Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2784(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0323/2018

Dibattiti :

PV 05/07/2018 - 4.2
CRE 05/07/2018 - 4.2

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2018 - 6.2
CRE 05/07/2018 - 6.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0304

Testi adottati
PDF 142kWORD 57k
Il-Ħamis, 5 ta' Lulju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-Somalja
P8_TA(2018)0304RC-B8-0323/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar is-Somalja (2018/2784(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Somalja, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Settembru 2016(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Ottubru 2017 mill-portavuċi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-attakk fis-Somalja, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet kollha preċedenti tal-portavuċi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar is-Somalja,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem "Protection of Civilians: Building the Foundation for Peace, Security and Human Rights in Somalia" (Protezzjoni taċ-ċivili: il-bini tal-pedamenti għall-paċi, għas-sigurtà u għad-drittijiet tal-bniedem fis-Somalja) ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali UE-Somalja għar-Repubblika Federali tas-Somalja 2014-2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, tal-15 ta' Mejju 2018, li jipproroga l-mandat tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, tas-27 ta' Marzu 2018, dwar is-Somalja, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu kollha,

–  wara li kkunsidra l-briefing tal-15 ta' Mejju 2018 tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU għas-Somalja lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Jannar 2018, tal-25 ta' Frar 2018 u tal-4 ta' April 2018 dwar is-Somalja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar il-Qarn tal-Afrika, tas-17 ta' Lulju 2017 dwar l-indirizzar tar-riskji tal-karestija u tat-3 ta' April 2017 dwar is-Somalja,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-26 ta' Diċembru 2017 u tat-2 ta' Mejju 2018 dwar is-Somalja,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tal-Konferenza ta' Sigurtà NU-Somalja tal-4 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, tad-29 ta' Settembru 2017, dwar l-assistenza lis-Somalja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-AMISOM tat-8 ta' Novembru 2017 li biha ħabbret l-intenzjoni tagħha li f'Diċembru 2017 tibda gradwalment tirtira t-truppi mis-Somalja, bil-ħsieb li tirtirahom kompletament sal-2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-erba' esperti tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tal-4 ta' Mejju 2016, li fiha esprimew tħassib minħabba l-persekuzzjoni dejjem akbar tal-attivisti fit-trade unions tas-Somalja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet speċifikati fit-380 Rapport tal-Kumitat tal-ILO dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni ta' Novembru 2016, kif approvati mill-Korp ta' Tmexxija tal-ILO għall-Każ nru 3113,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi al-Shabaab ikkommetta bosta attakki terroristiċi fit-territorju Somalu; billi fl-14 ta' Ottubru 2017 is-Somalja ġarrbet l-agħar attakk terroristiku li qatt sar fil-pajjiż, li fih tilfu ħajjithom uffiċjalment tal-anqas 512-il ruħ u ndarbu 357; billi al-Shabaab u gruppi terroristiċi oħra affiljati mal-Istat Iżlamiku komplew jikkommettu attakki terroristiċi kontra l-Gvern Somalu rikonoxxut fil-livell internazzjonali u kontra ċ-ċivili;

B.  billi fl-1 ta' April 2018 al-Shabaab mexxa attakk b'karozza bomba kontra bażi tal-Unjoni Afrikana għaż-żamma tal-paċi f'Bulamarer u fil-villaġġi qrib; billi fil-25 ta' Frar 2018 f'Mogadishu ġraw żewġ attakki terroristiċi li qatlu tal-anqas 32 ruħ;

C.  billi f'Ġunju 2017 f'sit tat-tqassim tal-għajnuna f'Baidoa l-forzi tas-sigurtà tal-Gvern Somalu qatlu u ferew illegalment ċivili bħala konsegwenza tal-ġlied intern bejn il-forzi governattivi; billi l-popolazzjonijiet ċivili sfaw ukoll fil-mira matul il-ġlied tal-forzi reġjonali u tal-milizzji tat-tribujiet, speċjalment fir-reġjuni tax-Shabelle t'Isfel, tal-Galguduud u tal-Hiran;

D.  billi, skont ir-rapport tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Missjoni ta' Assistenza lis-Somalja (UNSOM), li jkopri l-perjodu li jmur mill-1 ta' Jannar 2016 sal-14 ta' Ottubru 2017, fis-Somalja 2 078  ċivili tilfu ħajjithom u 2 507 sfaw feruti; billi l-parti l-kbira tagħhom hija attribwita lill-militanti ta' al-Shabaab; billi perċentwal sinifikanti ta' dawn l-imwiet kien ikkawżat minn milizzji tat-tribujiet, atturi statali, fosthom l-armata u l-pulizija, u saħansitra l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja;

E.  billi s-Somalja għaddiet minn għoxrin sena gwerra ċivili; billi mill-2012, meta ġie insedjat gvern ġdid appoġġjat fuq livell internazzjonali, il-pajjiż għamel progress sinifikanti lejn il-paċi u l-istabbiltà; billi, filwaqt li al-Shabaab ġarrab telfiet kbar minħabba l-operazzjonijiet kontra t-terroriżmu f'dawn l-aħħar snin, ir-rapporti tan-NU jindikaw li l-fazzjoni ISIS/Daesh fis-Somalja kibret b'mod konsiderevoli;

F.  billi fit-8 ta' Frar 2017 is-Somalja kellha l-ewwel elezzjonijiet liberi tagħha minn mindu insedja ruħu l-gvern appoġġat fuq livell internazzjonali; billi s-sistema elettorali rrappreżentat progress f'termini ta' parteċipazzjoni, iżda wriet biss karatteristiċi elettorali limitati; billi l-gvern intrabat li jaqleb għal sistema elettorali mhux ponderata bbażata fuq is-suffraġju universali għall-elezzjonijiet tal-2020/2021;

G.  billi l-mandat tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja ġie prorogat sal-31 ta' Lulju 2018; billi, skont ir-riżoluzzjoni 2372/17 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-persunal b'uniformi tal-AMISOM għandu jonqos għal 20 626 ruħ sat-30 ta' Ottubru 2018; billi l-persunal tal-AMISOM ġie akkużat bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, vjolenza sesswali u mġiba ħażina matul is-servizz;

H.  billi l-libertà ta' espressjoni, li hi pilastru fundamentali ta' kwalunkwe demokrazija funzjonanti, għadha qiegħda tiġi limitata serjament fis-Somalja; billi l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-mexxejja politiċi għadhom qegħdin jiġu mhedda kuljum; billi al-Shabaab għadu jwettaq intimidazzjonijiet, arresti u detenzjonijiet mingħajr proċess ġust u saħansitra għadu qiegħed joqtol; billi l-awtoritajiet rarament jinvestigaw tali każijiet; billi, skont il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti (IFJ), is-Somalja, għal tmien snin konsekuttivi, irriżultat bħala l-pajjiż l-aktar letali fl-Afrika li fih il-ġurnalisti u operaturi oħra tal-midja joperaw u jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom għal-libertà ta' espressjoni;

I.  billi d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u dak għal sħubija fi trade unjon huma fundamentali għall-iżvilupp ta' kwalunkwe demokrazija funzjonanti; billi l-Gvern Federali Somalu ma jippermettix fil-fatt il-formazzjoni u l-eżistenza ta' trade unions indipendenti; billi fis-Somalja l-attivisti tat-trade unions u dawk għad-drittijiet tal-ħaddiema jħabbtu wiċċhom kuljum ma' intimidazzjonijiet, tpattija u vessazzjonijiet; billi l-kampanji ta' stigmatizzazzjoni u ta' malafama kontra l-attivisti tat-trade unions huma komuni fis-Somalja;

J.  billi l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) ħarġet ilment għal ksur tal-libertà ta' assoċjazzjoni kontra l-Gvern Somalu; billi l-ILO stiednet lill-gvern "jirrikonoxxi bla dewmien it-tmexxija tal-Unjoni Nazzjonali tal-Ġurnalisti Somali (NUSOJ) u tal-l-Federazzjoni tat-Trade Unions tas-Somalja (FESTU) taħt is-Sur Omar Faruk Osman";

K.  billi l-esperti tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem iddikjaraw pubblikament li s-"Somalja ma tirrispettax l-obbligi internazzjonali tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u li s-sitwazzjoni tat-trade unions għadha sejra għall-agħar minkejja r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi fformulati mill-Korp ta' Tmexxija tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, u jħeġġu lill-Gvern Somalu jastjeni minn kwalunkwe ndħil ulterjuri fit-trade unions irreġistrati fis-Somalja, b'riferiment partikolari għall-NUSOJ u għall-FESTU";

L.  billi fis-Somalja l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem huma mifruxa; billi dawk responsabbli minn dan il-ksur huma prinċipalment atturi mhux statali – militanti ta' al-Shabaab u milizzji tat-tribujiet – iżda wkoll atturi statali; billi saru eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, vjolenzi sesswali u sessisti, arresti u detenzjonijiet arbitrarji u ħtif; billi, skont l-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Agenzija Nazzjonali għall-Intelligence u s-Sigurtà (NISA) tas-Somalja tikser sistematikament id-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; billi din topera spiss b'mod extraġudizzjarju u l-poteri tagħha huma wesgħin wisq;

M.  billi, madankollu, is-sitwazzjoni politika hija instabbli u l-governanza għadha dgħajfa, u dan jostakola l-progress tar-riforma ġudizzjarja u tas-settur tas-sigurtà; billi, skont Transparency International, is-Somalja hija l-aktar pajjiż korrott fid-dinja;

N.  billi l-qrati militari għadhom jisimgħu firxa wiesgħa ta' każijiet, fosthom ir-reati marbuta mat-terroriżmu, fl-ambitu ta' proċedimenti huma ferm 'il bogħod mill-istandards internazzjonali f'dak li huwa proċess ġust; billi, sat-tielet trimestru tal-2017, b'segwitu għall-kundanni tal-qrati militari ġew ġustizzjati tal-anqas 23 ruħ, il-biċċa l-kbira tagħha fuq akkużi marbuta mat-terroriżmu; billi, fit-13 ta' Frar 2017 fil-Puntland ġew ikkundannati għall-mewt minħabba omiċidju seba' imputati, fosthom minorenni, prinċipalment fuq il-bażi ta' konfessjonijiet miksuba fil-koerċizzjoni mis-servizzi ta' intelligence tal-Puntland; billi ħamsa ġew ġustizzjati f'April tal-istess sena;

O.  billi l-interessi barranin ikomplu jikkomplikaw ix-xenarju politiku; billi, fl-ambitu tal-konfrontazzjoni usa' bejn l-Emirati Għarab Magħquda u l-Arabja Sawdija, minn naħa, u l-Qatar, min-naħa l-oħra, il-Gvern Federali tas-Somalja pprova jibqa' newtrali; billi, bi tpattija, l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda waqfu l-pagamenti regolari għas-sostenn baġitarju lis-Somalja, u dan kompla jdgħajjef il-kapaċità tal-gvern li jħallas il-forzi tas-sigurtà;

P.  billi t-tfal huma fost il-vittmi prinċipali tal-kunflitt fis-Somalja; billi kien hemm bosta każijiet ta' tfal maħtufa u reklutati minn gruppi terroristiċi; billi dawn ġew ittrattati bħala għedewwa mill-forzi tas-sigurtà Somali u spiss sfaw vittmi ta' qtil, mutilazzjonijiet, arresti u detenzjonijiet;

Q.  billi rapport ta' Human Rights Watch tal-21 ta' Frar 2018 juri l-ksur u l-abbużi– fosthom swat, tortura, reklużjoni u vjolenzi sesswali – li sofrew, mill-2015, mijiet ta' tfal detenuti mill-gvern minħabba attivitajiet marbuta mat-terroriżmu; billi fil-Puntland kien hemm każijiet ta' kundanna għall-mewt ta' tfal minħabba reati ta' terroriżmu;

R.  billi, wara snin ta' nixfa, l-għargħar ikkaġunat mill-kwantità rekord ta' xita ta' dan l-aħħar, ikkawża l-ispostament ta' 230 000 ruħ, li, skont stimi, aktar minn nofshom huma tfal; li dawn jiżdiedu ma' kważi 2,6 miljun ruħ fil-pajjiż kollu li diġà ntlaqtu min-nixfa u mill-kunflitt;

S.  billi, mill-vittmi ċivili rreġistrati, numru sinifikanti huwa kaġun tal-milizzji tat-tribujiet; billi l-fatturi li jkebbsu l-kunflitt fost it-tribujiet huma prinċipalment it-tilwim fuq l-artijiet u r-riżorsi, aggravati minn ċiklu kostanti ta' ritaljazzjoni; billi tali kunflitti ħraxu mill-iskarsezza tar-riżorsi u min-nixfa; billi tali kunflitti huma sfruttati minn elementi antigovernattivi bil-għan li jiddestabbilizzaw ulterjorment iż-żoni;

T.  billi l-insigurtà tal-ikel għadha tirrappreżenta problema gravi għall-popolazzjoni u għall-Istat Somalu; billi, skont id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej, madwar nofs it-12-il miljun abitant tas-Somalja jinsabu f'qagħda ta' insigurtà tal-ikel u għandhom bżonn l-assistenza umanitarja; billi, skont l-istimi, 1,2 miljun tifel u tifla jinsabu fi stat ta' malnutrizzjoni akuta u 232 000 minnhom se jinsabu fil-periklu ta' ħajja minħabba malnutrizzjoni akuta gravi; billi bosta nħawi tal-pajjiż għadhom ma rpiljawx għalkollox mill-karestija tal-2011-2012; billi n-nixfa aggravat il-problemi ta' insigurtà tal-ikel fis-Somalja;

U.  billi jeżistu diversi kampijiet tar-rifuġjati Somali fil-Kenja, inkluż il-kamp Dadaab, li waħdu fih madwar 350 000 rifuġjat; billi, fid-dawl tan-nuqqas ta' appoġġ adegwat mill-komunità internazzjonali, l-awtoritajiet Kenjani għandhom il-ħsieb li jnaqqsu l-kapaċità ta' dawn il-kampijiet billi jagħfsu fuq ir-ritorn tar-rifuġjati lejn is-Somalja;

V.  billi l-atturi umanitarji internazzjonali huma essenzjali fil-ġlieda kontra l-insigurtà tal-ikel u fl-għoti ta' assistenza umanitarja; billi huma taw kontribut kbir biex jiġi evitat diżastru umanitarju fis-Somalja; billi kien hemm tentattivi biex l-assistenza umanitarja tiġi ddevjata għall-finanzjament tal-gwerra;

W.  billi mill-2016 l-UE żiedet progressivament l-appoġġ umanitarju annwali li hija tagħti lis-Somalja, b'mod partikolari b'reazzjoni għan-nixfa gravi li qed taffettwa l-pajjiż u fl-2017 allokat EUR 120 miljun lis-sħab umanitarji; billi l-pjan ta' reazzjoni internazzjonali huwa ffinanzjat sa 24 % biss;

X.  billi l-UE pprovdiet EUR 486 miljun, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2014-2020), u ffokat fuq il-bini tal-istat, il-konsolidazzjoni tal-paċi, is-sigurtà tal-ikel, ir-reżiljenza u l-edukazzjoni; billi l-UE qed tappoġġja lill-AMISOM permezz tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika; billi t-22 000 ruħ tal-missjoni għaż-żamma tal-paċi tal-Unjoni Afrikana, AMISOM, ġabu magħhom ċertu grad ta' stabbiltà f'partijiet tas-Somalja; billi partijiet tal-pajjiż għadhom taħt il-kontroll tal-moviment Iżlamiku radikali al-Shabaab, jew esposti għat-theddida tiegħu, jew huma kkontrollati minn awtoritajiet separati, kif inhu l-każ fis-Somaliland u fil-Puntland;

1.  Jikkundanna l-attakki terroristiċi kollha kontra l-popolazzjoni Somala, imwettqa kemm minn al-Shabaab kif ukoll minn gruppi terroristiċi estremisti oħra; jiddikjara li ma jista' jkun hemm ebda raġuni leġittima għal involviment f'attività terroristika; jitlob li jitressqu proċedimenti l-awturi tal-attakki terroristiċi u tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'mod konformi mad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu mal-vittmi tal-attakki terroristiċi fis-Somalja u mal-familji tagħhom, u jiddispjaċih b'mod profond għat-telf ta' ħajjiet; ifakkar lill-awtoritajiet Somali fl-obbligu tagħhom li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili fiċ-ċirkostanzi kollha;

2.  Jissottolinja li l-eliminazzjoni tal-kawżi fundamentali tat-terroriżmu bħalma huma l-insigurtà, il-faqar, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-degradazzjoni ambjentali, l-impunità, in-nuqqas ta' ġustizzja u l-oppressjoni tkun tikkontribwixxi b'mod immens għall-qerda ta' organizzazzjonijiet u attivitajiet terroristiċi fis-Somalja; jafferma li s-sottożvilupp u l-insigurtà jiffurmaw ċirku vizzjuż; jappella, għalhekk, lill-atturi internazzjonali, inklużi l-programmi ta' żvilupp tal-UE, biex jinvolvu ruħhom f'inizjattivi intiżi biex jirriformaw is-settur tas-sigurtà u biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom ħalli tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politiki ta' żvilupp u ta' sigurtà fis-Somalja; jappella lill-UE biex tkompli tappoġġja l-proċess ta' paċi u ta' rikonċiljazzjoni fis-Somalja permezz tal-Qafas ta' Responsabbiltà Reċiproka u l-Patt ta' Sigurtà;

3.  Iħeġġeġ lill-Gvern Federali tas-Somalja biex ikompli bl-isforzi tiegħu ta' konsolidazzjoni tal-paċi u ta' bini tal-istat biex jiżviluppa istituzzjonijiet b'saħħithom li huma rregolati mill-istat tad-dritt u li jistgħu jipprovdu servizzi pubbliċi bażiċi, u biex jiggarantixxi s-sigurtà, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni; jilqa' l-fatt li al-Shabaab ma setax jimpedixxi l-proċess elettorali 2016-2017; jappella lill-Gvern Federali tas-Somalja biex jiżgura li jkun hemm fis-seħħ sistema elettorali mhux ponderata bbażata fuq is-suffraġju universali qabel l-elezzjonijiet fl-2021-2020; ifakkar li l-istabbiltà u l-paċi dejjiema jistgħu jinkisbu biss permezz tal-inklużjoni soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba bbażati fuq il-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

4.  Jappella lill-Gvern Federali tas-Somalja biex iżżid l-isforzi tiegħu fil-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt fil-pajjiż kollu; isostni li l-impunità hija waħda mill-kawżi ewlenin li tkebbes iċ-ċiklu ta' vjolenza bla waqfien u taggrava s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-awtoritajiet Somali jirrinvijaw għall-qrati ċivili l-kawżi ċivili futuri pproċessati fil-qrati militari; jappella lill-President tas-Somalja biex jikkommuta immedjatament il-kundanni għall-piena kapitali li għadhom pendenti bħala l-ewwel pass lejn l-istabbiliment ta' moratorju fuq il-kundanni għall-mewt kollha; jemmen li l-istat tad-dritt biss jista' jeqred l-impunità; jappella lill-gvern u lill-atturi internazzjonali biex ikomplu bil-ħidma tagħhom biex jistabbilixxu ġudikatura indipendenti, iwettqu investigazzjonijiet indipendenti u kredibbli ta' delitti mwettqa kontra ġurnalisti Somali, jeliminaw il-korruzzjoni, u joħolqu istituzzjonijiet responsabbli, speċjalment fis-settur tas-sigurtà; jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li l-gvern, is-sena l-oħra, nieda, f'kooperazzjoni man-NU u l-UE, programm nazzjonali ta' taħriġ ġudizzjarju;

5.  Jiddeplora l-ksur tal-libertà ta' espressjoni fis-Somalja mwettaq minn atturi statali u atturi mhux statali; jinsab imħasseb bl-approċċ awtokratiku ta' din l-amministrazzjoni u ta' xi wħud mill-amministrazzjonijiet statali reġjonali, li rriżulta fl-arrest ta' avversarji politiċi u kritiċi paċifiċi; iqis assolutament inaċċettabbli kwalunkwe intimidazzjoni, vessazzjoni, detenzjoni jew qtil ta' ġurnalisti u ta' attivisti tas-soċjetà ċivili; jitlob li l-awtoritajiet Somali jieqfu jużaw l-Aġenzija NISA biex jintimidaw ġurnalisti indipendenti u avversarji politiċi; jappella lill-gvern u lill-UE, bħala parti mill-attivitajiet tagħha marbuta mal-istat tad-dritt fis-Somalja, biex jiżguraw li l-Aġenzija NISA hija regolata b'mekkaniżmi ta' sorveljanza effikaċi; jafferma li l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-ħsieb huma indispensabbli għall-iżvilupp ta' soċjetà b'saħħitha u demokratika; jappella lill-Gvern Federali tas-Somalja biex jiżgura li d-dritt għal-libertà ta' espressjoni huwa rrispettat bis-sħiħ; jappella lill-Gvern Somalu biex jirrevedi l-kodiċi kriminali, il-liġi l-ġdida dwar il-midja u leġiżlazzjoni oħra, bil-għan li jġibhom konformi mal-obbligi internazzjonali tas-Somalja fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni u l-midja;

6.  Jesprimi tħassib dwar ċerti interessi barranin li jkomplu jikkomplikaw ix-xenarju politiku; jinnota, fl-ambitu tal-konfrontazzjoni usa' bejn l-Emirati Għarab Magħquda u l-Arabja Sawdija, minn naħa, u l-Qatar, min-naħa l-oħra, li l-Gvern Federali tas-Somalja, f'tentattiv li jibqa' newtrali, ġie mċaħħad minn pagamenti regolari għas-sostenn baġitarju mill-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda, u dan kompla jdgħajjef il-kapaċità tal-gvern li jħallas il-forzi tas-sigurtà; iħeġġeġ lill-Emirati Għarab Magħquda biex iwaqqfu minnufih l-atti kollha ta' destabbilizzazzjoni fis-Somalja u jirrispettaw is-sovranità u l-integrità territorjali tas-Somalja;

7.  Jikkundanna bil-qawwa l-ksur serju tal-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' espressjoni kontra t-trade unions ħielsa u indipendenti tas-Somalja u, b'mod partikolari, ir-repressjoni li ilha għaddejja kontra l-NUSOJ u l-FESTU, u jinsisti fuq it-tmiem tal-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa u l-għeluq tal-proċedimenti mressqa mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kontra s-Sur Omar Faruk Osman, is-Segretarju Ġenerali tan-NUSOJ, talli organizza, mingħajr l-approvazzjoni tal-Ministru tal-Informazzjoni, ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa;

8.  Jiddenunzja r-repressjoni mill-Istat Somalu tal-attivisti tat-trade unions; jappella lill-Istat Somalu biex iwaqqaf kull forma ta' repressjoni kontra l-attivisti tat-trade unions; jinsisti li l-gvern jippermetti l-formazzjoni ta' trade unions indipendenti; jemmen bis-sħiħ li t-trade unions huma indispensabbli biex jiġu garantiti d-drittijiet tal-ħaddiema fis-Somalja; jafferma li t-trade unions indipendenti jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-titjib tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern Federali tas-Somalja biex jirrispetta u jiddefendi l-istat tad-dritt internazzjonali, u biex jaċċetta u jimplimenta bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tal-ILO dwar il-Każ nru 3113;

10.  Ifaħħar il-ħidma tal-UNSOM fl-aspetti kollha u, b'mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem fis-Somalja, kif ukoll d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jipproroga l-mandat tagħha sal-31 ta' Marzu 2019; ifaħħar l-isforzi li saru mill-Unjoni Afrikana biex iġġib lura ċertu grad ta' stabbiltà fis-Somalja u biex torganizza proċess politiku ta' tranżizzjoni; jappella għal monitoraġġ u għal bini tal-kapaċità aħjar min-naħa tal-UE biex jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont għall-abbużi mill-AMISOM, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-UE hija responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-finanzjament tiegħu; iħeġġeġ lill-AMISOM biex timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħhom sabiex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili;

11.  Jiddeplora r-reklutaġġ ta' suldati tfal fis-Somalja u jqisu delitt tal-gwerra ripunjanti; iqis li t-tfal huma wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli fil-kunflitt; jappella lill-gruppi armati kollha biex itemmu din il-prattika u jeħilsu minnufih lit-tfal kollha attwalment reklutati; jappella lill-istat biex jittrattahom bħala vittmi ta' terroriżmu u gwerra aktar milli awturi, u jappella lill-UE biex tgħin lill-Gvern Somalu fl-isforzi tiegħu ta' riabilitazzjoni u reintegrazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Somali biex itemmu d-detenzjoni arbitrarja tat-tfal suspettati li huma illegalment affiljati ma' al-Shabaab; iħeġġeġ lill-atturi kollha fis-Somalja biex jirrispettaw l-għanijiet tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal fir-rigward tal-involviment tat-tfal f'kunflitti armati, u jinkoraġġixxi lill-Gvern Federali tas-Somalja biex jirratifikah mingħajr dewmien;

12.  Jilqa' l-għażla ta' kummissarji tal-Kummissjoni Nazzjonali Indipendenti tas-Somalja għad-Drittijiet tal-Bniedem, stabbilita reċentement, u jappella lill-Gvern Somalu biex jaħtar il-Kummissjoni mingħajr aktar dewmien; jinsab profondament allarmat bir-rapporti ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-forzi tas-sigurtà Somali, inklużi l-qtil, l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji, it-tortura, l-istupru u l-ħtif; jappella lill-awtoritajiet biex jiżguraw li l-ksur kollu jiġi investigat bis-sħiħ u li jitressqu proċedimenti ġudizzjarji kontra l-awturi; jappella lill-gvern u lill-UE biex isaħħu l-għarfien espert tekniku tad-Dipartiment ta' Investigazzjoni Kriminali tas-Somalja (CID) biex iwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa u effikaċi li jirrispettaw id-drittijiet; jappella lit-truppi barranin u nazzjonali li jintervjenu fil-ġlieda kontra al-Shabaab biex jaġixxu b'mod konformi mad-dritt internazzjonali; jappella lill-Gvern Somalu biex jagħti segwitu għall-impenji li jintemmu l-iżgumbramenti furzati ta' nies spostati internament, inkluż fil-belt kapitali tal-pajjiż, Mogadishu;

13.  Ifaħħar lill-Gvern Somalu għat-tnedija tal-proċess ta' reviżjoni tal-kostituzzjoni provviżorja tas-Somalja, wara konvenzjoni kostituzzjonali nazzjonali ta' tlett ijiem f'Mejju 2018 li ser twassal għall-kostituzzjoni permanenti tas-Somalja; iħeġġeġ lill-Gvern Somalu biex jiffinalizza l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tas-Somalja dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti (PCVE) bħala parti mill-Approċċ Globali għas-Sigurtà (CAS) tal-pajjiż, bl-appoġġ tal-AMISOM;

14.  Jikkundanna l-vjolenza sessista u sesswali kontra n-nisa, l-irġiel, is-subien u l-bniet, fejn in-nisa u l-bniet jintlaqtu b'mod partikolari, u jqishom delitt tal-gwerra orribbli; jappella lill-Istat biex iżid l-isforzi tiegħu fil-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-soċjetà; jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li l-gvern, is-sena l-oħra, nieda, f'kooperazzjoni man-NU u l-UE, programm nazzjonali ta' taħriġ ġudizzjarju; itenni l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar id-drittijiet tan-nisa; jappella lill-awtoritajiet rilevanti biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa; jikkundanna l-illegalizzazzjoni tal-omosesswalità fis-Somalja u l-kriminalizzazzjoni ta' persuni LGBTI;

15.  Jiddeplora s-sitwazzjoni umanitarja prekarja li qed thedded l-ħajjiet ta' miljuni ta' Somali; ifakkar li l-ammont ta' mwiet fil-karestija tal-2011 kien aggravat mill-insigurtà u mill-azzjonijiet tal-militanti estremisti ta' al-Shabaab li fixklu t-twassil tal-għajnuna alimentari fl-inħawi ċentrali u tan-nofsinhar tas-Somalja li dak iż-żmien kienu taħt il-kontroll tagħhom; iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex iżidu l-għajnuna tagħhom għall-popolazzjoni Somala, bil-ħsieb li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-iktar vulnerabbli u jindirizzaw il-konsegwenzi tal-ispostament, l-insigurtà tal-ikel, l-epidemiji u d-diżastri naturali; jikkundanna l-attakki kollha kontra l-atturi umanitarji u taż-żamma tal-paċi fis-Somalja; jitlob biex l-għajnuna tal-UE tkun allinjata mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp maqbula fuq livell internazzjonali biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), reċentement approvati;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tas-Somalja, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) ĠU C 204, 13.6.2018, p. 127.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0229.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza