Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar l-effetti negattivi tal-Att tal-Istati Uniti dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (FATCA) fuq iċ-ċittadini tal-UE, u b'mod partikolari fuq l-"Amerikani aċċidentali" (2018/2646(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 7, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 u l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u tħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni(3),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2016 dwar it-trasparenza fiskali,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 dwar miżuri ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (COM(2016)0451),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar rakkomandazzjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(5),
– wara li kkunsidra l-Istandard Komuni ta' Rappurtar tal-OECD (CRS), approvat mill-Kunsill tal-OECD fil-15 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-effett negattiv tal-FATCA fuq iċ-ċittadini tal-UE u b'mod partikolari fuq l-"Amerikani aċċidentali" (O-000052/2018 – B8-0033/2018 u O-000053/2018 – B8-0032/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva petizzjoni minn grupp ta' ċittadini Ewropej li qajmu tħassib dwar l-effetti negattivi tal-FATCA, il-ftehimiet intergovernattivi ta' implimentazzjoni tiegħu u l-impatt extraterritorjali tat-tassazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza;
B. billi minn meta daħlu fis-seħħ il-FATCA u l-ftehimiet intergovernattivi relatati konklużi bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti, l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE, taħt it-theddida ta' penali li jeqirdu l-frankiġja fl-Istati Uniti, inkluża taxxa minn ras il-għajn ta' 30 %, issa għandhom jiżvelaw informazzjoni dettaljata dwar kontijiet miżmuma minn preżunti "persuni mill-Istati Uniti" lis-Servizz ta' Dħul Intern tal-Istati Uniti (IRS), permezz tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom; billi dan jista' jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali;
C. billi l-għan tal-FATCA huwa li jipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa minn persuni mill-Istati Uniti u billi dan jirrikjedi istituzzjonijiet finanzjarji barranin li jfittxu lil "persuni mill-Istati Uniti" billi jħarsu lejn għadd ta' indikaturi, bħall-post tat-twelid fl-Istati Uniti, in-numru tat-telefon tal-Istati Uniti u indikazzjonijiet ta' prokura fuq il-kont lil persuna b'indirizz fl-Istati Uniti, li abbażi ta' dawn, l-individwu huwa rikjest jagħti prova li mhuwiex "persuna mill-Istati Uniti";
D. billi dan l-użu ta' indikaturi, infurzat mill-FATCA, jista' jirriżulta f'esponiment arbitrarju u piena ta' individwi li fir-realtà jista'/jaf ma jkollhom l-ebda rabta sostantiva mal-Istati Uniti; billi l-FATCA, fil-prattika, jinkludi grupp kbir ta' individwi, bħal pereżempju persuni b'ċittadinanza doppja UE‑Stati Uniti u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex Amerikani u, b'mod partikolari, l-hekk imsejħa "Amerikani aċċidentali" li b'aċċident tat-twelid ikunu wirtu ċ-ċittadinanza tal-Istati Uniti, iżda li ma jżommu l-ebda rabta mal-Istati Uniti, peress li qatt ma jkunu għexu, ħadmu jew studjaw fl-Istati Uniti u li ma jkollhomx numri tas-sigurtà soċjali tal-Istati Uniti;
E. billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-FATCA u l-ftehimiet intergovernattivi relatati kellhom l-effett mhux intenzjonali li jostakolaw l-aċċess għal servizzi finanzjarji fl-UE ta' ċittadini tal-Istati Uniti u ta' kwalunkwe persuna li tippreżenta indizji li jissuġġerixxu li tista' tkun soġġetta għall-FATCA ("persuna mill-Istati Uniti");
F. billi l-ħajja u l-għajxien ta' eluf ta' ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom fl-UE li jobdu l-liġi qed jiġu ta' kuljum affettwati b'mod serju mill-FATCA, billi dawk li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' "persuni mill-Istati Uniti" qed ikollhom il-kontijiet ta' tfaddil tagħhom iffriżati, u qed jiġu mċaħħda aċċess għas-servizzi bankarji kollha li jinkludu l-assikurazzjoni fuq il-ħajja, il-pensjonijiet u l-ipoteki minħabba nuqqas ta' rieda min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jsegwu rappurtar tal-FATCA li jiswa ħafna flus; billi, barra minn hekk, id-data personali tal-membri tal-familja tagħhom fl-UE qed tiġi kondiviża mal-Istati Uniti u l-aċċess tagħhom għal servizzi bankarji tal-UE qed jiġi ostakolat (eż. kontijiet konġunti u/jew ipoteki);
G. billi l-"Amerikani aċċidentali" li ma jridux jiġu affettwati mill-FATCA huma obbligati jirrinunzjaw b'mod formali ċ-ċittadinanza Amerikana tagħhom, u r-rinunzja hija proċess li għalih huwa meħtieġ numru tas-sigurtà soċjali tal-Istati Uniti jew numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa internazzjonali tal-Istati Uniti, li, fost l-oħrajn, ħafna mill-"Amerikani aċċidentali" m'għandhomx;
H. billi pjattaformi tal-internet Amerikani bħal AirBnB, Tripadvisor u Amazon, huma rikjesti jiġbru informazzjoni dwar il-kontribwenti miċ-ċittadini kollha tal-UE li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi online, u jgħadduha lill-awtorità tat-taxxa federali tal-Istati Uniti, l-IRS; billi l-għan ta' din il-prattika huwa li tistabbilixxi jekk l-utent huwiex ċittadin tal-Istati Uniti, u għalhekk li tiddetermina jekk il-qligħ li jkun sar bis-saħħa ta' dawn il-pjattaformi huwiex soġġett, fil-kuntest tal-FATCA, għal rappurtar tat-taxxa tal-Istati Uniti; billi jidher b'mod ċar li din il-prattika mhijiex f'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;
I. billi d-Direttiva 2014/92/UE (Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas) tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta' kreditu ma jiddiskriminawx kontra l-konsumaturi abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta' residenza tagħhom;
J. billi l-iskadenza biex l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas kienet it-18 ta' Settembru 2016;
K. billi, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili, il-Parlament ħa nota ta' nuqqas sinifikanti ta' reċiproċità bejn l-Istati Uniti u l-UE fil-qafas tal-Ftehim FATCA;
L. billi jitqies li l-FATCA u l-Istandard ta' Rappurtar Komuni tal-OECD dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fiskali huma għodda essenzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi fiskali transfruntiera u l-evażjoni tat-taxxa transfruntiera;
M. billi l-Assemblea Nazzjonali Franċiża ppubblikat rapport f'Ottubru 2016 wara l-missjoni tagħha ta' ġbir ta' informazzjoni min-naħa ta' żewġ partiti biex tinvestiga l-effetti extraterritorjali ta' ċerti liġijiet tal-Istati Uniti, inkluż il-FATCA, fejn irrakkomandat li l-Gvern Franċiż jew jinnegozja emenda għat-trattat tiegħu dwar it-taxxa mal-Istati Uniti jew jitlob lil-leġiżlaturi tal-Istati Uniti jemendaw il-liġijiet tal-Istati Uniti sabiex l-"Amerikani aċċidentali" Franċiżi jkunu jistgħu joħorġu mis-sistema tal-Istati Uniti u jirrinunzjaw għaċ‑ċittadinanza tal‑Istati Uniti mhux mixtieqa tagħhom mingħajr ebda tariffi, filings jew penali; billi dan l-aħħar twaqqfet kummissjoni stabbilita biex tistudja speċifikament it-tassazzjoni extraterritorjali ta' "Amerikani aċċidentali" Franċiżi min-naħa tal-Istati Uniti, u tressqu riżoluzzjonijiet f'Novembru 2017 kemm fis-Senat kif ukoll fl-Assemblea Nazzjonali dwar din il-kwistjoni partikolari; billi fil-15 ta' Mejju 2018, is-Senat Franċiż adotta riżoluzzjoni, b'vot unanimu, li tistieden lill-Gvern Franċiż biex minnufih jieħu miżuri li jiżguraw li jiġi rrispettat id-dritt tal-"Amerikani aċċidentali" Franċiżi għal kont bankarju, li jieqfu l-prattiki diskriminatorji adottati mill-banek Franċiżi wara l-FATCA, u li tiġi varata minnufih kampanja ta' informazzjoni biex tgħarraf liċ-ċittadini Franċiżi li jgħixu fl-Istati Uniti dwar l-implikazzjonijiet tan-nazzjonalità Amerikana u l-liġijiet dwar it-taxxa; billi r-riżoluzzjoni titlob ukoll li jsir sforz diplomatiku b'saħħtu sabiex tinstab soluzzjoni għall-"Amerikani aċċidentali" Franċiżi li tippermettilhom jirrinunzjaw għaċ-ċittadinanza Amerikana mhux mixtieqa tagħhom mingħajr ebda‑tariffi, l-ebda‑filings u l-ebda‑penali u li l-Istati Uniti jonoraw il-wegħda tagħhom ta' reċiproċità li bis-saħħa tagħha Franza qablet li tiffirma l-ftehimiet intergovernattivi tagħha;
N. billi l-Istati Uniti u l-Eritrea huma l-uniċi żewġ pajjiżi fid-dinja li adottaw tassazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadin, u l-Eritrea ġiet ikkundannata min-NU għall-isforzi tagħha biex tinforza t-"taxxa tad-dijaspora" tagħha;
O. billi, fl-2017, l-Istati Uniti adottaw riforma fiskali sinifikanti, li madankollu ma abolietx il-prinċipju ta' tassazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadin għall-individwi, iżda introduċiet tassazzjoni bbażata fuq it‑territorju għall-korporazzjonijiet multinazzjonali tal-Istati Uniti;
1. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha, b'mod partikolari tal-"Amerikani aċċidentali", ikunu ggarantiti, speċjalment id-dritt għal ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-privatezza u l-prinċipju tan‑nondiskriminazzjoni, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
2. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas, b'mod partikolari l-Artikolu 15 u l-Artikolu 16 tagħha, u jiggarantixxu d-dritt għaċ-ċittadini kollha tal-UE li jkollhom aċċess għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tħaffef l-analiżi tagħha ta' miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas u tinkludi fil-valutazzjoni tagħha s-sitwazzjoni tal-"Amerikani aċċidentali", tal-persuni b'ċittadinanza doppja u taċ-ċittadini Amerikani li jirrisjedu b'mod legali fl-UE, filwaqt li tagħti attenzjoni xierqa lil kwalunkwe diskriminazzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji kontra l-kontribwenti li jgħixu legalment fl-UE u li jikkwalifikaw bħala "persuni mill-Istati Uniti" għall-fini tal-FATCA;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda mingħajr dewmien proċeduri ta' ksur fil-każ ta' vjolazzjonijiet stabbiliti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas, u tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva msemmija;
5. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi pprovdut livell adegwat ta' protezzjoni għad-data personali ttrasferita taħt il-FACTA lill-Istati Uniti, f'konformità sħiħa mal-liġi nazzjonali u tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu rieżami tal-ftehimiet intergovernattivi tagħhom u jemendawhom, jekk ikun meħtieġ, bil-għan li jagħmluhom konformi mad-drittijiet u l-prinċipji tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jinvestigaw bla dewmien kwalunkwe ksur tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data min-naħa tal-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom tawtorizza t-trasferiment ta' data personali lejn il-US IRS għall-fini tal-FATCA, u jibdew proċeduri ta' ksur kontra Stati Membri li jonqsu milli jinfurzaw b'mod adegwat ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni sħiħa tal-impatt tal-FATCA u l-prattika extraterritorjali tal-Istati Uniti tat-tassazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza fuq ċittadini tal-UE, l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE u l-ekonomiji tal-UE, filwaqt li tikkunsidra l-isforzi li għaddejjin fi Franza u fi Stati Membri oħrajn, u tispjega jekk hemmx diskrepanza serja bejn iċ-ċittadini tal-UE u/jew residenti fi Stati Membri differenti, speċjalment fir-rigward tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-istandards tad-drittijiet fundamentali bħala riżultat tal-FATCA u tal-"indizji tal-Istati Uniti"; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni komprensiva tal-qagħda tar-reċiproċità tal-FATCA, jew in-nuqqas tagħha, mal-UE kollha, u tal-konformità min-naħa tal-Istati Uniti mal-obbligi tiegħhom skont ftehimiet intergovernattivi varji ffirmati mal-Istati Membri;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni biex tiżgura li d-drittijiet u l-valuri fundamentali tal-UE minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, bħad-dritt għall-privatezza u l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, kif ukoll ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, ikunu rispettati fil-kuntest tal-FATCA u l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fiskali mal-Istati Uniti;
8. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas inerenti ta' reċiproċità ta' ftehimiet intergovernattivi ffirmati mill-Istati Membri, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-kamp ta' applikazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata, li huwa usa' għall-Istati Membri milli għall-Istati Uniti; jistieden lill-Istati Membri kollha jissospendu b'mod kollettiv l-applikazzjoni tal-ftehimiet intergovernattivi tagħhom (jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni kollha ħlief fir-rigward ta' kontijiet miżmuma fl-UE minn ċittadini tal-Istati Uniti residenti fl-Istati Uniti), sakemm jasal iż-żmien li fih l-Istati Uniti jaqblu ma' approċċ multilaterali għal skambju awtomatiku ta' informazzjoni billi jew iħassru l-FATCA u jingħaqdu mal-Istandard ta' Rappurtar Komuni jew jinnegozjaw mill-ġdid il-FATCA fil-livell tal‑UE u b'obbligi ta' kondiviżjoni reċiproka identiċi għaż-żewġ naħat tal-Atlantiku;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippreżentaw strateġija konġunta tal-UE dwar il-FATCA bil-għan li jiġu protetti b'mod adegwat id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej (b'mod partikolari l-"Amerikani aċċidentali") u titjieb ir-reċiproċità ugwali fl-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni mill-Istati Uniti;
10. Jistieden lill-Kunsill jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Istati Uniti dwar ftehim FATCA bejn l-UE u l-Istati Uniti, bil-ħsieb li jiġi żgurat skambju reċiproku sħiħ ta' informazzjoni u li jiġu rispettati l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-UE, kif ukoll id-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas, u biex "Amerikani aċċidentali" tal‑UE jitħallew jirrinunzjaw għaċ‑ċittadinanza tal‑Istati Uniti mhux mixtieqa tagħhom mingħajr ebda tariffi, filings jew penali;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.