Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2024(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0247/2018

Testi mressqa :

A8-0247/2018

Dibattiti :

PV 04/07/2018 - 19
CRE 04/07/2018 - 19

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2018 - 6.11
CRE 05/07/2018 - 6.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0311

Testi adottati
PDF 188kWORD 62k
Il-Ħamis, 5 ta' Lulju 2018 - Strasburgu
Baġit 2019 - Mandat għat-trilogu
P8_TA(2018)0311A8-0247/2018
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta' Baġit 2019 (2018/2024(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, adottat mill-Kummissjoni fit-23 ta' Mejju 2018 (COM(2018)0600),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2) u l-emenda sussegwenti tiegħu bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2017/1123 tal-20 ta' Ġunju 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2018 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2019, Taqsima III – Kummissjoni(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2019 (06315/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 86a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A8-0247/2018),

Abbozz tal-baġit għall-2019 - insaħħu s-solidarjetà u nħejju għal futur sostenibbli

1.  Ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2018, il-Parlament identifika l-prijoritajiet li ġejjin għall-baġit tal-UE għall-2019: it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni, il-kompetittività, is-sigurtà, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni għall-enerġija rinnovabbli u l-migrazzjoni, u stieden ukoll attenzjoni partikolari fuq iż-żgħażagħ;

2.  Jenfasizza li l-UE għandha tkun minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni tal-għanijiet għal żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti billi jintegrawhom fil-politika kollha tal-UE;

3.  Ifakkar li l-baġit tal-UE għall-2019 ser ikun l-aħħar wieħed taħt il-mandat parlamentari attwali u ser jiġi nnegozjat b'mod parallel man-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss u dwar ir-riforma tar-riżorsi proprji tal-UE; ifakkar ukoll li r-Renju Unit ħa l-impenn li jikkontribwixxi għall-baġits annwali tal-Unjoni għall-2019 u għall-2020, u jipparteċipa fl-implimentazzjoni tagħhom daqslikieku baqa' fl-Unjoni wara Marzu 2019;

4.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni u jemmen li din tikkorrispondi b'mod wiesa' mal-prijoritajiet tal-Parlament stess; għandu l-intenzjoni li jkompli jsaħħaħ il-programmi ewlenin u jiżgura livell xieraq ta' finanzjament korrispondenti għalihom; jinnota ż-żieda ta' 3,1 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn u l-perċentwal aktar baxx tal-ING meta mqabbel mal-2018 kemm għall-approprjazzjonijiet ta' impenn (1 % meta mqabbel ma' 1,02 %) kif ukoll għall-approprjazzjonijiet ta' pagament (0,9 % meta mqabbel ma' 0,92 %);

5.  Jilqa' t-tisħiħ propost għall-Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), l-Erasmus+ u l-programmi li jikkontribwixxu biex tiżdied is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE; jirrimarka, madankollu, il-ħtieġa li jissaħħaħ aktar l-appoġġ għall-SMEs, li huma fundamentali biex jippermettu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, u li jiġu ddedikati riżorsi xierqa għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-UE u l-promozzjoni tal-ħiliet diġitali u l-intraprenditorija diġitali, kif ukoll għal programmi li jappoġġjaw liż-żgħażagħ, jiġifieri ErasmusPro; ifakkar fil-konvinzjoni tiegħu li l-baġit ta' Erasmus+ għall-2019 jeħtieġ li mill-inqas jirdoppja;

6.  Jilqa' t-tnedija ta' DiscoverEU, it-tqassim ta' 15 000 biljett ferrovjarju lil ċittadini Ewropej li għalqu t-18-il sena fl-2018 kif ukoll il-proposta tal-Kummissjoni ta' EUR 700 miljun għall-QFP 2021-2027, li jaqbel sew mal-ambizzjonijiet tal-UE li tippromwovi l-mobilità tat-tagħlim, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà fost iż-żgħażagħ kollha; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma pproponiet ebda approprjazzjoni għall-2019 u l-2020; huwa determinat li jkompli l-Azzjoni Preparatorja fl-2019 u l-2020;

7.  Jieħu nota tal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Azzjoni Preparatorja - Skema ta' Garanzija għat-Tfal; jissottolinja r-referenza li saret fil-valutazzjoni preliminari għall-possibbiltà ta' implimentazzjoni fuq skala ikbar fl-ambitu tal-Fond Soċjali Ewropew; jissuġġerixxi li tittieħed l-opportunità għat-tielet fażi ta' implimentazzjoni sabiex isiru t-tħejjijiet għal din l-implimentazzjoni fuq skala ikbar fl-ambitu tal-FSE+;

8.  Jiddispjaċih għall-fatt li ż-żieda għall-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u Medji (COSME), meta mqabbla mal-baġit tal-2018, hija biss 2,3 % (EUR 362,2 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn), u li l-approprjazzjonijiet ta' pagament proposti huma inqas minn 0,6 %; ifakkar li dan huwa programm b'suċċess li għandu ferm iktar applikanti milli benefiċjarji ta' finanzjament; jenfasizza li l-SMEs huma mutur importanti tal-impjiegi, tat-tkabbir ekonomiku u tal-kompetittività fl-UE, jirrappreżentaw is-sinsla tal-ekonomija Ewropea, u għandhom il-kapaċità li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi; iħeġġeġ, bħala prijorità ewlenija, li dan jiġi rifless f'finanzjament suffiċjenti għall-programmi għall-SMEs u f'żieda ulterjuri fl-approprjazzjonijiet għal COSME minħabba s-suċċess ta' dan il-programm;

9.  Ifaħħar ir-rwol tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fit-tnaqqis tad-distakk fl-investiment fl-UE; jitlob, fil-qafas tal-aqwa bilanċ reġjonali u settorjali, biex tiġi rinforzata d-dimensjoni soċjali tal-użu tal-FEIS, inkluża l-innovazzjoni fil-kura tas-saħħa u l-mediċina, fl-infrastruttura soċjali, fil-protezzjoni ambjentali, fit-trasport sostenibbli, fl-enerġija rinnovabbli u fl-infrastrutturi tal-ħżin tal-enerġija; itenni l-pożizzjoni tiegħu li ilu jħaddan li kwalunkwe inizjattiva ġdida fi ħdan il-QFP trid tiġi ffinanzjata permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda u mhux għad-detriment tal-programmi eżistenti; itenni wkoll l-impenn tiegħu li jsaħħaħ l-Orizzont 2020 u l-FNE biex b'hekk jitreġġa' lura kemm jista' jkun it-tnaqqis li sar fil-programmi ħalli tiġi ffinanzjata l-estensjoni tal-FEIS fil-Baġit 2019;

10.  Jinnota l-impenn għal aġenda ta' difiża mġedda tal-UE, primarjament permezz tal-ftehim dwar il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP), bħala l-ewwel stadju tal-Fond Ewropew għad-Difiża; jemmen li dan l-impenn komuni ser jikkontribwixxi biex jinkisbu ekonomiji ta' skala u aktar koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u n-negozji, li jippermettu lill-UE żżomm l-awtonomija strateġika tagħha u ssir attur globali ġenwin;

11.  Jinnota li l-Kummissjoni pproponiet żieda ta' EUR 233 miljun għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), f'konformità mal-ipprogrammar finanzjarju; jafferma mill-ġdid, għal darb'oħra, li l-Parlament ma qabel ma' ebda forniment minn qabel tal-pagament supplimentari ta' bejn l-2018-2020 li rriżulta mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; isostni li l-awtorità baġitarja żżomm b'mod sħiħ il-prerogattivi tagħha fir-rigward ta' meta tieħu deċiżjonijiet dwar il-livelli ta' finanzjament tal-programmi kollha, inklużi dawk li ġew soġġetti għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-istituzzjonijiet, u jistieden lill-atturi kkonċernati kollha tiegħu jżommu l-fiduċja matul il-proċedura baġitarja tal-2019;

12.  Jibqa' impenjat fil-ġlieda kontra l-qgħad u b'mod partikolari kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jemmen f'dan ir-rigward li l-YEI għandha tkompli tissaħħaħ, u b'hekk tirrifletti l-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament tal-UE sabiex jinkiseb il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali, minkejja l-kumplessitajiet involuti fir-riprogrammazzjoni tal-programmi tal-YEI u tal-FSE fil-każ ta' modifiki għall-pakkett tal-YEI; jirrikonoxxi li l-qgħad fost iż-żgħażagħ ma ġiex indirizzat b'mod adegwat madwar l-UE billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu ogħla mil-livelli tal-2007; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-Istati Membri ma jissostitwixxux il-politiki u l-finanzjament proprji b'finanzjament tal-YEI fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, iżda jużawh biex jikkomplementahom; jenfasizza l-fatt li kemm it-taħriġ vokazzjonali kif ukoll l-apprendistati jikkostitwixxu prattiki effiċjenti biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jisħaq li l-mobilità permezz ta' ErasmusPro tistimula bil-qawwa l-valutazzjoni komparattiva għall-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki;

13.  Jenfasizza li fl-2019 il-programmi tal-politika ta' koeżjoni ser jilħqu ritmu normali, u jenfasizza l-impenn tal-Parlament biex jiġu żgurati approprjazzjonijiet adegwati għal dawn il-programmi; jilqa' l-fatt li kważi l-awtoritajiet maniġerjali kollha għall-programmi ta' bejn l-2014-2020 issa ġew innominati; jirrimarka li, fil-parti l-kbira tiegħu, id-dewmien inaċċettabbli fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali kien dovut għan-nominazzjoni tardiva ta' dawk l-awtoritajiet; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-programmi titħaffef sabiex jiġi rkuprat id-dewmien, u li jfittxu l-assistenza tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;

14.  Jieħu nota tar-rapporti dwar il-funzjonament tal-politika reġjonali u ta' koeżjoni fl-Unjoni u l-isfidi ekonomiċi li jiffaċċjaw ir-reġjuni li għadhom lura, li ripetutament jindikaw nuqqasijiet rigward l-effiċjenza u r-riżultati;

15.  Jieħu nota tal-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tagħmilha possibbli li tintlaħaq il-mira li 20 % tal-baġit fl-2019 ikun iddedikat għal infiq relatat mal-klima; jiddispjaċih, madankollu, li l-Kummissjoni ma segwietx it-talba tal-Parlament rigward it-tpaċija tal-allokazzjonijiet aktar baxxi li saru matul l-ewwel snin tal-QFP; iqis li din il-proposta mhix biżżejjed peress li b'kollox huma biss 19,3 % tal-baġit tal-UE 2014-2020 li ser jiġu ddedikati għal miżuri relatati mal-klima, li jwassal biex l-UE ma tilħaqx il-mira tagħha għall-integrazzjoni tal-klima ta' mill-inqas 20 % matul il-perjodu 2014-2020, anke jekk terġa' talloka 20 % biss tal-baġit għall-protezzjoni tal-klima fl-2020; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma kinitx kapaċi tippreżenta abbozz ta' baġits allinjati mal-impenji u l-miri stabbiliti mill-Unjoni f'dan il-qasam fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7-8 ta' Frar 2013; jemmen li għandu jsir sforz akbar permezz tal-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni fi ħdan il-programmi b'potenzjal enormi, pereżempju taħt l-Orizzont 2020, il-FNE, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) jew il-LIFE+, peress li dawn il-programmi jippermettu partikolarment l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli; ifakkar fil-kritika motivata tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-metodoloġija użata mill-Kummissjoni u f'dan id-dawl jappella għal titjib rapidu f'dan ir-rigward;

16.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li ttejjeb il-metodoloġija ta' traċċar tal-bijodiversità; ma jaqbilx, madankollu, mat-tnaqqis propost tal-kontribuzzjoni totali għall-protezzjoni tal-bijodiversità għal 8,2 %, li hija f'kuntrast mal-objettiv tat-twaqqif u t-treġġigħ tat-telf tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema sal-2020;

17.  Jemmen li l-iżgurar tas-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-indirizzar tal-isfidi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati għadhom tnejn mill-ogħla prijoritajiet tal-Unjoni fl-2019; iqis kruċjali li l-infiq f'dawn l-oqsma jinżamm f'livell li jkun adegwat biex jirrispondi għall-ħtiġijiet imqanqla mill-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati fil-kontinent Afrikan, b'mod partikolari fis-Saħel, kif ukoll pajjiżi tal-Levante u fil-baħar Mediterran; iqis li s-solidarjetà meħtieġa fost l-Istati Membri sabiex jimmaniġġjaw il-fluss ta' migrazzjoni, b'mod partikolari ladarba r-reviżjoni tar-Regolament ta' Dublin tiġi adottata, trid tiġi riflessa fil-baġit tal-UE; jinnota li l-abbozz ta' Baġit 2019 jintegra l-implikazzjonijiet baġitarji fil-proposta tal-Kummissjoni;

18.  Jenfasizza li diversi inizjattivi leġiżlattivi li qed jiġu nnegozjati jew jinsabu fl-istadji bikrin tal-implimentazzjoni, bħar-reviżjoni tar-Regolament ta' Dublin, l-istabbiliment tas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar, l-aġġornament tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u l-inizjattiva dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni huma mistennija li jkollhom implikazzjonijiet baġitarji sinifikanti għall-Baġit 2019, u jissottolinja l-importanza ta' finanzjament adegwat biex tintlaħaq l-ambizzjoni tal-Unjoni f'dawn l-oqsma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha fi djalogu miftuħ u proattiv mal-awtorità baġitarja dwar l-inizjattivi msemmijin hawn fuq, sabiex tkun tista' taġġusta l-approprjazzjonijiet, fejn meħtieġ u mingħajr preġudizzju, matul il-proċedura baġitarja annwali, l-eżitu tal-proċeduri leġiżlattivi li għaddejjin;

19.  Jiddispjaċih dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-finanzjament tat-tieni segment tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija; u l-ftehim sussegwenti li ntlaħaq bejn l-Istati Membri fil-Kunsill fid-29 ta' Ġunju 2018; jappoġġja t-tkomplija tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, iżda jsostni li, kif ġie propost ukoll mill-Kummissjoni fl-14 ta' Marzu 2018, il-baġit tal-UE għandu jagħti kontribuzzjoni bis-somma ta' EUR 1 biljun għall-finanzjament tiegħu, fejn l-Istati Membri jagħtu kontribuzzjoni ta' EUR 2 biljun permezz ta' kontribuzzjonijiet bilaterali, sabiex jitħallew biżżejjed marġnijiet taħt l-istrumenti speċjali tal-QFP għal avvenimenti mhux previsti fl-aħħar sentejn tal-QFP attwali, kif ukoll għall-finanzjament ta' prijoritajiet oħra; isostni wkoll li peress li l-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija kienet inizjattiva ġdida fi ħdan dan il-QFP, din għandha tiġi ffinanzjata minn approprjazzjonijiet ġodda; jiddispjaċih li, minkejja t-talba ċara tal-Parlament li jkun assoċjat bis-sħiħ fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet relatat mal-estensjoni tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, inter alia sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni tal-proċedura tal-istabbiliment tagħha, s'issa ma saru l-ebda negozjati dwar il-finanzjament tat-tieni segment tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija bejn il-Parlament u l-Kunsill; jinforma lill-Istati Membri li l-Parlament għandu kull dritt jaqdi r-rwol tiegħu bħala fergħa tal-awtorità baġitarja tal-Unjoni u li ser jagħmel dan, kif diġà tħabbar f'okkażjonijiet preċedenti;

20.  Jinnota li l-abbozz ta' baġit għall-2019 iħalli marġnijiet ferm limitati jew l-ebda marġni taħt il-limiti massimi tal-QFP fl-Intestaturi 1a, 1b, 3 u 4, konsegwenza tal-flessibbiltà limitata tal-QFP attwali f'termini ta' tweġiba għal sfidi ġodda u l-akkomodazzjoni ta' inizjattivi ġodda; jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jimmobilizza aktar id-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà taħt il-QFP rivedut bħala parti mill-proċess emendatorju;

21.  Jibqa' mħasseb dwar ir-rikostituzzjoni possibbli ta' akkumulu ta' kontijiet mhux imħallsa lejn tmiem il-perjodu attwali tal-QFP; jinnota ż-żieda moderata ta' 2,7 % fl-approprjazzjonijiet ta' pagament fuq il-baġit tal-2018, primarjament minħabba l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), il-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI) u l-FRT; jinnota l-marġni propost ta' EUR 19,3 biljun taħt il-livell massimu ta' pagamenti; jistieden lill-Kummissjoni tibqa' attenta għall-evoluzzjoni tal-pagamenti, sabiex tippermetti lill-awtorità baġitarja tieħu l-miżuri neċessarji biex tevita akkumulu anormali f'ħin xieraq; jinsab konvint li l-kredibbiltà tal-UE hija marbuta wkoll mal-kapaċità tagħha li tiżgura livell adegwat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit tal-UE sabiex tissodisfa l-impenji tagħha;

Subintestatura 1a – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

22.  Jinnota li, meta mqabbla ma' dik tal-2018, il-proposta tal-Kummissjoni għall-2019 tikkorrispondi għal żieda fl-impenji taħt is-Subintestatura 1a ta' +3,9 % għal EUR 22 860 miljun; jinnota li l-Orizzont 2020, il-FNE, Proġetti Kbar ta' Infrastruttura u l-Erasmus+ jikkorrispondu għal parti importanti minn din iż-żieda peress li l-approprjazzjonijiet ta' impenn tagħhom żdiedu bi 8,5 %, b'36,4 %, b'7,8% u b'10,4 % rispettivament; jissottolinja, madankollu, li dawn iż-żidiet fil-parti l-kbira tagħhom huma konformi mal-ipprogrammar finanzjarju u għaldaqstant ma jikkostitwixxux tisħiħ addizzjonali;

23.  Ifakkar li l-programmi relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni, bħal Orizzont 2020, huma essenzjali għall-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrifletti dan fi ħdan il-prijoritajiet tagħha; jitlob livell xieraq ta' finanzjament għal programmi relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni; jenfasizza li b'mod partikolari, l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji għandhom jiġu appoġġjati f'dan il-qasam;

24.  Ifakkar li inizjattivi ġodda fl-aħħar ftit snin, bħall-FEIS (I u II), Wifi4EU u lEDIDP, saru għad-detriment ta' diversi programmi taħt is-Subintestatura 1a, li ġew affettwati b'mod serju mir-riallokazzjonijiet, primarjament l-Orizzont 2020, il-FNE, Galileo, l-ITER, Copernicus u s-servizz Ewropew ta' navigazzjoni b'kopertura ġeostazzjonarja (EGNOS);

25.  Jenfasizza li l-programm Erasmus+ għadu l-programm ewlieni li jrawwem il-mobilità taż-żgħażagħ fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali u jħeġġeġ liż-żgħażagħ jieħdu sehem fid-demokrazija Ewropea; ifakkar li jeħtieġu jsiru sforzi amministrattivi sabiex jiżdied l-aċċess għall-Erasmus+ u li l-volum ta' applikazzjonijiet eliġibbli jaqbeż bil-bosta l-baġit attwali; jemmen, għalhekk, li l-pakkett tal-Erasmus+ għandu jkun jista' jissodisfa d-domanda eliġibbli għal dan il-programm, b'mod partikolari dik marbuta mat-tagħlim tul il-ħajja;

26.  Jinnota bi tħassib id-diskussjonijiet dwar il-finanzjament tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (ESC), li kkonferma l-biża' tal-Parlament li inizjattivi ġodda jsiru għad-detriment ta' programmi eżistenti li jaħdmu tajjeb; jinnota wkoll bi tħassib il-preċedent stabbilit mill-eżitu tal-proċedura ta' trilogu, li tonqos milli tipprovdi ċarezza dwar is-sorsi ta' finanzjament tal-inizjattiva, u li tħalli f'idejn il-proċedura baġitarja annwali biex tagħti aktar kjarifiki; jistenna li l-Kummissjoni timplimenta l-ftehim b'mod li jirrifletti għalkollox id-diskussjonijiet fit-trilogu u l-ispirtu tal-ftehim;

27.  Jilqa' l-fatt li l-ftehim li ntlaħaq dwar il-finanzjament tal-EDIDP jipprevedi tnaqqis ħafna aktar baxx għall-programmi tas-Subintestatura 1a minn dak li ġie propost fil-bidu mill-Kummissjoni; jinsab, madankollu, imħasseb li l-Kunsill jidher li jitfa' aktar enfasi fuq il-fatt li jinżammu l-marġnijiet aktar milli jingħata biżżejjed finanzjament għal dawk li huwa stess jidentifika bħala prijoritajiet għoljin;

28.  Jilqa' l-allokazzjoni ta' EUR 500 miljun lill-EDIDP għall-2019 u l-2020; jinnota li, skont l-estimi tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, in-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-industriji nazzjonali f'dan il-qasam jiswa lill-UE EUR 10 biljun fis-sena; iqis li d-difiża hija eżempju ċar ta' kif tista' tinkiseb effikaċja ikbar billi jiġu trasferiti ċerti kompetenzi u azzjonijiet attwalment imwettqa mill-Istati Membri u l-approprjazzjonijiet korrispondenti lill-UE; jenfasizza li dan iwassal għal dimostrazzjoni tal-valur miżjud Ewropew u jagħmilha possibbli li jiġi limitat il-piż ġenerali tan-nefqa pubblika fl-UE;

29.  Jilqa' l-proposta għall-ħolqien tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, li ser tippromwovi l-aħħar infrastruttura tad-data u tal-computing ta' prestazzjoni għolja u tappoġġja l-iżvilupp tat-teknoloġiji tagħha u l-applikazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma, għall-benefiċċju tax-xjenzati, l-industrija u s-settur pubbliku;

Subintestatura 1b – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

30.  Jinnota li l-approprazzjonijiet ta' impenn totali għas-Subintestatura 1b jammontaw għal EUR 57 113,4 miljun, li jirrappreżentaw żieda ta' 2,8 % meta mqabbla mal-baġit tal-2018; jinnota wkoll li l-ammont propost ta' EUR 47 050,8 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament huwa 1,1 % ogħla milli fl-2018;

31.  Jilqa' l-fatt li l-implimentazzjoni tal-programmi tal-2014-2020 qiegħda tilħaq il-veloċità massima, u jtenni li kwalunkwe akkumulazzjoni "anormali" ta' kontijiet mhux imħallsa trid tiġi evitata fil-ġejjieni; jilqa' wkoll il-fatt li l-maġġoranza kbira tal-awtoritajiet maniġerjali nazzjonali issa ġew innominati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsolvu kwalunkwe kwistjoni pendenti sabiex l-implimentazzjoni tkompli mingħajr xkiel;

32.  Ifakkar li, bħala riżultat ta' previżjonijiet riveduti mill-Istati Membri, il-Baġit Emendatorju 6/2017 naqqas l-approprjazzjonijiet ta' pagament taħt is-Subintestatura 1b b'EUR 5,9 biljun; jittama sinċerament li kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-Kummissjoni tejbu l-estimi tagħhom tal-ħtiġijiet ta' pagament fil-Baġit 2019 u li l-livell propost ta' approprjazzjonijiet ta' pagament jiġi eżegwit kompletament;

33.  Jissottolinja li fi żminijiet ta' żvilupp teknoloġiku rapidu – inkluż f'oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali (IA) – il-firda bejn ir-reġjuni li qed jiżviluppaw b'rata mgħaġġla u dawk li għadhom lura, tista' titwessa' jekk l-impatt tal-Fondi Strutturali ma jissaħħaħx permezz tal-kundizzjonalitajiet ta' effiċjenza;

34.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi ffinanzjata t-tkomplija tal-YEI, kif ukoll il-mobilizzazzjoni proposta ta' EUR 233,3 miljun mill-Marġni Globali għall-impenji; ifakkar li kwalunkwe żieda fl-allokazzjoni speċifika għall-YEI għandha titqabbel mal-ammonti korrispondenti mill-FSE; ifakkar fl-impenn li ħadet il-Kummissjoni fil-konċiljazzjoni fuq il-baġit tal-2018 biex tippreżenta b'mod rapidu r-reviżjoni tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni sabiex tiġi inkluża ż-żieda tal-2018 għall-YEI; jissottolinja li l-Kummissjoni ma laħqitx l-impenn tagħha, u jitlobha tispjega fid-dettall ir-raġunijiet għad-dewmien fil-preżentazzjoni tar-reviżjoni tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

35.  Jimpenja ruħu li jadotta leġiżlazzjoni ġdida fir-rigward tal-YEI u tal-FSE malajr sabiex tiġi ffaċilitata żieda ambizzjuża fl-approprjazzjonijiet tal-YEI fl-2019 mingħajr ma jiddgħajfu l-programmi l-oħra diġà stabbiliti fl-Istati Membri skont il-FSE, potenzjalment billi l-Istati Membri jiġu eżentati mill-obbligu tagħhom li jiddedikaw finanzjament ekwivalenti għall-approprjazzjonijiet tal-FSE għall-impjiegi taż-żgħażagħ, bil-kundizzjoni stretta li l-modifiki proposti la jippermettu li l-Istati Membri jkunu skużati mill-impenji finanzjarji li jkunu diġà ħadu f'dan il-qasam, u lanqas ma jimplikaw tnaqqis f'termini ġenerali tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-UE ddedikati għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

Intestatura 2 – Tkabbir sostenibbli: ir-riżorsi naturali

36.  Jieħu nota tad-EUR 59 991,1 miljun f'impenji (+1,2 % meta mqabbla mal-2018) u EUR 57 790,4 miljun f'pagamenti (3 %) proposti għall-Intestatura 2; jinnota li n-nefqa tal-FAEG għall-2019 hija stmata għal EUR 44 162,5 miljun, li huwa inqas milli fil-baġit tal-2018 (b'EUR -547,9 miljun);

37.  Jinnota li l-Kummissjoni ħalliet marġni ta' EUR 344,9 miljun taħt il-livell massimu tal-Intestatura 2; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ż-żieda fil-volatilità tas-swieq agrikoli, bħal dik li ġiet esperjenzata bil-projbizzjoni tar-Russja, tista' tiġġustifika rikors għal dan il-marġni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-marġni li jitħalla taħt il-limiti massimi huwa biżżejjed biex tiġi indirizzata kwalunkwe kriżi li tista' tinqala';

38.  Jinnota li xi miżuri relatati mal-projbizzjoni Russa u inklużi fil-baġit tal-2018 mhux ser jiġu estiżi (pereżempju, għall-frott u l-ħaxix fejn is-sitwazzjoni tas-suq tkun għadha waħda diffiċli), filwaqt li għadhom jeżistu d-diffikultajiet fis-suq fis-settur tal-ħalib; jistenna l-ittra emendatorja tal-Kummissjoni, mistennija f'Ottubru, li għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni aġġornata tal-finanzjament tal-FAEG biex jiġu vverifikati l-ħtiġijiet reali fis-settur agrikolu; jissottolinja li l-każijiet fejn huwa meħtieġ intervent fis-suq taħt il-FAEG jibqgħu limitati u jirrappreżentaw parti relattivament żgħira biss tal-FAEG (madwar 5,9 %);

39.  Jenfasizza li parti mis-soluzzjoni għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ tinsab fl-għoti ta' appoġġ b'mod adegwat liż-żgħażagħ f'żoni rurali; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma pproponietx li tiżdied il-linja baġitarja għall-bdiewa żgħażagħ;

40.  Jissottolinja li l-implimentazzjoni tal-FEMS qed titħaffef u għandha tilħaq ritmu normali fl-2019, wara ritmu kajman fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni; jilqa' ż-żieda fl-impenji għall-programm LIFE+ (+6 %), f'konformità mal-ipprogrammar finanzjarju; jinnota li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) ser terfa' aktar responsabbiltajiet fil-perjodu 2019-2020 għall-monitoraġġ u r-rapportar ambjentali, kif ukoll għall-verifika tal-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi tqal;

Intestatura 3 – Sigurtà u Ċittadinanza

41.  Jinnota li għall-Intestatura 3 qed jiġi propost total ta' EUR 3 728,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn, li jirrappreżenta żieda ta' 6,7 % meta mqabbel mal-2018, u li t-total għall-approprjazzjonijiet ta' pagament huwa EUR 3 486,4 miljun, jiġifieri żieda ta' 17 % meta mqabbel mal-proposti tas-sena li għaddiet; jissottolinja, madankollu, li dawn iż-żidiet isegwu snin ta' livelli ta' finanzjament dejjem jonqsu u li l-finanzjament globali għal oqsma ewlenin differenti, bħall-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri jew is-sigurtà interna, xorta jirrappreżenta 2,3 % biss tal-infiq totali propost tal-UE fl-2019; iqajjem dubji dwar il-proposta ta' EUR 281,2 miljun f'impenji għas-sostenn għall-migrazzjoni legali lejn l-Unjoni u l-promozzjoni tal-integrazzjoni effikaċi taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u t-tisħiħ ta' strateġiji ġusti u effikaċi tar-ritorn, ammont li jirrappreżenta tnaqqis ta' 14,4 % matul l-2018; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għal dan it-tnaqqis;

42.  Jinnota li, għar-raba' sena konsekuttiva, il-marġnijiet kollha taħt il-livell massimu tal-Intestatura 3 huma eżawriti, li juri li fis-sitwazzjoni attwali, il-baġit tal-UE mhuwiex mgħammar biżżejjed biex jindirizza l-iskala u l-profondità tal-isfidi preżenti tal-migrazzjoni u tas-sigurtà li qed tiffaċċja l-Unjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, il-mobilizzazzjoni proposta tal-Istrument ta' Flessibbiltà għal ammont ta' EUR 927,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn;

43.  Jistenna li l-pressjoni fuq is-sistemi tal-migrazzjoni u tal-asil ta' xi Stati Membri, kif ukoll fuq il-fruntieri tagħhom, tibqa' qawwija fl-2019, u jħeġġeġ lill-Unjoni tibqa' attenta rigward kwalunkwe ħtieġa futura u imprevedibbli f'dawn l-oqsma; jitlob f'dan ir-rigward li jissaħħu l-mezzi ta' kontroll fil-fruntieri esterni, u f'dan il-kuntest jitlob li l-aġenziji tal-UE li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet jingħataw finanzjament adegwat u biżżejjed persunal, u jafferma mill-ġdid li l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati jirrappreżenta soluzzjoni sostenibbli fuq perjodu ta' żmien twil, flimkien mal-istabbilizzazzjoni fil-viċinat tal-UE, u li investimenti fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti u tar-rifuġjati huma essenzjali sabiex jintlaħaq dan l-objettiv;

44.  Jilqa' t-talba tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018 biex tissaħħaħ aktar il-Frontex biż-żieda ta' riżorsi u b'mandat imsaħħaħ; jitlob aktar informazzjoni dwar kemm mill-persunal se jkun mibgħut mill-Istati Membri u kemm mill-persunal se jkun direttament meħtieġ mill-Aġenzija stess; jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-abbozz ta' baġit tagħha skont l-ittra emendatorja tal-Ħarifa; jilqa’ wkoll l-EUR 45,6 miljun addizzjonali mogħtija sabiex jappoġġjaw lill-Greċja u lil Spanja fil-ġestjoni tagħhom tal-fluss ta’ migranti li jaslu fit-territorju tagħhom; jenfasizza li kontroll fil-fruntiera effettiv għandu jiġi akkumpanjat minn kura adegwata ta’ migranti li qed jaslu;

45.  Jinnota li l-istrument li jippermetti l-għoti ta' appoġġ umanitarju ta' emerġenza fi ħdan l-Unjoni ser jiskadi f'Marzu 2019; jistieden lill-Kummissjoni, fl-isfond tal-ħtiġijiet umanitarji persistenti tar-rifuġjati u tal-persuni li jfittxu l-asil f'ċerti Stati Membri, biex tivvaluta jekk riattivazzjoni jew rikostituzzjoni tal-istrument tkunx xierqa; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar solidarjetà lejn dawk il-pajjiżi fejn huma kkonċentrati l-wasliet u l-persuni li jfittxu asil; jissottolinja, sadanittant, l-importanza tad-disponibbiltà kontinwa tal-finanzjament permezz tal-mekkaniżmi ta' assistenza ta' emerġenza taħt il-Fond għall-Asil, l-AMIF, partikolarment għall-appoġġ kontinwu lill-Greċja; iqis li l-appoġġ finanzjarju għandu jingħata wkoll lill-Italja; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiddikjara r-raġunijiet li wassluha biex ma tipproponix dan; ifakkar li l-Italja hija l-uniku Stat Membru fejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni tqis li ma bbenefikatx mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea; jiddispjaċih għat-tnaqqis qawwi f'approprjazzjonijiet ta' impenn għat-tieni komponent tal-AMIF: "Sostenn għal migrazzjoni legali lejn l-Unjoni u l-promozzjoni tal-integrazzjoni effikaċi tan-nazzjonali ta' pajjiżi terzi u t-tisħiħ ta' strateġiji ġusti u effikaċi tar-ritorn";

46.  Jemmen li fil-kuntest ta' firxa wiesgħa ta' tħassib ta' sigurtà, inklużi forom li dejjem jinbidlu ta' radikalizzazzjoni, ċiberkriminalità, vjolenza u terroriżmu li jaqbżu l-kapaċità tal-Istati Membri individwali li jirrispondu, il-baġit tal-UE għandu jħeġġeġ kooperazzjoni fuq kwistjonijiet relatati mas-sigurtà bl-għajnuna ta' aġenziji stabbiliti tal-UE; għandu dubji f'dan ir-rigward, kif dan il-kuntest ta' sigurtà ta' riskju kbir huwa rikonċiljabbli mat-tnaqqis sinifikanti ta' approprjazzjonijiet ta' impenn (-26,6 %) propost għall-FSI; jenfasizza li l-infiq f'dan il-qasam ikun effiċjenti biss meta jitneħħew l-ostakli għal kooperazzjoni intra-Ewropea u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni mmirata filwaqt li tiġi applikata bis-sħiħ kull protezzjoni tad-data rilevanti f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE; jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx proposta li tipprevedi l-espressjoni ta' solidarjetà finanzjarja fil-livell tal-UE mal-vittmi ta' atti terroristiċi u ma' qrabathom, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dak li hu meħtieġ sabiex tiżgura li din l-għajnuna tiġi stabbilita b'mod rapidu;

47.  Jinnota r-reviżjoni proposta tal-bażi ġuridika tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili li, ladarba tiġi adottata, hija mistennija li jkollha impatt baġitarju kbir fl-aħħar sentejn tal-QFP attwali, fejn EUR 256,9 miljun għandhom jitħallsu mill-Intestatura 3 biss; jinsisti li huwa biss loġiku li dan l-aġġornament sinifikanti ta' politika ewlenija tal-Unjoni għandu jiġi ffinanzjat permezz ta' mezzi ġodda u addizzjonali; iwissi kontra l-użu ta' riallokazzjonijiet, li huwa ċar li jsiru għad-detriment ta' politiki u programmi oħra siewja u li jaħdmu tajjeb;

48.  Jikkonferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tal-Parlament għal programmi tal-Unjoni fl-oqsma tal-kultura, il-ġustizzja, id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza; jilqa' ż-żieda proposta għall-Programm Ewropa Kreattiva; jinsisti, barra minn hekk, fuq finanzjament suffiċjenti għall-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" u l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, b'mod partikolari fiż-żmien ta' qabel l-elezzjonijiet Ewropej;

49.  Ifakkar fl-appoġġ tal-Parlament għall-programmi dwar id-drittijiet, l-ugwaljanza, iċ-ċittadinanza u l-ġustizzja; jissottolinja li l-UE jeħtiġilha żżomm l-impenn tagħha li ssaħħaħ id-drittijiet tan-nisa u tal-LGBTI;

50.  Jilqa' ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-programm Ikel u Għalf, li għandu jippermetti lill-Unjoni tiġġestixxi b'mod effikaċi kwalunkwe tifqigħa serja ta' mard tal-annimali u insetti li jeqirdu l-pjanti, inkluża l-aħħar epidemija tal-influwenza tat-tjur li laqtet lil diversi Stati Membri f'dawn l-aħħar snin;

51.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi finanzjament għall-baġit adegwat biex tqawwi l-prominenza tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2019 u biex tkabbar l-effikaċja tal-kopertura tal-elezzjonijiet mill-midja, partikolarment bil-għan li tippromwovi l-għarfien dwar "l-iSpitzenkandidaten", il-kandidati għall-presidenza tal-Kummissjoni;

Intestatura 4 – Ewropa Globali

52.  Jieħu nota taż-żieda globali tal-finanzjament propost għall-Intestatura 4, li tammonta għal EUR 11 384,2 miljun (+13,1 % meta mqabbel mal-baġit tal-2018) f'approprjazzjonijiet ta' impenn; jinnota li din iż-żieda hija marbuta primarjament mal-finanzjament tat-tieni segment tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, li għalih il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi mobilizzat il-Marġni Globali għall-impenji (EUR 1 116,2 miljun); jinnota li din il-proposta tirriżulta f'nuqqas ta' marġni taħt il-livell massimu tal-Intestatura 4;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu kontribuzzjonijiet ogħla għall-Fond Fiduċjarju għall-Afrika, il-Fond "Madad", u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli sabiex jappoġġjaw l-istabbilizzazzjoni fir-reġjuni fi kriżi, jagħtu l-għajnuna lir-rifuġjati, u jrawmu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku fil-kontinent Afrikan u fil-pajjiżi tal-viċinat tal-Ewropa;

54.  Jibqa' konvint li l-isfidi li l-azzjoni esterna tal-UE qed tiffaċċja jitolbu finanzjament għal tul ta' żmien li jaqbeż id-daqs attwali tal-Intestatura 4; isostni li inizjattivi ġodda għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda u li l-għażliet kollha ta' flessibbiltà għandhom jintużaw b'mod sħiħ; jopponi, madankollu, il-finanzjament propost tal-estensjoni tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, u l-ftehim li ntlaħaq fil-Kunsill fid-29 ta' Ġunju 2018, għaliex dawn jillimitaw b'mod sostanzjali kemm il-possibbiltajiet ta' finanzjament ta' oqsma ta' prijorità oħra fi ħdan l-Intestatura 4 kif ukoll ir-rwol strumentali tal-baġit tal-UE li jilħaq lin-nies fil-bżonn u jippromwovi l-valuri fundamentali;

55.  Jilqa' ż-żidiet maħsuba għal proġetti relatati mal-migrazzjoni relatati mar-Rotta tal-Mediterran Ċentrali, kif ukoll iż-żieda moderata għall-komponent tal-Lvant tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) u r-riallokazzjoni tal-prijoritajiet taħt l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) għal-Lvant Nofsani; jappella għall-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji suffiċjenti lill-UNRWA, sabiex jiġi żgurat appoġġ kontinwu lir-rifuġjati Palestinjani fir-reġjun, fid-dawl tad-deċiżjoni reċenti tal-Istati Uniti li jirtiraw il-kontribuzzjoni tagħhom għall-aġenzija;

56.  Jilqa' ż-żieda fl-appoġġ għall-azzjonijiet reġjonali fil-Balkani tal-Punent; huwa, madankollu, tal-opinjoni li l-appoġġ għar-riformi politiċi għandu jkompli jiżdied; jiddispjaċih għaż-żieda fl-appoġġ għal riformi politiċi fit-Turkija (IPA II) u jqajjem id-dubji tiegħu dwar l-allinjament tagħha mad-deċiżjoni tal-awtorità baġitarja biex jitnaqqsu l-approprjazzjonijiet fuq din il-linja għas-sena baġitarja attwali; itenni l-pożizzjoni tiegħu li fiha talab li l-fondi destinati għall-awtoritajiet Torok taħt IPA II isiru jiddependu mit-titjib fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; jitlob li, jekk ma jsir ebda progress f'dawn l-oqsma u filwaqt li nkunu konxji mill-ispazju limitat għal manuvrar, l-approprjazzjonijiet fuq din il-linja jingħaddu b'mod predominanti lill-atturi tas-soċjetà ċivili bl-għan li jiġu implimentati miżuri li jappoġġjaw l-għanijiet relatati mal-istat tad-dritt, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jappoġġja t-tendenza ġenerali ta' tnaqqis għal riformi politiċi fl-allokazzjonijiet għat-Turkija;

57.  Jissottolinja ż-żieda notevoli fl-ammont li għandu jiġi previst fil-Baġit 2019 għall-Fond ta' Garanzija għal azzjonijiet esterni mmaniġġjati mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), kif ukoll it-tnaqqis sostanzjali tal-ammont maħsub ta' għotjiet ta' assistenza mikrofinanzjarja, minħabba ammont aktar baxx ta' self pendenti tal-BEI minn dak li ġie stmat qabel, kif ukoll għal żborż aktar baxx ta' self ta' assistenza mikrofinanzjarja meta mqabbel mal-aħħar ipprogrammar finanzjarju;

58.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-wegħdiet li għamlet l-UE fil-konferenzi ta' Brussell dwar is-Sirja, li jikkonfermaw dawk li saru qabel; jaqbel mat-tisħiħ tal-ENI u tal-għajnuna umanitarja b'EUR 120 miljun kull wieħed sabiex din il-wegħda tiġi ssodisfata fl-2019;

59.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji adegwati għall-komunikazzjoni strateġika tal-UE bil-għan li jindirizzaw kampanji ta' diżinformazzjoni u ċiberattakki, kif ukoll il-promozzjoni ta' immaġni oġġettiva tal-Unjoni barra mill-fruntieri tagħha;

Intestatura 5 - Amministrazzjoni

60.  Jinnota li n-nefqa fl-Intestatura 5 żdiedet bi 3,0 % meta mqabbla mal-Baġit 2018, sa EUR 9 956,9 miljun (+EUR 291,4 miljun) f'approprjazzjonijiet ta' impenn; jinnota li, bħalma ġara fl-eżerċizzju baġitarju preċedenti, iż-żieda hija xprunata l-aktar mill-evoluzzjoni tal-pensjonijiet (+EUR 116,7 miljun), li jirrappreżentaw 20,2 % tan-nefqa tal-Intestatura 5; josserva li s-sehem tan-nefqa fuq l-amministrazzjoni fl-abbozz tal-baġit jibqa' l-istess f'livell ta' 6,0 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn;

61.  Jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex jiġu integrati l-possibbiltajiet kollha għat-tfaddil u għar-razzjonalizzazzjonijiet f'infiq mhux relatat mas-salarji għall-baġit tagħha stess; jinnota li l-evoluzzjoni tan-nefqa tal-Kummissjoni (+ 2,0 %) fil-parti l-kbira hija dovuta għall-adattament awtomatiku ta' nfiq relatat mas-salarji u impenji kuntrattwali; jinnota wkoll ir-riallokazzjoni interna tal-persunal tal-Kummissjoni biex jiġu ssodisfati l-prijoritajiet ġodda tagħha;

62.  Jinnota li l-marġni effettiv huwa ta' EUR 575,2 miljun taħt il-livell massimu wara l-kumpens ta' EUR 253,9 miljun għall-użu tal-marġni ta' kontinġenza mobilizzat fl-2018; jikkunsidra l-marġni bħala importanti f'termini nominali, u jemmen li dan jirrifletti l-isforzi li saru mill-Kummissjoni, b'mod partikolari biex titwaqqaf l-evoluzzjoni ta' nfiq relatat mas-salarji; jemmen li sforz addizzjonali biex tiġi stabbilizzata jew titnaqqas in-nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni jista' jwassal għall-posponiment ta' investimenti importanti jew jipperikolaw il-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni;

Proġetti pilota - azzjonijiet preparatorji

63.  Jenfasizza l-importanza ta' proġetti pilota (PP) u azzjonijiet preparatorji (AP) bħala għodod għall-formulazzjoni ta' prijoritajiet politiċi u l-introduzzjoni ta' inizjattivi ġodda li jistgħu jinbidlu f'attivitajiet u programmi permanenti tal-UE; beħsiebu jipproċedi bl-identifikazzjoni ta' pakkett ibbilanċjat ta' PP-AP li jirrifletti l-prijoritajiet politiċi tal-Parlament u jieħu kont ta' prevalutazzjoni xierqa u f'waqtha mill-Kummissjoni; jinnota li fil-proposta attwali, il-marġni f'xi intestaturi huwa limitat, jew saħansitra ineżistenti, u beħsiebu jesplora modi biex jinħoloq spazju għal PP-AP b'mod li ma jkunux ta' ħsara għall-prijoritajiet politiċi oħrajn;

L-Aġenziji

64.  Jinnota ż-żieda globali fl-abbozz tal-baġit għall-2019 fl-allokazzjonijiet għall-aġenziji deċentralizzati ta' +10,8 % (mingħajr ma jitqies id-dħul assenjat) u +259 kariga; jilqa' l-fatt li għall-maġġoranza tal-aġenziji l-baġit tagħhom stess jiżdied filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-UE tonqos; jinnota f'dan ir-rigward li l-Parlament bħalissa qiegħed jesplora l-possibbiltajiet biex ikompli jestendi l-finanzjament tal-ispejjeż tal-aġenziji deċentralizzati; jinnota b'sodisfazzjon li l-aġenziji b'"kompiti ġodda" (l-ESMA, l-EU-LISA u FRONTEX) ingħataw żieda sinifikanti fl-approprjazzjonijiet u fil-persunal tal-pjan ta' stabbiliment; jappella għal aktar appoġġ finanzjarju għall-aġenziji li qegħdin jiffaċċjaw sfidi tal-migrazzjoni u tas-sigurtà; jemmen li l-Europol u l-Eurojust għandhom jissaħħu aktar u li l-EASO għandu jirċievi finanzjament adegwat għat-trasformazzjoni tiegħu fl-Aġenzija Ewropea għall-Asil;

65.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-mira tat-tnaqqis ta' 5 % tal-persunal intlaħqet b'suċċess u jissottolinja li fid-dawl tar-rieżami tal-kawża rapida tal-Qorti tal-Awdituri, din il-prattika mhux neċessarjament kisbet ir-riżultati mistennija; jemmen li l-aġenziji deċentralizzati għandhom jiġu vvalutati permezz ta' approċċ każ b'każ; jilqa' l-approvazzjoni mill-istituzzjonijiet kollha tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali;

66.  Jilqa' l-ħolqien ta' żewġ korpi ġodda tal-UE biex jiġu kkunsidrati bħala aġenziji deċentralizzati, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) rispettivament; jinnota li l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għall-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tqiegħdu f'riżerva sakemm tiġi finalizzata l-proċedura leġiżlattiva; jinnota li l-UPPE għandu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu, u jitolbu jissottometti l-informazzjoni kollha dwar il-politika tal-bini tiegħu liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja skont ir-Regolament Finanzjarju; jikkunsidra li jridu jinħolqu aġenziji ġodda billi jiġu allokati riżorsi u postijiet ġodda, filwaqt li jiġi evitat kull tip ta' riallokazzjoni sakemm ma jintweriex b'mod ċar li ċerti attivitajiet jiġu ttrasferiti b'mod sħiħ mill-Kummissjoni jew minn korpi eżistenti oħra, bħall-Eurojust, lill-aġenziji l-ġodda; jinnota li l-Eurojust għadha kompetenti biex tindirizza każijiet PIF, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UPPE, filwaqt li hija kompletament involuta fl-iżgurar ta' appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti; ifakkar fid-dispożizzjonijiet stipulati fl-Approċċ Komuni għal aġenziji deċentralizzati li jkunu għadhom kif ġew maħluqa;

67.  Jistenna li n-negozjati dwar il-Baġit 2019 ikunu bbażati fuq il-prinċipju li ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jimpenjaw ruħhom biex jibdew in-negozjati fl-aktar stadju bikri possibbli u li jiġi kompletament sfruttat iż-żmien kollu ta' konċiljazzjoni, filwaqt li jiġi pprovdut livell ta' rappreżentanza li jiżgura djalogu politiku ġenwin;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU L 163, 24.6.2017, p. 1.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0089.


ANNESS

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR ID-DATI GĦALL-PROĊEDURA BAĠITARJA U MODALITAJIET GĦALL-FUNZJONAMENT TAL-KUMITAT TA' KONĊILJAZZJONI FL-2018

A.  F'konformità mal-Parti A tal-anness għall-ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu dwar id-dati ewlenin li ġejjin għall-proċedura baġitarja tal-2019:

1.  Il-Kummissjoni ser tagħmel ħilitha biex tippreżenta Dikjarazzjoni tal-Estimi għall-2019 sa tmiem Mejju;

2.  Ser jissejjaħ trilogu fit-12 ta' Lulju filgħodu, qabel l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Il-Kunsill ser jagħmel ħiltu biex jadotta l-pożizzjoni tiegħu u jgħaddiha lill-Parlament Ewropew sas-37 ġimgħa (it-tielet ġimgħa ta' Settembru), sabiex jiġi ffaċilitat ftehim f'waqtu mal-Parlament Ewropew;

4.  Il-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament Ewropew ser jagħmel ħiltu biex jivvota dwar l-emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill sa mhux aktar tard minn tmiem il-41 ġimgħa (f'nofs Ottubru);

5.  Ser jissejjaħ trilogu fit-18 ta' Ottubru filgħodu, qabel il-qari tal-Parlament Ewropew;

6.  Il-Plenarja tal-Parlament Ewropew ser tivvota dwar il-qari tagħha fit-43 ġimgħa (Sessjoni plenarja tat-22-25 ta' Ottubru);

7.  Il-perjodu ta' Konċiljazzjoni ser jibda fit-30 ta' Ottubru. B'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 314(4)(c) tat-TFUE, iż-żmien disponibbli għall-konċiljazzjoni ser jiskadi fid-19 ta' Novembru 2018;

8.  Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ser jiltaqa' fis-7 ta' Novembru filgħodu, ospitat mill-Parlament Ewropew, u fis-16 ta' Novembru, ospitat mill-Kunsill u jista' jerġa' jibda kif xieraq; is-sessjonijiet tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ser jitħejjew permezz ta' trilogu(i). Huwa skedat trilogu fis-7 ta' Novembru filgħodu. Jista' jissejjaħ trilogu(i) addizzjonali matul il-perjodu ta' konċiljazzjoni ta' 21 jum, inkluż possibbilment fl-14 ta' Novembru (Strasburgu).

B.  Il-modalitajiet għall-funzjonament tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jinsabu fil-Parti E tal-anness għall-ftehim interistituzzjonali msemmi hawn fuq.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza