Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2847(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0388/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.8
CRE 13/09/2018 - 10.7

Testi adottati :

P8_TA(2018)0350

Testi adottati
PDF 122kWORD 50k
Il-Ħamis, 13 ta' Settembru 2018 - Strasburgu
In-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-reġjun ta' Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE
P8_TA(2018)0350RC-B8-0388/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2018 dwar in-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-reġjun ta' Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE (2018/2847(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (COM(2017)0772),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta' Pariġi, adottati permezz tad-Deċiżjoni 1/CP.21 fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC (COP 21), kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saret f'Pariġi, Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-reġjun ta' Attika fil-Greċja traġikament irriżulta fil-mewt ta' 99 ruħ u ħalla mijiet ta' persuni feruti;

B.  billi dawn in-nirien qerdu d-djar, hekk li bosta mijiet ta' persuni kellhom jiġu evakwati, għamlu ħsarat kbar fl-infrastruttura lokali u reġjonali u fl-ambjent, ħallew impatt fuq l-agrikoltura u affettwaw attivitajiet ekonomiċi, inklużi s-setturi tat-turiżmu u tal-ospitalità;

C.  billi sitwazzjonijiet ta' nixfa estrema u nirien fil-foresti saru aktar frekwenti, gravi u kumplessi, u qed ikollhom impatt akbar madwar l-Ewropa kollha, u huma aggravati mill-bidla fil-klima;

D.  billi l-investiment għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima huwa miżura urġenti sabiex jiġu evitati l-katastrofi minħabba n-nixfa u n-nirien;

E.  billi l-Greċja, l-Iżvezja u l-Latvja lkoll talbu appoġġ mill-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili fis-sajf tal-2018 minħabba nirien;

1.  Jesprimi l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-familji ta' dawk kollha li tilfu ħajjithom fin-nirien fir-reġjun ta'Attika;

2.  Jesprimi s-simpatiji tiegħu lir-residenti kollha li ġew affettwati min-nirien fir-reġjun ta'Attika;

3.  Jagħti ġieħ lid-dedikazzjoni tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar, tal-gwardji tal-kosta, tal-voluntiera u ta' oħrajn li ssograw ħajjithom biex jitfu n-nirien u jsalvaw liċ-ċittadini sħabhom;

4.  Jirrileva r-rwol tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili fil-forniment ta' ajruplani, vetturi, persunal mediku u ħaddiema tat-tifi tan-nar minn madwar l-Unjoni Ewropea;

5.  Ifakkar li diversi fondi tal-UE, bħall-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, jistgħu jintużaw għat-tiswija ta' infrastrutturi essenzjali u għall-operazzjonijiet ta' tindif wara diżastru naturali;

6.  Itenni l-importanza tal-appoġġ mill-fondi ta' koeżjoni tal-UE għall-prevenzjoni tan-nirien u r-reazzjoni ta' emerġenza, u jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw dan il-finanzjament bis-sħiħ u jinfurmaw lill-pubbliku dwar ir-riskji tan-nirien fil-foresti;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir aktar riċerka xjentifika fuq mekkaniżmi ta' valutazzjoni tar-riskju, sistemi ta' prevenzjoni u ta' identifikazzjoni bikrija, u fuq mezzi oħra għall-ġlieda kontra dawn il-fenomeni, kif ukoll li jittejbu l-iskambju ta' esperjenzi u l-qsim tal-aħjar prattiki fost ir-reġjuni u l-Istati Membri;

8.  Jenfasizza li dokument ippubblikat fl-1 ta' Awwissu 2018 mill-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija(2) jipprovdi evidenza li l-mewġa ta' sħana fl-Ewropa fl-2018 hija marbuta mat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu miri u jimplimentaw politiki dwar il-klima li jissodisfaw l-impenji magħmula fil-ftehim ta' Pariġi COP 21;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-prevenzjoni tal-għargħar tkun żgurata fiż-żoni affettwati min-nirien tal-foresti, sabiex jiġu evitati aktar diżastri;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-ġestjoni tar-riskju ta' nirien fil-foresti u l-ġestjoni tal-foresti u tal-pajsaġġi abbażi tal-ekosistema meta tevalwa miżuri kurrenti tal-UE, bħall-istrateġija tal-UE għall-foresti u l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, u jistedinha taġġusta dawn l-istrateġiji jekk tidentifika xi lakuni;

11.  Jitlob li l-Kunsill u l-Kummissjoni jiffinalizzaw mal-Parlament in-negozjati interistituzzjonali dwar il-Mekkaniżmu ta' Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni u l-ħolqien ta' rescEU sa tmiem l-2018;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali taż-żoni affettwati min-nirien.

(1) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(2) https://public.wmo.int/en/media/news/july-sees-extreme-weather-high-impacts

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Settembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza