Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2891(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0351/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.20
CRE 25/10/2018 - 13.20

Testi adottati :

P8_TA(2018)0436

Testi adottati
PDF 135kWORD 57k
Il-Ħamis, 25 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fil-Venezwela
P8_TA(2018)0436RC-B8-0351/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2018/2891(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), tat-12 ta' Marzu 2015(3), tat-8 ta' Ġunju 2016(4), tas-27 ta' April 2017(5) u tat-8 ta' Frar 2018(6) dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(7) u tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil(8),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda, dwar il-bidu ta' eżamijiet preliminari rigward is-sitwazzjonijiet fil-Filippini u fil-Venezwela, u tas-27 ta' Settembru 2018 dwar ir-riferiment minn grupp ta' sitt Stati partijiet rigward is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra l-ħatra, fid-19 ta' Settembru 2018, ta' Eduardo Stein bħala r-Rappreżentant Speċjali Konġunt tal-Aġenzija għar-Rifuġjati tan-NU (UNHCR) u tal-Aġenzija għall-Migrazzjoni tan-NU (IOM) għar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani fir-reġjun,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ottubru 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-mewt tal-kunsillier muniċipali Fernando Albán fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Ottubru 2018 tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu rigward il-mewt ta' Fernando Albán,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni tiegħu dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-Premju Sakharov 2017 lill-oppożizzjoni demokratika u lill-priġunieri politiċi fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qed tkompli tiddeterjora sew; billi l-Venezwela qed tiffaċċja kriżi soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent minħabba kriżi politika, li qed tikkawża għadd kbir ħafna ta' mwiet u li wasslet għal madwar 2,3 miljun migrant u rifuġjat;

B.  billi 87 % tal-popolazzjoni tal-Venezwela hija milquta mill-faqar, filwaqt li l-livell tal-faqar estrem huwa ta' 61,2 %; billi l-mortalità materna żdiedet b'60 % u l-mortalità infantili żdiedet bi 30 %; billi 89 % tal-popolazzjoni Venezwelana ma għandhomx riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex jixtru biżżejjed ikel għall-familji tagħhom; billi skont il-FMI, hemm mbassar li l-inflazzjoni se tilħaq livell ta' 1,4 miljun % fl-2018 u 10 miljun % fl-2019;

C.  billi, minkejja li d-disponibbiltà tal-komunità internazzjonali, il-Gvern Venezwelan sfortunatament għadu stinat fir-rifjut tiegħu li jirċievi b'mod miftuħ u jiffaċilita t-tqassim tal-għajnuna umanitarja internazzjonali, u għalhekk qiegħed jittraskura kull responsabbiltà tiegħu fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu;

D.  billi, fit-8 ta' Ottubru 2018, l-esponent tal-oppożizzjoni politika Venezwelana, Fernando Albán, allegatament ġie ttorturat u maqtul fil-bini tas-Servizz Bolivarjan tal-Intelligence Nazzjonali (SEBIN,) il-pulizija politika Venezwelana; billi, minkejja l-appelli tan-NU u tal-UE, l-awtoritajiet irrifjutaw li jippermettu investigazzjoni indipendenti dwar il-kawżi ta' mewtu, inkluża awtopsja internazzjonali mwettqa minn tim forensiku indipendenti; billi Fernando Albán kien miżmum taħt arrest fil-bini tas-SEBIN; u l-awtoritajiet Venezwelani għandhom għalhekk jinżammu responsabbli li jkunu jafu l-post fejn jinsab;

E.  billi fit-13 ta' Ottubru 2018, ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov, Lorent Saleh, ġie liberat, skortat direttament lejn l-ajruport u tkeċċa minnufih lejn Spanja f'att ta' eżilju furzat; billi kien ilu erba' snin il-ħabs fejn sofra tortura orribbli u nżamm mingħajr proċess filwaqt li s-smigħ ġudizzjarju tiegħu ġie pospost għal tal-inqas 53 darba; billi x-xhieda tiegħu, flimkien ma' dawk ta' ħafna vittmi oħra, tikkonferma r-repressjoni sistematika u t-trattament krudili u diżuman tal-priġunieri politiċi fil-Venezwela;

F.  billi aktar minn mitejn priġunier politiku għadhom il-ħabs fil-Venezwela; billi l-Membru tal-Assemblea Nazzjonali, Juan Recasens, ġie arrestat b'mod arbitrarju u ġie ttorturat, u billi għadu f'detenzjoni f'iżolament, bi ksur permanenti u illegali tal-immunità politika tiegħu;

G.  billi l-ex President tal-Assemblea Nazzjonali u r-Rebbieħ tal-Premju Sakharov Julio Jorges, l-ex Prosekutur Ġenerali Luisa Ortega Díaz, u l-ex Prosekutur tal-Ministeru Pubbliku għall-Venezwela Zair Mundaray Rodríguez huma soġġetti għal akkuża infondata ta' involviment f'tentattiv ta' konfoffa ta' omiċidju tal-President tal-Venezwela, Nicolás Maduro; billi l-awtoritajiet tal-Venezwela ħarġu, permezz tal-Interpol, mandati ta' arrest internazzjonali għat-tlieta li huma;

H.  billi hemm klima ta' aktar vjolenza u impunità totali fil-Venezwela, minħabba n-nuqqas tal-awtoritajiet li jżommu responsabbli lill-awturi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-omiċidju, l-użu ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti, id-detenzjoni arbitrarja, it-tortura u trattament degradanti u diżuman ieħor, iżda anke l-vjolenza kriminali;

I.  billi, fit-8 ta' Frar 2018, il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali beda eżamijiet preliminari rigward is-sitwazzjoni fil-Venezwela; billi fis-27 ta' Settembru 2018, grupp ta' sitt Stati partijiet għall-Istatut ta' Ruma tal-QKI (l-Arġentina, il-Kanada, il-Kolombja, iċ-Ċilì, il-Paragwaj u l-Perù) talbu li l-Prosekutur jibda investigazzjoni dwar id-delitti kontra l-umanità li ġew kommessi fit-territorju tal-Venezwela; billi Franza u l-Costa Rica appoġġjaw ukoll talbiet għal tali investigazzjonijiet; billi dan ikkostitwixxa l-ewwel riferiment li qatt ġie ppreżentat minn grupp ta' Stati partijiet rigward sitwazzjoni fit-territorju ta' Stat parti ieħor; billi l-Parlament għamel din l-istess talba f'żewġ okkażjonijiet, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Amerika Latina(9);

J.  billi fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill tal-UE ddeċieda li jadotta embargo fuq l-armi kontra l-Venezwela u projbizzjoni fuq materjal relatat li jaf jintuża għal repressjoni interna; billi fit-22 ta' Jannar 2018 iddeċieda, b'mod unanimu, li jimponi sanzjonijiet kontra seba' individwi Venezwelani li jokkupaw pożizzjonijiet uffiċjali, fil-forma ta' miżuri restrittivi bħal projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, b'reazzjoni għan-nuqqas ta' konformità mal-prinċipji demokratiċi; billi fil-25 ta' Ġunju 2018 is-sanzjonijiet ġew estiżi għal ħdax-il uffiċjal Venezwelan ieħor responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li mmina d-demokrazija u l-istat tad-dritt;

K.  billi l-UE, flimkien mal-entitajiet demokratiċi oħra, ma rrikonoxxew la l-elezzjonijiet presidenzjali, la l-elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti, u lanqas lill-awtoritajiet maħtura skont dawn il-proċessi illeġittimi; billi l-Kunsill Elettorali Nazzjonali ffissa d-9 ta' Diċembru 2018 bħala d-data għall-elezzjoni tal-kunsilli muniċipali tal-pajjiż; billi l-partiti politiċi tal-oppożizzjoni ewlenin u l-aktar importanti, Acción Democrática (AD), Primero Justicia (PJ), Un Nuevo Tiempo (UNT) u Voluntad Popular, mhumiex se jkunu awtorizzati jieħdu sehem; billi l-komunità internazzjonali mhijiex se taċċetta r-riżultati elettorali jekk il-mexxejja tal-oppożizzjoni jintbagħtu l-ħabs u lill-partiti politiċi jkunilhom projbit jieħdu sehem fl-elezzjonijiet;

L.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Ottubru 2018 jinkludu referenza għal soluzzjoni politika għall-kriżi ta' bħalissa, soluzzjoni li għandha tinkiseb billi tiġi eżaminata l-possibbiltà li jinħoloq grupp ta' kuntatt li l-objettiv tiegħu jkun dak li jippromwovi inizjattiva mmexxija b'mod konġunt mis-sħab reġjonali u internazzjonali prinċipali, bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet li jkunu jistgħu jwasslu għal proċess politiku;

M.  billi żewġ tentattivi biex jinbena djalogu nazzjonali bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, iffaċilitati mill-Vatikan u minn medjaturi internazzjonali bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-kriżi, fallew minħabba n-nuqqas ta' serjetà tal-awtoritajiet Venezwelani, li ffukaw esklussivament fuq li jippruvaw jiggwadanjaw iż-żmien u fuq ir-rikonoxximent internazzjonali;

1.  Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familja u lill-ħbieb ta' Fernando Albán; jikkundanna, f'dan ir-rigward, id-delitti mwettqa mill-awtoritajiet Venezwelani u jappella, f'dan il-każ partikolari, għal investigazzjoni indipendenti immedjata dwar il-gvern, inkluża awtopsja internazzjonali mwettqa minn tim forensiku indipendenti; ifakkar li huwa d-dmir tal-Istat li jiggarantixxi s-sigurtà u l-integrità fiżika tal-persuni kollha miżmuma f'kustodja.

2.  Jikkundanna l-użu tad-detenzjoni arbitrarja u l-fastidju ġudizzjarju u amministrattiv biex jiġu ppersegwitati eluf ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, membri eletti tal-oppożizzjoni u organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jtemmu l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u jobbligaw lil dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom, u jiżguraw li l-libertajiet fundamentali kollha u d-drittijiet tal-bniedem jiġu rrispettati bis-sħiħ;

3.  Ifakkar li ż-żewġ tentattivi preċedenti bil-għan li tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Venezwela permezz ta' medjazzjoni mal-Vatikan u permezz ta' djalogu politiku nazzjonali li sar fir-Repubblika Dominicana, fallew b'mod ċar;

4.  Ifakkar fil-pożizzjoni ddikjarata preċedentement tal-Unjoni u tal-Parlament li kwalunkwe żvilupp politiku ulterjuri jrid jinkludi dawn it-talbiet essenzjali li ġejjin: il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha u t-tmiem tat-tortura, tal-maltrattament u tal-fastidju tal-avversarji politiċi, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u d-dimostranti paċifiċi; Kunsill Elettorali Nazzjonali indipendenti ġdid elett mill-Assemblea Nazzjonali; l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet liberi u ġusti b'konformità mal-istandards internazzjonali għal proċess kredibbli li jirrispetta l-pluraliżmu politiku, bil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali demokratiċi u r-rikonoxximent tas-setgħa tal-Assemblea Nazzjonali leġittima u x-xoljiment tal-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti;

5.  Jinnota b'interess il-Konklużjonijiet tal-Kunsill rigward it-tnedija possibbli ta' kuntatti ma' sħab reġjonali u internazzjonali biex tiġi eżaminata l-possibbiltà li jinħoloq grupp ta' kuntatt; ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-rwol tal-medjazzjoni internazzjonali jew ta' grupp ta' kuntatt ta' faċilitazzjoni jrid ikun imparzjali u jrid jiġi aċċettat miż-żewġ naħat; iqis li dan il-grupp ta' kuntatt esplorattiv għandu jkollu l-għan li jikkontribwixxi biex tinstab soluzzjoni demokratika u politika għall-kunflitt Venezwelan permezz ta' mezzi paċifiċi, deċiża biss mill-poplu Venezwelan; jenfasizza lill-VP/RGħ, waqt li tkun qed teżamina l-possibbiltà li jitnieda l-grupp ta' kuntatt, li jeħtieġ li jsiru kuntatti mar-rappreżentanti leġittimi tal-oppożizzjoni demokratika Venezwelana sabiex tivverifika jekk hemmx maġġoranza favur tali inizjattiva;

6.  Jappoġġja bis-sħiħ id-dikjarazzjoni preliminari tal-QKI dwar id-delitti estensivi u l-atti ta' repressjoni mwettqa mir-reġim Venezwelan kontra ċ-ċittadini tiegħu stess; iħeġġeġ lill-Unjoni u lill-Istati Membri jissieħbu mal-inizjattiva tal-Istati partijiet tal-QKI sabiex jinvestigaw delitti kontra l-umanità mwettqa mill-gvern Venezwelan fit-territorju tal-Venezwela u biex jobbligaw lil dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom; ifakkar fl-impenn tal-UE favur il-multilateraliżmu, fil-qafas tal-prinċipji tan-NU, u r-rwol tal-QKI fil-ġlieda kontra l-impunità għal delitti gravi kontra l-umanità u biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

7.  Jilqa' l-impożizzjoni mill-UE ta' sanzjonijiet addizzjonali mmirati u riversibbli, li ma jikkawżaw ebda ħsara lill-popolazzjoni Venezwelana, minħabba l-elezzjonijiet li saru fl-20 ta' Mejju 2018 li kienu illeġittimi u mhux rikonoxxuti internazzjonalment; jitlob biex dawn is-sanzjonijiet jissaħħu jekk is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-pajjiż tkompli tmur għall-agħar;

8.  Ifaħħar lill-Gvern Kolombjan għar-reazzjoni pronta tiegħu u għall-appoġġ li ta lill-Venezwelani kollha li daħlu fil-pajjiż; ifaħħar ukoll lill-Brażil, lill-Perù u lil pajjiżi oħra fir-reġjun, partikolarment dawk li ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta' Quito dwar il-Mobbiltà tal-Bniedem taċ-ċittadini Venezwelani, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, lill-entitajiet privati u pubbliċi, lill-Knisja Kattolika u liċ-ċittadini fir-reġjun kollu kemm hu għall-għajnuna attiva u s-solidarjetà tagħhom fil-konfront tal-migranti u tar-rifuġjati Venezwelani; jappella lill-Istati Membri li qegħdin jiffaċċjaw influss ta' Venezwelani sabiex jipprovdulhom aċċess għas-servizzi bażiċi u jagħtuhom status temporanju ta' protezzjoni u drittijiet ta' residenza speċjali;

9.  Itenni s-sejbiet tassew inkwetanti tal-missjoni tiegħu ta' Ġunju 2018 fil-fruntieri tal-art Venezwelani mal-Kolombja u l-Brażil u jitlob li tintbagħat delegazzjoni ad hoc fil-Perù fl-2019 biex tivvaluta l-impatt tal-kriżi migratorja Venezwelana fuq il-post; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Venezwelani biex, b'urġenza, jippermettu l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż sabiex jiġi evitat li l-kriżijiet umanitarji u tas-saħħa pubblika jaggravaw u biex jimplimentaw rispons fuq perjodu qasir kontra l-malnutrizzjoni;

10.  Jitlob lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jimmobilizzaw aktar fondi u assistenza f'koordinazzjoni mar-Rappreżentant Speċjali Konġunt maħtur reċentement tal-UNHCR u l-IOM għar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani fir-reġjun, Eduardo Stein; jilqa', f'dan ir-rigward, il-ħatra tiegħu, li tirrifletti b'mod ċar l-iskala reġjonali u globali tal-kriżi li għaddejja bħalissa fil-Venezwela;

11.  Ifakkar li l-Interpol hija l-organizzazzjoni internazzjonali tal-pulizija inkarigata primarjament bil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali; jistieden lill-Interpol tqis bir-reqqa li t-talbiet tal-Gvern Venezwelan kontra s-Sur Borges, is-Sinjura Ortega Díaz u s-Sur Mundaray Rodríguez huma purament motivati politikament;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-Repubblika tal-Kolombja, tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil u tar-Repubblika tal-Perù, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u lill-Grupp ta' Lima.

(1) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.
(2) ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.
(3) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.
(4) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.
(5) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 137.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0041.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0199.
(8) Testi adottati, P8_TA(2018)0313.
(9) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 71.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza