Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2838(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0492/2018

Testi mressqa :

B8-0492/2018

Dibattiti :

PV 24/10/2018 - 24
CRE 24/10/2018 - 23
CRE 24/10/2018 - 24

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0437

Testi adottati
PDF 129kWORD 50k
Il-Ħamis, 25 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu
Il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi
P8_TA(2018)0437B8-0492/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi (2018/2838(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 26, 53 u 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-promozzjoni tal-kooperazzjoni tal-Istati Membri dwar rikonoxximent reċiproku ta' diplomi tal-edukazzjoni għolja u tat-tmiem tal-iskola fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u li tħassar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikat ta' Bucharest tal-2012,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta' Jannar 2018 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar "Il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja" (COM(2018)0024),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta' diplomi tal-edukazzjoni ogħla u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż (COM(2018)0270),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi (O-000084/2018 – B8‑0415/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-mobbiltà għat-tagħlim trawwem il-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien filwaqt li tippromwovi l-valuri Ewropej u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà;

B.  billi r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u l-eżiti tal-perjodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż jippermetti lill-Istati Membri jintensifikaw u jħaffu l-kooperazzjoni tagħhom fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u huwa evidenza ta' wieħed mill-benefiċċji konkreti tal-kooperazzjoni tal-UE għaċ-ċittadini;

C.  billi t-titjib fil-proċeduri ta' rikonoxximent tad-diplomi tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u tal-eżiti tal-perjodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż huwa prerekwiżit għat-twaqqif ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni(2) sal-2025;

D.  billi diġà sar progress sostanzjali fil-livell tal-edukazzjoni għolja, b'mod partikolari permezz ta' ftehimiet reġjonali bejn xi Stati Membri li jistgħu jservu ta' ispirazzjoni għall-kisba tar-rikonoxximent awtomatiku fi ħdan iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni;

E.  billi l-proċessi ta' rikonoxximent reċiproku għall-kwalifiki tal-edukazzjoni sekondarja għolja u għall-eżiti tal-perjodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż matul l-edukazzjoni sekondarja għadhom sottożviluppati;

F.  billi l-mobbiltà għat-tagħlim fl-UE ilha tikseb iktar importanza kemm f'termini ta' volumi effettivi ta' studenti kif ukoll f'termini ta' kapaċità u opportunitajiet ta' tagħlim;

G.  billi r-rikonoxximent ġust u trasparenti tal-kwalifiki barranin huwa kemm għan tekniku tal-Proċess ta' Bolonja kif ukoll valur fundamentali li jirfed Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (EHEA) miftuħa u inklużiva;

H.  billi d-dritt għall-edukazzjoni huwa dritt fundamentali tal-bniedem li jeħtieġ li jiġi garantit b'mod universali;

1.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu impenn politiku u jistabbilixxu mekkaniżmi għar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kwalifiki ta' edukazzjoni għolja u ta' edukazzjoni sekondarja għolja, kif ukoll tal-eżiti ta' perjodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż, bi qbil mal-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-ilħiq ta' dan l-objettiv billi trawwem it-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta' prattika tajba, bħal pereżempju l-ħruġ regolari ta' "dikjarazzjonijiet ta' komparabbiltà" għad-diplomi tal-edukazzjoni sekondarja għolja u l-użu konsistenti tat-tabella ta' klassifikazzjoni tal-ECTS;

2.  Jitlob lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni transnazzjonali u jagħmlu użu minn teknoloġiji ġodda sabiex iżidu l-effiċjenza, inaqqsu l-ispejjeż, itejbu t-trasparenza u jibnu l-fiduċja għal dak il-għan, bil-ħsieb li jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet ta' edukazzjoni u impjieg li jirriżultaw mis-suq intern; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li ssir ħidma flimkien mal-Kummissjoni biex tiġi żviluppata u stabbilita b'mod effettiv il-Karta Ewropea tal-Istudenti bil-għan li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u tal-perjodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż, filwaqt li jitnaqqsu l-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi għall-istudenti u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jibdew proċess ta' kooperazzjoni dwar it-taħriġ u l-edukazzjoni sekondarja ġenerali bil-għan li titrawwem it-trasparenza u tinbena l-fiduċja bejn is-sistemi differenti ta' edukazzjoni u taħriġ;

4.  Jitlob li wieħed iżomm f'moħħu l-importanza u l-potenzjal tas-sorsi ta' finanzjament tal-UE u l-programm Erasmus+, b'mod partikolari għall-promozzjoni tal-mobbiltà fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u għat-twaqqif ta' Universitajiet Ewropej u lawrji tal-masters konġunti;

5.  Ifakkar għal dak il-għan l-importanza li tiġi garantita l-inklużività tal-programmi ta' mobbiltà tal-UE, b'mod partikolari billi tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta' persuni b'diżabilità u dawk minn ambjenti soċjoekonomiċi żvantaġġati;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-istudenti, ir-refuġjati u l-migranti li jkunu għadhom kif waslu fl-ambjent tal-edukazzjoni billi jiżguraw li r-rikonoxximent inizjali tad-diplomi jew l-eżiti ta' perjodi ta' tagħlim tagħhom barra mill-pajjiż minn Stat Membru tal-UE ma jkunx jinvolvi piżijiet amministrattivi eċċessivi;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi u l-eżiti ta' perjodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż sal-2025 b'konformità mal-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u li jibnu fuq l-oqfsa eżistenti, inkluż il-qafas ta' kompetenzi ewlenin tal-UE; jenfasizza wkoll f'dan ir-rigward l-importanza tar-rabtiet reċiproċi u l-komplementarjetà bejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja;

8.  Jirrikonoxxi l-eżempju pożittiv stabbilit mill-Bakkalawrjat Ewropew għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-edukazzjoni sekondarja għolja; jirrakkomanda, madankollu, li l-Istati Membri jneħħu kwalunkwe ostaklu indebitu għar-rikonoxximent rapidu u trasparenti tal-klassifikazzjoni tal-Iskola Ewropea għall-aċċess għall-edukazzjoni għolja;

9.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw, bil-ħsieb li jinkisbu rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi u aċċess ġust għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, li l-istudenti Ewropej kollha jkunu intitolati jattendu l-edukazzjoni sekondarja għolja taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru, billi jkollhom id-dritt li jitpoġġew fi klassi mal-grupp ta' età tagħhom stess, fil-livell ekwivalenti għall-klassi tagħhom fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom, irrispettivament mil-livell tal-lingwa tagħhom;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15.
(2) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52017DC0673&from=EN

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza