Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2785(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0333/2018

Dibattiti :

PV 05/07/2018 - 4.3
CRE 05/07/2018 - 4.3

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2018 - 6.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0305

Testi adottati
PDF 139kWORD 56k
Il-Ħamis, 5 ta' Lulju 2018 - Strasburgu
Il-Burundi
P8_TA(2018)0305RC-B8-0333/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-Burundi (2018/2785(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 2015(1), tas-17 ta' Diċembru 2015(2), tad-19 ta' Jannar 2017(3) u tas-6 ta' Lulju 2017(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou rivedut, b'mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2248 (2015) tat-12 ta' Novembru 2015 u 2303 (2016) tad-29 ta' Lulju 2016 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-briefing orali mill-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU (UNCI) dwar il-Burundi lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-27 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-ewwel rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi, ippubblikat fit-23 ta' Frar 2017, u d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni politika u l-vjolenza li qed isseħħ fil-Burundi, li ħeġġet bil-qawwa lill-gvern u lill-partijiet kollha biex iwaqqfu u jirrifjutaw tali vjolenza,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-13 ta' Marzu 2017 rigward is-sitwazzjoni fil-Burundi, u d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-5 ta' April 2018 li tikkundanna l-ksur u l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Investigazzjoni Indipendenti tan-NU dwar il-Burundi (EINUB), ippubblikat fl-20 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-30 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi (il-Ftehim ta' Arusha) tat-28 ta' Awwissu 2000,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Burundi tas-summit tal-Unjoni Afrikana tat-13 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni dwar l-Attivitajiet tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà u dwar l-Istat tal-Paċi u s-Sigurtà fl-Afrika (Assembly/AU/Dec.598(XXVI)), adottata waqt is-26 Sessjoni Ordinarja tal-Assemblea tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Unjoni Afrikana, li saret fit-30 u fil-31 ta' Jannar 2016 f'Addis Ababa (l-Etjopja),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet u d-Dikjarazzjonijiet tal-Assemblea tal-Unjoni Afrikana (Assembly/AU/Dec.605-620(XXVII)), adottati waqt is-27 Sessjoni Ordinarja tal-Assemblea tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Unjoni Afrikana, li saret fis-17 u fit-18 ta' Lulju 2016 f'Kigali (ir-Rwanda),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-4 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Burundi tas-summit tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) tal-31 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/394 tal-14 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1755 tal-1 ta' Ottubru 2015(6) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2015/1763 tal-1 ta' Ottubru 2015(7) u (PESK) 2016/1745 tad-29 ta' Settembru 2016(8) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonjiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu, tat-18 ta' Mejju, tat-22 ta' Ġunju u tas-16 ta' Novembru 2015 u tal-15 ta' Frar 2016 dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, tat-28 ta' Mejju 2015, tad-19 ta' Diċembru 2015, tal-21 ta' Ottubru 2016 u tas-27 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Ġunju 2018 tal-Kelliem tal-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Mejju 2018 tal-VP/RGħ, f'isem l-UE, dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi qabel ir-referendum kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Jannar 2017 tal-Kelliem tal-VP/RGħ dwar il-projbizzjoni tal-Lega Iteka fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Burundi ilu jiffaċċja kriżi politika, umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem minn April tal-2015, meta l-President Nkurunziza ħabbar li kien se jikkandida ruħu għat-tielet mandat kontroversjali, u dan wassal għal xhur ta' inkwiet li matulhom mietu 593 ruħ skont il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u, skont il-UNHCR, 413 000 ruħ ħarbu mill-pajjiż minn dak iż-żmien 'l hawn, filwaqt li 169 000 ruħ ġew spostati internament; billi 3,6 miljun ruħ fil-pajjiż jeħtieġu assistenza umanitarja skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tan-NU;

B.  billi l-bidliet kostituzzjonali li saret votazzjoni dwarhom fir-referendum jinkludu t-twessigħ tas-setgħat presidenzjali, it-tnaqqis tas-setgħat tal-Viċi President, il-ħatra tal-prim ministru mill-President, l-introduzzjoni ta' proċedura ta' maġġoranza sempliċi biex tgħaddi jew tinbidel leġiżlazzjoni fil-parlament, l-abilità li jiġu rieżaminati l-kwoti implimentati mill-Ftehim ta' Arusha, u l-projbizzjoni tal-partiti politiċi b'anqas minn 5 % tal-voti li jipparteċipaw fil-gvern, bidliet li kollha jipperikolaw il-Ftehim ta' Arusha;

C.  billi l-vjolenza u l-intimidazzjoni kontra l-avversarji politiċi fil-pajjiż kollu eskalaw fil-perjodu qabel ir-referendum kostituzzjonali fis-17 ta' Mejju 2018, bl-għajbien sfurzat u l-intimidazzjoni ta' min qed jopponi r-reviżjoni kostituzzjonali msemmija hawn fuq; billi r-referendum kostituzzjonali jippermetti wkoll it-tneħħija tad-dispożizzjonijiet innegozjati tal-Ftehim ta' Arusha, u dan jista' jnaqqas l-inklużività u jwassal għal aktar konsegwenzi serji għall-istabbiltà politika fil-Burundi; billi, minkejja l-bidliet fil-kostituzzjoni, il-President Nkurunziza ħabbar li mhuwiex se joħroġ għall-elezzjonijiet tal-2020;

D.  billi, skont Amnesty International, matul il-perjodu tal-kampanja uffiċjali kien hemm rapporti frekwenti ta' arresti, xebgħat u intimidazzjoni ta' dawk li kienu favur il-"Le"; billi r-referendum sar f'kuntest ta' ripressjoni kontinwa, li wasslet lill-isqfijiet Kattoliċi tal-Burundi jgħidu li ħafna ċittadini qed jgħixu fil-biża', tant hu hekk li n-nies ma jazzardawx jgħidu dak li jaħsbu minħabba l-biża' ta' tpattija;

E.  billi l-UNCI irrimarkat li l-vjolenza politika, l-arresti arbitrarji, l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, ix-xebgħat, id-diskors ta' mibegħda u diversi abbużi oħra għadhom qed jolqtu lill-popolazzjoni; billi Imbonerakure, il-lega taż-żgħażagħ tal-partit politiku fil-poter, għadha qed tikser id-drittijiet tal-bniedem u tuża diversi tattiki ta' intimidazzjoni, bħall-imblokki fit-toroq u punti ta' kontroll f'ċerti provinċji, l-estorsjoni ta' flus, il-fastidju ta' persuni li jkunu għaddejjin, u l-arrest ta' persuni li jissuspettaw li għandhom rabtiet mal-oppożizzjoni, li ħafna minnhom ġew detenuti, stuprati, imsawta u ttorturati, bil-konsegwenza li wħud minnhom mietu;

F.  billi matul il-perjodu tar-referendum fl-2018, xi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw każijiet ta' tnaqqis tal-ispazju ċiviku u ta' deterjorament tal-ispazju medjatiku, kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell lokali; billi, mill-2015, l-NGOs lokali u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew mhedda u attakkati dejjem aktar mill-gvern, filwaqt li l-libertà tal-istampa u l-kundizzjonijiet li l-ġurnalisti qed jaħdmu fihom iddeterjoraw b'mod kostanti; billi l-midja u l-ġurnalisti privati diġà ħallsu prezz għoli fil-battalja kontra l-gvern, u, fost affarijiet oħra, kienu vittmi ta' arresti, eżekuzzjonijiet sommarji u għajbien sfurzat, u xi drabi ġew iddikjarati kriminali jew saħansitra terroristi mill-gvern;

G.  billi Reporters Without Borders tikklassifika l-Burundi fil-159 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tagħha tal-2018;

H.  billi ħafna attivisti tad-drittijiet tal-bniedem ingħataw sentenzi twal ta' ħabs, b'mod partikolari Germain Rukuki, li jaħdem għall-Assoċjazzjoni tal-Ġuristi Kattoliċi tal-Burundi u ngħata sentenza ta' 32 sena, jew qegħdin jinżammu detenuti huma u jistennew il-proċess, bħal Nestor Nibitanga; billi ġew approvati liġijiet restrittivi biex jiġu kkontrollati l-NGOs lokali u internazzjonali; billi xi organizzazzjonijiet ġew sfurzati jissospendu l-attivitajiet tagħhom u oħrajn ġew sfurzati jagħlqu b'mod permanenti, bħal-Lega ITEKA, il-FOCODE u l-ACAT; billi ħafna mexxejja u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew eżiljati, filwaqt li dawk li għadhom preżenti qegħdin taħt pressjoni kontinwa jew qegħdin jiġu arrestati; billi Emmanuel Nshimirimana, Aimé Constant Gatore u Marius Nizigama ngħataw sentenzi ta' ħabs ta' bejn 10 snin u 32 sena, filwaqt li Nestor Nibitanga jista' jingħata sentenza ta' 20 sena ħabs; billi l-ġurnalist Jean Bigirimana issa ilu nieqes kważi sentejn, u huwa wieħed mill-ħafna vittmi ta' għajbien sfurzat fil-kuntest tal-kriżi;

I.  billi f'Ottubru 2017, l-imħallfin tal-QKI awtorizzaw lill-prosekutur tal-QKI biex jibda investigazzjoni dwar reati fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Qorti li allegatament twettqu fil-Burundi jew minn ċittadini tal-Burundi barra mill-Burundi bejn is-26 ta' April 2015 u s-26 ta' Ottubru 2017; billi b'effett mis-27 ta' Ottubru 2017, il-Burundi sar l-ewwel nazzjon li telaq mill-QKI wara d-deċiżjoni tal-Qorti f'April 2016 li tibda investigazzjoni preliminari dwar il-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u r-reati possibbli kontra l-umanità fil-Burundi, filwaqt li r-reġim qed ikompli joqtol b'impunità fil-pajjiż;

J.  billi l-preżenza tat-truppi Burundjani f'missjonijiet taż-żamma tal-paċi tippermetti lir-reġim tal-President Nkurunziza li jaħbi r-realtà tal-problemi interni u jippreżenta lill-Burundi bħala fattur stabbilizzanti f'pajjiżi oħra, fi żmien meta l-Burundi stess qed jesperjenza kriżi bla preċedent ikkaratterizzata minn ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; billi permezz ta' dan il-Burundi qed jikseb ammont enormi ta' flus, li mhux qed jiġi distribwit mill-ġdid favur il-popolazzjoni; billi elezzjonijiet paċifiċi, liberi, demokratiċi u indipendenti ma jistgħux ikunu possibbli mingħajr ix-xoljiment tal-milizzja Imbonerakure;

K.  billi l-Burundi huwa fi stat ta' deterjorament soċjoekonomiku kontinwu u jinsab fil-pożizzjoni ta' qabel tal-aħħar fil-klassifikazzjoni tal‑PDG globali per capita; billi madwar 3,6 miljun Burundjan (30 % tal-popolazzjoni) jeħtieġu assistenza u 1,7 miljun m'għandhomx sigurtà tal-ikel; billi din is-sitwazzjoni ta' faqar qed tmur għall-agħar bl-introduzzjoni ta' kontribuzzjoni "volontarja" għall-elezzjonijiet tal-2020, li ta' spiss tinġabar bil-forza minn Imbonerakure u tammonta għal madwar 10 % jew aktar tas-salarju ta' kull xahar ta' impjegat taċ-ċivil;

L.  billi waqt it-30 Summit tal-Unjoni Afrikana u d-19-il Summit tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, l-Unjoni Afrikana u l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant rispettivament esprimew l-impenn tagħhom għal soluzzjoni paċifika tas-sitwazzjoni politika fil-Burundi permezz ta' djalogu inklużiv abbażi tal-Ftehim ta' Arusha tat-28 ta' Awwissu 2000;

M.  billi għadd ta' sħab bilaterali u multilaterali ssospendew l-assistenza finanzjarja u teknika tagħhom lill-Gvern tal-Burundi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-pajjiż; billi l‑UE ssospendiet l‑appoġġ finanzjarju dirett lill‑amministrazzjoni Burundjana, inkluż l‑appoġġ baġitarju, iżda qiegħda żżomm l‑appoġġ tagħha lill‑popolazzjoni kif ukoll l‑assistenza umanitarja tagħha;

N.  billi l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka adottaw sanzjonijiet immirati u individwali kontra l-Burundi; billi fit-23 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill ġedded il-miżuri restrittivi tal-UE kontra l-Burundi u estendiehom sal-31 ta' Ottubru 2018; billi dawn il-miżuri jikkonsistu fi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi fil-konfront ta' individwi partikolari li l-attivitajiet tagħhom tqiesu li qed idgħajfu d-demokrazija jew ifixklu l-ħidma favur soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Burundi;

O.  billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU adotta l-eżitu tal-Eżami Perjodiku Universali tal-Burundi fit-28 ta' Ġunju 2018 matul it-38 sessjoni tiegħu; billi l-Burundi aċċetta 125 mill-242 rakkomandazzjoni tal-Eżami, u notevolment irrifjuta dawk li jitolbu passi prattiċi biex itejbu r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiż;

P.  billi l-Qorti Kostituzzjonali appoġġat ir-riżultati tar-referendum tas-17 ta' Mejju 2018 u rrifjutat petizzjoni ppreżentata mill-oppożizzjoni li tallega intimidazzjoni u abbuż;

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-impunità enedemika u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-eżekuzzjonijiet sommarji, it-tortura, l-għajbien sfurzat u d-detenzjoni arbitrarja; ifakkar lill-Burundi dwar l-obbligu tiegħu, bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li jkompli jikkoopera bis-sħiħ mal-UNCI dwar il-Burundi u mat-tim tat-tliet esperti tan-NU, u li jagħti aċċess għall-pajjiż lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jistieden lill-Gvern tal-Burundi jirrispetta bis-sħiħ il-Ftehim ta' Arusha bħala l-istrument ewlieni għall-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż; jistieden lill-Gvern tal-Burundi jirrispetta l-obbligi legali internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ċivili, u jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni minquxa fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li tiegħu l-Burundi huwa Stat parti;

3.  Jikkundanna għal darb'oħra l-intimidazzjoni, il-vjolenza u l-fastidju tal-ġurnalisti, il-partitarji tal-oppożizzjoni u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Burundjani jirrispettaw l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, bħal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-mezzi tax-xandir, u biex b'mod immedjat u mingħajr kundizzjonijiet jirrilaxxaw lil Germain Rukuki, Nestor Nibitanga, Emmanuel Nshimirimana, Aimé Constant Gatore u Marius Nizigama, ħames difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li ġew arrestati biss minħabba xogħolhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem iżda huma akkużati mill-awtoritajiet li pperikolaw is-sigurtà interna tal-istat; jitlob li l-awtoritajiet Burundjani jniedu investigazzjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ġurnalist Jean Bigirimana;

4.  Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Burundi li jirtira mill-QKI; jappoġġa l-kontinwazzjoni tal-investigazzjoni preliminari tal-QKI dwar ir-reati estensivi u l-atti ta' ripressjoni fil-Burundi; jitlob lill-UE tkompli tinsisti fuq l-obbligu ta' rendikont għar-reati mwettqa fil-Burundi; jistenna li l-Burundi jerġa' jibda u jkompli l-kooperazzjoni tiegħu mal-QKI, fid-dawl tal-fatt li l-ġlieda kontra l-impunità, il-prosekuzzjoni tal-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem, u l-obbligu ta' rendikont jibqgħu passi neċessarji biex tissolva l-kriżi u biex tinstab soluzzjoni paċifika dejjiema;

5.  Jilqa' l-briefing orali tal-UNCI dwar il-Burundi u jfaħħar il-ħidma vitali tiegħu fid-dokumentazzjoni tal-kriżi tad-drittijiet tal-bniedem li għaddejja bħalissa fil-pajjiż;

6.  Jissottolinja t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja, li hija kkaratterizzata minn 169 000 persuna spostata internament, 1,67 miljun ruħ fi bżonn ta' assistenza umanitarja, u aktar minn 410 000 Burundjan li qed ifittxu rifuġju f'pajjiżi ġirien; ifaħħar lill-pajjiżi ospitanti għall-isforzi tagħhom u jistieden lill-gvernijiet fir-reġjun biex jiżguraw li r-ritorn tar-rifuġjati jkun volontarju, abbażi ta' deċiżjonijiet infurmati u mwettaq b'mod sikur u dinjituż;

7.  Jiddispjaċih, madankollu, dwar il-progress bil-mod tad-djalogu inter-Burundjan immexxi mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u n-nuqqas ta' impenn mill-Gvern tal-Burundi f'dan ir-rigward, u jistieden lill-partijiet kollha, b'mod partikolari lill-awtoritajiet Burundjani, biex jimpenjaw ruħhom favur l-issoktar urġenti tad-djalogu inter-Burundjan, li għandu jiġi organizzat fi ħdan qafas verament inklużiv u mingħajr prekundizzjonijiet;

8.  Jitlob li jkun hemm approċċ imġedded u kkoordinat bejn l-UA, l-UE u l-Kummissjoni Ekonomika għall-Afrika (ECA) tan-NU u n-NU kollha kemm hi; jiddispjaċih għall-fatt li l-Gvern tal-Burundi mhuwiex iqis ir-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra, id-deċiżjoni tal-UA ta' Jannar 2018 jew l-isforzi ta' medjazzjoni tal-QEA; iħeġġeġ lis-sħab bilaterali u multilaterali u lill-Gvern tal-Burundi biex ikomplu d-djalogu tagħhom bl-għan li l-Gvern tal-Burundi joħloq kundizzjonijiet li jwasslu għall-issoktar tal-assistenza; jitlob lill-partijiet ikkonċernati Burundjani kollha biex jipparteċipaw b'mod attiv f'dan il-proċess; itenni l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta' medjazzjoni bis-sostenn tal-UA u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU;

9.  Ifaħħar l-assistenza pprovduta mis-sħab bilaterali u multilaterali fit-taffija tas-sitwazzjoni umanitarja, u jistieden lill-komunità internazzjonali tkompli tipprovdi appoġġ biex twieġeb għall-ħtiġijiet umanitarji fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ dirett addizzjonali lill-popolazzjoni fl-2018; jenfasizza li r-ritorn għal metodu klassiku ta' kooperazzjoni jirrikjedi ritorn għall-istat tad-dritt u d-demokrazija, inklużi l-ġlieda kontra l-impunità u l-protezzjoni taċ-ċittadini Burundjani;

10.  Jinsab imħasseb li l-kriżi politika li għaddejja bħalissa tista' tinbidel f'kunflitt etniku permezz tal-użu tal-propaganda, ta' dikjarazzjonijiet li jinċitaw għall-mibegħda jew sejħiet għall-vjolenza, li jqabblu lill-avversarji, membri tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti u Tutsi ma' "għedewwa tar-reġim" li jridu jiġu eliminati; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-Burundi biex joqogħdu lura minn kwalunkwe aġir jew lingwaġġ li jistgħu jaggravaw aktar il-vjolenza, jintensifikaw il-kriżi jew jaffettwaw l-istabbiltà reġjonali fit-tul;

11.  Jibqa' tassew imħasseb li l-kostituzzjoni l-ġdida adottata b'referendum fis-17 ta' Mejju 2018 tista' tibda żżarma d-dispożizzjonijiet nnegozjati bir-reqqa definiti fil-Ftehim ta' Arusha li għenu jtemmu l-gwerra ċivili tal-Burundi;

12.  Itenni l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-UE, wara l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet Burundjani skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li tissospendi l-appoġġ finanzjarju dirett lill-Gvern tal-Burundi, u jilqa' l-adozzjoni tal-UE ta' restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ta' miżuri ta' ffriżar tal-assi fil-konfront ta' dawk li jfittxu li jimminaw l-isforzi ta' paċi jew id-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jitlob li jintemm kull pagament ulterjuri lit-truppi Burundjani u lil varji kontinġenti mill-Burundi involuti f'missjonijiet għaż-żamma tal-paċi tal-UE u l-UA; jieħu nota tal-aħbar mill-President Nkurunziza li mhux se joħroġ għall-elezzjonijiet fl-2020; jistieden lill-komunità internazzjonali ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Burundi, irrispettivament mid-dikjarazzjoni tal-President Nkurunziza dwar l-elezzjonijiet tal-2020;

14.  Ifakkar fid-dikjarazzjoni qawwija tal-VP/RGħ tat-8 ta' Mejju 2018 dwar it-tnedija tal-fażi preparatorja finali għar-referendum kostituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2018; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' approċċ kunsenswali bejn id-diversi gruppi soċjetali u politiċi fil-Burundi, in-nuqqas ta' informazzjoni pubblika uffiċjali dwar l-elementi ewlenin tal-abbozz ta' Kostituzzjoni u l-kontroll mill-qrib tal-ġurnalisti u tal-midja;

15.  Ifakkar lill-Gvern tal-Burundi li l-kundizzjonijiet sabiex jinżammu elezzjonijiet inklużivi, kredibbli u trasparenti fl-2020 jimplikaw id-dritt tal-libertà tal-espressjoni, l-aċċess għall-informazzjoni u l-eżistenza ta' żona libera fejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jesprimu ruħhom mingħajr intimidazzjoni jew biża ta' rappreżalja;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Burundi, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-pajjiżi membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 137.
(2) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 190.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0004.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0310.
(5) ĠU L 73, 18.3.2016, p. 90.
(6) ĠU L 257, 2.10.2015, p. 1.
(7) ĠU L 257, 2.10.2015, p. 37.
(8) ĠU L 264, 30.9.2016, p. 29.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza