Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2018 dwar it-theddida ta' demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u ta' villaġġi Bedwini oħra (2018/2849(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Federica Mogherini tas-7 ta' Settembru 2018 dwar l-aħħar żviluppi rigward id-demolizzjoni ppjanata ta' Khan al-Ahmar,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta ta' Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, u r-Renju Unit tal-10 ta' Settembru 2018 dwar Khan al-Ahmar,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949, b'mod partikolari l-Artikoli 49, 50, 51 u 53 tagħha,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sitt Xhur dwar id-Demolizzjonijiet u l-Konfiski ta' strutturi ffinanzjati mill-UE fix-Xatt tal-Punent inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, Jannar-Ġunju 2018, ippubblikat mis-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna (SEAE) fl-24 ta' Awwissu 2018,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-5 ta' Settembru 2018 il-Qorti Superjuri Iżraeljana ċaħdet il-petizzjonijiet mir-residenti ta' Khan al-Ahmar; billi l-Qorti Superjuri ddeċidiet li l-awtoritajiet rilevanti huma awtorizzati jeżerċitaw il-pjan ta' rilokazzjoni tar-residenti ta' Jahalin tal-Punent; billi l-Qorti Superjuri ppermettiet lill-awtoritajiet Iżraeljani jipproċedu bil-pjanijiet għad-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar;
B. billi Khan al-Ahmar huwa wieħed mis-46 komunità Bedwina li n-NU tqis li tinsab f'riskju ta' trasferiment bil-forza fix-Xatt tal-Punent ċentrali; billi din il-komunità hija magħmula minn 32 familja u 173 persuna b'kollox, u 92 minnhom huma minuri; billi l-armata Iżraeljana ħarġet ordnijiet ta' demolizzjoni għall-istrutturi kollha fil-villaġġ;
C. billi fl-2010 il-Qorti Superjuri Iżraeljana ddeċidiet li r-raggruppament sħiħ ta' strutturi ta' Khan al-Ahmar kien inbena illegalment, bi ksur tal-liġijiet tal-ippjanar u t-tqassim taż-żoni, u b'hekk kellu jiġi ddemolit; billi l-Qorti Superjuri enfasizzat ukoll li l-awtoritajiet Iżraeljani kellhom bżonn isibu alternattiva xierqa għall-iskola u għar-residenti tal-komunità; billi l-istat ta' Iżrael iddikjara bil-miktub dak li se jipprovdi lil dawk il-familji li jmorru joqogħdu f'Jahalin tal-Punent (Abu Dis), bil-prospett li jiżviluppa sit ieħor ta' rilokazzjoni lejn il-lvant ta' Ġeriko; billi l-komunità kkonċernata ta' Khan al-Ahmar rrifjutat li tkun spostata;
D. billi t-trasferiment bil-forza ta' residenti ta' territorju okkupat, sakemm is-sigurtà tal-popolazzjoni jew ir-raġunijiet militari imperattivi jitolbu hekk, huwa pprojbit skont ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, u jikkostitwixxi ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali;
E. billi l-awtoritajiet ta' Iżrael jimponu reġim dwar il-bini restrittiv immens fuq ir-residenti Palestinjani fiż-Żona C fix-Xatt tal-Punent; billi dan ir-reġim jagħmilha kważi impossibbli li l-attivitajiet Palestinjani ta' bini jkunu legali fiż-żona, u jintuża bħala mezz għall-evizzjoni tal-Palestinjani u għall-espansjoni ta' attivitajiet ta' insedjament; billi l-insedjamenti Iżraeljani huma illegali skont id-dritt internazzjonali u jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-isforzi favur il-paċi; billi, skont id-dritt internazzjonali, kwalunkwe parti terza, inklużi l-Istati Membri tal-UE, għandha dmir li ma tirrikonoxxix, ma tgħinx jew ma tassistix lill-insedjamenti f'territorju okkupat, kif ukoll dmir li topponihom b'mod effikaċi;
F. billi Khan al-Ahmar jinsab fiż-żona tal-kurutur E1 fix-Xatt tal-Punent okkupat; billi ż-żamma tal-istatus quo f'din iż-żona hija ta' importanza fundamentali għall-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u għall-istabbiliment ta' stat Palestinjan kontigwu u vijabbli fil-futur; billi l-Parlament oppona ripetutament kull azzjoni li ddgħajjef il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u ħeġġeġ liż-żewġ naħat juru, permezz ta' politiki u azzjonijiet, impenn ġenwin lejn soluzzjoni ta' żewġ stati sabiex tinbena mill-ġdid il-fiduċja;
G. billi 10 Stat Membru tal-UE qed jappoġġjaw programmi umanitarji f'Khan al-Ahmar, inkluża l-kostruzzjoni ta' skola primarja, u valur stmat ta' EUR 315 000 f'assistenza umanitarja ffinanzjata mill-UE issa jinsab f'riskju;
H. billi, skont l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-UE fil-Palestina, il-qerda u l-konfiska ta' proprjetà Palestinjana fix-Xatt tal-Punent okkupat, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant, komplew fl-ewwel nofs tal-2018; billi d-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar toħloq ir-riskju li jinħolqu preċedenti għal għexieren ta' komunitajiet Bedwini oħra madwar ix-Xatt tal-Punent;
1. Jingħaqad mal-VP/RGħ, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit fis-sejħa tagħhom lill-Gvern Iżraeljan biex jirrinunzja l-pjan ta' rilokazzjoni li jwassal għad-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u t-trasferiment bil-forza tal-popolazzjoni tiegħu f'post ieħor; jisħaq fuq l-importanza kbira li l-UE tkompli titkellem b'vuċi waħda dwar din il-kwistjoni;
2. Iwissi lill-awtoritajiet Iżraeljani li d-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u t-trasferiment bil-forza tar-residenti tiegħu jikkostitwixxu ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali;
3. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tad-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar, li tkompli thedded il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u timmina l-prospetti għall-paċi; Itenni li l-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati hija l-prijorità immedjata tal-politiki u tal-azzjoni tal-UE fir-rigward tal-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina u tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani;
4. Jinsisti li - jekk iseħħu d-demolizzjoni u l-evizzjoni ta' Khan al-Ahmar - ir-risposta tal-UE trid tkun proporzjonata mas-serjetà ta' dan l-iżvilupp u konsistenti mal-appoġġ li dejjem tat lill-komunità ta' Khan al-Ahmar. jistieden lill-VP/RGħ tagħti spinta lill-involviment tal-UE mal-awtoritajiet Iżraeljani fir-rigward tar-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-popolazzjoni Palestinjana fiż-Żona C u titlob kumpens mill-Iżrael għall-qerda tal-infrastruttura ffinanzjata mill-UE;
5. Jitlob li l-Gvern Iżraeljan iwaqqaf minnufih il-politika tiegħu ta' theddid ta' demolizzjoni u evizzjoni reali kontra l-komunitajiet Bedwini li jgħixu fin-Negev u fiż-Żona C fix-Xatt tal-Punent okkupat; jenfasizza li d-demolizzjoni ta' djar, skejjel u infrastruttura vitali oħra fit-territorju Palestinjan okkupat hija illegali skont id-dritt umanitarju internazzjonali;
6. Ifakkar li Iżrael huwa kompletament responsabbli għall-għoti tas-servizzi neċessarji, inklużi l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-assistenza soċjali, għall-persuni li jgħixu taħt l-okkupazzjoni tiegħu, f'konformità mar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra;
7. Jibqa' konvint bis-sħiħ li l-unika soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani hija dik ta' żewġ stati demokratiċi, Iżrael u l-Palestina, f'koeżistenza paċifika fi ħdan fruntieri sikuri u rikonoxxuti, abbażi tal-fruntieri tal-1967 u b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati; jikkundanna kwalunkwe deċiżjoni jew azzjoni unilaterali li tista' tipperikola l-prospettivi ta' din is-soluzzjoni;
8. Jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex b'mod immedjat itemmu u jreġġgħu lura l-politika ta' insedjament tagħhom; jitlob li l-UE tibqa' soda dwar din il-kwistjoni;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Koordinatur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern ta' Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.