Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2257(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0241/2018

Testi mressqa :

A8-0241/2018

Dibattiti :

PV 12/09/2018 - 18
CRE 12/09/2018 - 18

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0355

Testi adottati
PDF 199kWORD 65k
Il-Ħamis, 13 ta' Settembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Ewropa f'Moviment: aġenda għall-futur tal-mobilità fl-UE
P8_TA(2018)0355A8-0241/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2018 dwar Ewropa f'Moviment: aġenda għall-futur tal-mobilità fl-UE (2017/2257(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Ewropa Attiva: Aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobilità kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd" (COM(2017)0283),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, ratifikat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-4 ta' Ottubru 2016(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Ottubru 2017 dwar mobilità kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-5 ta' Lulju 2017 dwar l-implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tat-trasport għat-tfassil tal-politika tal-UE(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' April 2009 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tas-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar CARS 2020: lejn industrija tal-karozzi Ewropea b'saħħitha, kompetittiva u sostenibbli(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-ħolqien ta' sistema multimodali integrata għall-ħruġ ta' biljetti fl-Ewropa(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli(8),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Valletta dwar is-Sikurezza fit-Toroq tad-29 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tal-2016 bit-titolu "Self-piloted cars: the future of road transport?" ("Karozzi awtogwidati: il-ġejjieni tat-trasport bit-triq?"),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tal-2017 bit-titolu "Infrastructure funding challenges in the sharing economy" ("L-isfidi tal-finanzjament tal-infrastruttura fl-ekonomija ta' kondiviżjoni"),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-2017 bit-titolu "Impact of digitalisation and the on-demand economy on labour markets and the consequences for employment and industrial relations" ("L-impatt tad-diġitalizzazzjoni u l-ekonomija on demand fuq is-swieq tax-xogħol u l-konsegwenzi għall-impjieg u r-relazzjonijiet industrijali"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0241/2018),

A.  billi qed isiru bidliet strutturali fis-settur tat-trasport, u l-futur tat-trasport fl-UE jinsab fl-intersezzjoni tal-prijoritajiet ġenerali tal-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, il-Programm għal l-Arja Nadifa għall-Ewropa u l-linji gwida tal-UE dwar is-sikurezza tat-toroq 2011-2020;

B.  billi d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u l-użu ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi joffru opportunitajiet għall-ġejjieni tal-mobilità u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli;

C.  billi l-ekonomija kollaborattiva u ta' kondiviżjoni qed tittrasforma l-industrija tat-trasport mad-dinja kollha; billi l-valur tat-tranżazzjonijiet tal-ekonomija kollaborattiva fis-settur tat-trasport fl-Ewropa fl-2015 ġie stmat għal EUR 5,1 biljun, żieda ta' 77 % meta mqabbel mas-sena preċedenti, filwaqt li l-interazzjonijiet tal-ekonomija ta' kondiviżjoni mhux monetarja jaqbżu sew dan ix-xenarju, fatt li jenfasizza l-importanza ta' dan il-fenomenu;

D.  billi huwa stmat li t-trasport tal-passiġġieri se jikber b'madwar 42 % bejn l-2010 u l-2050 u billi t-trasport tal-merkanzija se jikber b'60 % matul l-istess perjodu;

E.  billi l-White Paper dwar it-Trasport tal-2011 appellat li 30 % tat-trasport tal-merkanzija li jsir fil-kurituri ewlenin jiġi trasferit mit-toroq għal modi tat-trasport aktar sostenibbli bħalma hi l-ferrovija sal-2030, u li 50 % jiġi trasferit sal-2050, filwaqt li rrikjediet li tiġi żviluppata infrastruttura ekoloġika xierqa;

F.  billi l-applikazzjoni, fil-modi kollha tat-trasport, tal-prinċipju ta' min juża u jniġġes iħallas, inklużi fit-trasport bit-triq, dak ferrovjarju, dak marittimu u l-avjazzjoni, se tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' kondizzjonijiet ekwi bejn il-modi kollha tat-trasport;

G.  billi servizzi ta' mobilità ġodda għandhom l-għan li jtejbu b'mod sinifikanti t-trasport urban u għandhom il-potenzjal li jagħmlu dan billi jnaqqsu l-konġestjoni u l-emissjonijiet u jipprovdu alternattiva għas-sjieda ta' karozza privata, peress li l-karozza privata għadha l-mezz prinċipali tat-trasport f'dawk li huma vjaġġi magħmula; billi tali servizzi jistgħu jippermettu tranżizzjoni lejn trasport multimodali u kondiviż, li b'hekk huwa wkoll aktar sostenibbli, u jistgħu jikkomplementaw forom pubbliċi u attivi ta' trasport;

H.  billi s-settur tat-trasport jaqdi rwol ewlieni fil-funzjonament tal-ekonomija tal-UE, fejn jikkostitwixxi madwar 4 % tal-PDG tal-UE u aktar minn 5 % tal-impjiegi kollha tal-UE(9); billi n-nisa jiffurmaw biss 22 % tal-forza tax-xogħol tas-settur u terz tal-ħaddiema kollha tas-settur għandhom 'il fuq minn 50 sena;

I.  billi l-vetturi konnessi u awtonomi huma mistennija jagħmlu t-trasport bit-triq tal-futur aktar effiċjenti, sikur u sigur, peress li l-iżball uman huwa l-kawża ewlenija tal-inċidenti kollha tat-traffiku fit-toroq tal-Ewropa;

J.  billi sar progress kbir f'dawn l-aħħar deċennji, fatt li għamel lill-UE l-iktar reġjun sikur f'dak li hu trasport bit-triq; billi l-għadd kbir ta' vittmi ta' inċidenti, fejn naraw li s-sena l-oħra fir-toroq Ewropej mietu 25 500 ruħ u sfaw midruba serjament 135 000 ruħ, għadu qed jikkawża sofferenza umana kbira u kosti ekonomiċi inaċċettabbli, li huma stmati li jammontaw għal EUR 100 biljun fis-sena, u billi l-miri tal-2020, li l-għadd ta' vittmi tal-inċidenti tat-traffiku jitnaqqas bin-nofs meta mqabbel mal-2010, mhumiex qed jintlaħqu u l-proporzjon ta' korrimenti serji u ta' mwiet ta' utenti tat-toroq vulnerabbli bħalma huma dawk li jkunu mexjin fit-toroq, iċ-ċiklisti jew is-sewwieqa ta' vetturi bil-mutur aktar żgħir b'żewġ roti qed jiżdied f'daqqa.

K.  billi t-trasport huwa l-kawża prinċipali tat-tniġġis tal-arja fiż-żoni urbani u huwa responsabbli għal iktar minn 25 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE, li aktar minn 70 % minnhom huma ġejjin mit-trasport bit-triq, sehem li qed ikompli jiżdied;

L.  billi riċerka u stimi ta' dan l-aħħar jiżvelaw rabta aktar qawwija bejn l-esponiment għat-tniġġis tal-arja u riskji ogħla għas-saħħa pubblika, inklużi l-mard kardjovaskulari bħalma huma l-puplesija u l-mard tal-qalb iskemiku, u l-kanċer, u billi l-materja partikolata tal-UE hija stmata li tikkawża 399 000 mewta qabel il-waqt kull sena, fejn iċ-ċifri korrispondenti huma 75 000 għall-ossidi tan-nitroġenu u 13 600 għall-ożonu: billi n-nies li jgħixu f'ambjenti urbani huma partikolarment esposti għal dan il-periklu;

M.  billi bħalissa fid-dinja kollha qed isiru sforzi mill-akbar biex is-settur tat-trasport isir aktar inklużiv, sikur u ġust, inkluża l-introduzzjoni ta' miri ambizzjużi u standards vinkolanti, u billi l-UE m'għandhiex titlef l-opportunità tagħha li tkun ta' quddiem nett f'dawn l-innovazzjonijiet soċjali;

L-impatt tat-tranżizzjoni tat-trasport fuq il-ħiliet u l-metodi ta' ħidma

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Ewropa Attiva: Aġenda għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobilità kompetittiva, konnessa u mingħajr ħsara għall-ambjent għal kulħadd", li tirrikonoxxi li s-settur tal-mobilità għaddej minn bidliet profondi u jenfasizza li r-rivoluzzjoni diġitali tal-mobilità għandha twassal għal settur tat-trasport bit-triq aktar sikur, aktar innovattiv, akar integrat, sostenibbli, aktar ġust, aktar kompetittiv u aktar nadif, interkonnes ma' modi tat-trasport oħra aktar sostenibbli; jilqa' l-approċċ strateġiku tal-komunikazzjoni biex jinkiseb qafas regolatorju koerenti għall-qasam tat-trasport bit-triq li kulma jmur qed isir dejjem aktar kumpless;

2.  Jirrimarka li s-settur tal-mobilità tal-UE jeħtieġ li jieħu vantaġġ mill-opportunitajiet li nħolqu mit-teknoloġiji diġitali; jemmen li għandhom jiġu żviluppati mudelli ġodda ta' negozju li jagħtu lok għal servizzi ta' mobilità kondiviżi innovattivi, inklużi pjattaformi online ġodda għal operazzjonijiet tal-merkanzija, car-pooling, servizzi ta' użu kondiviż ta' karozzi (car-sharing) u roti, jew applikazzjonijiet tal-ismartphones li joffru l-analitika f'ħin reali u data dwar il-kundizzjonijiet tat-traffiku;

3.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu u japplikaw miżuri ta' C-ITS (sistema ta' trasport intelliġenti kooperattiva) b'koerenza mal-għanijiet u l-inizjattivi kif iddikjarati fil-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport kif ukoll il-Ftehim ta' Pariġi ta' Diċembru 2015 dwar it-tibdil fil-klima;

4.  Jirrileva l-fatt li s-settur tal-karozzi tal-UE jipprovdi impjiegi għal 8 miljun ruħ u jikkostitwixxi 4 % tal-valur miżjud gross tal-UE, li jġib bilanċ kummerċjali favorevoli ta' EUR 120 biljun.

5.  Jissottolinja li l-bidliet fl-industrija tal-karozzi marbuta mad-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni jew karozzi aktar nodfa se jirrikjedu kompetenza esperta ġdida u modi ta' ħidma ġodda; jisħaq li dawn il-bidliet għandhom jirriżultaw f'opportunitajiet ġodda biex is-settur tat-trasport isir aktar attraenti u jtemm l-iskarsezza ta' ħaddiema fis-settur; jenfasizza li l-produzzjoni ta' vetturi aktar nodfa, konnessi aħjar u aktar awtomatizzati se jkollha impatt fuq il-manifattura, l-iżvilupp, il-manutenzjoni, u s-servizz ta' manutenzjoni u se tirrikjedi ħiliet ġodda, bħalma huma l-assemblaġġ ta' muturi elettriċi jew il-manifattura ta' batteriji tat-tieni ġenerazzjoni, ċelloli tal-fjuwil, tagħmir tal-informatika jew apparat ta' detezzjoni; jenfasizza li diġà, illum il-ġurnata, l-industrija qed tiffaċċa sfidi tremendi biex tirrekluta persunal bil-ħiliet xierqa u li filwaqt li t-tkabbir fl-impjiegi tal-inġinerija mistenni jkompli, il-ħiliet fil-qasam tas-software huma rekwiżit ġdid li l-kumpaniji qed ikollhom ifittxu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u l-iżvilupp tal-ħiliet għall-ħaddiema tat-trasport tal-UE skont dawn l-isfidi ġodda;

6.  Jenfasizza li l-opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu prijorità fuq l-aġenda għall-ġejjieni tas-settur tat-trasport; jenfasizza li s-settur tat-trasport huwa ddominat mill-irġiel, li jiffurmaw tliet kwarti tal-forza tax-xogħol totali, u l-bilanċ bejn is-sessi għandu jiġi mħeġġġ; jilqa' l-varar tal-"Women in Transport - EU Platform for Change" (In-Nisa fit-Trasport - Pjattaforma tal-UE għall-Bidla"), li hija maħsuba biex tinkoraġġixxi l-impjieg tan-nisa u l-opportunitajiet indaqs fis-settur tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien fuq dik il-pjattaforma ħalli l-ħolqien tal-impjiegi għan-nisa u d-diġitalizzazzjoni tas-settur imorru id f'id;

7.  Jirrimarka li r-rivoluzzjoni diġitali se ssawwar mill-ġdid il-katina tal-valur tal-industrija tal-karozzi, il-prijoritajiet tar-riċerka u tal-investiment u l-opportunitajiet teknoloġiċi, li jridu jkunu trasparenti, koerenti u b'konformità mal-istandards ġuridiċi, b'implikazzjonijiet għall-pożizzjoni kompetittiva globali tagħha;

8.  Ifakkar li s-sewqan awtomatizzat jista' jkollu impatt sinifikanti fuq il-forza tax-xogħol tas-settur tat-trasport u se jirrikjedi kwalifiki ġodda fil-każ tal-professjonijiet affettwati; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa b'antiċipazzjoni ta' din it-tranżizzjoni fis-suq tax-xogħol, li għandhom ikunu akkumpanjati minn djalogu soċjali aktar b'saħħtu; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija tal-UE li tiġbor fiha l-opportunitajiet ġodda ta' impjieg li se jinħolqu mid-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport u tqis l-aħjar prattiki tal-Istati Membri, bil-għan li trawwem il-ħolqien tal-impjiegi fis-settur tat-trasport, inklużi b'mod prijoritarju arranġamenti tranżizzjonali ġusti għall-impjegati li l-impjiegi tagħhom ma jibqgħux jeżistu hekk kif is-settur tat-trasport isir diġitalizzat;

9.  Jenfasizza li s-sewqan awtomatizzat, fl-aħħar mill-aħħar, se jqajjem mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-ħin tas-sewqan u l-perjodi tal-mistrieħ; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja kontinwament biex tara tkunx meħtieġa azzjoni leġiżlattiva;

10.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-impatt pożittiv tad-diġitalizzazzjoni fit-trasport peress li se tgħin biex tinqata' l-burokrazija u tissemplifika l-proċeduri kemm għall-awtoritajiet u kemm għall-kumpaniji, u se tagħmilha eħfef biex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ u mar-regoli tal-kabotaġġ bl-introduzzjoni tat-takografi diġitali, u b'hekk ittejjeb il-kondizzjonijiet għas-sewwieqa professjonali u tgħin biex jinħolqu kondizzjonijiet ekwi għall-operaturi kollha tat-trasport;

11.  Jilqa' l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa tal-Kummissjoni u inizjattivi bħall-Pjan ta' Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet, u l-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, li jippromwovu l-kooperazzjoni bejn it-trade unions, l-istituzzjonijiet tat-taħriġ u l-atturi tas-settur privat sabiex jantiċipaw, jidentifikaw u jindirizzaw in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet;

12.  Jilqa' l-fatt li s-settur tal-karozzi huwa wieħed mis-sitt setturi pilota bi pjan ta' azzjoni li għalihom sar disponibbli finanzjament permezz tal-azzjoni tal-Alleanza tal-Ħiliet Settorjali fi ħdan il-programm Erasmus+;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-proġetti varati dwar il-ħiliet fis-settur tal-karozzi, inkluż il-proġett ta' riċerka SKILLFUL fuq tliet snin u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti mill-grupp ta' livell għoli GEAR 2030; jemmen li, abbażi tal-eżitu tal-proġett SKILLFUL, se jkun possibbli li tiġi vvalutata l-adegwatezza tar-rekwiżiti ta' taħriġ u ta' kwalifiki li hemm fis-seħħ għas-sewwieqa tat-trasport bit-triq, b'mod partikolari fid-dawl tal-professjonijiet/ħiliet ġodda;

14.  Jistieden lill-Istati Membri, sabiex iktar milli jirreaġixxu għal sfidi speċifiċi, ikunu proattivi fir-reazzjoni tagħhom għad-diġitalizzazzjoni u jieħdu deċiżjonijiet komprensivi u strateġiċi abbażi tan-newtralità teknoloġika, immirati biex jimmassimizzaw il-benefiċċji potenzjali, u biex jaħdmu sabiex jilħqu qbil dwar approċċ tal-UE dwar kwistjonijiet ewlenin;

15.  Jirrileva r-rwol fundamentali li jistgħu jaqdu l-utenti u l-konsumaturi fit-trawwim tat-tranżizzjoni tat-trasport u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu t-trasparenza u d-disponibilità pubblika tad-data rilevanti sabiex jagħtu spinta lis-sensibilizzazzjoni pubblika u jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati tajjeb;

It-tranżizzjoni permezz tal-progress fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni

16.  Jenfasizza li l-Ewropa hija fuq quddiem nett fid-dinja kemm fil-manifattura kif ukoll fl-operazzjonijiet tat-trasport u jisħaq fuq l-importanza kruċjali li s-settur tat-trasport Ewropew ikompli jiżviluppa, jinvesti, ikun innovattiv u jġedded lilu nnifsu b'mod sostenibbli, sabiex iżomm il-pożizzjoni tiegħu fuq quddiem nett kemm fil-qasam teknoloġiku kif ukoll fil-kompetittività;

17.  Ifakkar fl-objettiv ewlieni li tiġi stabbilita żona unika Ewropea tat-trasport mingħajr ostakli li fiha, b'komodalità effiċjenti, kull mod tat-trasport ikollu postu u jkun hemm żieda fl-interazzjoni modali, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu ambjent adattat ibbażat fuq l-inċentivi sabiex jagħmlu l-modi tat-trasport iktar effiċjenti u jeħilsu mill-ostakli eżistenti bħalma hija l-burokrazija bla bżonn;

18.  Ifakkar li se jkunu meħtieġa teknoloġiji tat-trasport u soluzzjonijiet tal-mobilità sostenibbli u innovattivi sabiex tissaħħaħ is-sikurezza fit-toroq, jiġu limitati t-tibdil fil-klima u l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, it-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni, u li hemm bżonn ta' qafas regolatorju Ewropew li jistimola l-innovazzjoni; jappella, f'dan il-kuntest, għal aktar finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp transettorjali interkonnessi dwar il-karozzi konnessi u mingħajr sewwieq, l-elettrifikazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja u tat-toroq, il-karburanti alternattivi, id-disinn u l-manifattura ta' vetturi, il-ġestjoni tan-netwerks u tat-traffiku, kif ukoll is-servizzi u l-infrastruttura tal-mobilità intelliġenti, mingħajr ma jiġu ttraskurati s-sistemi li diġà jeżistu f'setturi oħra; jinnota li dawn l-innovazzjonijiet ewlenin se joħolqu l-ħtieġa li jiġu applikati ħafna suriet ta' kompetenza esperta industrijali jekk għandhom jiġu żviluppati b'mod effettiv; jirrimarka, f'dak il-kuntest, li l-vetturi kooperattivi, awtomatizzati u konnessi jistgħu jagħmlu l-industrija Ewropea aktar kompetittiva u jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tat-trasport kif ukoll jikkontribwixxu biex jonqsu l-imwiet ikkawżati mill-inċidenti tat-traffiku; jenfasizza, għalhekk, li r-rekwiżiti tal-infrastruttura għandhom jiġu determinati bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawk is-sistemi jkunu jistgħu jiffunzjonaw b'mod sikur;

19.  Jirrimarka li, sabiex tibqa' aġġornata mal-iżviluppi teknoloġiċi u tipprovdi liċ-ċittadini Ewropej l-aħjar soluzzjonijiet possibbli ta' trasport u ta' mobilità u fl-istess ħin tiżgura li l-intrapriżi Ewropej ikunu jistgħu jsostnu u jespandu s-saħħa kompetittiva tagħhom, l-Ewropa għandha bżonn ta' qafas aħjar għal azzjoni konġunta dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tat-trasport; jemmen li l-għanijiet ambizzjużi għas-sistema futura tat-trasport tagħna jistgħu jintlaħqu biss jekk ideat u kunċetti ġodda jkunu jistgħu jiġu żviluppati, ittestjati u implimentati b'interazzjoni mill-qrib mal-aġendi ta' politika u mal-aġendi regolatorji;

20.  Jappella għall-għoti ta' aktar appoġġ finanzjarju trasparenti għar-riċerka, l-innovazzjoni u t-taħriġ, kif ġara fi ħdan il-qafas tal-Istrateġiji ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, li fih il-kofinanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali pprovda appoġġ f'oqsma bħalma huma s-sistemi tal-motopropulsjoni jew tat-trasport intelliġenti;

21.  Ifakkar li l-finanzjament Ewropew matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss għall-2021-2027 se jkun vitali għat-tlestija tal-infrastrutturi transfruntiera u għat-tneħħija tar-restrinġimenti tat-traffiku matul il-kurituri ewlenin tan-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), u josserva li l-finanzjament għall-infrastruttura jinkoraġġixxi l-investiment privat u pubbliku f'servizzi u teknoloġiji tat-trasport ta' kwalità għolja u sostenibbli; għalhekk jitlob li jsir disponibbli finanzjament taħt il-QFP li jmiss sabiex jitrawmu l-iżvilupp u l-applikazzjoni rapidi ta' sistemi, servizzi u soluzzjonijiet diġitali tat-trasport fil-ġejjieni;

22.  Jissottolinja li l-ostakli finanzjarji għandhom jitnaqqsu u l-aċċess għall-finanzjament għandu jiġi semplifikat, peress li l-burokrazija u l-kosti amministrattivi jkollhom impatt negattiv proporzjonalment ikbar fuq l-SMEs minħabba li m'għandhomx biżżejjed ħiliet u kapaċità; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja jekk is-sejħiet pubbliċi għall-offerti min-naħa tal-Istati Membri għal infrastruttura tat-trasport intelliġenti jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess imtejjeb għall-SMEs kif spjegat fid-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku;

23.  Jirrimarka li l-Ewropa jeħtiġilha ttejjeb l-ekosistema tal-innovazzjoni ibda mit-teknoloġija bażika sar-riċerka dwar servizzi u mudelli ta' negozju ġodda li jwasslu għall-innovazzjoni soċjali (ladarba joħorġu fis-suq kullimkien); jenfasizza li l-appoġġ pubbliku għall-ekosistema tal-innovazzjoni għandu jiffoka fuq il-fallimenti tas-suq fir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll fuq politiki li jirrispettaw l-innovazzjoni, filwaqt li jippermetti lis-standardizzazzjoni u r-regolamentazzjoni u l-istrumenti finanzjarji Ewropej jagħtu spinta lill-investiment tas-settur privat fl-innovazzjoni;

24.  Jinnota li r-riċerka fil-livell tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' Orizzont 2020, se tkun fundamentali biex jinkisbu r-riżultati, kif jidher mis-sħubijiet pubbliċi-privati bħalma huma l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu u l-Inizjattiva Ewropea għall-Vetturi Ekoloġiċi u jappella għal sħubija pubblika-privata speċifika għas-sewqan konness u awtomatizzat; jappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni għall-ħolqien tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji u jitlob għal aktar appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp ta' batteriji sostenibbli u għall-produzzjoni u r-riċiklaġġ taċ-ċelloli tal-batteriji fl-UE għall-vetturi futuri b'emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet u għal approċċ globali ta' kummerċ ġust fl-importazzjoni ta' materjali bħalma huma l-litju u l-kobalt, peress li l-avvanz ta' dawn it-teknoloġiji se jaqdu rwol ewlieni fil-ġejjieni tal-mobilità nadifa u sostenibbli;

25.  Jenfasizza kemm hu importanti li jinħolqu strateġiji konsistenti ta' żvilupp ekonomiku u industrijali, li fihom, għanijiet bħalma huma t-tisħiħ ulterjuri tal-produzzjoni u l-użu ta' vetturi b'emissjonijiet baxxi jkunu pareġġati bl-użu tar-riżorsi biex dawn l-għanijiet jintlaħqu, f'dawk li huma infrastruttura u komponenti relatati mal-użu bħalma huma l-batteriji, aspett li fuqu wkoll għandhom jiffokaw l-attenzjoni tagħhom il-Kummissjoni u l-Istati Membri bil-ħsieb li jabbozzaw strateġija tal-UE għall-produzzjoni tal-batteriji; jissottolinja kemm hu importanti li l-manifatturi u l-kummerċjalizzazzjoni jiġu inċentivizzati sabiex jitnaqqsu l-kosti;

26.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ħolqot ukoll rabta mal-ekonomija ċirkolari b'enfasi partikolari fuq il-materja skarsa u l-batteriji; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tkompli tivvaluta aktar l-impronta ambjentali tal-manifattura u r-riċiklaġġ tal-batteriji biex ikollha stampa sħiħa tal-impatti ambjentali tal-vetturi elettriċi li jaħdmu bil-batteriji ħalli tiffaċilita l-paragun tas-sostenibilità taċ-ċiklu tal-ħajja ta' sistemi differenti ta' sewqan;

27.  Jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tal-applikazzjonijiet tat-tieni użu għall-batteriji tal-vetturi, pereżempju f'soluzzjonijiet tal-grilja intelliġenti u tal-ħażna domestika intelliġenti, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw proġetti pilota u ta' riċerka f'dan il-qasam permezz ta' skemi ta' finanzjament;

28.  Jappoġġa ż-żieda fl-użu tat-teknoloġiji diġitali fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", bħalma huma t-telepedaġġ u l-ħruġ ta' biljetti elettroniċi bbażati fuq il-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi; jilqa' l-linji gwida tal-Kummissjoni għall-ibliet dwar ir-Regolamenti dwar l-Aċċess Urban għall-Vetturi (UVARs); jenfasizza, madankollu, li jeħtieġ isir aktar fil-livell Ewropew biex tiġi evitata l-frammentazzjoni taż-Żona Unika tat-Trasport; jiġbed l-attenzjoni, f'dan il-kuntest, lejn l-importanza tal-finanzjament għall-proġetti ta' infrastruttura tat-trasport u tal-investiment sinifikanti fil-fjuwils b'livell baxx ta' karbonju l-aktar responsabbli mil-lat ambjentali sabiex tiġi promossa t-trasformazzjoni tas-sistema tat-trasport u tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-assi tat-enerġija u tat-trasport bħala mezz biex tiġi aċċelerata t-tranżizzjoni għal taħlita ta' fjuwil aktar sostenibbli; jemmen, fir-rigward ta' finanzjament tal-UE għat-trasport, li l-idoneità bl-iskop li jinkisbu l-miri dwar il-klima għandha tkun waħda mill-kriterji ta' eliġibilità għall-proġetti;

29.  Itenni l-impenji tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima skont il-Ftehim ta' Pariġi, l-Aġenda 2030 tan-NU u l-Qafas dwar il-Klima u l-Enerġija għall-2030; jilqa' l-miżuri diġà adottati bħaċ-ċiklu tat-test tal-Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) kif ukoll il-pakketti dwar l-Emissjonijiet f'Sewqan Reali (RDE), li għandhom l-għan li jnaqqsu d-distakk bejn il-miri ddikjarati tad-dekarbonizzazzjoni u l-emissjonijiet fit-triq reali; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-effikaċja ta' dawn il-miżuri u, jekk meħtieġ, tissuġġerixxi aktar titjib; iqis id-WLTP bħala pass fid-direzzjoni t-tajba rigward il-kejl tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozzi tal-passiġġieri;

30.  Jinnota li l-forniment ta' informazzjoni għall-konsumaturi dwar il-vetturi tal-passiġġieri huwa imperattiv biex titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, u jitlob, għalhekk, għal informazzjoni mtejba, affidabbli u aktar aċċessibbli dwar l-emissjonijiet u l-konsum tal-fjuwil tal-vetturi, inkluż it-tikkettar standardizzat, viżibbli u ċar tal-vetturi, ħalli l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u sabiex jiġu promossi bidliet fl-imġiba tan-negozji u tal-individwi privati, u mobilità aktar nadifa; jenfasizza li informazzjoni aktar preċiża ser tiffaċilita u tippermetti wkoll lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, tar-reġjuni u tal-ibliet jagħmlu użu minn akkwist pubbliku "ekoloġiku"; jilqa' r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/948(10), filwaqt li jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrevedi d-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Karozzi (1999/94/KE)(11);

31.  Jinnota kemm l-ostakli kurrenti, finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji, li l-konsumaturi jiffaċċjaw meta jkunu qed jixtru vettura b'emissjonijiet baxxi; ifakkar li l-aċċettazzjoni mill-utenti aħħarin tal-vetturi b'emissjonijiet baxxi tiddependi ħafna mid-disponibilità u l-aċċessibilità ta' infrastruttura komprensiva u transfruntiera; jilqa', f'dan ir-rigward, inizjattivi privati u pubbliċi li jippermettu roaming bejn operaturi tal-infrastruttura tal-iċċarġjar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw ir-roaming u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tal-iċċarġjar fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tagħti appoġġ akbar lill-isforzi tal-Istati Membri biex jespandu l-infrastruttura tagħhom ta' fjuwils alternattivi sabiex il-parti l-kbira tal-UE tkun koperta b'tali infrastruttura mill-aktar fis possibbli;

32.  Huwa tal-fehma li, sabiex titħaffef il-penetrazzjoni fis-suq tal-fjuwils b'emissjonijiet baxxi u sabiex jiġu sfruttati bis-sħiħ il-benefiċċji klimatiċi tagħhom, huwa meħtieġ li jinħolqu inċentivi għall-użu tagħhom u għall-iżvilupp ta' vetturi kompatibbli; itenni, madankollu, li sabiex jiġi rispettat il-Ftehim ta' Pariġi, l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG) li ġejjin mit-trasport jeħtieġ li, sa nofs is-seklu, ikunu ħadu deċiżivament it-triq lejn emissjonijiet żero; jissottolinja li s-settur Ewropew tat-trasport bit-triq ma jistax jiġi ttrasformat biex jimxi lejn sostenibilità ekoloġika u ekonomika bil-kontinwazzjoni ta' approċċ teknoloġiku "wieħed tajjeb għal kulħadd" u li, għalhekk, hija meħtieġa tranżizzjoni lejn valutazzjoni verament teknoloġikament newtrali ta' sistemi ta' sewqan fir-rigward tal-iżvilupp ta' vetturi futuri li ser jikkorrispondu mal-ħtiġijiet differenti ta' mobilità; jenfassizza li huwa meħtieġ sforz transsettorjali biex jiġi aċċelerat l-investiment fl-infrastruttura tal-fjuwils b'emissjonijiet baxxi, li huwa prekundizzjoni għall-adozzjoni u l-mobilizzazzjoni usa' ta' vetturi li jaħdmu b'enerġija alternattiva;

33.  Jenfasizza li d-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa(12) trid tikkunsidra l-ħtiġijiet u r-riżorsi disponibbli tal-muniċipalitajiet u l-awtoritajiet reġjonali biex tikseb il-potenzjal sħiħ tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' kumplessità u piżijiet amministrattivi;

34.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tressaq, sat-2 ta' Mejju 2018, proposta leġiżlattiva għall-emissjonijiet tas-CO2 u għal standards tal-konsum tal-fjuwil għall-vetturi heavy-duty (HDVs) li għandha tkun ambizzjuża, realistika u bbażata fuq data miġbura bl-użu tal-Għodda għall-Kalkolu tal-Konsum tal-Enerġija tal-Vetturi (VECTO) sabiex tiġi żgurata leġiżlazzjoni HDV koerenti; jenfasizza li l-VECTO trid tiġi aġġornata b'mod rapidu u regolari sabiex tippermetti kunsiderazzjoni b'mod preċiż tat-teknoloġiji ġodda b'tali mod li ttejjeb l-effiċjenza tal-vetturi fi żmien xieraq;

35.  Jissottolinja li l-livell ta' ambizzjoni tal-miri tas-CO2 għall-HDVs irid ikun koerenti mal-ambizzjonijiet futuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu, pereżempju taħt l-Euro 7, kif ukoll mar-rekwiżiti skont id-Direttiva (UE) 2015/719 dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet(13);

36.  Ifakkar fl-esperimenti terribbli ta' esponiment għad-dħaħen imwettqa fuq il-bnedmin u x-xadini mill-Grupp Ewropew ta' Riċerka dwar l-Ambjent u s-Saħħa fis-Settur tat-Trasport (EUGT), korp iffinanzjat minn kumpaniji ewlenin tal-karozzi; ifakkar li dan mhuwiex l-ewwel skandlu ta' dan it-tip tal-industrija awtomobilistika; jappella li r-riċerka kollha li tinforma lill-politika tal-UE tkun indipendenti mill-industrija awtomobilistika, inkluż permezz ta' finanzjament u sottokuntrattar;

It-tranżizzjoni tat-trasport li taħdem favur l-utenti kollha

37.  Jissottolinja li l-konnettività fost il-vetturi awtonomi, bejn il-vetturi u l-infrastruttura, bejn il-vetturi, ir-roti u n-nies li jkunu miexja u fin-netwerk innifsu għandha tkun għan ewlieni għall-ġejjieni 'l bogħod sabiex jiġi żgurat fluss tat-traffiku mingħajr xkiel; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet tal-użu u l-ġestjoni tad-data, b'enfasi fuq il-protezzjoni tad-data, u tivvaluta l-applikazzjonijiet kollha probabbli tat-teknoloġija tad-disinjar permezz tal-kompjuter (CAD) li jinkorporaw livelli għolja ta' awtonomija u jipprovdu servizzi b'valur miżjud; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u tas-satellita għal servizzi aħjar ta' pożizzjonament u ta' komunikazzjoni bejn il-vetturi u l-infrastruttura u jistieden lill-Kummissjoni tistipula fejn u sa meta l-infrastruttura eżistenti tat-trasport trid tiġi allinjata mal-istandards tal-infrastruttura tat-trasport intelliġenti;

38.  Jirrimarka li s-sewqan awtonomu u l-vetturi nodfa se jirrikjedu ppjanar u investiment integrati tal-infrastruttura biex it-toroq ikunu mgħammra bl-infrastruttura meħtieġa tat-telekomunikazzjonijiet u tal-impożizzjoni tat-tariffi, pereżempju għall-karozzi elettriċi, kif ukoll li tiġi provduta data ta' kwalità għolja dwar it-toroq, pereżempju għall-mapep diġitali b'definizzjoni għolja, u tagħmir abbord b'interoperabilità sħiħa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-investiment biex jiġu finanzjati titjibiet sostenibbli innovattivi tal-infrastruttura tat-trasport;

39.  Ifakkar lill-Kummissjoni li, sabiex jirnexxu l-konnettività adegwata tat-trasport u l-ġestjoni xierqa tas-sikurezza, is-sinjalar, l-awtomatizzazzjoni, il-karatteristiċi diġitali għall-konsumaturi u l-ġestjoni sikura tad-data, għandha tiġi żgurata mill-aktar fis possibbli l-kopertura sħiħa bil-5G tal-kurituri tat-TEN-T għall-ferroviji, it-toroq u l-passaġġi fuq l-ilma intern; jitlob li jiġu żviluppati proġetti ta' awtostradi intelliġenti u li jiġu stabbiliti kurituri tat-trasport intelliġenti; jemmen li t-toroq prinċipali għandu jkollhom installazzjonijiet tal-fibra ottika, konnessjonijiet tan-netwerk bla fili u stazzjonijiet ta' bażi tal-5G;

40.  Ifakkar fl-għan globali għandu jkun dak ta' żero diżgrazzji fit-toroq Ewropej u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koeżistenza sikura tal-mezzi tat-trasport antiki u ġodda, u li l-bidla ssir aktar faċli bl-installazzjoni mandatarja ta' ċerti sistemi ta' għajnuna għas-sewwieqa u bl-assigurazzjoni ta' infrastruttura xierqa; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni bir-reqqa u teknoloġikament newtrali tal-implikazzjonijiet tas-sikurezza tal-użu ta' sistemi awtomatizzati b'fokus olistiku fuq ir-riperkussjonijiet għas-sikurezza tas-sistemi kollha tat-trasport intermodali;

41.  Jenfasizza li l-miri għat-tnaqqis tal-imwiet u l-ġrieħi serji fl-inċidenti tat-toroq għadhom ma ntlaħqux u li l-politika Ewropea dwar it-trasport għandha għalhekk tiffoka fuq li dawn jintlaħqu; jissottolija l-importanza ta' leġiżlazzjoni adegwata dwar is-sikurezza biex jinkiseb settur tat-trasport bit-triq aktar sikur; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li sabiex jitnaqqas l-għadd ta' inċidenti u ta' vittmi tat-traffiku fit-toroq tal-Ewropa, iridu jiġu garantiti kundizzjonijiet xierqa ta' parkeġġ u ta' mistrieħ fl-UE kollha;

42.  Jirrimarka li l-iżvilupp ta' karozzi konnessi u awtomatizzati ġie xprunat, fil-biċċa l-kbira tiegħu, mit-teknoloġija; jitlob, għalhekk, li l-impatt soċjali tagħha tiġi investigata u rikonoxxuta, u jemmen li l-kompatibilità sħiħa tal-introduzzjoni ta' karozzi konnessi u awtomatizzati mal-valuri u l-għanijiet soċjali, umani u ambjentali trid tiġi żgurata; jenfasizza li, fil-każ ta' inċident li jkun jinvolvi vettura awtomatizzata waħda jew aktar, għandu jkun ċar min hu responsabbli, jekk hijiex/humiex il-kumpanija/kumpaniji tas-software, il-manifattur(i) tal-vettura, is-sewwieq(a) jew il-kumpanija/kumpaniji tal-assikurazzjoni;

43.  Jissottolinja li dawk il-bidliet li se jseħħu m'għandhomx isiru għad-detriment tal-inklużjoni soċjali u l-konnettività fl-Istati Membri u fiż-żoni fejn hemm lakuni fil-mobilità; jinnota l-ħtieġa li tittejjeb il-kapaċità tan-netwerk, billi jittieħed vantaġġ tal-infrastruttura tan-netwerk eżistenti u innovazzjonijiet futuri sinifikanti biex tkun tista' ssir integrazzjoni aktar profonda tat-teknoloġiji diġitali u biex jiġu indirizzati d-disparitajiet mill-akbar ta' konnettività li hemm bejn l-Istati Membri u wkoll bejn iż-żoni urbani u dawk rurali, bejn dawk ċentrali u dawk 'il bogħod, li għalihom għandha tiġi żviluppata serje ta' soluzzjonijiet imfassla apposta bl-appoġġ, u abbażi, ta' koordinazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat; jenfasizza li l-modi konvenzjonali tat-trasport bħalma huma l-karozzi tal-linja għad għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fiż-żoni remoti u muntanjużi u m'għandhomx jiġu injorati f'dan il-proċess; ifakkar li l-esperjenza f'għadd ta' pajjiżi tal-UE turi li l-istrutturar tat-trasport kollettiv u pubbliku bit-triq taħt kuntratti ta' obbligu ta' servizz pubbliku li jikkombinaw linji li jagħmlu qligħ u oħrajn li ma jagħmlux jistgħu jagħtu l-aqwa riżultati għaċ-ċittadini, għall-finanzi pubbliċi u għall-kompetizzjoni tas-suq;

44.  Ifakkar fil-ħtieġa li tingħata preferenza lill-mezzi tat-trasport kollettivi u aktar sikuri għat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fuq kurituri transfruntiera ewlenin u fiż-żoni metropolitani, sabiex jitnaqqsu t-tniġġis, il-konġestjonijiet tat-traffiku u l-vittmi u titħares is-saħħa taċ-ċittadini u tal-utenti tat-toroq;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli (PMUS) u pjanijiet ta' mobilità rurali sostenibbli (PMRS) li jkunu ġustifikati mill-interess pubbliku u jintegraw il-modi ġodda tat-trasport kollha, filwaqt li jagħtu appoġġ lill-użu ta' sistema tat-trasport multimodali għall-passiġġieri, itejbu l-mobilità u l-kwalità tas-servizzi għaċ-ċittadini, inkluż għall-anzjani u għaċ-ċittadini b'diżabilità, jagħtuhom alternattivi u jinternalizzaw jew inaqqsu l-ispejjeż tas-saħħa u dawk ambjentali esterni għall-ibliet, minbarra li jinkoraġġixxu t-turiżmu; jinnota li pjanijiet bħal dawn għandhom irawmu l-inklużjoni, il-parteċipazzjoni u l-impjieg taċ-ċittadini li jgħixu f'żoni aktar imbiegħda, sabiex jiġġieldu t-theddida tat-tnaqqis tal-popolazzjoni taż-żoni rurali, biex itejbu l-aċċessibilità u l-komunikazzjoni maż-żoni tal-periferija u r-reġjuni transfruntiera; jenfasizza li l-mobilità rurali hija differenti b'mod sostanzjali mill-mobilità urbana, mhux biss f'dawk li huma distanzi u disponibilità tat-trasport pubbliku, iżda wkoll fir-rigward tal-fatturi ambjentali u ekonomiċi bħalma huma inqas pressjoni ambjentali minn emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa, dħul medju aktar baxx u ostakli ogħla għall-invesitmenti fl-infrastruttura;

46.  Jinnota li l-lezzjonijiet tal-proġetti preċedenti u attwali, bħall-Programm ta' Ħidma dwar it-Trasport, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-mobilità sostenibbli kondiviża interkonnessa mat-trasport pubbliku f'żoni rurali Ewropej (SMARTA), iwettqu elementi għall-ħolqien ta' rħula intelliġenti, inkluża loġistika minn bieb għal bieb aktar effiċjenti u intelliġenti, kunċetti innovattivi tal-mobilità bħala servizz (MaaS), infrastruttura tat-trasport intelliġenti tal-ġenerazzjoni li jmiss, trasport konness u awtomatizzat u mobilità urbana intelliġenti (trasport lejn u mill-ibliet);

47.  Jenfasizza li l-mobilità kulma jmur qed titqies bħala servizz u għalhekk it-trasport minn bieb għal bieb multimodali mingħajr waqfiet imwessgħa għandha ssir possibbli fuq bażi transfruntiera, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli informazzjoni u servizzi ta' prenotifika rigward vjaġġar multimodali, b'informazzjoni f'ħin reali, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tat-trasport multimodali sa tmiem l-2018; isostni li tali servizzi ġodda tat-trasport għandhom jiġu trattati, pereżempju, fil-kuntest tal-imposti ta' tariffi stradali, bħala modi ta' vjaġġar li huma għallinqas tajbin daqs is-sewqan privat, jekk mhux preferibbli għalih, u li m'għandux jitnaqqas ir-ritmu tal-applikazzjoni tagħhom minħabba ostakli leġiżlattivi;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-aħjar prattiki regolatorji nazzjonali u lokali eżistenti li jintegraw suriet ġodda u tradizzjonali ta' mobilità, li jappoġġaw l-għażla tal-konsumaturi, li jagħmlu l-informazzjoni multimodali u s-servizzi tal-ħruġ tal-biljetti disponibbli għall-konsumaturi, u li jinkoraġġixxu l-użu tat-trasport pubbliku, aktar milli dak privat, jew li jappoġġaw offerti mill-ekonomija tat-trasport kollaborattiv li jagħtu l-momentum u l-appoġġ meħtieġ biex jiġu promossi t-turiżmu sostenibbli u t-turiżmu ambjentali u kulturali, b'mod partikolari li jiffavorixxu lill-SMEs u jiffukaw fuq dawk l-Istati Membri u żoni fejn hemm lakuni fil-mobilità;

49.  Itenni li l-ivvjaġġar huwa wieħed mis-setturi l-aktar affettwati mid-diġitalizzazzjoni u li dan l-ambjent diġitali ġdid u aktar influwenti qed jagħti s-setgħa lill-konsumaturi jwettqu rwol aktar attiv meta jkunu qed jirriċerkaw, ifittxu biex jixtru, jibbukkjaw u jħallsu għall-vjaġġi tagħhom; jenfasizza li hu meħtieġ li jiġu infurzati r-regoli eżistenti li jissalvagwardjaw it-trasparenza u n-newtralità, ħalli l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet informati abbażi ta' informazzjoni affidabbli.

50.  Jirrimarka l-importanza li l-mobilità tiġi gwidata; iqis li huwa importanti li l-persuni jkunu inkoraġġuti jadottaw drawwiet ta' mobilità sostenibbli permezz ta' inċentivi ekonomiċi kif ukoll billi titqajjem kuxjenza tal-impatti ambjentali tal-modi individwali tat-trasport, u billi jiġu kkoordinati u żviluppati servizzi tat-trasport b'livelli baxxi ta' karbonju bħalma hu t-trasport pubbliku u l-ħolqien jew it-titjib tal-infrastruttura għall-mobilità ratba (mixi, ċikliżmu, eċċ.) sabiex in-nies jingħataw alternattiva għat-trasport bit-triq; jirrimarka l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati proġetti biex jiffaċilitaw mobilità lokali u reġjonali b'livelli baxxi ta' karbonju bħal, pereżempju, skemi ta' roti tal-ibliet;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi loġistika effiċjenti u ekoloġika biex tlaħħaq aħjar maż-żieda prevista fid-domanda għall-merkanzija permezz ta' ottimizzazzjoni aħjar tal-kapaċità ta' tagħbija tat-trakkijiet u biex jitnaqqas l-għadd ta' trakkijiet vojta jew parzjalment mgħobbija; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi biex tintensifika t-tranżizzjoni multimodali u tippromwovi pjattaformi multimodali għall-koordinament tad-domanda għat-trasport, u jistieden lill-Istati Membri jużaw dokumenti elettroniċi tat-trasport fl-Ewropa kollha bħala prattika standard sabiex jitnaqqsu l-burokrazija u l-piż amministrattiv u biex tiżdied l-effiċjenza;

52.  Jenfasizza l-kontribut importanti li jistgħu jagħmlu l-platooning (konvojs ta' karrijiet konnessi) u l-użu ta' vetturi twal biex tiżdied l-effiċjenza u jiġi ffrankat il-karburant fit-trasport tal-merkanzija u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu l-objettivi tad-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam u jistabbilixxu inċentivi biex jiżdied l-użu tal-vetturi twal;

53.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tagħti l-appoġġ tagħha lill-inizjattivi li jikkontribwixxu għat-tnaqqis u l-evitar tal-konġestjoni tat-toroq mingħajr ma jittrasferixxu volumi ta' trasport lejn taqsimiet alternattivi ta' toroq, bħalma huma l-eżempji tal-aħjar prattiki rigward l-impożizzjoni ta' tariffi tal-konġestjoni kif ukoll miżuri ta' trasferiment modali li rnexxew;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni fil-fond ta' kwistjonijiet ta' privatezza tad-data u r-responsabbiltà tagħha li jistgħu jinħolqu bl-iżvilupp ta' karozzi awtomatizzati;

55.  Jinnota l-potenzjali tal-mudelli ekonomiċi kollaborattivi biex itejbu l-effiċjenza tas-sistema tat-trasport u jnaqqsu l-esternalitajiet mhux mixtieqa, bħalma huma l-konġestjoni u l-emissjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, jikkunsidraw li jintegraw għalkollox servizzi tat-trasport verament kollaborattivi fis-sistema tat-trasport konvenzjonali, bil-ħsieb li jrawmu l-ħolqien ta' ktajjen tal-ivvjaġġar sħaħ u fluwidi u d-dispożizzjoni ta' forom ġodda ta' mobilità sostenibbli;

56.  Jenfasizza li, fil-kuntest tal-ekonomija kollaborattiva, il-kwistjonijiet l-aktar urġenti huma dawk li jirrigwardaw il-ħarsien tal-konsumatur, l-allokazzjoni tar-responsabilità, it-tassazzjoni, l-iskemi tal-assigurazzjoni, il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema (kemm jekk huma impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom) u l-protezzjoni tad-data, u jistenna f'dawn l-oqsma jittieħdu miżuri regolatorji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ekonomija kollaborattiva la tagħti lok għal kompetizzjoni inġusta, la tikkawża dumping soċjali u fiskali u lanqas ma taqla' barra t-trasport pubbliku regolat;

57.  Huwa tal-fehma fid-dawl tas-sentenza tal-QtĠUE tal-20 ta' Diċembru 2017 fil-Kawża C-434/15(14) li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-intermedjazzjoni sempliċi permezz tal-pjattaformi online u l-forniment ta' servizz tat-trasport; iqis li servizz ma jagħmilx parti mis-soċjetà tal-informazzjoni meta l-attività fil-biċċa l-kbira tagħha tkun tinvolvi servizzi professjonali, u fil-każijiet kollha meta l-pjattaforma teknoloġika tiddetermina b'mod dirett jew indirett il-kost, il-kwantità jew il-kwalità tas-servizz li jkun qed jiġi fornut;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex inaqqsu r-riskju u l-probabilità li t-taxxa tiġi evitata mill-kumpaniji li jkunu qed jipprovdu servizzi bħala parti mill-ekonomija kollaborattiva u biex jinsistu li huma jħallsu t-taxxi fejn huma jiġġeneraw profitti u jipprovdu servizzi;

o
o   o

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1.
(2) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(3) ĠU C 81, 2.3.2018, p. 195.
(4) ĠU C 345, 13.10.2017, p. 52.
(5) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 50
(6) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 57.
(7) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 2.
(8) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 155.
(9) EU Transport in Figures: Statistical Pocketbook 2015, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2015.
(10) ĠU L 142, 2.6.2017, p. 100.
(11) ĠU L 12, 18.1.2000, p. 16.
(12) ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5.
(13) ĠU L 115, 6.5.2015, p. 1.
(14) Sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tal-20 ta' Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi v Uber Systems Spain, SL, C-434/15, ECLI:EU:C:2017:981.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Settembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza