Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2869(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0481/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.12
CRE 25/10/2018 - 13.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0428

Testi adottati
PDF 144kWORD 58k
Il-Ħamis, 25 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Żieda fil-vjolenza neofaxxista fl-Ewropa
P8_TA(2018)0428RC-B8-0481/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar iż-żieda fil-vjolenza neofaxxista fl-Ewropa (2018/2869(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-rapport, tad-9 ta' Mejju 2017, tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 71/179 tad-19 ta' Diċembru 2016 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ġlieda kontra l-glorifikazzjoni tan-Naziżmu, in-neo-Naziżmu u l-prattiki l-oħra li jikkontribwixxu biex ikebbsu forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha u l-Protokoll Nru 12 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000(1) li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-razza u tal-oriġini etnika (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej(4),

–  wara li kkunsidra l-ħolqien f'Ġunju 2016 tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-30 ta' Settembru 2014 dwar il-ġlieda kontra l-manifestazzjonijiet tan-neo-Naziżmu u tal-estremiżmu tal-lemin,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni,

–  wara li kkunsidra il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Ġlieda kontra d-Diskors ta' Mibegħda Illegali Online,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-Artikolu 2 tat-TUE, "l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi"; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha;

B.  billi n-nuqqas ta' azzjoni serja fil-konfront tal-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti ppermetta l-qawmien ksenofobu li hemm bħalissa fl-Ewropa;

C.  billi l-gruppi u l-partiti politiċi apertament neo-Faxxisti, neo-Nazisti u ksenofobi qegħdin jinċitaw il-mibegħda u l-vjolenza fis-soċjetà, b'hekk ifakkruna x'kienu kapaċi jagħmlu fil-passat;

D.  billi t-tixrid ta' diskors ta' mibegħda online spiss iwassal għal żieda fil-vjolenza, inkluż minn gruppi neo-Faxxisti;

E.  billi l-gruppi neo-Faxxisti qatlu eluf ta' nies ta' kull xorta, bħal rifuġjati u immigranti, minoranzi etniċi u reliġjużi, persuni LGBTQI, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti, politiċi u membri tal-korp tal-pulizija;

F.  billi l-gruppi neo-Faxxisti jużaw u jabbużaw mill-istrumenti demokratiċi tagħna biex ixerrdu l-mibegħda u l-vjolenza;

G.  billi, skont ir-rapport ta' Europol, il-Kummissjarju tal-UE għas-Sigurtà, Sir Julian King, fit-22 ta' Marzu 2017, f'intervent tiegħu fl-okkażjoni ta' avveniment ta' kommemorazzjoni tal-attakki ta' Brussell tal-2016, enfasizza t-theddida dejjem akbar tal-estremiżmu vjolenti tal-lemin u stqarr li huwa ma kienx jaf bi Stat Membru tal-UE wieħed li mhuwiex milqut b'xi mod jew ieħor minn dan il-fenomenu, u semma speċifikament l-attakki fin-Norveġja fl-2011, l-assassinju tal-Membru Parlamentari tar-Renju Unit, Jo Cox, u l-attakki fuq iċ-ċentri tal-asil u l-moskej fl-Ewropa kollha biex jisħaq fuq dak li hu wissa bħala theddida "inqas irrapportata" għas-sigurtà; billi l-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti jimmanifestaw ruħhom f'diversi forom; billi l-maġġor parti ta' dawn il-gruppi teskludi lil ċerti individwi jew gruppi mis-soċjetà; billi dawn l-organizzazzjonijiet ta' spiss jużaw lingwaġġ aggressiv lejn gruppi minoritarji u jipprovaw jiġġustifikaw dan billi jinvokaw il-prinċipju tal-libertà tal-espressjoni; billi d-dritt għal-libertà tal-kelma mhuwiex assolut;

H.  billi l-Artikolu 30 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jgħid b'mod ċar li xejn f'din id-dikjarazzjoni "ma jista' jkun mifhum li jagħti lil xi Stat, għaqda jew persuna l-jedd li jagħmel xi ħidma jew li jwettaq xi għemil bil-għan li jeqred xi jeddijiet jew libertajiet li huma mxandra hawnhekk";

I.  billi l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali tafferma li l-Istati Partijiet jikkundannaw il-propaganda kollha u l-organizzazzjonijiet kollha li jissejsu fuq ideat jew teoriji ta' superjorità ta' razza jew grupp ta' persuni ta' kulur jew oriġini etnika;

J.  billi l-promozzjoni tal-Faxxiżmu hija pprojbita f'bosta Stati Membri skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom;

K.  billi r-rapport TESAT 2018 tal-Europol irreġistra kważi d-doppju fl-għadd ta' individwi arrestati minħabba reati ta' estremiżmu tal-lemin fl-2017;

L.  billi fit-22 ta' Lulju 2011, inqatlu 77 ruħ u ndarbu 151 fl-attakki fin-Norveġja;

M.  billi fis-16 ta' Ġunju 2016 Jo Cox, Membru tal-Parlament tar-Renju Unit, ġiet brutalment assassinata f'Birstall, ir-Renju Unit;

N.  billi, skont ir-rapport TESAT 2018 tal-Europol, ħames attakki terroristiċi li ġew sfrattati, li fallew jew li rnexxielhom iseħħu attribwiti lil individwi tal-lemin estrem ġew irrappurtati fl-2017(5) fir-Renju Unit;

O.  billi fil-21 ta' Settembru 2018 Eleonora Forenza, Membru tal-Parlament Ewropew, u l-assistent tagħha Antonio Perillo ġew attakkati wara dimostrazzjoni anti-Faxxista f'Bari, l-Italja;

P.  billi s-servizz ta' intelligence Franċiż esprima tħassib dwar in-numru li qed jiżdied ta' membri tal-forzi militari u tal-infurzar tal-liġi li qed jingħaqdu ma' gruppi vjolenti tal-lemin estrem(6);

Q.  billi, f'rapport ippubblikat fil-15 ta' Mejju 2018(7), il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI), stabbilita mill-Kunsill tal-Ewropa, stqarret li tinsab allarmata minħabba ż-żieda fl-estremiżmu tal-lemin u n-neo-Faxxiżmu fil-Kroazja;

R.  billi fil-Polonja, waqt dimostrazzjoni f'Novembru 2017, ritratti ta' sitt Membri tal-Parlament Ewropew, li ħadu pożizzjoni favur it-tolleranza, l-istat tad-dritt u valuri Ewropej oħra, ġew imdendla minn forka improvviżata fi pjazza pubblika fil-belt tan-Nofsinhar ta' Katowice, minn membri tal-moviment Pollakk tal-lemin estrem ONR (Kamp Radikali Nazzjonali); billi investigazzjoni għadha għaddejja, iżda s'issa għadhom ma tressqu l-ebda akkużi kontra xi ħadd mis-suspettati, anki jekk il-ġrajja ġiet irrapportata f'diversi mezzi tax-xandir, anke b'filmati;

S.  billi, f'Novembru 2017, biex jiġi mmarkat jum l-indipendenza tal-Polonja, organizzazzjonijiet tal-lemin estrem organizzaw dimostrazzjoni kbira f'Varsavja, li ġabret aktar minn 60 000 ruħ; billi d-dimostranti kienu qed iżommu strixxuni ksenofobiċi bi slogans bħal "Ewropa bajda ta' nazzjonijiet aħwa", inklużi xi wħud li juru l-"falanga", simbolu Faxxista mit-tletinijiet;

T.  billi l-proċess tal-partit neo-Nazista Żerniq tad-Deheb, fuq akkużi li huwa organizzazzjoni kriminali u ħati tal-assassinju ta' Pavlos Fyssas, fost delitti oħrajn, inkluż attentat ta' omiċidju, għadu għaddej fil-Greċja;

U.  billi, fil-21 ta' Settembru 2018, l-attivista LGBTQI Zak Kostopoulos ġie assassinat brutalment fiċ-ċentru ta' Ateni; billi wieħed mill-akkużati huwa, allegatament, marbut ma' forzi tal-lemin estrem; billi jeħtieġ li ssir investigazzjoni sħiħa biex dawk responsabbli għall-maltrattament u għall-mewt tiegħu jkunu jistgħu jitressqu quddiem il-ġustizzja;

V.  billi Taljan ġie kkundannat għal 12-il sena priġunerija talli spara fuq sitt migranti Afrikani u ferihom waqt attakk immotivat minn raġunijiet razzisti f'Macerata, belt fl-Italja ċentrali;

W.  billi seba' membri ta' grupp "viġilanti" tal-lemin estrem li ġew arrestati f'Chemnitz f'nofs Settembru 2018 minħabba disturbi tal-ordni pubbliku dan l-aħħar ittellgħu l-qorti talli huma ssuspettati li ffurmaw organizzazzjoni terroristika taħt l-isem Revoluzzjoni Chemnitz; billi, skont il-prosekuturi federali, l-inkwirenti kienu bidlu minn akkużi kriminali għal akkużi terroristiċi, wara li eżaminaw il-komunikazzjonijiet interni ta' dan il-grupp;

X.  billi fi Franza, fis-7 ta' Diċembru 2017, ħames membri tal-moviment Génération identitaire ġew ikkundannati għal inċitament tal-mibegħda razzjali u reliġjuża; billi xi individwi marbuta ma' gruppi tal-lemin estrem, fosthom Action française, kienu qegħdin jippjanaw attentat terroristiku kontra għadd ta' politiċi Franċiżi u moskej matul l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2017; billi, fl-24 ta' Ġunju 2018, għaxar membri tal-grupp tal-lemin estrem Action des forces opérationnelles (AFO) ġew arrestati talli ppjanaw sensiela ta' attakki kontra membri tal-komunità Musulmana; billi, fl-14 ta' Settembru 2018, żewġ ex skinheads instabu ħatja tal-omiċidju ta' Clément Méric, student żagħżugħ u attivista anti-Faxxista li nqatel f'Ġunju 2013;

Y.  billi fi Spanja, 12-il membru tal-organizzazzjoni neo-Nazista Hogar Social Madrid qegħdin jiġu investigati bħalissa għal inċitament tal-mibegħda; billi xi membri tal-gruppi Faxxisti Spanjoli Falange, Alianza Nacional u Democracia Nacional ġew arrestati u kkundannati mill-Qorti Suprema Spanjola wara li attakkaw iċ-Ċentru Kulturali Blanquerna ta' Madrid matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Nazzjonali Katalan fl-2013; billi, fl-2016, l-NGO antirazzista SOS Racismo ddokumentat 309 każijiet ta' vjolenza ksenofoba; billi l-president ta' din l-organizzazzjoni rċieva theddidiet ta' mewt wara li rrapporta dawn il-każijiet u kkundanna n-nuqqas ta' mekkaniżmi effikaċi biex dawn id-delitti jiġu ddenunzjati;

Z.  billi 19-il persuna ġew akkużati mill-Fundación Nacional Francisco Franco, entità li tigglorifika dittatura u d-delitti tagħha, u mill-familja Franco, b'bosta reati li jafu jammontaw għal 13-il sena priġunerija wara li wettqu azzjoni paċifika u simbolika billi fetħu żewġ strixxuni kbar mid-dar sinjorili ta' Pazo de Meirás biex jitolbu lill-awtoritajiet pubbliċi jintervjenu ħalli din il-proprjetà terġa' tgħaddi fil-pussess tal-poplu Galizjan;

AA.  billi d-deċiżjoni tal-Kungress tad-Deputati Spanjol li jadotta mozzjoni biex il-fdalijiet ta' Francisco Franco jitneħħew minn fejn jinsabu midfuna bħalissa fil-mafkar tal-gwerra magħruf bħala Valle de los Caídos, li sar post ta' pellegrinaġġ għal-lemin estrem; billi s-simboli jew il-monumenti kollha li fadal li jeżaltaw il-kolp ta' stat militari, il-gwerra ċivili u d-dittatura ta' Franco għandhom effettivament jitneħħew, u billi dawk ma jistgħux jitneħħew għandha ssirilhom il-kuntestwalizzazzjoni u l-interpretazzjoni xierqa, ħalli jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-kuxjenza pubblika u u għat-tfakkir tal-imgħoddi;

AB.  billi l-Moviment ta' Reżistenza Nordika (NMR), organizzazzjoni neo-Nazista, jorganizza regolarment manifestazzjonijiet fl-Iskandinavja kollha, li fihom ikantaw slogans u jxejru l-bnadar ħodor u bojod tal-organizzazzjoni; billi diversi membri tal-NMR ġew ikkundannati minħabba attakki vjolenti fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili u tal-pulizija; billi l-bosta attakki bi ħruq doluż kontra ċ-ċentri ta' akkoljenza tar-rifuġjati wassal biex il-Gvern Żvediż jaħbi, fl-2015, il-post tal-binjiet iddestinati għall-alloġġ tar-rifuġjati;

AC.  billi, kull sena, fis-16 ta' Marzu, eluf ta' nies jinġabru f'Riga għal Jum il-Leġjun Latvjan biex jagħtu ġieħ lil-Latvjani li servew fil-Waffen-SS;

AD.  billi, mill-bidu tal-2018, il-grupp C14 u gruppi oħra tal-lemin estrem fl-Ukrajna, bħall-Milizzja Nazzjonali affiljata mal-Azov, is-Settur tal-Lemin, Karpatska Sich u oħrajn, attakkaw kemm-il darba lil gruppi Rom, kif ukoll dimostrazzjonijiet anti-Faxxisti, laqgħat tal-kunsilli lokali, avveniment imtella' minn Amnesty International, wirjiet tal-arti, avvenimenti LGBTQI, u attivisti favur id-drittijiet tan-nisa u l-ambjent;

1.  Jikkundanna u jiddeplora bil-qawwa l-attakki terroristiċi, l-assassinji, il-vjolenza psikoloġika, l-attakki fiżiċi vjolenti u l-marċijiet li seħħew f'diversi Stati Membri tal-UE minn organizzazzjonijiet neo-Faxxisti u neo-Nazisti;

2.  Jinsab ferm imħasseb bin-normalizzazzjoni dejjem akbar tal-Faxxiżmu, tar-razziżmu, tal-ksenofobija u ta' forom oħra ta' intolleranza fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u huwa inkwetat bir-rapporti ta' kollużjoni, f'ċerti Stati Membri, bejn il-mexxejja politiċi, il-partiti politiċi u l-korpi tal-infurzar tal-liġi man-neo-Faxxisti u n-neo-Nazisti;

3.  Jinsab partikolarment inkwetat dwar il-vjolenza neo-Faxxista li qed tolqot lis-soċjetà kollha kemm hi u li għandha fil-mira tagħha minoranzi partikolari bħalma huma l-Ewropej is-suwed / il-persuni ta' nisel Afrikan, il-Lhud, il-Musulmani, ir-Rom, iċ-ċittadin ta' pajjiżi terzi, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabbiltà;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki vjolenti kollha minn gruppi neo-Faxxisti kontra politiċi u membri ta' partiti politiċi, kif irrappurtat f'xi Stati Membri; u b'mod partikolari l-attakk reċenti mill-iskwadri Faxxisti ta' CasaPound fuq Eleonora Forenza, Membru tal-Parlament Ewropew, l-assistent tagħha, Antonio Perillo, u oħrajn li ħadu sehem f'dimostrazzjoni anti-Faxxista fil-21 ta' Settembru 2018 f'Bari, l-Italja;

5.  Jinsab profondament imħasseb dwar l-impunità li biha l-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti qed joperaw f'xi Stati Membri u jenfasizza li dan is-sens ta' impunità huwa waħda mir-raġunijiet li jispjegaw għaliex l-azzjonijiet vjolenti minn ċerti organizzazzjonijiet tal-lemin estrem żdiedu b'mod allarmanti;

6.  Jirrikonoxxi t-tendenza preokkupanti tal-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti li jużaw il-midja soċjali u l-internet biex jorganizzaw attivitajiet u jfasslu strateġiji fl-Unjoni Ewropea kollha;

7.  Jiddeplora l-fatt li f'xi Stati Membri x-xandir pubbliku sar eżempju ta' propaganda min-naħa ta' partit politiku uniku, liema propaganda spiss teskludi l-oppożizzjoni u l-gruppi minoritarji mis-soċjetà u saħansitra tinċita l-vjolenza;

8.  Ifakkar li l-ideoloġija Faxxista u l-intolleranza huma dejjem assoċjati ma' attakk fuq id-demokrazija stess;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw u jissanzjonaw mingħajr eżitazzjoni d-delitti ta' mibegħda, id-diskors ta' mibegħda u t-tfigħ ta' ħtija fuq min ma ħaqqux min-naħa tal-politiċi u tal-uffiċjali pubbliċi fil-livelli kollha u fuq kull tip ta' midja, peress li dawn l-atti jinnormalizzaw u jsaħħu direttament il-mibegħda u l-vjolenza fis-soċjetà;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu aktar miżuri biex jimpedixxu, jikkundannaw u jiġġieldu d-diskors ta' mibegħda u d-delitti ta' mibegħda;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-kumpaniji tal-midja soċjali jiġġieldu t-tixrid tar-razziżmu, tal-Faxxiżmu u tal-ksenofobija fuq l-internet, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili fuq livell nazzjonali u fuq livell internazzjonali;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestigaw id-delitti ta' mibegħda u jieħdu passi legali fil-konfront tal-awturi tagħhom kif ukoll jikkondividu l-aħjar prattiki għall-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tad-delitti ta' mibegħda, inklużi dawk motivati speċifikament mid-diversi forom ta' ksenofobija;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jippjanaw u jipprevedu appoġġ adegwat għall-vittmi ta' delitti razzisti jew ksenofobi u delitti ta' mibegħda, kif ukoll il-protezzjoni tax-xhieda kollha kontra l-awturi ta' tali delitti;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu unitajiet tal-pulizija speċjalizzati fil-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda; jistieden lill-forzi tal-pulizija jiżguraw li l-persunal tagħhom ma jkunx involut f'xi forma ta' atti razzisti, ksenofobi jew diskriminatorji kif ukoll li kwalunkwe att kommess ta' dan it-tip jiġi investigat u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi appell għall-monitoraġġ u r-rappurtar min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-konfront tad-diskors ta' mibegħda u d-delitti ta' mibegħda fl-Istati Membri;

16.  Jappoġġa, ifaħħar u jitlob il-protezzjoni tal-gruppi komunitarji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiġġieldu kontra l-Faxxiżmu, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza;

17.  Jitlob li jkun hemm leġiżlazzjoni konsolidata tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, inklużi t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll il-ħolqien ta' leġiżlazzjoni ġdida, inkluża d-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali;

18.  Ifakkar li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, li l-iskadenza għall-implimentazzjoni tagħha kienet Novembru 2010, tipprevedi bażi ġuridika biex jiġu imposti penali fuq persuni ġuridiċi li jinċitaw pubblikament il-vjolenza jew il-mibegħda kontra grupp minoritarju, bħall-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi, l-iskwalifika mill-eżerċizzju ta' attivitajiet kummerċjali, it-tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja jew il-ħruġ ta' ordni ta' stralċ;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna r-rapport tagħha tal-2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill imsemmija hawn fuq u tiftaħ proċedimenti ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li ma kkonformawx mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissalvagwardjaw il-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, jiġġieldu kontra l-organizzazzjonijiet li jxerrdu id-diskors ta' mibegħda u l-vjolenza fl-ispazju pubbliku u online u jipprojbixxu b'mod konkret lill-gruppi neo-Nazisti u neo-Faxxisti kif ukoll kull fondazzjoni jew assoċjazzjoni oħra li jfaħħru u jigglorifikaw in-Naziżmu u l-Faxxiżmu, fir-rispett tal-ordinament ġuridiku nazzjonali u l-kompetenza nazzjonali fil-qasam;

21.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa u f'ħinha bejn il-korpi tal-infurzar tal-liġi, l-aġenziji tal-intelligence, il-ġudikatura u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-Faxxiżmu, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġlieda kontra l-manifestazzjonijiet tal-neo-Naziżmu u l-estremiżmu tal-lemin;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ intern obbligatorju, ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u orjentat lejn is-servizz għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u għall-uffiċjali fis-sistema ġudizzjarja fil-livelli kollha;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jikkonċentraw fuq il-prevenzjoni permezz tal-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

25.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, b'mod partikolari l-klabbs tal-futbol, jiġġieldu l-pjaga tar-razziżmu, tal-Faxxiżmu u tal-ksenofobija fl-istadiums u fil-kultura sportiva billi jikkundannaw u jissanzjonaw lil dawk responsabbli u jippromwovu attivitajiet edukattivi pożittivi li jkollhom fil-mira s-sapporters żgħażagħ b'kooperazzjoni mal-iskejjel u mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili;

26.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ lil dawk li jaħdmu fix-xandir pubbliku u fil-midja biex jissensibilizzawhom dwar l-isfidi u d-diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom il-vittmi tal-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ "programmi ta' ħruġ" nazzjonali biex tingħata għajnuna lill-persuni li joħorġu mill-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti vjolenti; jissottolinja li tali programmi għandhom imorru ferm lil hinn minn interventi individwali u għandhom jinvolvu appoġġ fit-tul għal dawk li qed jitħabtu biex isibu impjieg, jirrilokaw jew jiżviluppaw netwerks soċjali ġodda u sikuri;

28.  Jenfasizza li waħda mill-prekundizzjonijiet biex tali delitti ma jitħallewx iseħħu fil-futur hija li dak li jkun ikun konxju minn dak li ġara fil-passat u li dan l-għarfien jiżvolġi rwol importanti fl-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw u jiġġieldu l-forma kollha taċ-ċaħda tal-Olokawst, inklużi l-banalizzazzjoni u l-minimizzazzjoni tad-delitti mwettqa min-Nazisti u mill-kollaboraturi tagħhom; jirrimarka li l-verità dwar l-Olokawst ma tridx tiġi banalizzata fit-taħdit politiku u medjatiku;

30.  Jitlob li titrawwem kultura komuni ta' kommemorazzjoni li topponi d-delitti Faxxisti tal-imgħoddi; jinsab profondament inkwetat dwar il-fatt li l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar fl-Ewropa u fi bnadi oħra kulma jmur qed iħossuhom dejjem inqas ikkonċernati dwar l-istorja tal-Faxxiżmu u għaldaqstant jinsabu f'sogru li jsiru indifferenti għal theddid ġdid;

31.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni permezz tal-kultura tradizzjonali dwar id-diversità tas-soċjetà tagħna u dwar l-istorja komuni tagħna, inklużi l-atroċitajiet tat-Tieni Gwerra Dinjija, bħall-Olokawst, u d-diżumanizzazzjoni sistematika tal-vittmi fuq numru ta' snin;

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlament tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(2) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(3) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(4) ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.
(5) https://www.europol.europa.eu/activities-services/main-reports/european-union-terrorism-situation-and-trend-report-2018-tesat-2018
(6) https://www.mediapart.fr/journal/france/090418/forces-de-l-ordre-liees-l-ultra-droite-violente-la-dgsi-s-inquiete?onglet=full
(7) https://rm.coe.int/fifth-report-on-croatia/16808b57be

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza