65 % fil-Greċja, fil-Kroazja, fl-Italja u fi Spanja, għal aktar minn 75 % fin-Netherlands, fid-Danimarka, fir-Renju Unit, fil-Ġermanja u fl-Iżvezja, u għad fadal xi jsir għal irkupru mill-kriżi u, b'mod partikolari, biex jintlaħqu l-miri nazzjonali tal-istrateġija Ewropa 2020; billi t-tkabbir fl-impjiegi kien aktar b'saħħtu fost il-ħaddiema akbar fl-età, l-impjegati b'livell għoli ta' ħiliet u l-irġiel, u aktar dgħajjef fost iż-żgħażagħ, il-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u n-nisa; billi l-impjieg imkejjel f'termini ta' sigħat maħduma minn kull impjegat għadu 3 % taħt il-livell ta' qabel il-kriżi fl-UE u 4 % taħt il-livell ta' qabel il-kriżi fiż-żona tal-euro, minħabba aktar xogħol part-time u inqas sigħat maħduma minn impjegati full-time; billi bħalissa fl-UE 18,9 miljun ruħ għadhom mingħajr impjieg, l-investiment għadu baxx wisq, iż-żieda fil-pagi hija baxxa u l-faqar fost dawk li jaħdmu għadu qiegħed jiżdied; ifakkar li l-Artikolu 3 tat-TUE jistipula li l-Unjoni għandha timmira għal okkupazzjoni sħiħa;
B. Billi 18.9 miljun ruħ fl-UE għadhom mingħajr impjieg, minkejja l-fatt li r-rati tal-qgħad fl-UE u fiż-żona tal-euro jinsabu fl-aktar livelli baxxi għal dawn l-aħħar disa' snin, b'7,5 % u 8,9 % rispettivament; billi, barra minn hekk, dan l-irkupru għadu ferm inkonsistenti fost l-Istati Membri, bir-rati tal-qgħad ivarjaw minn madwar 4 % fil-Ġermanja sa kważi 20 % fi Spanja u 23,6 % fil-Greċja; billi l-qgħad moħbi – nies diżokkupati li lesti jaħdmu iżda mhux qegħdin ifittxu impjieg b'mod attiv – kien ta' 20 % fl-2016, filwaqt li s-sehem tal-qgħad fit-tul fl-UE għadu għoli b'mod allarmanti b'aktar minn 46,4 % (iċ-ċifra korrispondenti għaż-żona tal-euro hija ta' 49,7 %); billi f'xi Stati Membri, il-qgħad għadu għoli minħabba nuqqas ta' tkabbir u dgħufijiet strutturali; billi r-riformi inadegwati tas-suq tax-xogħol huma waħda mir-raġunijiet għal-livell għoli ta' qgħad; billi l-appoġġ għall-persuni qiegħda fit-tul huwa essenzjali, inkella din is-sitwazzjoni tibda taffettwa l-kunfidenza fihom infushom, u l-benessri u l-iżvilupp futur tagħhom, filwaqt li tpoġġihom f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, u timmina kemm is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali kif ukoll id-dimensjoni soċjali Ewropea;
C. billi x-xogħol part-time żdied bi 11 % mill-2008 u x-xogħol full-time naqas bi 2 % matul l-istess perjodu, filwaqt li x-xogħol part-time involontarju niżel minn 29,3 % fl-2013 għal 27,7 % fl-2016, iżda xorta għadu jirrappreżenta kwart ta' dawn it-tipi ta' kuntratti;
D. billi s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol bejn xogħlijiet permanenti u xogħlijiet atipiċi għadha inkwetanti, fejn f'xi Stati Membri l-kuntratti temporanji jammontaw għal bejn 10 % u 20 % tal-impjiegi, b'rati ta' tranżizzjoni partikolarment baxxi lejn kuntratti permanenti u xogħlijiet temporanji li jirrappreżentaw truf li ma jwasslu mkien aktar milli mezzi ta' passaġġ lejn xogħlijiet permanenti; billi dan il-fenomenu qiegħed jipprevjeni numri kbar ta' ħaddiema milli jibbenefikaw minn impjieg sigur u mħallas relattivament tajjeb u prospetti tajbin, u qiegħed joħloq differenzi fil-pagi bejn ħaddiema permanenti u ħaddiema temporanji;
E. billi għalkemm jista' jiġi osservat titjib żgħir fir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, din xorta waħda għadha għolja b'mod preokkupanti b'16,6 % (18,7 % fiż-żona tal-euro); billi, skont l-abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, iż-żgħażagħ huma aktar ta' spiss impjegati f'forom mhux standard u atipiċi ta' impjieg, inklużi xogħlijiet temporanji, xogħol part-time involontarju u xogħlijiet b'inqas paga; billi fl-2016 kien għad hemm 6,3 miljun żagħżugħ u żagħżugħa bejn il-15 u l-24 sena barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs); billi l-Istati Membri jistgħu jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ billi jiżviluppaw u jimplimentaw oqfsa regolatorji tas-suq tax-xogħol, sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ u politiki attivi tas-suq tax-xogħol, abbażi tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni dwar l-età fir-rigward tal-Artikolu 19 tat-TFUE u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fl-impjiegi;
F. billi għalkemm id-differenzi fir-rati tal-qgħad fost l-Istati Membri huma iżgħar, dawn xorta waħda għadhom ogħla mil-livell ta' qabel il-kriżi; billi l-qgħad fit-tul għadu 'l fuq minn 50 % tal-qgħad totali f'ċerti Stati Membri u, bħala medja, 46,6 % fl-UE u 49,7 % fiż-żona tal-euro; billi r-rata tal-qgħad issegwi biss nies li m'għandhomx xogħol u li jkunu fittxew b'mod attiv xogħol fl-aħħar erba' ġimgħat, filwaqt li r-rata tal-qgħad fit-tul tkejjel biss is-sehem tan-nies fil-popolazzjoni ekonomikament attiva li għandhom bejn 15 u 74 sena u li kienu diżokkupati għal 12-il xahar jew aktar;
G. billi d-diskrepanza bejn il-ġeneri fl-impjieg għadha tippersisti, u issa hija ta' 11,6 % fl-UE, b'rati tal-impjieg speċifiċi għall-ġeneru ta' 76,9 % għall-irġiel u 65,3 % għan-nisa, filwaqt li hemm diskrepanzi saħansitra akbar fost nisa li ma twieldux fl-UE u nisa Rom; billi d-diskrepanza bejn il-ġeneri hija saħansitra akbar fl-impjieg part-time, fejn fl-2016, kienet tammonta għal differenza ta' 23 punti perċentwali (pp) u saħansitra kienet ogħla minn 30 pp f'erba' Stati Membri, filwaqt li l-impjieg part-time involontarju tan-nisa kien ta' 23,5 %; billi r-rata tal-impjieg tan-nisa b'tal-inqas wild wieħed taħt l-eta' ta' sitt snin hija 9 pp inqas mir-rata korrispondenti tan-nisa mingħajr ulied, filwaqt li 19 % tal-forza tax-xogħol potenzjali tan-nisa fl-2016 kienet inattiva minħabba li dawn kienu qegħdin jieħdu ħsieb tfal jew adulti inabilitati; billi, minħabba rati inqas ta' impjieg ekwivalenti għall-full-time, in-nisa sofrew diskrepanza sinifikanti fil-pagi ta' 16,3 % fl-2015 fl-UE bħala medja, li tvarja minn 26,9 % fl-Estonja għal 5,5 % fl-Italja u fil-Lussemburgu;
H. billi xi Stati Membri oħrajn jiffaċċjaw sfidi strutturali fis-suq tax-xogħol bħall-parteċipazzjoni baxxa u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u tal-kwalifiki; billi hemm ħtieġa li dejjem qiegħda tiżdied li l-forza tax-xogħol inattiva tiġi integrata jew riintegrata sabiex jintlaħqu d-domandi tas-suq tax-xogħol;
I. billi s-soċjetajiet fl-Unjoni Ewropea qegħdin jixjieħu (kważi 20 % tal-popolazzjoni Ewropea għandha aktar minn 65 sena u l-estimi jissuġġerixxu li din ir-rata ser tilħaq 25 % sal-2050), u li l-proporzjon ta' dipendenza fuq l-anzjani ser jiżdied, fatt li jippreżenta sfidi addizzjonali għall-Istati Membri u jista' jirrikjedi li jagħmlu aġġustamenti biex ikomplu jiżguraw sigurtà soċjali, kura tas-saħħa u sistemi ta' kura tas-saħħa fit-tul li jkunu ffinanzjati sew u robusti, u biex jissodisfaw il-ħtieġa għal forniment ta' kura formali u informali; billi l-persuni li jindukraw jikkostitwixxu vantaġġ vitali għas-soċjetà; billi l-istennija tat-tul tal-ħajja fit-twelid fl-UE-28 naqset ftit fl-2015, b'estimu ta' total ta' 80,6 sena (0,3 sena inqas mill-2014), 83,3 sena għan-nisa (0,3 sena inqas mill-2014) u 77,9 sena għall-irġiel (0,2 sena inqas mill-2014); billi dan kien l-ewwel tnaqqis fl-istennija tat-tul tal-ħajja tal-UE-28 sa mill-2002, fejn id-data dwar l-istennija tat-tul tal-ħajja saret disponibbli għall-Istati Membri kollha, u tista' tiġi osservata fil-maġġoranza tal-Istati Membri; billi skont il-Eurostat għadu mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk it-tnaqqis fl-istennija tat-tul tal-ħajja bejn l-2014 u l-2015 kienx biss temporanju jew hux ser ikompli fis-snin li ġejjin;
J. billi l-isfidi demografiċi jinkludu fatturi bħad-depopolazzjoni u d-dispersjoni tal-popolazzjoni li jfixklu t-tkabbir tar-reġjuni affettwati u jheddu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE;
K. billi r-rata tat-tluq bikri mill-iskola hija ta' madwar 20 % f'diversi Stati Membri bħal Malta, Spanja u r-Rumanija, u għadha 'l fuq mir-rata tal-mira tal-UE ta' 10 % fil-Portugall, il-Bulgarija, l-Italja, l-Ungerija, ir-Renju Unit u l-Greċja; billi t-tluq bikri mill-iskola jirrappreżenta sfida kumplessa fil-livelli individwali, nazzjonali u Ewropej; billi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat, oriġini migranti u bżonnijiet speċjali huma l-aktar fatturi sinifikanti assoċjati ma' suċċess edukattiv baxx u tluq bikri mill-iskola, filwaqt li jitqies li l-proporzjon medja tal-UE ta' dawk li huma batuti fix-xjenza fi ħdan il-kwartil soċjoekonomiku tal-qiegħ tal-popolazzjoni tal-istudenti fl-UE skont l-istaħrriġ PISA 2015 huwa ta' madwar 34 %, 26pp aktar mill-ogħla kwartil soċjoekonomiku;
L. billi s-settur tal-ekonomija soċjali jinkludi 2 miljun negozju (bejn wieħed u ieħor 10 % tat-total tal-UE) u jimpjega aktar minn 14-il miljun persuna (madwar 6,5 % tal-ħaddiema tal-UE); billi dan is-settur għandu rwol importanti biex jilħaq l-isfidi innumerabbli li s-soċjetajiet tal-lum qegħdin jiffaċċjaw, mhux l-inqas it-tixjieħ tal-popolazzjonijiet tagħhom;
M. billi 80 miljun Ewropew għandhom diżabilità; billi l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-aċċessibbiltà għalihom għadha lura;
N. billi minkejja li jista' jiġi osservat xi progress fit-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, għad hemm gruppi żvantaġġati fis-soċjetà, u huwa inaċċettabbli li 119-il miljun Ewropew jinsabu fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali, li minnhom aktar minn 25 miljun huma tfal (aktar minn wieħed minn kull erba' tifel u tifla fl-UE), filwaqt li għadhom jeżistu diverġenzi reġjonali fl-Istati Membri u fl-Unjoni kollha, u dan ifisser li l-UE tinsab ferm lura milli tikseb il-mira tal-UE 2020; billi l-inugwaljanza fl-introjtu qiegħda tkompli tikber f'żewġ terzi tal-pajjiżi kollha tal-UE; billi fl-UE kollha, 20 % tal-unitajiet domestiċi l-aktar sinjuri rċevew sehem ta' dħul li kien 5,1-il darba aktar mill-20 % l-aktar fqar, b'differenza għolja ta' 6,5 jew ogħla f'xi pajjiżi Ewropej tal-Lvant u tan-Nofsinhar – kważi d-doppju tal-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali u tal-pajjiżi Nordiċi bl-aħjar prestazzjonijiet; billi l-livelli għoljin ta' inugwaljanza għadhom ostaklu għal opportunitajiet indaqs fl-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-protezzjoni soċjali, u għaldaqstant huma ta' detriment għall-ġustizzja soċjali, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli;
O. billi, skont il-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni "Employment and Social Developments in Europe 2017" (Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa 2017), fl-2015 kien hemm 118,8 miljun persuna f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali (AROPE), 1,7 miljun aktar miċ-ċifra tal-2008 u 'l bogħod mill-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020 li jitnaqqsu l-AROPE b'20 miljun, b'disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri, li jvarjaw minn 5 % jew anqas fir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja għal madwar 20 % fil-Greċja u fi Spanja; billi r-rata tal-AROPE għat-tfal (0-17) kienet ta' 26,4 % fl-2016, jiġifieri kienet ogħla mir-rati ekwivalenti għall-adulti (16-64, 24,2 %) u, bi kważi 10 pp, ir-rata tal-anzjani (65+, 18,3 %); billi n-numru ta' tfal li qegħdin jesperjenzaw il-faqar għadu għoli b'mod allarmanti fl-Ewropa attwalment b'aktar minn 25 miljun, u l-impatt tal-faqar fuq it-tfal jista' jdum tul ħajjithom u jipperpetwa t-trażmissjoni ta' żvantaġġ minn ġenerazzjoni għall-oħra; billi l-politiki soċjali huma importanti biex tinkiseb il-koeżjoni u l-UE tkun eqreb għaċ-ċittadini tagħha;
P. billi fl-Ewropa kollha hemm żieda fil-faqar fost dawk li jaħdmu, bl-ogħla livelli rreġistrati fi Spanja (13,1 %), fil-Greċja (14 %) u fir-Rumanija (18,6 %), fatt li juri li l-impjieg biss mhuwiex dejjem biżżejjed biex ineħħi lill-persuni mill-faqar u jirrifletti tendenzi differenti tas-suq tax-xogħol, fosthom xogħlijiet part-time u/jew temporanji, livelli tal-pagi u intensità tax-xogħol fl-unitajiet domestiċi u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena; billi ż-żieda fil-pagi għadha mrażżna fl-UE, wara żieda b'inqas minn 1 % f'dawn l-aħħar sentejn u d-dispersjoni tal-kumpens lill-impjegati hija pjuttost mifruxa fl-UE, li tvarja minn EUR 4,6 għal kull siegħa maħduma fil-Bulgarija għal EUR 43,3 għal kull siegħa maħduma fil-Lussemburgu; billi ż-żieda fil-pagi reali kienet inqas mill-medja tat-tkabbir tal-produttività fi 18 mit-28 Stat Membru u kienet ukoll inqas mit-tnaqqis fil-qgħad; billi l-istabbiliment tal-pagi huwa kwistjoni ta' kompetenza nazzjonali;
Q. billi l-edukazzjoni hija fattur kruċjali għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, minkejja li appoġġata mill-Kummissjoni; billi l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jitqies il-fatt li r-rata tal-impjieg taż-żgħażagħ (dawk bejn l-20 u l-34 sena) b'edukazzjoni għolja hija ta' 82,8 % fl-UE, 10 pp ogħla minn dawk b'edukazzjoni sekondarja għolja; billi t-taħriġ vokazzjonali qiegħed jibda jsir aktar kredibbli, kemm f'għajnejn iż-żgħażagħ Ewropej kif ukoll f'għajnejn in-negozji li qegħdin jirrikonoxxu l-abbiltajiet tagħhom; billi t-taħriġ miksub f'kuntest informali jipprovdi wkoll lill-Ewropej b'għodod essenzjali għas-suq tax-xogħol;
R. billi għalkemm it-trasformazzjoni diġitali tirrikjedi li tal-inqas il-ħaddiema jkollhom ħiliet bażiċi diġitali, huwa stmat li 44 % tal-popolazzjoni tal-UE m'għandhiex dawn il-ħiliet(19);
S. billi, f'konformità mal-Artikolu 168 tat-TFUE, għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet rilevanti tal-Unjoni; billi dan ikun jikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali, il-ġustizzja u l-ugwaljanza soċjali; billi l-avvanzi teknoloġiċi u xjentifiċi, li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) tal-2018 jilqa', qegħdin jagħmluha possibbli biex jinstabu trattamenti u mediċini aħjar, aktar effikaċi u aktar affordabbli; billi dan il-progress qiegħed jgħin jiżgura li l-persuni li jsofru minn kundizzjonijiet kroniċi partikolari, ser ikunu kapaċi jidħlu fis-suq tax-xogħol jew jibqgħu jaħdmu għal aktar żmien; billi din il-mira attwalment qiegħda tiġi kkontestata mill-ispiża għolja ta' xi mediċini;
T. billi l-politika fiskali fl-Istati Membri għandha rwol fl-istabbilizzazzjoni tal-ambjent makroekonomiku, filwaqt li tfittex ukoll objettivi oħra bħas-sostenibbiltà fiskali jew ir-ridistribuzzjoni;
U. billi l-provvista u l-ġestjoni ta' sistemi tas-sigurtà soċjali huma l-kompetenza tal-Istat Membri li l-Unjoni tikkoordina iżda ma tarmonizzax;
V. billi d-dħul gross reali disponibbli tal-unitajiet domestiċi (GDHI) per capita għadu ma rkuprax mil-livelli tiegħu ta' qabel il-kriżi f'diversi Stati Membri, b'għadd ta' ċifri bejn l-20 u t-30 pp inqas mill-2008;
W. billi l-kapaċità tal-ekonomija tal-UE li tmexxi tkabbir fit-tul hija anqas mill-kapaċità tal-kompetituri maġġuri tagħna; billi l-Kummissjoni stmat li t-tkabbir potenzjali huwa madwar 1,4 % fl-UE b'paragun ma' 2 % fl-Istati Uniti;
X. billi x-xogħol mhux iddikjarat iċaħħad lill-ħaddiema mid-drittijiet tagħhom u jħeġġeġ id-dumping soċjali, jinvolvi implikazzjonijiet baġitarji serji, u jaffettwa b'mod negattiv l-impjieg, il-produttività, il-kwalità tax-xogħol u l-iżvilupp tal-ħiliet, u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema tal-intitolamenti tal-pensjoni; billi hemm bżonn ta' sforzi kontinwi biex ix-xogħol mhux iddikjarat jinbidel f'xogħol iddikjarat;
Y. billi r-reġjuni ultraperiferiċi jridu jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet enormi relatati mal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom li jillimitaw il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir; billi f'dawn ir-reġjuni r-rati tal-qgħad ivarjaw bejn 11,2 % u 27,1 % u r-rati tal-qgħad fit-tul ivarjaw bejn 54,5 % u 80,9 %; billi f'dawk ir-reġjuni l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa ogħla minn 40 %;
Z. billi skont ir-riċerka tal-Eurofound, l-involviment tas-sħab soċjali fl-elaborazzjoni tal-programmi ta' riforma nazzjonali qiegħed jitjieb gradwalment fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, minkejja li għad hemm differenzi u eżiti sinifikanti fir-rigward tal-kwalità u l-effikaċja tal-impenn globali tas-sħab soċjali nazzjonali fil-proċess tas-Semestru Ewropew;
AA. billi l-istudju li jmiss tal-Eurofound dwar l-involviment tas-sħab soċjali fis-Semestru Ewropew ser jirrapporta proċess ta' konsolidazzjoni u sensibilizzazzjoni li qiegħda tiżdied, skont il-Linja Gwida dwar l-Impjiegi Nru 7 dwar it-tisħiħ tal-funzjonament tas-swieq tax-xogħol; billi, madankollu, is-sħab soċjali jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat impenn xieraq bil-faċilitazzjoni tal-konsultazzjoni sinifikanti u f'waqtha, skambju ta' kontribuzzjonijiet u feedback, u bl-għotja ta' viżibilità tal-fehmiet tagħhom;
1. Jilqa' b'sodisfazzjon l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018, flimkien mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali integrat bħala parti importanti tal-politiki globali għal impjiegi ta' kwalità, it-tkabbir sostenibbli u l-investiment, bil-għan li jiżdiedu l-produttività u l-pagi, il-ħolqien ta' impjiegi, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-faqar u t-titjib tal-protezzjoni soċjali u l-aċċess u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi; jagħraf li s-SAT huwa bbażat fuq strateġija ta' investiment, riformi strutturali u finanzi pubbliċi responsabbli li jridu jiġu akkumpanjati minn politiki u miżuri għat-twettiq tal-prinċipji u l-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jisħaq li l-Kummissjoni għandha, fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew, ittejjeb il-proċess tal-koordinazzjoni tal-politika sabiex tissorvelja, tevita u tikkoreġi t-tendenzi negattivi li jistgħu jżidu l-inugwaljanzi u jdgħajfu l-progress soċjali, bħala mezz biex il-koordinazzjoni ekonomika tintrabat mal-prestazzjoni tal-impjiegi u dik soċjali; jistieden lill-Istati Membri biex isegwu l-prijoritajiet identifikati fl-istħarriġ u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jakkumpanjah, bil-ħsieb li l-politiki u l-istrateġiji nazzjonali tagħhom jippromwovu t-tkabbir, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi ta' kwalità, il-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni; jinnota l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trawwim tas-saħħa ta' negozjar tal-ħaddiema;
2. Jenfasizza l-ħtieġa għal riformi strutturali soċjalment u ekonomikament ibbilanċjati bl-għan li jitwettaq is-"Social Triple A" billi jittejbu s-suq tax-xogħol u l- politiki soċjali li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ħaddiema u l-gruppi individwali, sabiex jissaħħaħ l-investiment, jinħolqu impjiegi ta' kwalità, il-forza tax-xogħol tkun megħjuna fil-ksib tal-ħiliet li teħtieġ, jiġu promossi opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, tiżdied il-produttività tax-xogħol, tiġi appoġġata ż-żieda fis-salarji u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali li jkunu sostenibbli u adegwati, u biex jittejbu l-istandards tal-ħajja għaċ-ċittadini kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ambjent favorevoli kemm għan-negozji kif ukoll għall-ħaddiema bl-għan li joħolqu aktar impjiegi stabbli, filwaqt li jibbilanċjaw id-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi u t-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod konġunt u b'mod komplementari; jistieden lill-Istati Membri biex gradwalment iċaqalqu t-taxxi mix-xogħol għal sorsi oħra mingħajr ma jipperikolaw is-sigurtà soċjali; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex itejbu l-istandards soċjali u jnaqqsu l-inugwaljanzi;
3. Jisħaq fuq il-fatt li d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma strumenti ewlenin għal min iħaddem u għat-trade unions sabiex jiġu stabbiliti pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u li sistemi ta' negozjar kollettiv b'saħħithom iżidu r-reżiljenza tal-Istati Membri fi żminijiet ta' kriżi ekonomika; ifakkar li d-dritt għal negozjar kollettiv huwa kwistjoni li tikkonċerna l-ħaddiema Ewropej kollha, b'implikazzjonijiet kruċjali għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt, inkluż ir-rispett għad-drittijiet soċjali fundamentali, u li n-negozjar kollettiv huwa dritt fundamentali Ewropew li l-istituzzjonijiet Ewropej huma obbligati li jirrispettaw skont l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-politiki jkunu jirrispettaw, jippromwovu u jsaħħu n-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema f'sistemi tal-iffissar tal-pagi, li jiżvolġu rwol kritiku fil-kisba ta' standard għoli ta' kundizzjonijiet tax-xogħol; jemmen li dan kollu għandu jsir bil-għan li tiġi appoġġata d-domanda aggregata u l-irkupru ekonomiku, billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-pagi u jiġi miġġieled il-faqar fost dawk li jaħdmu;
4. Jitlob impenn akbar biex jiġu miġġielda l-faqar u l-inugwaljanza li qiegħda tiżdied u biex l-investimenti soċjali jingħataw spinta, fid-dawl tar-rendimenti ekonomiċi u l-benefiċċji soċjali tagħhom; ifakkar li ekonomiji b'livell għoli ta' investiment soċjali huma aktar reżiljenti għax-xokkijiet; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, sabiex jippermettu investiment pubbliku soċjali u, fejn meħtieġ, investiment akbar fl-infrastruttura soċjali u appoġġ għal dawk l-aktar milquta sabiex jiġu indirizzati kif jixraq l-inugwaljanzi, b'mod partikolari permezz tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali li jipprovdu appoġġ adegwat u dedikat għall-introjtu; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq, fejn rilevanti, valutazzjoni aktar profonda ta' liema tipi ta' nfiq jistgħu jitqiesu definittivament bħala investiment soċjali;
5. Jemmen li huwa importanti li jitrawwem djalogu interkulturali sabiex ikun aktar faċli li l-migranti, ir-rifuġjati u dawk li jfittxu l-asil jidħlu fis-suq tax-xogħol u jintegraw fis-soċjetà; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li għad hemm parteċipazzjoni baxxa fis-suq tax-xogħol tal-minoranzi etniċi; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, biex jimplimentaw b'mod korrett id-Direttivi 2000/78/KE u 2000/43/KE; ifakkar li dawk li għadhom jibdew iġibu magħhom għarfien u ħiliet ġodda, u jitlob l-iżvilupp ulterjuri u l-promozzjoni ta' għodod li jipprovdu informazzjoni multilingwi dwar l-opportunitajiet eżistenti ta' tagħlim formali u informali, taħriġ professjonali, traineeships u ħidma volontarja;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tara li l-isforzi tagħha jkunu effettivi bil-ħsieb li tgħin lil persuni li jbatu minn kundizzjonijiet partikolari, pereżempju uġigħ kroniku, biex jidħlu jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol; jafferma li s-suq tax-xogħol jeħtieġ li jkun adattat għal sitwazzjonijiet bħal dawn, u jsir aktar flessibbli u mhux diskriminatorju, sabiex jiżgura li l-persuni kkonċernati jistgħu bl-istess mod jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tal-UE, b'hekk titnaqqas il-pressjoni fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali;
7. Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni favur l-investiment li jsaħħaħ is-sostenibbiltà ambjentali u r-rikonoxximent tal-potenzjal tiegħu fl-ekonomija kollha; jaqbel li l-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkulari u ekoloġika għandu potenzjal għoli għall-ħolqien nett ta' impjiegi;
8. Jilqa' l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) u jemmen li s-Semestru Ewropew għandu jappoġġa l-iżvilupp tal-20 prinċipju ewlieni tiegħu dwar l-opportunitajiet indaqs, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali, li għandhom iservu bħala punt ta' referenza u ta' rakkomandazzjoni fl-implimentazzjoni taċ-ċiklu tal-koordinazzjoni tal-politika tas-Semestru Ewropew sabiex tinħoloq "Social Triple A" ġenwina għall-Ewropa, u biex jinħoloq tkabbir ekonomiku u prevedibbli, sitwazzjoni finanzjarja sostenibbli subordinata għall-miri tal-politika ekonomika u tal-impjieg, b'hekk jiġu ssodisfati l-għanijiet ewlenin prijoritizzati tal-istrateġija UE2020; jirrimarka li l-proċess ta' koordinazzjoni tas-Semestru Ewropew huwa mezz essenzjali ta' konsolidament tad-dimensjoni soċjali Ewropea, li minnha tnissel il-Pilastru Soċjali; jenfasizza li l-EPSR huwa l-ewwel pass permezz tal-ħolqien ta' approċċ komuni għall-protezzjoni u l-iżvilupp tad-drittijiet soċjali fl-UE, li għandu jiġi rifless f'miżuri meħuda mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tressaq proposti konkreti biex jissaħħu d-drittijiet soċjali permezz ta' għodod konkreti u speċifiċi (leġiżlazzjoni, mekkaniżmi għat-tfassil tal-politiki u strumenti finanzjarji) u biex jinkisbu riżultati konkreti; jisħaq fuq is-supremazija tad-drittijiet fundamentali;
9. Jagħraf l-isforzi meħuda biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tas-Semestru; jappella għal aktar azzjoni li tibbilanċja l-prijoritajiet soċjali u ekonomiċi u li ttejjeb il-kwalità ta' monitoraġġ u r-rakkomandazzjonijiet fil-qasam soċjali;
10. Jilqa' t-tabella ta' valutazzjoni l-ġdida, li tipprovdi 14-il indikatur ewlieni għall-monitoraġġ tal-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali tal-Istati Membri fir-rigward ta' tliet dimensjonijiet wiesgħa, identifikati fil-kuntest tal-Pilastru Soċjali;
11. Jissottolinja l-fatt li għall-UE, bħala medja, 11 minn 14-il indikatur ewlieni rreġistraw titjib matul l-aħħar sena disponibbli, u dan ikkonferma t-titjib kostanti fis-suq tax-xogħol u s-sitwazzjoni soċjali li akkumpanjat l-irkupru ekonomiku; jinnota, madankollu, li hija meħtieġa azzjoni biex tinkiseb konverġenza soċjali 'l fuq tul id-dimensjonijiet identifikati permezz tal-Pilastru Soċjali, kif iddikjarat mill-Kummissjoni, u li l-analiżi tal-indikaturi ewlenin turi mill-inqas "sitwazzjoni kritika" waħda għal 17 mit-28 Stat Membru;
12. Jirrikonoxxi li, minkejja titjib fis-sitwazzjoni ekonomika u tal-impjiegi fis-snin reċenti fl-UE kollha, il-qligħ iġġenerat mhux dejjem tqassam b'mod ugwali, hekk kif in-numru ta' persuni f'sitwazzjoni ta' faqar u esklużjoni soċjali għadu għoli wisq; huwa mħasseb bl-inugwaljanzi li qegħdin jiżdiedu fl-UE u fl-Istati Membri tagħha u biż-żieda fis-sehem ta' ħaddiema f'riskju ta' faqar, mhux biss għal ħaddiema part-time, iżda wkoll għal ħaddiema full-time; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kundizzjonijiet għal dawk in-nies u jagħtu rikonoxximent akbar lill-ħidma u l-għarfien espert tal-NGOs, l-organizzazzjonijiet ta' kontra l-faqar u l-persuni li qegħdin jesperjenzaw huma stess il-faqar u jħeġġu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskambju tal-prattiki tajba; jinnota li l-livelli għoljin ta' inugwaljanza jnaqqsu l-output tal-ekonomija u l-potenzjal għal tkabbir sostenibbli; jissottolinja l-fatt li l-integrazzjoni ta' individwi qiegħda fuq terminu twil permezz ta' miżuri mfasslin individwalment hija fattur ewlieni għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali; jistieden biex jiġu stabbiliti u żviluppati sħubijiet li jinkludu l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha sabiex jiġu provduti l-għodod meħtieġa għal reazzjoni aktar effikaċi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, jingħataw soluzzjonijiet effettivi u jiġi evitat il-qgħad fit-tul; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati politiki tas-suq tax-xogħol effettivi sabiex jitnaqqas il-qgħad fit-tul; iqis li l-Istati Membri għandhom ikomplu jgħinu lil dawk bla xogħol bl-għoti ta' servizzi ta' appoġġ ta' kwalità, bi prezzijiet raġonevoli u aċċessibbli għal tfittxija ta' impjieg, taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid, filwaqt li jipproteġu lil dawk li ma jistgħux jipparteċipaw;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-Għanijiet ta' Żvilupp Soċjali meta tipproponi rakkomandazzjonijiet ta' politika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew;
14. Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-varjabilità fir-rati ta' impjieg u qgħad fi Stati Membri differenti u jwissi, b'mod partikolari, dwar il-livell allarmanti ta' sottoimpjieg u l-qgħad moħbi; huwa partikolarment imħasseb dwar il-livell għoli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, b'aktar minn 11 % fl-UE, bl-eċċezzjoni ta' uħud mill-Istati Membri – l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, in-Netherlands, l-Ungerija, Malta u l-Ġermanja; iqis li l-livell għoli ta' NEET u persuni li jitilqu kmieni mill-iskola li għadu persistenti f'diversi pajjiżi huwa partikolarment inkwetanti; jilqa', f'dan ir-rigward, żieda fil-finanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ b'EUR 2,4 biljun għall-perjodu ta' bejn l-2017 u l-2020; jevidenzja li, jekk meħtieġ, għandu jitqies li jingħataw fondi addizzjonali fil-livell tal-UE għall-inizjattiva u li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tkun kompletament miftuħa għall-gruppi kollha, inklużi l-persuni vulnerabbli; ifakkar fir-Rapport Speċjali Nru 5 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, "Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza?";
15. Huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li s-"sistemi ta' protezzjoni soċjali għandhom jiżguraw id-dritt għal benefiċċji ta' introjtu minimu"; jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu dħul minimu adegwat 'il fuq mis-soll tal-faqar, skont il-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali u bl-involviment tas-sħab soċjali, u biex jiżguraw ikun aċċessibbli għall-persuni kollha u jindirizza lil dawk l-aktar fil-bżonn; iqis li sabiex l-iskemi ta' introjtu minimu jkunu effettivi fil-ġlieda kontra l-faqar, dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn aċċess għal beni u servizzi pubbliċi u miżuri ta' kwalità u affordabbli li jippromwovu opportunitajiet indaqs u jiffaċilitaw id-dħul jew id-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol għal persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, jekk dawn ikunu jistgħu jaħdmu;
16. Jistieden lill-Kummissjoni toħloq numru Ewropew tas-sigurtà soċjali sabiex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni, biex tipprovdi lin-nies b'rekord tal-intitolamenti attwali u passati tagħhom u biex tevita l-abbuż;
17. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-aċċess għall-protezzjoni soċjali huwa fundamentali sabiex jinħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u li b'segwitu għall-konsultazzjoni mas-sħab soċjali, huwa meħtieġ li jitfasslu proposti konkreti li jiżguraw li l-persuni kollha fil-forom kollha ta' xogħol iġemmgħu intitolamenti tas-sigurtà soċjali, inkluż għall-pensjonijiet adegwati;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u tas-Semestru Ewropew, issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tappoġġa politiki pubbliċi komprensivi fl-Istati Membri, billi tiffoka fuq li t-tranżizzjonijiet fix-xogħol mill-edukazzjoni u l-qgħad (fit-tul) ikunu mingħajr intoppi, u jappella, b'mod aktar speċifiku, għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri nazzjonali li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni li ilhom qiegħda(20); jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja, speċjalment għall-ħaddiema aktar avvanzati fl-età, biex jgħinuhom jadattaw il-ħiliet tagħhom u jiffaċilitaw l-impjegabbiltà tagħhom;
19. Huwa mħasseb dwar il-livelli għoljin ta' faqar fl-Ewropa kważi għaxar snin wara l-bidu tal-kriżi, u d-distakk bejn il-ġenerazzjonijiet li sussegwentement inħoloq, inkluż f'dawk l-Istati Membri bi proporzjon ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali; huwa mħasseb b'mod speċjali dwar iż-żieda fir-rati ta' faqar fost it-tfal u l-faqar fost dawk li jaħdmu f'diversi Stati Membri minkejja l-irkupru makroekonomiku f'dawn l-aħħar snin; jinnota li s-sitwazzjoni dwar il-proporzjon ta' tfal li jipparteċipaw fl-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal hija kritika f'aktar minn terz tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali, u tivvaluta l-impatt soċjali u ta' distribuzzjoni tagħhom;
20. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jitnaqqas b'mod drastiku l-faqar fl-Ewropa, b'mod partikolari l-faqar fost it-tfal, u, b'mod aktar speċifiku, biex iressqu proposti konkreti li jpoġġu lit-tfal fil-qalba tal-politiki eżistenti għat-taffija tal-faqar, f'konformità mar-Rakkomandazzjoni dwar l-Investiment fit-Tfal u b'konsiderazzjoni dovuta għall-azzjonijiet preparatorji stabbiliti minn il-baġits tal-UE tal-2017 u tal-2018 u għar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament, billi jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ miżuri li jippermettu li t-tfal f'riskju ta' faqar jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa, edukazzjoni u kura tat-tfal bla ħlas u akkomodazzjoni diċenti u nutrizzjoni adegwata; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jadottaw pjanijiet nazzjonali biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal li jindirizzaw speċifikament l-impatt limitat tat-trasferimenti soċjali fit-tnaqqis tar-riskju tal-faqar;
21. Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi tas-SAT dwar it-Tkabbir 2018, dwar l-akkomodazzjoni soċjali adegwata u assistenza oħra ta' akkomodazzjoni bħala servizzi essenzjali, inklużi l-ħarsien ta' persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli minn tkeċċija sfurzata u esklużjonijiet mhux ġustifikati, u l-indirizzar tal-problema ta' persuni mingħajr dar; jitlob sorveljanza msaħħa tal-kundizzjoni ta' persuna mingħajr dar u l-esklużjoni tal-akkomodazzjoni fis-Semestru u r-rakkomandazzjonijiet kif meħtieġ;
22. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea, li jissostitwixxu d-Direttiva attwali dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub;
23. Jenfasizza r-rati ogħla ta' qgħad taż-żgħażagħ u ħaddiema b'ħiliet baxxi meta mqabbla ma' adulti b'ħiliet speċjalizzati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet, li hija mfassla għat-titjib tal-ħiliet tan-nies bi problemi speċifiċi ta' ħiliet sabiex dawn jiġu megħjuna jirrintegraw fis-suq tax-xogħol;
24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-isforzi tagħhom fl-investiment f'edukazzjoni u taħriġ affordabbli, aċċessibbli u ta' kwalità għolja, fl-innovazzjoni li tappoġġa t-tkabbir fil-produttività tax-xogħol, fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u f'servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi li jkunu effikaċi u mfassla apposta – b'kont meħud tad-diskrepanzi ġeografiċi, demografiċi u fid-dħul fir-reġjuni u l-pajjiżi individwali – sabiex jiġi garantit li l-ħiliet miksuba jaqblu mad-domanda tas-suq tax-xogħol, biex tingħata s-setgħa lin-nies u jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, u biex jitnaqqas l-għadd ta' persuni li jitilqu kmieni mill-iskola; jissottolinja, f'dan ir-rigward, id-domanda li dejjem qiegħda tikber għal ħiliet diġitali u trasferibbli oħra u jinsisti li l-iżvilupp tagħhom huwa urġenti u meħtieġ b'mod partikolari u għandu jkopri l-gruppi kollha tas-soċjetà, b'attenzjoni partikolari mogħtija lill-ħaddiema u ż-żgħażagħ b'livell baxx ta' ħiliet; jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi li jappoġġjaw il-mobilità fit-tul ta' studenti u gradwati żgħażagħ mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li jippermettu li tiġi żviluppata forza tax-xogħol b'ħiliet u mobbli f'setturi b'potenzjal;
25. Huwa tal-fehma li r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki ser ikun ta' benefiċċju biex jingħeleb id-distakk bejn in-nuqqas ta' ħiliet fis-suq tax-xogħol Ewropew u l-persuni li jfittxu x-xogħol, b'mod partikolari ż-żgħażagħ; jirrimarka li l-kwalifiki u l-ħiliet miksuba f'kuntesti ta' tagħlim mhux formali u informali huma importanti sal-punt li dawn itejbu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u ta' dawk li jinsabu barra mis-suq tax-xogħol minħabba li huma kellhom jaġixxu bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-istabbiliment ta' sistema ta' validazzjoni għal forom tal-għarfien u l-esperjenza mhux formali u informali, speċjalment dawk miksuba permezz tal-volontarjat; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni fl-SAT qieset l-importanza tar-rikonoxximent ta' dawk il-ħiliet li jissodisfaw l-għanijiet tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu t-taħriġ vokazzjonali u jsaħħu t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, inklużi l-apprendistati ta' kwalità;
26. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-programmi ta' apprendistati u jagħmlu użu sħiħ minn finanzjament tal-Erasmus+ disponibbli għat-trainees sabiex tiġi garantita l-kwalità tat-taħriġ ta' dan it-tip u jsir aktar attraenti; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tingħata spinta lill-użu ta' dan il-programm miż-żgħażagħ fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE";
27. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ u jrawmu l-iskambju tal-aħjar prattiki;
28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu l-inizjattivi maħsuba biex jiżdied l-aċċess għal edukazzjoni aħjar, il-ħiliet u l-impjiegi, u sabiex jiġi żgurat fokus aktar qawwi fuq l-ekonomija ekoloġika u ċirkolari kollha tax-xogħol tagħhom fuq il-ħiliet;
29. Huwa tal-fehma li jkun xieraq li Aġenda għall-Ħiliet li tibqa' valida fil-futur tinkludi t-tagħlim għas-sostenibbiltà u tkun parti minn riflessjoni usa' dwar il-litteriżmu okkupazzjonali fil-kuntest ta' diġitizzazzjoni u robotizzazzjoni dejjem akbar tas-soċjetajiet Ewropej, filwaqt li tikkonċentra mhux biss fuq it-tkabbir ekonomiku iżda wkoll fuq l-iżvilupp personali, is-saħħa u l-benessri aħjar tal-istudenti;
30. Jilqa' favorevolment il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2017 dwar it-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-edukazzjoni u l-kultura (COM(2017)0673), li tinkludi objettivi ambizzjużi fil-qasam tal-edukazzjoni, b'mod partikolari dwar il-ħolqien ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u t-titjib tat-tagħlim tal-lingwi fl-Ewropa;
31. Ifakkar li l-industriji kreattivi huma fost l-aktar setturi imprenditorjali, u li l-edukazzjoni kreattiva tiżviluppa ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni tal-problemi, is-sens ta' kollaborazzjoni f'tim u l-inġenjożità; jitlob li l-arti u t-tagħlim kreattiv ikunu inkorporati fl-edukazzjoni STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) minħabba r-rabta stretta bejn il-kreattività u l-innovazzjoni; jevidenzja, barra minn hekk, il-potenzjal tas-settur kulturali u kreattiv (SKK) għall-preservazzjoni u għall-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u għat-tkabbir ekonomiku, għall-innovazzjoni u għall-impjiegi, speċjalment għall-impjiegi taż-żgħażagħ; jisħaq fuq il-fatt li aktar promozzjoni tas-SKK u investimenti f'dan tal-aħħar jistgħu jikkontribwixxu sostanzjalment għall-investimenti, għat-tkabbir, għall-innovazzjoni u għall-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tqis l-opportunitajiet offruti mis-SKK kollu, inklużi b'mod partikolari l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet iż-żgħar, pereżempju fl-ambitu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;
32. Ifakkar fil-bżonn li l-bniet u t-tfajliet jitħeġġew isegwu studji fil-qasam tal-ICTs u jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-bniet u lit-tfajliet jistudjaw is-suġġetti STEM, filwaqt li jkopru wkoll l-arti u l-istudji umanistiċi, u jżidu r-rappreżentanza tan-nisa fil-qasam STEM;
33. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex itejbu s-servizzi u l-leġiżlazzjoni li huma importanti biex jinstab bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja u għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob li jiġu żviluppati servizzi aċċessibbli, ta' kwalità u affordabbli għall-indukrar tat-tfal u għall-edukazzjoni bikrija, kif ukoll servizzi tal-indukrar għal dawk dipendenti fuq l-indukrar, u li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw billi jiġi permess it-teħid ta' liv vantaġġuż għall-familja u jiġu permessi arranġamenti flessibbli tax-xogħol li jisfruttaw il-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda, jiggarantixxu l-protezzjoni soċjali u fejn meħtieġ jipprovdu taħriġ adegwat; jisħaq, madankollu, l-ħtieġa għaldaqstant li jittaffa l-piż ta' kura obbligatorja minn fuq il-membri tal-familja u jappella għall-ħolqien ta' qasam regolat ta' ħaddiema domestiċi u carers li jiffaċilitaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata filwaqt li jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-potenzjali tas-sħubiji pubbliċi-privati u r-rwol importanti tal-fornituri tas-servizzi soċjali u tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali; jenfasizza bis-sħiħ il-ħtieġa għall-monitoraġġ tal-progress soċjali u dwar il-ġeneru, biex tiġi inkluża l-perspettiva dwar il-ġeneru u jitqies l-impatt tar-riformi maż-żmien;
34. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miri dwar l-indukrar ta' persuni anzjani, persuni b'diżabilità u dipendenti oħra, simili għall-miri ta' Barċellona, b'għodod ta' monitoraġġ biex jiġi żgurat li dawn jiġu ssodisfati; jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jikkunsidraw standards kwalitattivi għas-servizzi kollha tal-indukrar, inkluż fir-rigward tad-disponibbiltà, tal-aċċessibbiltà u tal-affordabbiltà tagħhom; jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jilqgħu l-konklużjonijiet tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) dwar it-tisħiħ ta' appoġġ u ta' indukrar ibbażati fil-komunità għal għajxien indipendenti, u jiżviluppaw strateġija ċara u qawwija ta' investiment biex jiġu żviluppati servizzi komunitarji ta' kwalità għolja u biex jiżdied l-appoġġ għal dawk li jipprovdu l-indukrar, speċjalment dawk li jieħdu ħsieb il-familja;
35. Jappella lill Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tax-xogħol, kemm f'termini tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll f'termini ta' pagi li jippermettu għajxien deċenti u ppjanar tal-familja; jisħaq fuq l-importanza tal-ġlieda effikaċi kontra x-xogħol mhux iddikjarat, bl-involviment tas-sħab soċjali u bl-impożizzjoni ta' multi xierqa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirdoppjaw l-isforzi tagħhom biex jittrasformaw ix-xogħol mhux dikjarat f'xogħol dikjarat billi jsaħħu l-mekkaniżmi tal-ispezzjoni tax-xogħol tagħhom u jistabbilixxu miżuri li jippermettu lill-ħaddiema jimxu mill-ekonomija informali għall-ekonomija formali; ifakkar lill-Istati Membri dwar l-eżistenza tal-Pjattaforma ta' Xogħol Mhux Iddikjarat, li fiha għandhom jieħdu sehem b'mod attiv billi jużawha għall-iskambju tal-aħjar prattiki u bil-għan li jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat, il-kumpaniji tal-isem u l-impjiegi indipendenti fittizji, li kollha kemm huma jipperikolaw kemm il-kwalità tax-xogħol kif ukoll l-aċċess tal-ħaddiema għas-sistemi ta' protezzjoni soċjali u għall-finanzi pubbliċi nazzjonali, li jwasslu għal kompetizzjoni inġusta bejn in-negozji Ewropej; jilqa' l-inizjattivi l-ġodda proposti mill-Kummissjoni, bħalma huma t-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar Awtorità Ewropea tax-Xogħol u n-Numru tas-Sigurtà Soċjali Ewropew; jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-ispettorati tax-xogħol jew lill-korpi pubbliċi rilevanti riżorsi adegwati biex jindirizzaw il-kwistjoni ta' xogħol mhux iddikjarat, biex ifasslu miżuri li jippermettu lill-ħaddiema jgħaddu mill-ekonomija informali għal dik formali u biex itejbu l-kooperazzjoni transfruntiera bejn is-servizzi ta' spezzjoni u l-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u tad-data, sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-kontrolli mfassla biex jiġġieldu u jipprevjenu l-frodi soċjali u x-xogħol mhux iddikjarat u jitnaqqas il-piż amministrattiv;
36. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol ikunu effiċjenti u effettivi u jkunu mfassla b'tali mod li jappoġġaw il-mobilità bejn is-setturi u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, kwistjonijiet li ser isiru aktar importanti hekk kif is-swieq tax-xogħol tagħna jadattaw għat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomiji tagħna;
37. Jissottolinja l-potenzjal tal-SMEs u tal-impriżi soċjali fil-ħolqien tal-impjiegi u l-ekonomija kollha; iqis li huwa fundamentali li tiġi vvalutata r-rata għolja tan-negozji ġodda sabiex jittieħdu t-tagħlimiet għall-futur, u biex jingħata appoġġ lill-intraprenditorija, inkluż permezz tal-iżvilupp u l-appoġġ tal-mudelli soċjali u tal-ekonomija ċirkolari; iqis li huwa essenzjali, barra minn hekk, li jittejjeb l-ambjent tan-negozju billi jitneħħew il-piżijiet amministrattivi u jiġu aġġustati r-rekwiżiti, jittejjeb l-aċċess għall-finanzi u jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' mudelli tat-taxxa u proċeduri simplifikati tal-konformità tat-taxxa li jiffavorixxu lill-SMEs, lill-intraprendituri, il-ħaddiema għal rashom, il-mikroentitajiet, in-negozji ġodda u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, u biex jiġi evitat li jkun hemm evażjoni tat-taxxa u nuqqas ta' informazzjoni affidabbli għall-identifikazzjoni tal-bażijiet tat-taxxa u s-sidien reali tagħhom; jappella lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki li jrawmu kultura ta' intraprenditorija responsabbli u effikaċi fost iż-żgħażagħ minn età bikrija, jipprovdulhom opportunitajiet ta' internships u ta' żjarat lill-kumpaniji u l-għarfien korrett biex jiġi evitat il-falliment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tkompli l-programmi Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-assoċjazzjonijiet u l-inizjattivi li jgħinu lill-intraprendituri żgħażagħ biex jiżviluppaw proġetti innovattivi;
38. Jenfasizza li l-imprenditorija soċjali hija qasam li qiegħed jikber li jista' jagħti spinta lill-ekonomija filwaqt li fl-istess ħin itaffi l-privazzjoni, l-esklużjoni soċjali u problemi soċjetali oħra; iqis, għalhekk, li l-edukazzjoni imprenditorjali għandha tinkludi dimensjoni soċjali u tindirizza suġġetti bħall-kummerċ ġust, l-impriżi soċjali u mudelli ta' negozju alternattivi, fosthom il-kooperattivi, sabiex isir sforz biex tinkiseb ekonomija aktar soċjali, inklużiva u sostenibbli;
39. Jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali kienu kruċjali sabiex jimminimizzaw l-impatt tal-kriżi; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li dawk l-intrapriżi jingħataw aktar appoġġ, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-forom differenti ta' finanzjament, inklużi l-fondi Ewropej, u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jingħataw qafas ġuridiku li jirrikonoxxi l-attivitajiet tagħhom fl-UE u li jipprevjeni kompetizzjoni inġusta; jiddeplora l-fatt li l-valutazzjoni tal-attivitajiet tagħhom mhijiex riflessa fis-SAT, kif mitlub mill-Parlament;
40. Jirrikonoxxi li n-nisa għadhom sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol; jemmen, f'dan ir-rigward, li kuntratti ta' impjieg flessibbli inklużi kuntratti volontarji u part-time jista' jkollhom rwol importanti fiż-żieda tal-livelli ta' parteċipazzjoni tal-gruppi li kieku mhux hekk setgħu ġew esklużi mis-suq tax-xogħol, inklużi n-nisa;
41. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fir-riċerka u jippromwovu l-iżvilupp ta' teknoloġiji u servizzi ġodda tal-produzzjoni fil-qafas ta' tranżizzjoni ġusta; jissottolinja l-potenzjal tagħhom li jżidu l-produttività u s-sostenibbiltà, joħolqu impjiegi ġodda ta' kwalità u jistimulaw l-iżvilupp fit-tul;
42. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-investiment fis-settur tar-R&Ż f'konformità mal-Istrateġija 2020; isostni li l-investimenti f'dan is-settur jgħinu jżidu l-kompetittività u l-produttività tal-ekonomija u b'hekk jippromwovu l-ħolqien ta' impjiegi stabbli u pagi ogħla;
43. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-aċċess għall-broadband fir-reġjuni kollha, inklużi ż-żoni rurali u r-reġjuni bi problemi naturali jew demografiċi serji u permanenti, b'tali mod li jiġi promoss l-iżvilupp armonjuż madwar l-UE;
44. Iqis li t-tnaqqis demografiku, li jaffettwa r-reġjuni tal-UE fi gradi differenti, huwa fost l-ostakli serji li jxekklu l-iżvilupp tal-UE, li jeħtieġu approċċi u impenji differenzjati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miżuri mfassla biex jindirizzaw din l-isfida; jissottolinja l-fatt li t-tnaqqis demografiku jirrikjedi approċċ olistiku, li għandu jinkludi l-adattament tal-infrastruttura meħtieġa, impjiegi ta' kwalità b'pagi deċenti u t-titjib fis-servizzi pubbliċi u l-arranġamenti volontarji ta' xogħol flessibbli, li għandhom ikunu relatati ma' sigurtà tal-impjieg adegwata u protezzjoni soċjali aċċessibbli;
45. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni inkludiet il-ħtieġa li tiġi provduta statistika dwar l-isfidi demografiċi bħad-depopolazzjoni u t-tixrid tal-popolazzjoni fil-Programm Statistiku Ewropew tagħha; iqis li din id-data ser tipprovdi stampa preċiża tal-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn ir-reġjuni, u b'hekk tippermetti li jinstabu soluzzjonijiet aħjar; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra dawn l-istatistiċi fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) futur;
46. Ifakkar li żieda fl-istennija tal-għomor tirrikjedi l-adattament tas-sistemi tal-pensjonijiet biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom u kwalità tajba ta' ħajja għall-anzjani; jisħaq li dan jista' jinkiseb billi jitnaqqas il-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija, inkluż billi jiġu offruti kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati li jipprovdu opportunitajiet għal dawk li jixtiequ jaħdmu aktar fit-tul u bl-evalwazzjoni – fil-livell tal-Istati Membri u flimkien mas-sħab soċjali – tal-ħtieġa li kemm l-età tal-irtirar statutorja kif ukoll dik effettiva jkunu f'livell sostenibbli b'żidiet fl-istennija tal-għomor u bl-ammont ta' snin li jikkontribwixxu għall-assigurazzjoni, u permezz tal-prevenzjoni tal-ħruġ kmieni mis-suq tax-xogħol kif ukoll bl-akkomodazzjoni taż-żgħażagħ u tar-rifuġjati u tal-migranti fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-tisħiħ tas-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi u okkupazzjonali u fil-ħolqien ta' krediti tal-kura, bħala kumpens għall-kontribuzzjonijiet li n-nisa u l-irġiel tilfu minħabba r-responsabbiltajiet tagħhom għat-tfal u kura fit-tul, bħala għodda biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri u biex jingħata dħul tal-irtirar adegwat li jkun ogħla mis-soll tal-faqar u b'hekk jgħixu b'mod dinjituż u indipendenti;
47. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu l-politika tat-tixjiħ attiv, l-inklużjoni soċjali tal-anzjani u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; ifakkar li sistemi tas-saħħa aktar kosteffettivi u l-indukrar fit-tul li jiżguraw aċċess f'waqtu għal kura tas-saħħa preventiva u kurattiva affordabbli ta' kwalità tajba huma wkoll fundamentali għall-produttività;
48. Huwa tal-fehma li l-Politika ta' Koeżjoni, bħala l-politika ewlenija tal-investiment pubbliku tal-Unjoni Ewropea, uriet l-effettività tagħha fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi u t-tisħiħ tal-inklużjoni u t-tnaqqis tal-faqar u għaldaqstant għandha tirċievi aktar finanzjament fil-QFP futur; iqis li l-FSE għandu jinżamm bħala l-istrument ewlieni tal-UE għall-integrazzjoni u riintegrazzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol, kif ukoll biex jappoġġa miżuri għall-inklużjoni soċjali, jiġġieled il-faqar u l-inugwaljanzi, u jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jappella lill-Kummissjoni żżid il-FSE biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-QFP li jmiss;
49. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-FEIS jappoġġa t-tkabbir u l-impjiegi fi proġetti ta' investiment b'riskju għoli, u li jindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul; jinsab imħasseb, madankollu, dwar l-iżbilanċ enormi fl-użu tal-fond bejn l-UE-15 u l-UE-13; jisħaq fuq, barra minn hekk, ir-rwol tal-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) għall-promozzjoni ta' livelli għolja ta' kwalità u ta' sostenibbiltà tal-impjiegi, biex tiġi garantita protezzjoni soċjali adegwata u deċenti u għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar;
50. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jivvalutaw dwar jekk jistgħux inaqqsu t-taxxi fuq oġġetti essenzjali, partikolarment l-ikel, pass li jikkostitwixxi waħda mill-aktar miżuri bażiċi tal-ġustizzja soċjali;
51. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex il-persuni b'diżabilità jiġu inklużi aktar fis-suq tax-xogħol billi jitneħħew l-ostakli leġiżlattivi, tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni u l-adozzjoni tal-postijiet tax-xogħol kif ukoll billi jinħolqu inċentivi għall-impjieg tagħhom; ifakkar li ambjent tax-xogħol adattat għal persuni b'diżabilità, l-integrazzjoni tagħhom fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll appoġġ finanzjarju mmirat huma miżuri essenzjali li jgħinuhom jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex fit-tabella ta' valutazzjoni soċjali tinkludi indikaturi dwar ix-xogħol u l-inklużjoni soċjali ta' persuni b'diżabilità;
52. Jilqa' b'sodisfazzjon l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fil-linji gwida proposti l-ġodda għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri annessi mas-SAT tal-2018; jitlob, madankollu, li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu miżuri konkreti biex jintlaħqu l-għanijiet dikjarati, bi qbil mal-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri fl-ambitu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD);
53. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri meħtieġa għall-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati u tal-persuni ta' minoranza etnika jew ta' oriġini immigranti;
54. Jissottolinja l-fatt li n-nuqqas ta' konformità tad-domanda tax-xogħol mal-provvista tax-xogħol hija problema li l-impjegaturi fir-reġjuni kollha tal-UE, anke f'dawk l-aktar żviluppati, qegħdin jiffaċċjaw u din ma tistax tissolva b'impjiegi li mhumiex siguri jew stabbli; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu miżuri li jiffaċilitaw il-mobilità tal-ħaddiema bejn impjiegi, setturi u postijiet sabiex jissodisfaw id-domanda għall-ħaddiema kemm f'reġjuni anqas żviluppati kif ukoll f'dawk żviluppati aktar filwaqt li dawn jiżguraw l-istabilità u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u jippermettu progress u promozzjoni professjonali; jirrikonoxxi li l-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE madwar l-Istati Membri tgħin biex tintlaħaq il-provvista u d-domanda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu wkoll attenzjoni partikolari liċ-ċirkostanzi uniċi tal-ħaddiema transkonfinali u tal-ħaddiema f'reġjuni periferiċi u ultraperiferiċi;
55. Jiddeplora l-fatt li, wara bosta talbiet mill-Parlament, ir-reġjuni ultraperiferiċi għadhom ma ġewx inklużi fis-SAT; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bil-għan li tiġi garantita l-ekwità bejn ir-reġjuni u tiġi promossa l-konverġenza 'l fuq, li ġiet diskussa diversi drabi, biex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE fi sforz biex tingħata spinta l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-UE; jenfasizza li l-attenzjoni speċjali li għandha tingħata lir-reġjuni ultraperiferiċi trid tinżamm, mhux biss fir-rigward tal-allokazzjoni tal-fondi iżda wkoll fid-dawl tal-impatt li l-politiki Ewropej jista' jkollhom fuq is-sitwazzjoni soċjali u l-livelli ta' impjieg tagħhom;
56. Jevidenzja l-fatt li fil-perjodu 2014-2016, it-tkabbir fil-pagi reali waqa' lura wara t-tkabbir tal-produttività, minkejja t-titjib fis-suq tax-xogħol; ifakkar li t-tkabbir fil-pagi reali, b'riżultat ta' żieda fil-produttività huwa kruċjali għall-indirizzar tal-inugwaljanzi;
57. Jissottolinja r-rwol tas-sħab soċjali fil-proċess ta' riforma bħala partijiet ikkonċernati essenzjali, tal-prattiki tad-djalogu soċjali nazzjonali u tas-soċjetà ċivili u l-valur miżjud tal-involviment attiv tagħhom fl-abbozzar, is-sekwenzjar u l-implimentazzjoni tar-riformi; jisħaq li l-involviment effettiv fit-tfassil tal-politika ser jippermetti li s-sħab soċjali jħossuhom aktar involuti fir-riformi nazzjonali adottati bħala riżultat tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru u għalhekk is-sjieda tagħhom tar-riżultati ser tkun imsaħħa; jappella lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tipproponi linji gwida għal dan l-involviment adegwat għall-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti; jappoġġa l-fehma li l-forom ġodda ta' impjiegi fis-suq globalizzat jeħtieġu forom ġodda ta' djalogu soċjali u ċivili, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħolqien ta' dawn il-forom ġodda ta' djalogu soċjali u l-protezzjoni ta' dawn il-forom ġodda ta' impjieg; jisħaq li l-ħaddiema kollha jridu jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom u jkunu protetti fl-eventwalità li jintuża l-żvelar ta' informazzjoni protetta għar-rapportar ta' prattiki abbużivi; jemmen li, jekk irridu nimxu lejn konverġenza 'l fuq, id-djalogu soċjali għandu jiġi segwit matul il-fażi tal-proċess tas-Semestru Ewropew; jafferma li l-Istati Membri jeħtieġ li jgħinu lin-nies jifformaw il-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol;
58. Jevidenzja l-fatt li, skont it-tabella ta' valutazzjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP) u tal-UE2020, id-distribuzzjoni tal-ħiliet fil-forza tax-xogħol, fil-biċċa l-kbira, taqbel mar-rekwiżiti tal-kwalifiki tas-suq tax-xogħol fl-2016, u li l-provvista tax-xogħol qabżet id-domanda għat-tipi kollha ta' kwalifiki, u li hija partikolarment għolja għal kwalifiki ta' livell baxx u medju; jenfasizza li l-previżjonijiet tas-CEDEFOP juru żieda parallela fil-ħiliet, kemm mid-domanda kif ukoll mill-provvista sal-2025 u li l-livelli tal-ħiliet huma mistennija li jinbidlu aktar malajr għall-forza tax-xogħol minn dawk meħtieġa għas-suq tax-xogħol; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrivalutaw bir-reqqa d-diffikultajiet biex jiġi aċċessat is-suq tax-xogħol; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fir-rata ta' kwalifikazzjoni żejda (25 % fl-2014);
59. Jevidenzja li d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru jew id-differenza fir-rata tal-impjieg bejn l-irġiel u n-nisa għadha għolja, bil-qligħ gross medju fis-siegħa tal-impjegati rġiel madwar 16 % ogħla minn dak tal-impjegati nisa; jenfasizza li dawn id-differenzi huma dovuti għas-sottorappreżentanza tan-nisa fis-setturi mħallsa tajjeb, id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol u n-numru kbir ta' nisa li jaħdmu part-time; iħeġġeġ li jeħtieġ isir aktar progress biex jitnaqqsu dawn id-differenzi; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex fl-istrateġija Ewropa 2020 tintroduċi pilastru ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u objettiv globali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
60. Jappella lill-Istati Membri biex jinkorporaw id-dimensjoni tal-ġeneru u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-mara u r-raġel fil-programmi nazzjonali ta' riforma u fil-programmi ta' stabbiltà u konverġenza tagħhom, billi jistabbilixxu miri kwalitattivi u miżuri li jfittxu li jindirizzaw id-disparitajiet persistenti bejn il-ġeneri;
61. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.