Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/0328(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0063/2018

Testi mressqa :

A8-0063/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2018 - 10.8
CRE 15/03/2018 - 10.8
PV 25/10/2018 - 13.11

Testi adottati :

P8_TA(2018)0086
P8_TA(2018)0427

Testi adottati
PDF 139kWORD 55k
Il-Ħamis, 25 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu
Il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini ***I
P8_TA(2018)0427A8-0063/2018
Riżoluzzjoni
 Test
 Anness

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (COM(2017)0735 – C8-0421/2017 – 2017/0328(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0735),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 114 u 168(4)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0421/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-17 ta' Ottubru 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0063/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(1);

2.  Jikkundanna d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati, tad-19 ta' Lulju 2012, u l-Approċċ Komuni mehmuż magħha, u jappella biex il-Parlament Ewropew ikun involut mill-qrib fil-proċess deċiżjonali dwar is-sede u r-rilokazzjoni tal-aġenziji u l-korpi fid-dawl tal-prerogattivi tiegħu bħala koleġiżlatur skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

3.  Japprova d-dikkjarazzjoni mehmuża ma’ din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill mehmuża ma’ din ir-riżoluzzjoni;

5.  Jiddispjaċih li l-Parlament Ewropew u, fl-aħħar mill-aħħar, ir-rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni, ma kinux involuti bis-sħiħ fil-proċedura tal-għażla tas-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), li finalment ittellgħet bix-xorti, minkejja l-importanza tad-deċiżjoni; deċiżjonijiet relatati mas-sede tal-korpi u l-aġenziji jeħtieġ u, legalment, iridu jittieħdu b'rispett sħiħ tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li tqiegħed lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-istess livell bħala koleġiżlaturi;

6.  Jiddeplora d-Deċiżjoni tal-Kunsill li twassal biex tkompli tikber l-isproporzjonalità ġeografika, hekk kif 9 biss mis-37 aġenzija deċentralizzata tal-UE għandhom is-sede tagħhom fl-Istati Membri l-ġodda, għall-kuntrarju tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew Nru 5381/04 u Nru 11018/1/08 li t-tnejn jagħtu prijorità lill-Istati Membri l-ġodda;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-ispejjeż relatati mal-bidla fis-sede tal-EMA jkoprihom kompletament il-pajjiż ospitanti attwali; jirrimarka li xi wħud mill-ispejjeż tar-rilokazzjoni mis-sede attwali se jkollhom jiġu ffinanzjati minn qabel mill-baġit tal-Unjoni, qabel is-saldu finanzjarju mal-pajjiż ospitanti attwali;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-ispejjeż addizzjonali relatati mat-trasferiment doppju tas-sede tal-EMA – l-ewwel lejn post temporanju, u mbagħad lejn il-Binja Vivaldi – ikoprihom kompletament il-gvern Netherlandiż u għalhekk ma jaffettwawx b'mod negattiv il-baġit ġenerali tal-Unjoni;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji u lill-Kummissjoni jiżguraw li dan it-trasferiment doppju ma jipperikolax il-ħtiġijiet operattivi normali tal-EMA u jiggarantixxi l-kontinwità tal-operat u l-funzjonament bla xkiel tal-EMA, mingħajr interruzzjonijiet, lil hinn minn Marzu 2019;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fil-15 ta' Marzu 2018 (Testi adottati, P8_TA(2018)0086).


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-25 ta' Ottubru 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini
P8_TC1-COD(2017)0328

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/1718.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠISLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew jiddispjaċih li r-rwol tiegħu ta' koleġiżlatur ma ġiex ikkunsidrat peress li ma ġiex involut fil-proċedura li twassal għall-għażla tas-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

Il-Parlament Ewropew jixtieq ifakkar il-prerogattivi tiegħu bħala koleġiżlatur u jinsisti fuq ir-rispett sħiħ tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja f'dak li għandu x'jaqsam mal-għażla tas-sede tal-korpi u l-aġenziji.

Bħala l-unika istituzzjoni tal-Unjoni li tiġi eletta direttament u tirrappreżenta ċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Parlament Ewropew huwa l-ewwel garanti tar-rispett tal-prinċipju demokratiku fl-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew jikkundanna l-proċedura segwita għall-għażla tal-post il-ġdid tas-sede, li de facto ċaħħdet lill-Parlament Ewropew mill-prerogattivi tiegħu peress li ma ġiex involut effettivament fil-proċess, iżda issa qed jiġi mistenni sempliċement jikkonferma l-għażla magħmula għall-post il-ġdid tas-sede permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Il-Parlament Ewropew ifakkar li l-Approċċ Komuni mehmuż mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati, iffirmata fl-2012, mhuwiex vinkolanti – kif rikonoxxut fid-Dikjarazzjoni nfisha – u li l-qbil intlaħaq mingħajr preġudizzju għas-setgħat leġiżlattivi tal-istituzzjonijiet.

Għalhekk, il-Parlament Ewropew jinsisti li l-proċedura segwita għall-għażla tas-sede l-ġdida tal-aġenziji tiġi riveduta u ma tibqax tintuża f'din il-forma fil-futur.

Fl-aħħar nett, il-Parlament Ewropew jixtieq ifakkar ukoll li fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016(1), it-tliet istituzzjonijiet impenjaw ruħhom favur kooperazzjoni leali u trasparenti filwaqt li fakkru fl-ugwaljanza taż-żewġ koleġiżlaturi kif minquxa fit-Trattati.

Abbozz ta' dikjarazzjoni tal-Kunsill EBA/EMA

Waqt li jfakkar l-impenn tal-PE, il-Kunsill u l-Kummissjoni għal kooperazzjoni sinċiera u trasparenti, u fid-dawl tal-proċess segwit għar-rilokazzjoni tal-EMA u l-EBA, li kien speċifiku għas-sitwazzjoni u ma jikkostitwixxix preċedent għas-sede ta' aġenziji fil-futur,

Filwaqt li jfakkar fit-Trattati, il-Kunsill jirrikonoxxi l-valur ta' skambju ta' informazzjoni msaħħaħ mill-istadji inizjali ta' proċessi futuri għas-sede ta' aġenziji.

Tali skambju ta' informazzjoni bikri jagħmilha eħfef għat-tliet Istituzzjonijiet biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont it-Trattati permezz ta' proċeduri relatati.

Il-Kunsill jieħu nota tat-talba mill-PE biex tiġi riveduta, mill-aktar fis possibbli, id-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni dwar Aġenziji deċentralizzati tal-2012. Bħala l-ewwel pass, huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi, sa April 2019, analiżi fil-fond dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni fir-rigward tas-sede ta' Aġenziji deċentralizzati. Din l-analiżi għandha sservi bħala bażi biex tiġi vvalutata t-triq 'il quddiem fl-involviment mal-proċess ta' reviżjoni bħal din.

(1) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza