Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/825 biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali u li jadatta l-objettiv ġenerali tiegħu (COM(2017)0825 – C8-0433/2017 – 2017/0334(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0825),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 175 u 197(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0433/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-3 ta' April 2018(2),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-18 ta' Lulju 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0227/2018),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Settembru 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/825 biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali u jadatta l-objettiv ġenerali tiegħu
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/1671.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠISLATTIVA
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA MILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL U L-KUMISSJONI
Rigward il-finanzjament taż-żieda tal-pakkett finanzjarju għall-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu kif ġej:
1. EUR 40 miljun se jkunu ffinanzjati permezz tal-linja baġitarja SRSP li tinsab fl-Intestatura 1b (13.08.01) tal-QFP (Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali) bil-mobilizzazzjoni tal-Marġni Globali għall-impenji f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament QFP (UE, Euratom) Nru 1311/2013 fil-qafas tal-proċedura baġitarja skont l-Artikolu 314 tat-TFUE;
2. EUR 40 miljun se jkunu ffinanzjati permezz tal-linja baġitarja SRSP li tinsab fl-Intestatura 2 (13.08.02) tal-QFP (Tkabbir Sostenibbli: Riżorsi Naturali) permezz ta' riallokazzjonijiet għajr assistenza teknika u l-Iżvilupp Rurali taħt din l-Intestatura u mingħajr rikors għall-marġini. Is-sorsi preċiżi għal tali riallokazzjonijiet sejrin jiġu speċifikati aktar meta jkun il-waqt fid-dawl tan-negozjati tal-proċedura baġitarja għall-baġit 2019.
DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
(għall-pubblikazzjoni fis-serje C tal-ĠU)
Il-Kummissjoni se tidentifika u tipproponi riallokazzjonijiet ta’ EUR 40 miljun fl-Intestatura 2 tal-MFF (Tkabbir Sostenibbli: Riżorsi Naturali) f’ittra emendatorja għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-2019.