Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2783(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0322/2018

Dibattiti :

PV 05/07/2018 - 4.1
CRE 05/07/2018 - 4.1

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2018 - 6.1

Testi adottati :

P8_TA(2018)0303

Testi adottati
PDF 132kWORD 53k
Il-Ħamis, 5 ta' Lulju 2018 - Strasburgu
Il-kriżi politika fil-Moldova wara l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet tas-sindku f'Chisinau
P8_TA(2018)0303RC-B8-0322/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi politika fil-Moldova wara l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet muniċipali f'Chișinău (2018/2783(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Moldova, u b'mod partikolari dik tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(1) (AA/DCFTA),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Moldova tat-3 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prekundizzjonijiet politiċi għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova annessa mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-4 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova tal-20 ta' Lulju 2017 li permezz tagħha adotta bidliet fis-sistema elettorali,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja tad-19 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-21 ta' Ġunju 2018 tal-President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Barranin, tar-rapporteur tiegħu dwar il-Moldova u tal-Kopresident tal-Euronest, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-20 ta' Ġunju 2018 u tas-27 ta' Ġunju 2018 tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-validazzjoni tal-elezzjoni tas-Sindku ta' Chișinău,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova, li jgħid li "r-rispett [...] għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali [...] għandu jifforma l-bażi tal-politiki interni u esterni tal-partijiet u jikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Andrei Năstase rebaħ l-elezzjonijiet bikrija għall-kariga ta' sindku f'Chișinău, wara kuntest fuq żewġ rawnds fl-20 ta' Mejju u fit-3 ta' Ġunju 2018, u kiseb 52,57 % tal-voti u rebaħ lil Ion Ceban, li kiseb 47,43 %;

B.  billi l-osservaturi internazzjonali tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku f'Chișinău rrikonoxxew ir-riżultati u n-natura kompetittiva tal-elezzjoni;

C.  billi fid-19 ta' Ġunju 2018, qorti f'Chișinău annullat ir-riżultati tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku, minħabba li ż-żewġ kandidati kienu indirizzaw lill-votanti fuq il-midja soċjali fil-jum tal-elezzjoni, wara t-tmiem legali tal-kampanja; billi l-ebda wieħed mill-kontestanti fil-proċess elettorali ma talab l-annullament tal-elezzjonijiet;

D.  billi, fil-21 ta' Ġunju 2018, qorti tal-appell f'Chișinău ikkonfermat id-deċiżjoni tal-qorti inferjuri u kkonkludiet li l-komunikazzjoni mal-votanti fuq il-midja soċjali kienu affettwaw illegalment l-eżitu tal-elezzjonijiet;

E.  billi fil-25 ta' Ġunju 2018, il-Qorti Suprema tal-Moldova kkonfermat id-deċiżjonijiet tal-qrati inferjuri li jinvalidaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku f'Chișinău;

F.  billi fid-29 ta' Ġunju 2018 l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Moldova kkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema li tinvalida l-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku f'Chișinău;

G.  billi l-istedina għall-poplu biex "joħroġ jivvota", li l-qrati qiesu bħala pressjoni u influwenza żejda fuq il-votanti, kienet prattika komuni f'elezzjonijiet preċedenti fil-Moldova u qatt ma wasslet biex jiġu kkanċellati;

H.  billi dan l-iżvilupp tal-pajjiż qed jirriskja li jpoġġi fil-periklu l-aderenza tal-pajjiż mal-valuri u l-prinċipji Ewropej u jkompli jdgħajjef il-fiduċja diġà dgħajfa taċ-ċittadini Moldovani fl-istituzzjonijiet tal-istat; billi l-partiti politiċi Moldovani ddikjaraw li dan jistabbilixxi preċedent perikoluż għal elezzjonijiet futuri u eluf ta' nies qed jipprotestaw kontra d-deċiżjoni tal-qrati f'Chișinău;

I.  billi l-komunità internazzjonali, inklużi l-Unjoni Ewropea u d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, ikkritikat id-deċiżjoni, u enfasizzat li r-rieda tal-votanti jeħtieġ li tiġi rrispettata;

J.  billi l-UE u l-Moldova ħadu l-impenn konġunt li javvanzaw l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tagħhom, li huwa proċess li jimplika li l-pajjiż jadotta u jimplimenta riformi strutturali u riformi sostanzjali oħrajn skont id-dispożizzjonijiet tal-AA/DCFTA u l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni, u jinvolvi wkoll impenn mill-Moldova li tissalvagwardja l-valuri Ewropej, inkluż ir-rispett lejn il-valuri u l-libertajiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt;

K.  billi l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet hija sinjal inkwetanti u sinifikanti tad-deterjorament kontinwu tal-applikazzjoni tal-istandards demokratiċi fil-Moldova, filwaqt li b'mod partikolari jfakkar li ġudikatura indipendenti u trasparenti hija pilastru ewlieni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; billi din l-invalidazzjoni turi t-tendenza dejjem akbar lejn tmexxija arbitrarja u awtoritarja u t-tnaqqis sinifikanti tal-fiduċja tal-poplu fl-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tiegħu;

L.  billi l-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja, adotta bidla kontroversjali fil-liġi elettorali f'Lulju 2017, li qajmet tħassib dwar ir-riskju ta' influwenza mhux xierqa fuq il-kandidati, dwar id-delimitazzjoni tal-kostitwenzi b'membru uniku, dwar il-limiti minimi eċċessivi għar-rappreżentanza parlamentari fil-komponent proporzjonali u r-riskju ta' rappreżentanza inadegwata tal-minoranzi u tan-nisa; billi l-Kummissjoni ta' Venezja enfasizzat ukoll li l-polarizzazzjoni eżistenti madwar din l-inizjattiva leġiżlattiva ma kinitx sinjal ta' konsultazzjoni sinifikattiva u kunsens wiesa' fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin;

M.  billi skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-Sitwazzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Moldova d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti huma vittmi ta' kampanji ta' stigmatizzazzjoni u jiffaċċjaw akkużi kriminali politikament motivati jew jiġu mhedda meta jiddefendu persuni dissidenti, filwaqt li l-aċċess għall-informazzjoni għall-ġurnalisti huwa ristrett;

N.  billi f'Ottubru 2017, minħabba n-nuqqas ta' progress fir-riforma tal-ġudikatura fil-Moldova u minħabba li l-pajjiż naqas milli jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-UE, l-UE ħadet id-deċiżjoni li tissospendi l-ħlas ta' EUR 28 miljun fil-qafas tal-programm ta' riforma tal-ġustizzja tal-UE;

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Moldova li tinvalida r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Chișinău, liema deċiżjoni kienet ibbażata fuq raġunijiet dubjużi u ttieħdet mingħajr trasparenza, ħaġa li mminat ferm l-integrità tal-proċess elettorali;

2.  Ifakkar li elezzjonijiet kredibbli, trasparenti, ġusti u inklużivi – kif ukoll l-imparzjalità u l-indipendenza tal-ġudikatura quddiem kwalunkwe tip ta' influwenza politika – huma l-pedament ta' kull sistema demokratika u tal-fiduċja fis-sistema politika tal-pajjiż, u li l-indħil politiku fil-ġudikatura u fil-proċess elettorali jmur kontra l-istandards Ewropej li ntrabtet bihom il-Moldova, b'mod partikolari fil-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova;

3.  Jesprimi solidarjetà qawwija mal-eluf ta' persuni li ħarġu jipprotestaw fit-toroq ta' Chișinău u jikkondividi l-appell tagħhom biex l-awtoritajiet tal-Moldova jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Chișinău – li jirriflettu r-rieda tal-votanti u huma rikonoxxuti anki minn osservaturi nazzjonali u internazzjonali – jiġu rispettati; jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu d-dritt għal protesti paċifiċi;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Moldova jiggarantixxu l-funzjonament tal-mekkaniżmi demokratiċi u jinsisti li kemm il-fergħa eżekuttiva u kemm il-fergħa ġudizzjarja tal-poter jirrispettaw reċiprokment is-separazzjoni tal-poteri, iħaddnu bis-sħiħ il-prinċipji demokratiċi u jbaxxu rashom għall-istat tad-dritt;

5.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għad-deterjorament ulterjuri tal-istandards demokratiċi fil-Moldova; jirrikonoxxi li d-deċiżjoni tal-qrati, li diġà ssemma ħafna drabi kemm huma influwenzati u motivati politikament, hija eżempju ta' manipulazzjoni tal-istat u turi l-kriżi profonda tal-istituzzjonijiet fil-Moldova; jiddispjaċih li, minkejja l-bosta appelli li saru mill-komunità internazzjonali, l-awtoritajiet qed ikomplu jdgħajfu l-fiduċja taċ-ċittadini fil-ġustizzja u fl-imparzjalità tal-istituzzjonijiet tal-istat;

6.  Jemmen li fid-dawl tad-deċiżjoni li l-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Chișinău jiġu ddikjarati invalidi, il-kundizzjonijiet politiċi għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja (MFA) ma ġewx issodisfati, u jfakkar li "prekundizzjoni għall-għoti ta' MFA hi li l-pajjiż benefiċjarju jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b'diversi partiti u l-istat tad-dritt u jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem";

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe għoti ta' MFA lill-Moldova; jemmen li kwalunkwe deċiżjoni dwar finanzjamenti futuri għandha tittieħed biss wara l-elezzjonijiet parlamentari ppjanati u bil-kundizzjoni li dawn isiru f'konformità ma' standards rikonoxxuti internazzjonalment u jiġu vvalutati minn korpi internazzjonali speċjalizzati, u li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-assistenza makrofinanzjarja;

8.  Jesiġi li l-Kummissjoni tissospendi l-appoġġ baġitarju għall-Moldova, bħalma ġara f'Lulju 2015 meta ngħatat sospensjoni bħal din fil-perjodu ta' wara l-kriżi bankarja; iqis li b'reazzjoni għall-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Chișinău għandu jiġi adottat il-mekkaniżmu għas-sospensjoni tal-appoġġ baġitarju tal-UE, li għandu jinkludi lista ta' kundizzjonijiet li jridu jiġu implimentati mill-awtoritajiet tal-Moldova, fosthom il-validazzjoni tal-elezzjonijiet f'Chișinău u investigazzjonijiet konkreti, orjentati lejn ir-riżultati u trasparenti għalkollox, kif ukoll l-irkupru tal-assi u t-tressiq tal-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja, f'każ ta' frodi bankarja;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar ir-riforma elettorali;

10.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-konċentrazzjoni tal-poter ekonomiku u politiku f'idejn grupp ristrett ta' persuni, id-deterjorament tal-istat tad-dritt, tal-istandards demokratiċi u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-politiċizzazzjoni eċċessiva tal-istituzzjonijiet tal-istat, il-korruzzjoni sistemika, in-nuqqas ta' investigazzjoni dwar il-frodi bankarja tal-2014, u l-pluraliżmu limitat tal-midja; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' indipendenza tal-ġudikatura, u partikolarment il-każijiet fejn il-ġustizzja selettiva tintuża bħala għodda biex issir pressjoni fuq l-avversarji politiċi; jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jirriformaw is-sistema ġudizzjarja, anki bil-ħatra ta' mħallfin ġodda, sabiex jiġi evitat li l-ġudikatura tintervjeni fil-proċess elettorali u politiku jew timmina mod ieħor ir-rieda li jkun esprima demokratikament il-poplu tal-Moldova;

11.  Jinsab imħasseb li l-avversarji politiċi u l-avukati tagħhom qed jiġu ppersegwitati mill-awtoritajiet tal-Moldova permezz ta' proċedimenti kriminali u akkużi vvintati, u jwissi li, b'dan il-mod, l-awtoritajiet qed iżebilħu l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-avversarji politiċi u l-avukati;

12.  Jiddispjaċih li wara l-frodi bankarja tal-2014, meta total ta' madwar USD 1 biljun insterqu mis-sistema finanzjarja tal-Moldova, l-awtoritajiet ftit li xejn għamlu progress fit-twettiq ta' investigazzjoni imparzjali u bir-reqqa dwar il-kwistjoni; iħeġġeġ li jsiru sforzi determinati bil-għan li jiġu rkuprati l-fondi misruqa u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja, irrispettivament mill-affiljazzjoni politika tagħhom; jemmen li dan hu indispensabbli biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja taċ-ċittadini Moldovani fl-istituzzjonijiet u tiġi restawrata l-kredibbiltà tal-awtoritajiet;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jirrispettaw il-prinċipji u l-aħjar prattiki fil-livell internazzjonali u jiggarantixxu ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili; jesprimi tħassib partikolari dwar il-fatt li l-abbozz ta' leġiżlazzjoni attwali dwar l-NGOs, li qed jiġi diskuss bħalissa fil-parlament, fih dispożizzjonijiet li lill-NGOs Moldovani jistgħu jaqtgħulhom il-fondi minn barra l-pajjiż;

14.  Jistieden lill-Parlament tal-Moldova jikkonsulta mas-soċjetà ċivili u l-mezzi tax-xandir indipendenti qabel l-adozzjoni finali tal-Kodiċi Awdjoviżiv, u jirrifjuta r-"riforma fuq żewġ binarji" tiegħu; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar jekk il-mezzi tax-xandir indipendenti, lokali u tal-oppożizzjoni fil-Moldova, li fost affarijiet oħra m'għandhomx biżżejjed riżorsi, humiex se jkunu jistgħu jimplimentaw l-obbligi l-ġodda tal-Kodiċi dwar il-kontenut lokali;

15.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jissorveljaw mill-qrib l-iżviluppi f'dawn l-oqsma kollha u jżommu lill-Parlament infurmat kif xieraq;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-President tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, lill-OSKE/ODIHR u lill-Kummissjoni ta' Venezja.

(1) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0283.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza