Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2237(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0231/2018

Testi mressqa :

A8-0231/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2018 - 6.17

Testi adottati :

P8_TA(2018)0317

Testi adottati
PDF 201kWORD 67k
Il-Ħamis, 5 ta' Lulju 2018 - Strasburgu
Statut għall-intrapriżi soċjali u solidali
P8_TA(2018)0317A8-0231/2018
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Statut għal intrapriżi soċjali u solidali (2016/2237(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-istabbiliment ta' statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 u l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar "L-Ekonomija Soċjali"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 dwar "l-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni"(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar "l-Intraprenditorija Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad"(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar "Il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa"(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 dwar "L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja "Flimkien għal tkabbir ġdid"" (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar "Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni" (COM(2011)0682),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), b'mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Istatut għal impriża mutwa Ewropea(9),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Lulju 2011 ikkummissjonat mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament bit-titlu "Ir-rwol tal-impriżi mutwi fis-seklu 21",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Intraprenditorja Soċjali (GECES) ta' Ottubru 2016 "Social enterprises and the social economy going forward" (Il-futur tal-intrapriżi soċjali u l-ekonomija soċjali)(10),

–  wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki C tal-Parlament Ewropew ta' Frar 2017 bit-titlu "Statut Ewropew għal Intrapriżi Soċjali u Solidali",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0231/2018),

A.  billi t-termini "intrapriżi soċjali" u "intrapriżi solidali" ta' sikwit jintużaw bħala sinonimi, għalkemm l-intrapriżi li jirreferu għalihom mhumiex dejjem l-istess u jistgħu jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor; billi l-kunċett ta' "intrapriża soċjali" jirrelata essenzjalment għal organizzazzjonijiet tradizzjonali tal-ekonomija soċjali bħal kooperattivi, intrapriżi mutwi, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet; billi l-konfini tal-kunċett ta' "intrapriża soċjali" qed iwasslu għal diskussjonijiet importanti fost xjenzjati soċjali u avukati; billi jidher li huwa imperattiv li ssir tranżizzjoni mingħajr dewmien lejn rikonoxximent aħjar tal-kunċett ta' "intrapriża soċjali u solidali" billi tiġi stabbilita definizzjoni legali bażika li tista' tagħti kontribut sod għall-isforzi magħmula mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jiżviluppaw intrapriżi soċjali u solidali sabiex ikunu jistgħu wkoll jieħdu vantaġġ mis-suq intern;

B.  billi l-ekonomija soċjali u solidali tagħti kontribut ewlieni lill-ekonomija tal-UE; billi l-Parlament enfasizza, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Frar 2009, tal-20 ta' Novembru 2012 u tal-10 ta' Settembru 2015, li l-ekonomija soċjali u solidali timpjega aktar minn 14-il miljun persuna, li jirrappreżentaw madwar 6,5 % tal-ħaddiema fl-UE u 10 % tal-impriżi tal-UE. billi dan is-settur wera li huwa partikolarment reżiljenti għall-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji u għandu potenzjal għall-innovazzjoni soċjali u teknoloġika, il-ħolqien ta' impjiegi deċenti, inklużivi, lokali u sostenibbli, it-trawwim tat-tkabbir ekonomiku, il-ħarsien tal-ambjent u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u reġjonali; billi l-intrapriżi soċjali u solidali qed isibu modi ġodda ta' kif jindirizzaw il-problemi soċjali f'dinja li qed tinbidel b'rata mgħaġġla; billi l-ekonomija soċjali u solidali tkompli tiżviluppa u għalhekk hija xprun għat-tkabbir u l-impjiegi u jenħtieġ li titħeġġeġ u tiġi appoġġjata;

C.  billi hemm differenzi sostanzjali fost l-Istati Membri fil-mod kif jirregolaw l-intrapriżi soċjali u solidali u l-forom organizzattivi disponibbli għall-intraprendituri soċjali skont l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom; billi l-forom organizzattivi distinti li huma adottati mill-intrapriżi soċjali u solidali jiddependu fuq l-oqfsa ġuridiċi eżistenti, fuq l-ekonomija politika tal-provvediment tas-servizzi soċjali u tas-solidarjetà u fuq it-tradizzjonijiet kulturali u storiċi ta' kull Stat Membru;

D.  billi f'xi Stati Membri nħolqu forom ġuridiċi speċifiċi jew bl-adattament tal-mudell kooperattiv, mutwu, ta' assoċjazzjoni jew ta' fondazzjoni u oħrajn jew permezz tal-introduzzjoni ta' forom ġuridiċi li jirrikonoxxu l-impenn soċjali meħud minn pluralità ta' entitajiet u li jinkludu xi karatteristiċi speċifiċi għall-intrapriżi soċjali u solidali; billi fi Stati Membri oħrajn ma nħolqot l-ebda forma ġuridika speċifika għal intrapriżi soċjali u solidali u għalhekk huma joperaw permezz ta' forom ġuridiċi preeżistenti, inklużi forom ġuridiċi użati minn kumpaniji konvenzjonali, bħalma hi l-kumpanija b'responsabbiltà limitata jew il-kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata; billi f'xi Stati Membri l-forma ġuridika li l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu jadottaw tista' tkun fakultattiva; billi jenħtieġ li jiġi nnutat li anki jekk il-forom ġuridiċi speċifiċi jkunu tfasslu għalihom, l-intrapriżi soċjali u solidali, f'ħafna każijiet, jagħżlu forom ġuridiċi oħrajn li huma adattati aħjar għall-bżonnijiet tagħhom u għall-objettivi tagħhom;

E.  billi l-adozzjoni ta' oqfsa ġuridiċi differenti għal intrapriżi soċjali u solidali f'ħafna Stati Membri tikkonferma l-iżvilupp ta' tip ġdid ta' intraprenditorija bbażata fuq il-prinċipji tas-solidarjetà u r-responsabbiltà u li hija aktar iffokata fuq il-ħolqien tal-valur soċjali miżjud, konnessjonijiet lokali u l-promozzjoni ta' ekonomija aktar sostenibbli; billi din id-diversità tikkonferma wkoll li l-intraprenditorija soċjali hija qasam innovattiv u ta' benefiċċju;

F.  billi l-Parlament enfasizza, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad, li l-innovazzjoni soċjali tirrelata għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' ideat ġodda, kemm jekk prodotti, servizzi, jew mudelli ta' organizzazzjoni soċjali, li huma mfassla biex jissodisfaw it-talbiet u l-isfidi ġodda soċjali, territorjali u ambjentali, bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ, id-depopolazzjoni, il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja, il-ġestjoni tad-diversità, l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-integrazzjoni ta' dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

G.  billi, fid-dawl ta' din id-diversità ta' forom ġuridiċi disponibbli għall-ħolqien ta' intrapriżi soċjali u solidali madwar l-Istati Membri, f'dan il-mument ma hemm l-ebda kunsens fl-Unjoni Ewropea għat-twaqqif ta' forma speċifika ta' intrapriża soċjali u solidali; billi l-Parlament diġà saħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati oqfsa ġuridiċi ġodda fil-livell tal-Unjoni, imma dejjem għamel il-punt li dawn jenħtieġ li jkunu fakultattivi għall-intrapriżi fir-rigward tal-oqfsa nazzjonali u ppreċeduti minn valutazzjoni tal-impatt li tqis l-eżistenza ta' diversi mudelli ta' negozju soċjali fl-Istati Membri kollha; billi l-Parlament enfasizza wkoll li kwalunkwe miżura jenħtieġ li turi valur miżjud fl-Unjoni kollha;

H.  billi d-djalogu soċjali huwa ta' importanza kruċjali kemm f'termini tat-twettiq tal-objettiv tal-ekonomija soċjali tas-suq, li huwa livell massimu ta' impjiegi bi progress soċjali, kif ukoll f'termini ta' kompetittività u ġustizzja fis-suq uniku tal-UE; billi d-djalogu soċjali u l-konsultazzjoni mas-sħab soċjali fit-tfassil ta' politika tal-UE jirrappreżentaw innovazzjoni soċjali prinċipali;

I.  billi l-fatt li teżisti għażla fil-forom ġuridiċi disponibbli għandu l-vantaġġ li jippermetti lill-intrapriżi soċjali u solidali jiffurmaw l-istruttura tagħhom bil-mod li jixirqilhom l-aħjar fiċ-ċirkostanzi inkwistjoni, it-tradizzjoni fejn għandhom l-għeruq tagħhom u t-tip ta' negozju li jixtiequ jwettqu;

J.  billi, minkejja dak li ntqal hawn fuq, huwa possibbli li, minn esperjenzi nazzjonali fil-livell tal-Istati Membri jirriżultaw xi karatteristiċi u kriterji distinti li intrapriża soċjali u solidali jenħtieġ li tissodisfa, irrispettivament mill-forma ġuridika li tadotta, jekk din trid tiġi kkunsidrata bħala tip ta' intrapriża bħal din; billi jidher li huwa mixtieq li jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni ġabra komuni ta' karatteristiċi u kriterji fil-forma ta' standards minimi bil-għan li jinħoloq qafas ġuridiku effiċjenti u konsistenti għal tali intrapriżi u biex jiġi żgurat li, minkejja d-diversità tagħhom, l-intrapriżi soċjali u solidali kollha għandhom identità komuni irrispettivament mill-Istat Membru fejn ġew inkorporati; billi tali karatteristiċi istituzzjonali jenħtieġ li jgħinu biex intrapriża soċjali u solidali tkun tista' tkompli żżomm vantaġġ fuq modi alternattivi kif tiġi organizzata l-produzzjoni tas-servizzi, inklużi s-servizzi soċjali;

K.  billi fil-komunikazzjoni tagħha tal-25 ta' Ottubru 2011 ("Inizjattiva ta' Negozju Soċjali") il-Kummissjoni ddefiniet intrapriża soċjali bħala "operatur fl-ekonomija soċjali li l-objettiv prinċipali tiegħu huwa li jkollu impatt soċjali aktar milli biex jagħmel profitt għas-sidien jew l-azzjonisti tiegħu. Dan jopera billi jipprovdi prodotti u servizzi għas-suq b'mod intraprenditorjali u innovattiv u juża l-profitti tiegħu primarjament biex jikseb objettivi soċjali. Huwa mmaniġġjat b'mod miftuħ u responsabbli u, b'mod partikolari, jinvolvi l-impjegati, il-konsumaturi u partijiet ikkonċernati affettwati mill-attivitajiet kummerċjali tiegħu";

L.  billi għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1296/2013, "intrapriża soċjali" tfisser impriża, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li:

   (a) f'konformità mal-artikoli ta' assoċjazzjoni tagħha, l-istatuti jew kwalunkwe dokument ġuridiku ieħor li permezz tagħhom hija stabbilita, ikollha, bħala l-objettiv primarju tagħha, l-ilħuq ta' impatti soċjali pożittivi li jistgħu jitkejlu, aktar milli l-ġenerazzjoni ta' profitti għas-sidien, il-membri u l-azzjonisti tagħha, u li:
   (i) tipprovdi servizzi jew prodotti li jiġġeneraw redditu soċjali u/jew
   (ii) tuża metodu ta' produzzjoni ta' prodotti jew servizzi li jħaddan l-objettiv soċjali tagħha;
   (b) tinvesti l-profitti tagħha, l-ewwel u qabel kollox, biex tilħaq l-objettiv primarju tagħha u jkollha proċeduri u regoli predefiniti li jkopru kwalunkwe distribuzzjoni ta' profitti lill-azzjonisti u lis-sidien li jiżguraw li tali distribuzzjoni ta' profitti ma timminax l-objettiv primarju; kif ukoll
   (c) tkun immaniġġjata b'mod intraprenditorjali, responsabbli u trasparenti, b'mod partikolari billi tinvolvi lill-ħaddiema, il-klijenti u l-partijiet ikkonċernati affettwati mill-attivitajiet ta' negozju tagħha;

M.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015, il-Parlament innota li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, li m'għandhomx neċessarjament ikunu organizzazzjonijiet mhux bi skop ta' qligħ, huma intrapriżi li l-iskop tagħhom huwa li jiksbu l-għan soċjali tagħhom, li jista' jkun il-ħolqien ta' impjiegi għal gruppi vulnerabbli, li jfornu servizzi lill-membri tagħhom jew, b'mod aktar ġenerali, li joħolqu impatt soċjali u ambjentali pożittiv, u li jerġgħu jinvestu l-profitti tagħhom primarjament sabiex jilħqu dawk l-objettivi; billi l-intrapriżi soċjali u solidali huma kkaratterizzati mill-impenn tagħhom li jħarsu l-valuri li ġejjin:

   il-preminenza tal-għanijiet soċjali u dawk individwali fuq l-interessi tal-kapital;
   il-governanza demokratika mill-membri;
   l-għaqda tal-interessi tal-membri u tal-utenti mal-interess ġenerali;
   is-salvagwardja u l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-solidarjetà u tar-responsabbiltà;
   l-investiment mill-ġdid ta' fondi żejda f'objettivi ta' żvilupp fit-tul, jew fl-għoti ta' servizzi ta' interess għall-membri jew ta' servizzi ta' interess ġenerali;
   is-sħubija volontarja u miftuħa;
   il-ġestjoni awtonoma li tkun indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi;

N.  billi dawn id-definizzjonijiet ta' hawn fuq huma kompatibbli u jlaqqgħu flimkien il-fatturi kollha kondiviżi bejn l-intrapriżi soċjali u solidali kollha irrispettivament mill-Istat Membru ta' inkorporazzjoni u mill-forma ġuridika li jkunu għażlu li jadottaw skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi dawn il-karatteristiċi jenħtieġ li jikkostitwixxu l-linja ta' referenza għal definizzjoni ġuridika trasversali u aktar definittiva ta' "intrapriża soċjali" maqbula universalment u applikata fil-livell tal-Unjoni;

O.  billi l-intrapriżi soċjali u solidali huma organizzazzjonijiet privati li huma indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi;

P.  billi l-intrapriżi soċjali u solidali joperaw fis-suq b'mod imprenditorjali; billi dan jimplika li lhuma jkomplu jwettqu attivitajiet ta' natura ekonomika;

Q.  billi ż-żoni rurali joffru opportunitajiet konsiderevoli għall-intrapriżi soċjali u solidali billi, għaldaqstant, huwa essenzjali li infrastruttura xierqa jenħtieġ li tkun disponibbli fir-reġjuni rurali kollha;

R.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jkunu oqsma ta' prijorità fl-iżvilupp ta' kultura intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ;

S.  billi s-soċjetajiet mutwi li joperaw fis-setturi relatati mal-kura tas-saħħa u l-assistenza soċjali fl-Unjoni jimpjegaw 8,6 miljun persuna u jipprovdu appoġġ għal 120 miljun ċittadin; billi dawn is-soċjetajiet mutwi għandhom sehem ta' 24 % mis-suq u jiġġeneraw aktar minn 4 % tal-PDG tal-Unjoni;

T.  billi l-kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' valur soċjali trid tkun l-iskop ewlieni ta' intrapriża soċjali u solidali; billi l-intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li jsegwu espressament l-għan li jkunu ta' benefiċċju għall-komunità b'mod ġenerali jew grupp speċifiku ta' persuni, lil hinn mis-sħubija; billi l-iskop soċjali segwit minn intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li jkun indikat b'mod ċar fid-dokumenti ta' stabbiliment tagħhom; billi l-kunċett ta' intrapriża soċjali u solidali jenħtieġ li ma jkunx imfixkel ma' dak ta' responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), għalkemm intrapriżi kummerċjali b'attivitajiet sinifikanti ta' CSR jista' jkollhom interkonnessjoni qawwija ma' negozju soċjali; billi l-intrapriżi soċjali u solidali m'għandux ikollhom bħala l-għan tagħhom il-ħolqien ta' profitt kummerċjali tradizzjonali iżda, minflok, jużaw kwalunkwe valur miżjud maħluq għall-iżvilupp ulterjuri ta' proġetti mmirati lejn it-titjib tal-ambjent għall-gruppi fil-mira tagħhom;

U.  billi d-diġitalizzazzjoni, miri klimatiċi ambizzjużi, il-migrazzjoni, l-inugwaljanzi, l-iżvilupp lokali, speċjalment fl-inħawi marġinalizzati, is-servizzi soċjali u tas-saħħa, il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabbiltà u l-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali, il-qgħad fit-tul u l-inugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll kompiti ambjentali speċifiċi, joffru potenzjal kbir għall-intraprenditorija soċjali; billi l-intrapriżi soċjali u solidali joperaw fis-suq b'mod intraprenditorjali u jassumu riskji ekonomiċi;

V.  billi l-intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li jwettqu attività utli f'sens soċjali; billi jistgħu jkunu attivi fi spettru wiesa' ta' attivitajiet; billi l-intrapriżi soċjali u solidali tipikament involvew ruħhom fil-provvista ta' servizzi maħsuba biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien għall-komunità, b'mod partikolari servizzi li jappoġġjaw individwi f'ċirkostanzi prekarji jew milquta mill-esklużjoni soċjoekonomika u li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tax-xogħol għal gruppi żvantaġġjati; billi, fid-dawl tal-valur soċjali maħluq u l-kapaċità tagħhom li jintegraw mill-ġdid nies qiegħda għal żmien twil, biex iżidu l-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku, kien hemm xejra komuni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex iżżid il-firxa ta' attivitajiet li fihom l-intrapriżi soċjali u solidali huma intitolati li jinvolvu ruħhom, sakemm ikunu ta' interess ġenerali u/jew utilità soċjali, bħall-provvista ta' servizzi komunitarji, inklużi l-oqsma edukattivi, tas-saħħa, kulturali, tal-akkomodazzjoni, rikreattivi u ambjentali.

W.  billi intrapriżi soċjali u solidali jipprovdu mudell ta' negozju għas-seklu 21 li jibbilanċja l-bżonnijiet finanzjarji u soċjali; billi l-intrapriżi soċjali u solidali huma ġeneralment assoċjati ma' innovazzjoni soċjali, teknoloġika u ekonomika, bħala riżultat tal-espansjoni tal-attività tagħhom f'oqsma ġodda tal-produzzjoni tal-prodotti jew il-provvista ta' servizzi, inklużi servizzi ambjentali, tas-saħħa, kulturali, edukattivi u rikreattivi, u/jew l-introduzzjoni ta' metodi innovattivi ta' produzzjoni jew ta' organizzazzjoni tax-xogħol, imfassla biex jissodisfaw id-domandi u l-isfidi soċjali, territorjali u ambjentali, bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ, id-depopolazzjoni, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, il-ġestjoni tad-diversità, l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-integrazzjoni ta' dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

X.  billi, minħabba l-karattru integrattiv u soċjali tagħhom, l-intrapriżi soċjali u solidali joffru impjieg lil dawk il-gruppi ta' ħaddiema esklużi bl-aktar mod komuni mis-suq tax-xogħol, u billi huma jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni qiegħda fit-tul u għall-ġlieda kontra l-qgħad b'mod ġenerali, u b'hekk għaż-żieda fil-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku;

Y.  billi l-ekonomija soċjali, minħabba n-natura partikolari tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet komponenti tagħha, ir-regoli speċifiċi tagħha, l-obbligi soċjali tagħha, u l-metodi innovattivi tagħha, uriet diversi drabi li tista' tkun reżiljenti meta tiffaċċja d-diffikultajiet ekonomiċi u li għandha l-potenzjal li tegħleb il-kriżijiet aktar malajr;

Z.  billi, f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati spiss isservi skop soċjali, kif jidher mill-eżempju tal-"prattika tajba" tar-reintegrazzjoni b'suċċess tal-persuni qiegħda għal żmien twil fi Spanja permezz tal-mudell tal-kumpanija "Sociedad Laboral (SL)", fejn dawk li jkunu qed ifittxu xogħol jistgħu jużaw il-benefiċċju għall-qgħad tagħhom biex iwaqqfu kumpanija, u b'hekk joħolqu aktar impjiegi, bl-istat li jipprovdi appoġġ u pariri dwar kwistjonijiet ta' ġestjoni;

AA.  billi l-intrapriżi soċjali u solidali mhumiex neċessarjament organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u jistgħu jkunu wkoll bi skop ta' qligħ, dment li l-attivitajiet tagħhom jissodisfaw bis-sħiħ il-kriterji għall-ksib tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea; billi dan, minkejja l-fokus ewlieni tal-intrapriżi soċjali u solidali, jenħtieġ li jkun, fuq kollox, fuq il-valuri soċjali u fuq il-preżenza ta' impatt pożittiv u fit-tul fuq il-benessri u l-iżvilupp ekonomiku tas-soċjetà aktar milli fuq profitt għas-sidien, il-membri jew l-azzjonisti tagħhom; billi, f'dan ir-rigward, restrizzjoni stretta fuq id-distribuzzjoni tal-profitti u l-assi fost il-membri jew l-azzjonisti, magħrufa wkoll bħala "imblukkar tal-assi" (asset lock), hija essenzjali għall-intrapriżi soċjali u solidali; billi tista' tkun permessa distribuzzjoni limitata tal-profitti, wara li tiġi kkunsidrata l-forma ġuridika adottata mill-intrapriża soċjali u solidali, il-proċeduri u r-regoli li jkopru dik id-distribuzzjoni jenħtieġ li jiġu stabbiliti b'tali mod li jiżguraw dejjem li din ma timminax l-objettiv soċjali primarju tal-intrapriża; billi, f'kwalunkwe każ, l-akbar proporzjon ta' profitti, u l-aktar sinifikanti, magħmula minn intrapriża soċjali u solidali, jenħtieġ li jerġa' jiġi investit jew inkella użat bil-għan li żżomm u tikseb l-iskop soċjali tagħha;

AB.  billi, biex tkun effettiva, ir-restrizzjoni fuq in-nuqqas ta' distribuzzjoni jenħtieġ li tkopri numru ta' aspetti, b'mod partikolari l-ħlas ta' dividendi perjodiċi, id-distribuzzjoni ta' riżervi akkumulati, id-devoluzzjoni ta' assi residwi fix-xoljiment tal-entità, it-trasformazzjoni tal-intrapriża soċjali f'tip ieħor ta' organizzazzjoni, jekk dan ikun permess, u t-telf tal-istatus ta' tali intrapriża; billi r-restrizzjoni fuq in-nuqqas ta' distrubuzzjoni tista' tinkiser ukoll b'mod indirett mill-ħlas ta' remunerazzjoni lill-impjegati jew id-diretturi li ma jkunx ġustifikabbli u 'l fuq mil-livelli tas-suq;

AC.  billi l-intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li jiġu ġestiti skont mudelli ta' governanza demokratika li jinvolvu l-impjegati, il-klijenti u l-partijiet ikkonċernati affettwati mill-attività fit-teħid tad-deċiżjonijiet; billi dan il-mudell parteċipatorju jirrappreżenta proċedura strutturali biex jiġi kkontrollat it-tfittix attwali tal-miri soċjali tal-organizzazzjoni; billi s-setgħa tal-membri fit-teħid tad-deċiżjonijiet jenħtieġ li ma tkunx ibbażata biss jew primarjament fuq is-sehem fil-kapital li jista' jkollhom, anki meta l-forma ġuridika adottata mill-intrapriża soċjali u solidali tkun dik ta' kumpanija kummerċjali;

AD.  billi, f'xi Stati Membri, l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu jadottaw il-forma ġuridika ta' intrapriża kummerċjali; billi l-possibbiltà ta' tali kumpaniji li jiġu rikonoxxuti fil-livell tal-UE bħala intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li ssir dipendenti fuq l-issodisfar ta' ċerti rekwiżiti u kundizzjonijiet biex jiġu solvuti l-kontraindikazzjonijiet potenzjali bejn il-forma tal-kumpanija u l-mudell tal-intrapriża soċjali u solidali;

AE.  billi t-trattament tal-impjegati f'intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li jkun komparabbli ma' dak ta' impjegati ta' intrapriżi ta' negozju tradizzjonali;

AF.  billi l-impatt pożittiv tal-intrapriżi soċjali u solidali fuq il-komunità jista' jiġġustifika l-adozzjoni ta' azzjonijiet konkreti fl-appoġġ tagħhom, bħall-ħlas ta' sussidji u l-adozzjoni ta' miżuri favorevoli tat-taxxa u tal-akkwist pubbliku; billi dawk il-miżuri jenħtieġ li fil-prinċipju jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mat-Trattati għax ifittxu li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' attivitajiet jew żoni ekonomiċi maħsuba prinċipalment biex ikollhom impatt pożittiv fuq is-soċjetà, u l-kapaċità li dawn l-intrapriżi jiġbru l-fondi u jagħmlu profitti tkun distintivament aktar limitata minn dik ta' intrapriżi kummerċjali;

AG.  billi r-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għall-ħolqien tal-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej;

AH.  billi l-Unjoni jenħtieġ li toħloq ċertifikat jew tikketta għal intrapriżi soċjali u solidali sabiex tagħti lil dawn l-intrapriżi aktar viżibbiltà u trawwem qafas ġuridiku aktar koerenti; billi huwa essenzjali li l-awtoritajiet pubbliċi jivverifikaw u jiżguraw li impriża partikolari tissodisfa r-rekwiżiti biex tinħarġilha tikketta bħala intrapriża soċjali u solidali qabel ma tingħatalha waħda u b'hekk taf tieħu vantaġġ minn kwalunkwe miżura stabbilita fil-livell tal-UE għall-vantaġġ tagħha; billi jenħtieġ li intrapriża soċjali u solidali jkollha dan iċ-ċertifikat irrevokat f'każ li tonqos milli tirrispetta dawk ir-rekwiżiti u l-obbligi ġuridiċi tagħha;

AI.  billi l-intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li joħorġu rapport soċjali fuq bażi annwali li fih jagħtu kont, tal-inqas, tal-attivitajiet, ir-riżultati, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, l-allokazzjoni tal-profitti, is-salarji, is-sussidji, u benefiċċji oħra rċevuti tagħhom;

1.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-madwar 2 miljun intrapriża tal-ekonomija soċjali u solidali fl-Ewropa(12), li jimpjegaw aktar minn 14,5 miljun persuna(13), u l-kontribut imprezzabbli tagħhom għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, għall-koeżjoni soċjali u reġjonali u għal tkabbir ekonomiku kontinwu fis-suq intern;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea fil-livell tal-Unjoni, mogħtija lil intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u solidali u msejsa fuq kriterji ċari mfassla biex jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi ta' dawn l-impriżi u l-impatt soċjali tagħhom, iżżid il-viżibbiltà tagħhom, tħeġġeġ l-investiment, tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u għas-suq uniku għal dawk li jixtiequ jespandu fil-livell nazzjonali jew lejn Stati Membri oħra, u fl-istess ħin tirrispetta l-varjetà ta' forom ġuridiċi u oqfsa fis-settur u fl-Istati Membri;

3.  Iqis li t-Tikketta Soċjali Ewropea għandha tkun disponibbli għal organizzazzjonijiet u entitajiet privati li jissodisfaw b'mod strett ir-rekwiżiti legali għal intrapriża soċjali u solidali fl-attivitajiet kollha tagħhom, irrispettivament mill-forma ġuridika tal-inkorporazzjoni tagħhom fi Stat Membru; jinnota li t-tikketta għandha tkun fakultattiva għall-impriża;

4.  iqis li t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandha tkun volontarja għall-intrapriżi iżda trid tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri kollha;

5.  Iqis li r-rekwiżiti ġuridiċi għall-akkwist u ż-żamma tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandhom ikunu identifikati b'referenza għal ċerti karatteristiċi u kriterji komuni, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-anness għal din ir-riżoluzzjoni;

6.  Jenfasizza li, minħabba d-domanda dejjem akbar għas-servizzi soċjali, l-intrapriżi soċjali u solidali fl-Unjoni qed isiru dejjem aktar importanti fil-qasam tas-servizzi soċjali biex jappoġġjaw lill-persuni li qegħdin f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali jew li qed jesperjenzawhom; jenfasizza li l-intrapriżi soċjali u solidali m'għandhomx jieħdu post is-servizzi soċjali pprovduti mill-Istat iżda, minflok, għandu jkollhom rwol komplementari għalihom; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-intrapriżi soċjali u solidali li jipprovdu servizzi soċjali, tas-saħħa jew edukattivi u kompiti ambjentali speċifiċi f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u l-voluntiera; jenfasizza li l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu potenzjalment isolvu ċerti sfidi soċjali permezz ta' approċċ "minn isfel għal fuq";

7.  Jirrimarka li l-intrapriżi soċjali u solidali jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg għall-persuni b'diżabbiltà u għal persuni minn gruppi żvantaġġati oħra;

8.  Jirrimarka li l-intrapriżi soċjali u solidali għandhom bażi lokali u reġjonali b'saħħitha, li tagħtihom il-vantaġġ li jkunu jafu aħjar x'inhuma l-ħtiġijiet speċifiċi u li jkunu jistgħu joffru l-prodotti u s-servizzi meħtieġa fil-qasam, u b'hekk itejbu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

9.  Jinnota li l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu jikkontribwixxu biex iżidu l-ugwaljanza bejn is-sessi u jnaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

10.  Jenfasizza li dawk li l-aktar spiss ikunu esklużi mis-suq tax-xogħol jeħtieġ isirulhom offerti ta' impjieg, billi jerġgħu jiġu integrati l-persuni qiegħda fit-tul u jiġi miġġieled il-qgħad b'mod ġenerali;

11.  Huwa tal-opinjoni li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jinvolvi lill-Istati Membri, li permezz tiegħu, l-entitajiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġuridiċi rilevanti jkunu jistgħu jiksbu t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea; kwalunkwe entità ġuridika rregolata mil-liġi privata u li tissodisfa l-kriterji ġuridiċi għandha tkun intitolata għat-tikketta tal-UE, irrispettivament minn jekk l-Istat Membru fejn tkun ġiet inkorporata jkollux forma ġuridika speċjali għal intrapriżi soċjali u solidali;

12.  Iqis li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri għall-protezzjoni tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea u l-prevenzjoni tal-istabbiliment u l-operazzjoni ta' intrapriżi soċjali u solidali "foloz"; dan il-mekkaniżmu għandu jiżgura li l-intrapriżi li jkollhom it-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea jiġu mmonitorjati b'mod regolari fir-rigward tal-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tikketta; iqis li sanzjonijiet effettivi u proporzjonati għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri biex jiżguraw li t-tikketta ma tkunx miksuba jew użata b'mod mhux xieraq;

13.  Iqis li l-intrapriżi soċjali u solidali li jkollhom it-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandhom jiġu rikonoxxuti bħala tali fl-Istati Membri kollha, skont it-tipi ta' attività li huma involuti fihom, u għandhom igawdu l-istess benefiċċji, drittijiet u obbligi bħall-intrapriżi inkorporati skont il-liġi tal-Istat Membru fejn joperaw;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' definizzjoni wiesgħa u inklużiva fil-livell tal-Unjoni, li tenfasizza l-importanza tal-prinċipju li perċentwal sostanzjali tal-profitti magħmula mill-impriża għandhom jiġu riinvestiti jew użati b'tali mod li jintlaħaq l-iskop soċjali tal-intrapriżi soċjali u solidali; jenfasizza l-isfidi partikolari li jiffaċċjaw il-kooperattivi soċjali u l-intrapriżi soċjali għall-integrazzjoni fix-xogħol (WISEs) meta jwettqu l-missjoni tagħhom li jgħinu lil dawk li l-aktar spiss ikunu esklużi mis-suq tax-xogħol, u jisħaq fuq il-ħtieġa li dawn l-organizzazzjonijiet ikunu koperti mit-tikketta l-ġdida;

15.  Iqis li l-kriterji u r-rekwiżiti ġuridiċi minimi biex tinkiseb u tinżamm Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea jridu jkunu attività soċjalment utli li għandha tiġi ddefinita fil-livell tal-Unjoni; jirrimarka li din l-attività għandha tkun tista' titkejjel f'termini ta' impatt soċjali f'oqsma bħall-integrazzjoni soċjali tal-persuni vulnerabbli, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawk li jkunu f'riskju ta' esklużjoni f'impjiegi sostenibbli u ta' kwalità, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn is-sessi, l-indirizzar tal-marġinalizzazzjoni tal-migranti, it-titjib fl-opportunitajiet indaqs permezz tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura, u akkomodazzjoni deċenti, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi; jenfasizza li, fil-prestazzjoni tagħhom, l-intrapriżi soċjali u solidali jeħtieġ jikkonformaw mal-aħjar prattiki f'termini ta' kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjiegi;

16.  Jenfasizza li l-ispejjeż u l-formalitajiet involuti biex tinkiseb it-tikketta għandhom jinżammu għal minimu, sabiex ma jkunux żvantaġġati l-intrapriżi soċjali u solidali, speċjalment il-kumpaniji soċjali u solidali li jkunu ta' daqs żgħir jew medju; għaldaqstant, il-kriterji komuni tal-Unjoni għandhom ikunu sempliċi, ċari u msejsa fuq fatturi sostantivi – aktar milli formali – u li l-proċeduri rilevanti ma jkunux ta' piż; jinnota li, filwaqt li l-obbligi tar-rappurtar huma għodda raġonevoli sabiex jiġi vverifikat li l-intrapriżi soċjali u solidali jkunu għadhom intitolati għat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea, il-frekwenza ta' dawn ir-rapporti u l-informazzjoni obbligatorja li trid tiġi inkluża ma jridux ikunu opprimenti żżejjed; josserva li l-ispejjeż ta' proċess ta' tikkettar jew ċertifikazzjoni jistgħu jkunu limitati jekk l-amministrazzjoni ċentrali titwettaq fil-livell tal-awtoritajiet nazzjonali li jistgħu, f'kooperazzjoni mal-intrapriżi soċjali u solidali, jittrasferixxu l-amministrazzjoni u t-trattament tat-tikketta lill-korp indipendenti nazzjonali li ssegwi d-definizzjoni pan-Ewropea tal-kriterji għall-intrapriżi soċjali u solidali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu attivament it-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea u jippubbliċizzaw il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi tal-intrapriżi soċjali u solidali, inklużi l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-koeżjoni soċjali;

18.  Jirrimarka li l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' responsabbiltà soċjali korporattiva bħala parti minn pjan kummerċjali mhijiex biżżejjed biex intrapriża tiġi kklassifikata bħala intrapriża soċjali u solidali, u għaldaqstant, jenfasizza l-importanza li ssir distinzjoni ċara bejn intrapriża soċjali u solidali u intrapriża impenjata fir-responsabbiltà soċjali korporattiva;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politiki tagħha jirriflettu impenn ħalli jinħoloq ambjent favorevoli għall-intrapriżi soċjali u solidali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u s-settur tal-intrapriżi soċjali, twettaq studju komparattiv tad-diversi oqfsa ġuridiċi nazzjonali u reġjonali li jirregolaw l-intrapriżi soċjali fl-UE kollha, u tal-kundizzjonijiet operattivi għall-intrapriżi soċjali u solidali u tal-karatteristiċi tagħhom, inklużi d-daqs u n-numru tagħhom u l-qasam tal-attivitajiet tagħhom, kif ukoll tad-diversi sistemi nazzjonali ta' ċertifikazzjoni, status u tikkettar;

20.  Jissottolinja li, fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE, l-intrapriżi soċjali u solidali għandhom storja twila u stabbilew ruħhom bħala parteċipanti essenzjali u importanti fis-suq;

21.  Jemmen li l-prijoritajiet ta' investiment għall-intrapriżi soċjali u solidali u tal-ekonomija soċjali m'għandhomx ikunu limitati għall-inklużjoni soċjali, iżda għandhom jinkludu l-impjiegi u l-edukazzjoni, sabiex dawn jirriflettu l-firxa wiesgħa ta' attivitajiet ekonomiċi li jkunu preżenti fihom;

22.  Jitlob li l-programm "Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ" jitkompla, li l-baġit tiegħu jintuża b'mod effikaċi u li l-informazzjoni dwar il-programm issir aktar aċċessibbli;

23.  Jitlob li jiġu ssimplifikati l-proċeduri għat-twaqqif ta' intrapriżi soċjali u solidali, sabiex il-burokrazija żejda ma tkunx ta' ostaklu għall-intraprenditorija soċjali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, lista, li għandha tkun soġġetta għal rieżami, tal-forom ġuridiċi eżistenti fl-Istati Membri u li għandhom il-karatteristiċi ta' impriżi soċjali u żżomm dik il-lista aġġornata filwaqt li tirrispetta l-ispeċifiċitajiet storiċi u legali tal-intrapriżi soċjali u solidali;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora aħjar l-ekonomija soċjali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi għall-intrapriżi soċjali u solidali, minn naħa waħda, u forom oħra ta' intrapriżi, min-naħa l-oħra;

26.  Jenfasizza l-importanza tan-netwerking fost l-intrapriżi soċjali u solidali, u jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu t-trasferiment tal-għarfien u l-aħjar prattiki fl-Istati Membri (pereżempju bit-twaqqif ta' punti ta' kuntatt nazzjonali) u fl-Unjoni kollha, bl-involviment mhux biss tal-intrapriżi soċjali u solidali nfushom, iżda anke tan-negozji tradizzjonali, id-dinja akkademika u partijiet interessati oħra; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Intraprenditorija Soċjali u f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tkompli tiġbor u taqsam informazzjoni dwar prattiki tajba eżistenti, u tanalizza kemm id-data kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva dwar il-kontribut tal-intrapriżi soċjali u solidali kemm għall-iżvilupp tal-politika pubblika kif ukoll għall-komunitajiet lokali;

27.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali, għandhom jissimplifikaw id-dimensjoni tal-intrapriża soċjali u solidali fil-politiki, il-programmi u l-prattiki rilevanti;

28.  Jenfasizza bil-qawwa li r-regoli ta' kif joperaw l-intrapriżi soċjali u solidali jridu jirrispettaw il-prinċipji ta' kompetizzjoni ġusta u ma jippermettux kompetizzjoni inġusta, sabiex l-intrapriżi żgħar u medji jkunu jistgħu jiffunzjonaw kif suppost.

29.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u tippreżenta, fejn xieraq, proposti leġiżlattivi li jfittxu li jistabbilixxu qafas ġuridiku aktar koerenti u komplet bħala appoġġ għall-intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà, b'mod speċifiku, iżda mhux biss, fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, id-dritt tal-kompetizzjoni u t-tassazzjoni, sabiex dawn l-impriżi jiġu ttrattati b'mod li jkun konsistenti man-natura partikolari tagħhom u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku; iqis li miżuri bħal dawn għandhom ikunu disponibbli għal intrapriżi li jkunu kisbu t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea, li tiggarantixxi r-rispett tal-kriterji biex titqies bħala intrapriża soċjali u solidali; iqis li tali proposti leġiżlattivi jistgħu b'mod partikolari jagħmluha aktar faċli għal intrapriżi soċjali u solidali biex jikkooperaw u jagħmlu tranżazzjonijiet transfruntiera ma' intrapriżi oħra bħal dawn;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi tanġibbli biex jiżblukkaw u jattiraw aktar finanzjament pubbliku u privat meħtieġ mill-intrapriżi soċjali u solidali, inkluż il-promozzjoni ta' Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea;

31.  Jitlob li tinħoloq pjattaforma online pubblika Ewropea u multilingwi, li permezz tagħha l-intrapriżi soċjali u solidali jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni u jagħmlu skambju ta' ideat dwar l-istabbiliment, l-opportunitajiet u r-rekwiżiti ta' finanzjament tal-Unjoni, il-parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku u l-istrutturi ġuridiċi possibbli;

32.  Iqis li jkun xieraq li l-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li tistabbilixxi linja ta' finanzjament biex tappoġġja l-innovazzjoni fl-intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà, b'mod partikolari meta l-karattru innovattiv tal-attività mwettqa mill-impriża tagħmilha diffiċli għaliha biex tiżgura finanzjament suffiċjenti taħt kundizzjonijiet tas-suq normali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi tanġibbli biex jagħmluha aktar faċli għal intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà biex jattiraw il-fondi li jeħtieġu biex ikomplu jiffunzjonaw;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-intrapriżi soċjali u solidali jingħataw appoġġ billi jingħatalhom biżżejjed finanzjament, peress li s-sostenibbiltà finanzjarja hija essenzjali biex jibqgħu jeżistu; jenfasizza l-ħtieġa li jitrawwem l-appoġġ finanzjarju offrut mill-investituri privati u l-entitajiet pubbliċi lill-intrapriżi soċjali u solidali fil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni, b'attenzjoni speċjali għall-finanzjament tal-innovazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-fondi eżistenti tal-Unjoni fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss – jiġifieri 2021-2027 – bħalma huma l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali, sabiex jiġu promossi l-ekonomija soċjali u l-intraprenditorija soċjali; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali tiegħu, u żżid is-sensibilizzazzjoni tas-settur finanzjarju dwar il-karatteristiċi u l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tal-intrapriżi soċjali u solidali; barra minn hekk iqis li huwa neċessarju li, b'mod ġenerali, jingħata appoġġ għal mezzi ta' finanzjament alternattivi, bħal fondi ta' kapital ta' riskju, fondi inizjali, mikrokreditu u finanzjament kollettiv, biex jiżdiedu l-investimenti f'dan is-settur, abbażi tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea;

34.  Jitlob li l-fondi tal-Unjoni jintużaw b'mod effiċjenti u jenfasizza li l-aċċess għal dawk il-fondi jeħtieġ ikun aktar faċli għall-benefiċjarji, anke biex l-intrapriżi soċjali u solidali jingħataw appoġġ u jissaħħu fl-objettiv primarju tagħhom li jħallu impatt soċjali aktar milli jimmassimizzaw il-profitt tagħhom, li finalment joffri redditu fuq l-investiment għas-soċjetà fuq żmien twil; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-QFP 2021-20127 li jmiss, twettaq rieżami tal-qafas regolatorju għall-fondi ta' investiment soċjali sabiex tiffaċilita l-aċċess tal-intrapriżi soċjali u solidali għas-suq finanzjarju; jitlob, f'dan il-kuntest, kampanja Ewropea effikaċi biex titnaqqas il-burokrazija u tiġi promossa t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea;

35.  jinnota, f'dan ir-rigward, li l-ekonomija soċjali għadha tħabbat wiċċha ma' diffikultajiet fl-aċċess għall-akkwist pubbliku, bħal ostakli relatati mad-daqs u l-kapaċità finanzjarja; itenni l-importanza ta' implimentazzjoni effikaċi tal-pakkett ta' riforma dwar l-akkwist pubbliku min-naħa tal-Istati Membri sabiex ikun hemm parteċipazzjoni akbar minn dawn l-intrapriżi fil-proċeduri ta' offerti għal kuntratti pubbliċi, billi jippubbliċizzaw aħjar ir-regoli dwar l-akkwist, il-kriterji u l-informazzjoni dwar l-offerti, u billi jtejbu l-aċċess għall-kuntratti għal tali intrapriżi, anke inklużi klawsoli u kriterji soċjali, billi jissimplifikaw il-proċeduri u jfasslu l-offerti b'tali mod li jagħmluhom aktar aċċessibbli għal operaturi iżgħar;

36.  Jagħraf li huwa importanti li l-intrapriżi jingħataw appoġġ finanzjarju fl-ekonomija soċjali u solidali; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi soċjali u solidali meta jirċievu għajnuna mill-Istat; jipproponi li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament fuq l-eżempju tal-kategoriji stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014(14);

37.  Jinnota li, minbarra l-finanzjament, l-għoti ta' servizzi edukattivi u ta' taħriġ għall-individwi impjegati mill-intrapriżi soċjali u solidali, speċjalment biex jitrawmu l-ħiliet intraprenditorjali u l-għarfien ekonomiku bażiku dwar kif titmexxa intrapriża, kif ukoll l-għoti ta' appoġġ speċjalizzat, flimkien mas-simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni, huma kruċjali biex jissaħħaħ it-tkabbir ta' dan is-settur; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki mmirati lejn trattament fiskali favorevoli għall-intrapriżi soċjali u solidali;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom fil-ġbir ta' data kemm kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva, u analiżijiet dwar intrapriżi soċjali u solidali u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-politika pubblika fil-pajjiżi u bejniethom, b'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet ta' dawn l-intrapriżi u bl-użu ta' kriterji xierqa u rilevanti, bil-għan li jittejjeb it-tfassil tal-politika u tal-istrateġiji u jiġu żviluppati għodod li jappoġġjawhom fl-iżvilupp tagħhom;

39.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, fuq il-bażi tal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal att leġiżlattiv, dwar il-ħolqien ta' Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għal intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà, skont ir-rakkomandazzjonijiet imniżżla fl-Anness tiegħu;

40.  Huwa tal-fehma li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti mill-Unjoni u l-Istati Membri;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet ta' akkumpanjament fl-anness, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Texti adottati, P6_TA(2009)0062.
(2) Texti adottati, P7_TA(2012)0429.
(3) Texti adottati, P8_TA(2015)0320.
(4) 13766/15 SOC 643 EMPL 423.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).
(7) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut tas-Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SKE) (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1).
(9) Testi adottati, P7_TA(2013)0094.
(10) http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=9024
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).
(12) https://ec.europa.eu/growth/sectors/social-economy_en
(13) http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=7523, p. 47
(14) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).


ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Rakkomandazzjoni 1 (il-ħolqien tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea u impriżi li jikkwalifikaw)

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li joħloq "Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea", li se tkun fakultattiva għall-intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà (intrapriżi soċjali u solidali), irrispettivament mill-forma ġuridika li jiddeċiedu li jadottaw b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandha tingħata biss lill-intrapriżi li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin, b'mod kumulattiv:

(a)  l-organizzazzjoni għandha tkun entità legali privata stabbilita fi kwalunkwe forma disponibbli fl-Istati Membri u skont id-dritt tal-UE, u għandha tkun indipendenti mill-Istat u l-awtoritajiet pubbliċi;

(b)  l-iskop tagħha jrid ikun essenzjalment iffukat fuq l-interess ġenerali jew utilità pubblika;

(c)  hija għandha essenzjalment twettaq attività utli għas-soċjetà u li tkun ibbażata fuq is-solidarjetà, jiġifieri permezz tal-attivitajiet tagħha, hija għandha timmira li tipprovdi appoġġ lil gruppi vulnerabbli, tiġġieled l-esklużjoni soċjali, l-inugwaljanza u l-ksur tad-drittijiet fundamentali, inkluż fil-livell internazzjonali, jew tgħin tipproteġi l-ambjent, il-bijodiversità, il-klima u r-riżorsi naturali;

(d)  hija għandha tkun soġġetta għal tal-inqas restrizzjoni parzjali fuq id-distribuzzjoni tal-profitti u għal regoli speċifiċi dwar l-allokazzjoni tal-profitti u l-assi matul il-ħajja kollha tagħha, inkluż fix-xoljiment tagħha; fi kwalunkwe każ, il-maġġoranza tal-profitti magħmula mill-impriża għandhom jiġu investiti mill-ġdid jew inkella jintużaw biex jinkiseb l-iskop soċjali tagħha;

(e)  hija għandha tiġi rregolata skont mudelli ta' governanza demokratika li jinvolvu l-impjegati, il-klijenti u l-partijiet ikkonċernati tagħha affettwati mill-attivitajiet tagħha; is-setgħa tal-membri u l-piż fit-teħid tad-deċiżjonijiet ma jistgħux ikunu bbażati fuq is-sehem kapitali li jista' jkollhom;

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li xejn ma jżomm lill-impriżi konvenzjonali milli jingħataw it-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija hawn fuq, b'mod partikolari rigward l-għan tagħhom, id-distribuzzjoni tal-profitti, il-governanza u t-teħid tad-deċiżjonijiet.

Rakkomandazzjoni 2 (mekkaniżmu għaċ-ċertifikazzjoni, is-superviżjoni u l-monitoraġġ tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea)

L-att leġiżlattiv għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni u ta' superviżjoni u monitoraġġ tat-tikketta legali bl-involviment tal-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-ekonomija soċjali; tali mekkaniżmu huwa essenzjali biex tiġi protetta t-tikketta legali tal-"intrapriża bbażata fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà" u biex jiġi preservat il-valur intrinsiku tagħha. Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li dan il-kontroll għandu jinvolvi organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-setturi tal-intrapriża soċjali.

Penali għall-ksur tar-regoli rilevanti jistgħu jvarjaw minn sempliċi twissija għall-irtirar tat-tikketta.

Rakkomandazzjoni 3 (ir-rikonoxximent tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea)

It-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandha tkun valida fl-Istati Membri kollha. Intrapriża li jkollha t-tikketta għandha tiġi rikonoxxuta bħala intrapriża soċjali u solidali fl-Istati Membri kollha. It-tikketta għandha tippermetti lil kull impriża li jkollha din it-tikketta twettaq l-attività prinċipali tagħha fi Stati Membri oħrajn skont l-istess rekwiżiti bħall-impriżi nazzjonali li jkollhom it-tikketta. Huma għandhom igawdu l-istess benefiċċji, drittijiet u obbligi bħall-intrapriżi soċjali u solidali inkorporati skont il-liġi tal-Istat Membru fejn joperaw.

Rakkomandazzjoni 4 (obbligi ta' rappurtar)

L-att leġiżlattiv għandu jirrikjedi lill-intrapriżi soċjali u solidali, li jkunu lesti jżommu t-tikketta, joħorġu fuq bażi annwali rapport soċjali dwar l-attivitajiet u r-riżultati tagħhom, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, l-allokazzjoni tal-profitti, is-salarji, is-sussidji, u benefiċċji oħra li jirċievu. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tipproduċi mudell biex tgħin lill-intrapriżi soċjali u solidali f'dan l-isforz.

Rakkomandazzjoni 5 (linji gwida rigward prattiki tajbin)

L-att leġiżlattiv għandu jawtorizza wkoll lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi linji gwida għal prattiki tajbin għal intrapriżi soċjali u solidali fl-Ewropa. Dawn il-prattiki tajbin għandhom jinkludu, b'mod partikolari, dan li ġej:

(a)  mudelli ta' governanza demokratika effettiva;

(b)  proċessi ta' konsultazzjoni għall-istabbiliment ta' strateġija ta' negozju effettiv;

(c)  adattament għall-ħtiġijiet soċjali u għas-suq tal-impjiegi, b'mod partikolari fil-livell lokali;

(d)  politika dwar il-pagi, it-taħriġ professjonali, is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u l-kwalità ta' impjieg;

(e)  relazzjonijiet ma' utenti u klijenti u t-tweġiba għal ħtiġijiet soċjali li mhumiex koperti mis-suq jew mill-Istat;

(f)  is-sitwazzjoni tal-intrapriża fir-rigward tad-diversità, in-nondiskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa fost il-membri tagħhom, inklużi pożizzjonijiet ta' responsabbiltà u ta' tmexxija;

Rakkomandazzjoni 6 (lista ta' forom ġuridiċi)

L-att leġiżlattiv għandu jinkludi lista ta' forom ġuridiċi fl-Istati Membri ta' intrapriżi u impriżi li jikkwalifikaw għat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea. Din il-lista għandha tiġi riveduta regolarment.

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u l-kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri, dik il-lista għandha tkun ippubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea.

Rakkomandazzjoni 7 (reviżjoni ta' leġiżlazzjoni eżistenti)

Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrevedi l-atti ġuridiċi eżistenti u tippreżenta, fejn xieraq, proposti leġiżlattivi li jistabbilixxu qafas ġuridiku aktar koerenti u komplet fl-appoġġ tal-intrapriżi soċjali u solidali;

Rakkomandazzjoni 8 (dwar l-ekosistema għall-intrapriżi soċjali u solidali u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-politiki tagħha jirriflettu l-impenn biex joħolqu ekosistema għall-intrapriżi soċjali u solidali. Il-Kummissjoni hija mistiedna tikkunsidra l-fatt li l-intrapriżi soċjali u solidali għandhom influwenza lokali u reġjonali qawwija, li tagħtihom il-vantaġġ li jkunu aktar konxji dwar il-bżonnijiet speċifiċi u jkunu kapaċi joffru prodotti u servizzi, ħafna minnhom ibbażati fuq il-komunità, kif ukoll itejbu l-koeżjoni soċjali u territorjali. Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu passi sabiex tippromwovi l-kooperazzjoni bejn intrapriżi soċjali u intrapriżi solidali ma' kull naħa tal-fruntieri nazzjonali u settorjali sabiex trawwem l-iskambju tal-għarfien u tal-prattiki b'tali mod li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' tali intrapriżi;

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza