Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2012/2002, ir-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1307/2013, (UE) Nru 1308/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2016)0605 – C8-0372/2016 – 2016/0282A(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0605),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikoli 42, 43(2), 46(d), 149, 153(2)(a), 164, 168(4)(b), 172, 175, 177, 178, 189(2), 212(2), 322(1) u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0372/2016),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 1/2017 tas-26 ta' Jannar 2017(1),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-19 ta’ April 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għas-Sajd, u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0211/2017),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.)
Anness I għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva
Dikjarazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 38 Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar riċevituri u informazzjoni oħra:
“Il-Kummissjoni permezz ta’ netwerks mal-Istati Membri se tappoġġja l-iskambju ta’ prattiki tajbin rigward il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi tal-Unjoni implimentati b’ġestjoni kondiviża. Il-Kummissjoni se tqis it-tagħlimiet meħuda fid-dawl tat-tħejjija għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.”
Dikjarazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 266 Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-proġetti ta’ bini:
“Il-Kummissjoni u s-SEAE ser jinfurmaw lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fil-kuntest tad-dokument ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 266, fuq kwalunkwe bejgħ u l-akkwist ta’ bini, inklużi dawk taħt il-limitu minimu stipulat f’dan l-Artikolu.”
Anness II għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva
Dikjarazzjoni konġunta dwar il-proċedura ta' kwittanza / Data tal-adozzjoni tal-kontijiet finali tal-UE
"Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni – f'kooperazzjoni mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri – ser jistabbilixxu kalendarju prammatiku għall-proċedura ta' kwittanza.
F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni tikkonferma li ser tħabrek biex tadotta l-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għas-sena finanzjarja 2017 sat-30 ta' Ġunju 2018 dment li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tibgħat il-konklużjonijiet kollha tagħha dwar l-affidabbiltà ta' dawn il-kontijiet tal-UE, u l-kontijiet konsolidati tal-entitajiet kollha, sal-15 ta' Mejju 2018, u l-abbozz tar-rapport annwali tagħha sal-15 ta' Ġunju 2018.
Il-Kummissjoni tikkonferma wkoll li ser tħabrek biex tagħti t-tweġibiet tagħha għar-Rapport Annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 sal-15 ta' Awwissu 2018 dment li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tibgħat l-abbozz tal-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni sal-1 ta' Ġunju 2018."