Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399 u (UE) 2016/1624 (COM(2016)0731 – C8-0466/2016 – 2016/0357A(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0731),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), l-Artikolu 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 87(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0466/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta' April 2017(1),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-14 ta' Settembru 2017 li tawtorizza lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jaqsam il-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq u jħejji żewġ rapporti leġiżlattivi separati abbażi tagħha,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-25 ta' April 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Baġits (A8-0322/2017),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u tal-Kunsill mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Lulju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/1240.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
L-ispejjeż għat-tħaddim u l-manutenzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni tal-ETIAS, tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS u tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS, se jiġu koperti kollha kemm huma mid-dħul iġġenerat mit-tariffi. Għaldaqstant it-tariffa għandha tiġi adattata kif meħtieġ, b'kont meħud tal-ispejjeż. Dan jinkludi kemm l-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri tal-UE kif ukoll dawk imġarrba mill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen f’dan ir-rigward, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-ETIAS. L-ispejjeż imġarrba b'rabta mal-iżvilupp tas-Sistema ta' Informazzjoni tal-ETIAS, l-integrazzjoni tal-infrastruttura tal-fruntieri nazzjonali eżistenti u l-konnessjoni mal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi kif ukoll l-ospitar tal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi u l-istabbiliment tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS u tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS, inklużi dawk imġarrba minn Stati Membri tal-UE kif ukoll minn Pajjiżi Assoċjati ma' Schengen, se jitħallsu mill-Fond għas-Sigurtà Interna (Fruntieri u Viża) u s-suċċessur(i) tiegħu rispettivament.
Għalhekk, dawn l-ispejjeż m’għandhomx jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen għall-ETIAS skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni rispettiv u l-arranġamenti speċifiċi rilevanti għall-parteċipazzjoni tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen fl-aġenziji. Dan għandu jiġi kkunsidrat b’mod partikolari fil-kuntest tan-negozjati dwar is-suċċessur(i) tal-Fond għas-Sigurtà Interna (Fruntieri u Viża) u l-arranġamenti speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar l-arranġamenti speċifiċi previsti fl-Artikolu 95 ta’ dan ir-Regolament mingħajr dewmien wara l-adozzjoni tiegħu.