Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar l-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta' Fuq (2017/2225(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta' Fuq,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Belfast tal-1998 (il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0240/2018),
A. billi l-politika ta' koeżjoni tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq topera permezz ta' diversi strumenti, inklużi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Programm PEACE għall-Irlanda ta' Fuq u r-Reġjuni mal-Fruntiera u l-programmi transfruntiera tal-Interreg;
B. billi huwa ċar li l-Irlanda ta' Fuq hija reġjun li bbenefika ħafna mill-politika ta' koeżjoni tal-UE; billi l-impenn ta' finanzjament futur fl-abbozz tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-Kummissjoni għall-2027-2021 qed jintlaqa' b'mod pożittiv ferm;
C. billi, apparti l-fondi aktar ġenerali tal-politika ta' koeżjoni , l-Irlanda ta' Fuq ibbenefikat b'mod partikolari minn programmi transfruntiera u programmi interkomunitarji u transkomunitarji speċjali, inkluż il-Programm PEACE;
D. billi l-politika ta' koeżjoni tal-UE, b'mod partikolari permezz tal-Programm PEACE, ikkontribwiet b'mod deċiżiv għall-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq, tappoġġja l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u tkompli tappoġġja r-rikonċiljazzjoni tal-komunitajiet;
E. billi wara l-ħolqien tal-ewwel Programm PEACE fl-1995, intefqu aktar minn EUR 1,5 biljun bl-għan doppju li tiġi promossa l-koeżjoni bejn il-komunitajiet involuti fil-kunflitt fl-Irlanda ta' Fuq u fil-kontej mal-fruntiera tal-Irlanda, kif ukoll l-istabbiltà ekonomika u soċjali;
F. billi s-suċċess tal-finanzjament ta' koeżjoni tal-UE jirriżulta parzjalment mill-fatt li dan jitqies bħala "flus newtrali", jiġifieri flus mhux marbuta direttament mal-interessi tal-ebda waħda minn dawn il-komunitajiet;
1. Jenfasizza l-kontribuzzjoni importanti u pożittiva tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq, partikolarment fir-rigward tal-assistenza għall-irkupru ta' oqsma urbani u rurali li jinsabu fil-bżonn, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-bini ta' kuntatti transkomunitarji u transfruntiera fil-kuntest tal-proċess ta' paċi; jinnota, b'mod partikolari, li l-assistenza għal żoni urbani u rurali li jinsabu fil-bżonn spiss tieħu l-forma ta' appoġġ għal żvilupp ekonomiku ġdid li jippromwovi l-ekonomija tal-għarfien, bħalma huma l-Parks tax-Xjenza f'Belfast u f'Derry/Londonderry;
2. Jenfasizza li aktar minn EUR 1 biljun f'assistenza finanzjarja tal-UE ser jintefqu fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Irlanda ta' Fuq u fir-reġjuni ġirien fil-perjodu finanzjarju kurrenti, li minnhom EUR 230 miljun ser jiġu investiti fil-Programm PEACE tal-Irlanda ta' Fuq (b'baġit totali ta' kważi EUR 270 miljun) u EUR 240 miljun fil-programm Interreg V-A għall-Irlanda ta' Fuq, l-Irlanda u l-Iskozja (b'baġit totali ta' EUR 280 miljun);
3. Jikkunsidra li l-programmi speċjali tal-UE għall-Irlanda ta' Fuq, speċjalment il-Programm PEACE, huma ta' importanza ewlenija biex jinżamm il-proċess ta' paċi, peress li jrawmu r-rikonċiljazzjoni u l-kuntatti interkomunitarji, transkomunitarji u transfruntiera; jinnota li ċ-ċentri soċjali transkomunitarji u transfruntiera u s-servizzi kondiviżi huma partikolarment importanti f'dan ir-rigward;
4. Jilqa' l-passi importanti 'l quddiem li ttieħdu fl-Irlanda ta' Fuq permezz tal-Programm PEACE, u jirrikonoxxi l-ħidma tal-partijiet kollha f'dan il-proċess;
5. Josserva li l-miżuri interkomunitarji u transkomunitarji għall-bini tal-fiduċja, u l-miżuri għal koeżistenza paċifika, bħalma huma l-ispazji kondiviżi u n-netwerks ta' appoġġ, kellhom rwol ewlieni fil-proċess ta' paċi, peress li l-ispazji kondiviżi jippermettu lill-komunitajiet fl-Irlanda ta' Fuq jinġabru flimkien bħala komunità waħda għal attivitajiet konġunti u jiżviluppaw fiduċja u rispett reċiproċi, u b'hekk jgħinu biex titfejjaq il-firda;
6. Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità u tal-approċċ minn isfel għal fuq, li jinkoraġġixxu lill-komunitajiet kollha jieħdu s-sjieda tal-proġetti, u b'hekk jissaħħaħ il-proċess ta' paċi;
7. Jinnota l-impenn tal-partijiet interessati kollha fl-Irlanda ta' Fuq għall-kontinwazzjoni tal-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fir-reġjun; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' governanza f'diversi livelli kkoordinata u fuq il-prinċipju tas-sħubija;
8. Huwa tal-opinjoni, madankollu, li jista' jsir aktar biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-viżibilità ġenerali tal-impatt u l-bżonn ta' finanzjament tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq, b'mod partikolari billi l-pubbliku ġenerali jiġi informat dwar l-impatt tal-proġetti ffinanzjati mill-UE għall-proċess ta' paċi u l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun;
9. Jilqa' l-fatt li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fir-reġjuni qegħdin jaħdmu kif suppost u li għaldaqstant l-assistenza finanzjarja tal-UE qiegħda tintefaq b'mod effettiv; jisħaq, madankollu, li meta tiġi vvalutata l-prestazzjoni ta' dan il-programm, iridu dejjem jitqiesu, apparti l-konformità, l-objettivi sottostanti tal-Programm PEACE;
10. Mingħajr ħsara għan-negozjati li għaddejjin bejn l-UE u r-Renju Unit, jemmen li, wara l-2020, huwa kruċjali għall-Irlanda ta' Fuq li tkun kapaċi tipparteċipa f'ċerti programmi speċjali tal-UE, bħal pereżempju l-Programm PEACE u l-programm Interreg V-A għall-Irlanda ta' Fuq, l-Irlanda u l-Iskozja, peress li dan ikun ta' benefiċċju kbir għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, żvantaġġati u mal-fruntiera, billi jitnaqqsu d-differenzi eżistenti; iħeġġeġ, barra minn hekk, fil-kuntest tal-QFP ta' wara l-2020, li jintużaw l-istrumenti finanzjarji rilevanti kollha sabiex jippermettu t-tkomplija tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni;
11. Iqis li, wara l-2020, mingħajr ħsara għan-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u r-Renju Unit, l-appoġġ tal-UE għall-kooperazzjoni territorjali, speċjalment fir-rigward ta' proġetti transfruntiera u transkomunitarji, għandu jitkompla fid-dawl tal-kisbiet tal-programmi ta' koeżjoni tal-UE speċjali għall-Irlanda ta' Fuq, jiġifieri l-Programm PEACE u l-programmi Interreg, li huma partikolarment importanti għall-istabbiltà tar-reġjun; jibża' li, jekk jintemmu dawn il-programmi, jiġu pperikolati l-attivitajiet transfruntiera u dawk interkomunitarji u transkomunitarji għall-bini ta' fiduċja u, bħala konsegwenza, il-proċess ta' paċi;
12. Jenfasizza li 85 % tal-finanzjament għall-programmi PEACE u Interreg jiġi mill-UE; iqis, għaldaqstant, li huwa importanti li l-UE għandha tkompli tagħmel kuntatt mal-komunitajiet fl-Irlanda ta' Fuq wara l-2020 billi jkollha rwol attiv fl-amministrazzjoni tal-finanzjament tal-koeżjoni u dawk interkomunitarji u transkomunitarji disponibbli tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq, u b'hekk jiġu megħjuna jegħlbu d-diviżjonijiet soċjetali; f'dan il-kuntest, jemmen li l-finanzjament għandu jinżamm f'livell adegwat wara l-2020; jisħaq fuq il-fatt li dan huwa importanti biex jippermetti li tkompli l-ħidma għall-bini tal-paċi;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-esperjenza tal-Irlanda ta' Fuq b'finanzjament tal-koeżjoni, speċjalment bil-Programm PEACE, bħala eżempju ta' kif l-UE qed tindirizza l-kunflitti interkomunitarji u d-diviżjonijiet fil-komunità; jisħaq fuq il-fatt, f'dan ir-rigward, li l-proċess ta' rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq huwa eżempju pożittiv għal żoni oħra fl-UE li jkunu esperjenzaw kunflitt;
14. Jisħaq fuq il-fatt li prattiki tajba b'finanzjament tal-koeżjoni u l-Programm PEACE għandhom jittieħdu bħala mudell tal-UE u promossi sabiex jegħlbu n-nuqqas ta' fiduċja fost il-komunitajiet f'kunflitt u biex tinkiseb il-paċi dejjiema f'partijiet oħra tal-Ewropa u anke madwar id-dinja;
15. Iqis li huwa essenzjali li l-poplu tal-Irlanda ta' Fuq, u b'mod partikolari ż-żgħażagħ, għandu jibqa' jkollu aċċess għall-iskambji ekonomiċi, soċjali u kulturali madwar l-Ewropa, partikolarment għall-programm Erasmus+;
16. Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi t-tkomplija tal-programmi PEACE u Interreg fil-proposta tagħha għall-QFP 2021-2027. jinnota, barra minn hekk, id-dokument ta' pożizzjoni tar-Renju Unit dwar il-futur tal-Politika ta' Koeżjoni ta' April 2018, li fih ir-Renju Unit jiddikjara r-rieda tiegħu li jesplora suċċessur potenzjali għal PEACE IV, kif ukoll Interreg V-A, għall-perjodu ta' wara l-2020 mal-Eżekuttiv tal-Irlanda ta' Fuq, il-Gvern Irlandiż u l-UE, kif ukoll l-impenn tiegħu li jonora l-impenji għal PEACE u Interreg taħt il-QFP kurrenti;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Assemblea u l-Eżekuttiv tal-Irlanda ta' Fuq, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom.