Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2005(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0319/2018

Testi mressqa :

A8-0319/2018

Dibattiti :

PV 25/10/2018 - 9
CRE 25/10/2018 - 9

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.23
CRE 25/10/2018 - 13.23

Testi adottati :

P8_TA(2018)0439

Testi adottati
PDF 189kWORD 69k
Il-Ħamis, 25 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
L-isfruttar tal-globalizzazzjoni: aspetti kummerċjali
P8_TA(2018)0439A8-0319/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni: aspetti kummerċjali (2018/2005(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2017 bit-titolu "L-isfruttar tal-globalizzazzjoni" (COM(2017)0240),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Politika ta' kummerċ li hija bbilanċjata u progressiva biex nisfruttaw il-globalizzazzjoni" (COM(2017)0492),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea (COM(2017)0487),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 bit-titolu "Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Lejn strateġija għall-kummerċ diġitali"(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-politika kummerċjali għal kulħadd – it-twettiq ta' politika kummerċjali li tisfrutta b'mod għaqli l-globalizzazzjoni (COM(2017)0491),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles, mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2016 (COM(2017)0654),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2014, u b'mod partikolari d-deċiżjoni li jiġi stabbilit grupp ta' ħidma intergovernattiv b'kompożizzjoni miftuħa dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, li l-mandat tiegħu jkun it-tfassil ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti li jirregola, fid-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u ta' intrapriżi kummerċjali oħra,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-ftehimiet kummerċjali u investiment fuq id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, tat-13 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u l-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-ktajjen ta' valur mondjali(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2321 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-awtoċertifikazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi responsabbli ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli(6),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Politika dwar il-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-dokument informali tas-servizzi tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2018 bit-titolu "Feedback and way forward on improving the implementation and enforcement of Trade and Sustainable Development chapters in EU Free Trade Agreements" (Reazzjonijiet u t-triq 'il quddiem dwar it-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles tal-UE),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2015 bit-titolu "L-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem – Is-Sitwazzjoni Attwali" (SWD(2015)0144),

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għall-Imġiba Responsabbli fin-Negozju ppubblikata fil-31 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Alleanza għal Kummerċ Liberu mit-Torturi varata waqt l-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-10 ta' April 2017 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) dwar it-titjib tal-aċċess għal rimedju fil-qasam tan-negozju u tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE (1/2017),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha li jipprojbixxi l-iskjavitù u s-servitù,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' politika tal-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Dinji u d-WTO ppubblikat fl-10 ta' April 2017 bit-titolu "Making trade an engine of growth for all: the case for trade and for policies to facilitate adjustment" (Nagħmlu l-kummerċ mutur ta' tkabbir għal kulħadd: il-każ tal-kummerċ u tal-politiki biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament),

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-OECD dwar kwistjonijiet ewlenin ta' Ġunju 2017 bit-titolu: "Making globalisation work: better lives for all" (Inħaddmu l-globalizzazzjoni: għajxien aħjar għal kulħadd)(10),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970 dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, tal-Esportazzjoni u tat-Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali, u l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 dwar Beni Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment;

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna bit-titolu "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)0029),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data, li ilu fis-seħħ mill-25 ta' April 2018(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 167, 207, 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0319/2018),

A.  billi l-globalizzazzjoni hija proċess perpetwu li ħoloq sett ġdid ta' sfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali għall-futur minħabba avvanz teknoloġiku rapidu, u billi prattikament se jinbidel kull settur; billi l-qafas regolatorju u leġiżlattiv għadu lura meta mqabbel ma' dawn l-iżviluppi, b'tali mod li qed ipoġġi kisbiet soċjali sinifikanti fil-periklu;

B.  billi l-inugwaljanza fid-dħul baqgħet f'livelli għolja storiċi, iżda billi s-sehem tal-popolazzjoni dinjija li tgħix fil-faqar estrem naqas minn 44 % fl-1980 għal 10 % fl-2015; billi l-Parlament jaqbel mal-Kummissjoni li l-globalizzazzjoni toħloq sfidi wkoll minħabba li l-benefiċċji tagħha huma mifruxa b'mod inugwali fost il-popli u r-reġjuni, u billi sakemm ma jittiħdux passi attivi, hemm ir-riskju li l-globalizzazzjoni tiggrava l-effett tal-avvanzi teknoloġiċi u tal-kriżi ekonomika reċenti u tikkontribwixxi għal aktar twessigħ tal-inugwaljanzi u l-polarizzazzjoni soċjali;

C.  billi l-globalizzazzjoni u l-ftuħ tal-kummerċ globali kellhom effetti pożittivi, ħarġu miljuni ta' persuni mill-faqar u bħala tali jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, il-prosperità u l-kompetittività tal-pajjiżi; billi l-globalizzazzjoni toħloq ukoll sfidi u l-benefiċċji tagħha huma mifruxa b'mod inugwali fost il-popli u r-reġjuni; billi l-globalizzazzjoni ma għandhiex tkun għad-detriment tal-ambjent; billi ċ-ċittadini tal-UE qed jitolbu dejjem aktar li l-politika dwar il-kummerċ tal-Unjoni tiżgura li l-oġġetti li jidħlu fis-suq tal-UE jkunu ġew prodotti f'kundizzjonijiet deċenti u sostenibbli u li, fil-kuntest globali li qed jinbidel, l-UE tippromwovi aġenda tal-kummerċ ibbażata fuq il-valuri;

D.  billi "l-kummerċ miftuħ u ġust" u l-politiki ta' investiment ibbażati fuq il-valuri jeħtieġu firxa ta' politiki ta' sostenn effikaċi sabiex jiġi mmassimizzat il-qligħ u mminimizzat it-telf tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ għall-UE u għall-popolazzjonijiet u l-ekonomiji tal-pajjiżi terzi; billi l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs), maħsuba biex itemmu l-faqar u jġibu l-progress soċjali u ambjentali, għandha ssir il-punt ta' riferiment għas-suċċess tal-politika kummerċjali tal-Unjoni;

E.  billi l-protezzjoniżmu huwa tweġiba simplistika u dgħajfa għall-isfidi li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni; billi politiki protezzjonisti li mhumiex implimentati skont ir-regoli tad-WTO se jkollhom effett domino fuq kulħadd, u jagħmlu ħsara lill-importaturi, lill-esportaturi u lill-konsumaturi; billi relazzjonijiet kummerċjali ġusti u etiċi għandhom isiru n-norma fir-relazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali;

F.  billi t-tibdil fil-klima kkawżat mill-attività tal-bniedem qed iwassal għal aċċelerazzjoni lil hinn mill-agħar tbassir tal-IPCC dwar il-kollass tal-bijodiversità u t-theddida fuq it-terminu medju għas-sopravvivenza tal-ekosistemi – speċjalment l-ekosistemi tal-baħar – mit-tniġġis, b'mod partikolari b'rabta mal-isfruttament tal-idrokarburi;

G.  billi l-UE għandha d-dritt tadotta politiki dwar il-kummerċ fis-servizzi kulturali u awdjoviżivi bil-għan li tipproteġi u tippromwovi d-diversità tal-espressjonijiet kulturali kif ukoll il-wirt kulturali, u tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 4 dwar edukazzjoni ta' kwalità; billi dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra jinkludu l-politika kummerċjali komuni, kif definita fl-Artikolu 207 tat-TFUE;

H.  billi l-Artikolu 3(3) tat-TUE jiddikjara li l-UE għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha, u tiżgura li jitħares u jiġi żviluppat il-wirt kulturali Ewropew;

I.  billi l-Ewropa għandha varjetà għanja ta' tradizzjonijiet u industriji kulturali u kreattivi b'saħħithom, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u sistemi differenti ta' korpi tal-midja pubbliċi u ta' finanzjament pubbliku tal-films, u billi l-promozzjoni tad-diversità kulturali, l-aċċess għall-kultura u d-djalogu demokratiku jridu jibqgħu prinċipji ta' gwida, bi qbil mal-approċċ kummerċjali internazzjonali tal-UE;

J.  billi l-industriji kulturali u kreattivi jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi deċenti u għall-prosperità ekonomika, u jammontaw għal madwar 2,6 % tal-PDG tal-UE, filwaqt li qed jesperjenzaw rata ta' tkabbir ogħla mill-bqija tal-ekonomija, u jirrappreżentaw wieħed mill-iktar setturi reżiljenti matul il-kriżi finanzjarja; billi l-iżvilupp tal-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi tal-industrija kulturali u kreattiva se jikkostitwixxi mutur importanti tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u tal-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa;

K.  billi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jistabbilixxi standards għoljin ta' pproċessar tad-data personali li jirrikjedu ċertu livell ta' responsabbiltà min-naħa tal-pjattaformi u s-servizzi ta' streaming fir-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali;

L.  billi l-isfruttar tal-potenzjal tal-globalizzazzjoni fl-aspetti kummerċjali li jikkonċernaw il-prodotti kulturali jimplika konformità stretta mal-konvenzjonijiet internazzjonali kollha dwar il-protezzjoni tal-wirt kulturali, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1954, tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970 u tal-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995;

M.  billi d-djalogu interkulturali jrawwem ir-rispett u l-fehim reċiproku, u jinkoraġġixxi skambji soċjali u ekonomiċi iktar ġusti, inkluż il-kummerċ, filwaqt li jgħin kemm biex jiġu żviluppati prattiki li jippromwovu l-interessi tal-partijiet kollha b'mod iktar ibbilanċjat u rispettuż kif ukoll biex jiġu miġġielda l-prattiki inġusti bħalma huma l-klawżoli abbużivi u l-kondizzjonalitajiet imposti b'mod unilaterali;

L-isfruttar tal-globalizzazzjoni

1.  Jilqa' d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni, kif ukoll l-enfasi li jixħet fuq l-iffaċilitar tal-aċċess għall-effetti pożittivi tal-globalizzazzjoni, filwaqt li jirrimarka l-bżonn li naħdmu kontra l-effetti negattivi;

2.  Jenfasizza li l-kummerċ internazzjonali mhux biss għandu rwol deċiżiv fl-iżvilupp ekonomiku u fil-kooperazzjoni ekonomika bejn il-pajjiżi fl-ekonomija globalizzata, iżda għandu wkoll influwenza fundamentali fuq il-paċi, it-tkabbir sostenibbli soċjalment u ekoloġikament, l-impjiegi, il-qerda tal-faqar u l-insigurtà tal-ikel, id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi, għalhekk, ir-responsabbiltà dejjem akbar tal-UE li tikkontribwixxi fit-tweġiba għal dawn l-isfidi fir-relazzjonijiet esterni u fil-qasam tal-kummerċ globali tagħha;

3.  Jirrimarka l-ħtieġa li b'mod effikaċi jiġu msaħħa l-kontrolli fuq il-kummerċ ta' oġġetti b'użu doppju, u konsegwentement, jappella għall-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Unjoni skont it-Trattat Internazzjonali dwar il-Kummerċ tal-Armi;

Rendikont

4.  Jinnota li permezz tal-globalizzazzjoni, il-pajjiżi u l-ekonomiji qed isiru dejjem aktar interkonnessi; jinnota li dan wassal biex tfaċċaw ktajjen ta' valur internazzjonali u jirrimarka l-fatt li dawn il-ktajjen ta' valur jirristrutturaw it-tqassim internazzjonali tax-xogħol kif ukoll l-interdipendenza tal-pajjiżi; ifakkar li n-natura estremament kumplessa tagħhom, in-nuqqas ta' trasparenza u d-dilwizzjoni tar-responsabbiltajiet jistgħu jwasslu għal riskju akbar ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-impunità fattwali għal reati kontra l-ambjent u l-evitar tat-taxxa u l-frodi fiskali fuq skala kbira; itenni l-benefiċċji ta' politika kummerċjali tal-UE bbażata fuq regoli u valuri komuni, inkluż dwar kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-bniedem, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni ambjentali;

5.  Jinnota li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni mhumiex distribwiti b'mod ugwali bejn ir-reġjuni u fi ħdan is-soċjetajiet, fejn xi reġjuni u setturi japprofittaw ħafna, filwaqt li oħrajn qed ibatu minn bidliet strutturali u minn qgħad li qed jiżdied; jinnota li dan, flimkien mal-bidliet fit-teknoloġija bħalma huma l-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, huwa raġuni għax-xettiċiżmu lejn il-globalizzazzjoni jew għar-rifjut tagħha li qed jiżdiedu f'partijiet tas-soċjetà; jinnota li l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi affettwaw id-distribuzzjoni tad-dħul u aggravaw il-problema tal-faqar; jieħu nota li fl-2014 il-koeffiċjent Gini medju tad-dħul disponibbli tal-familji laħaq l-ogħla valur irreġistrat f'dawn l-aħħar 30 sena iżda wera xejra partikolarment negattiva fid-dħul modest u medju; josserva li l-klassi medja ċkienet f'ħafna Stati Membri tal-UE, filwaqt li s-sehem tagħha tad-dħul globali naqas bl-istess mod; jesprimi l-fehma li t-tlaqqigħ ta' klassi medja li qed tmajna, tal-biżgħat taċ-ċittadini fuq it-telf tal-pożizzjoni soċjali u ekonomika tagħhom u tax-xettiċiżmu fil-konfront tal-globalizzazzjoni jista' jwassal għall-protezzjoniżmu, li hija risposta simplistika għall-biżgħat komuni; jinnota li f'dan il-kuntest, la l-politiki protezzjonisti nazzjonalistiċi u lanqas il-politiki ta' żamma tal-istatus quo mhuma tweġiba adegwata;

6.  Jirrimarka li l-perspettiva ta' futur domestiku sostenibbli u li jimxi 'l quddiem tappoġġa t-tnaqqis u tiffaċilita l-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni illegali lejn l-Ewropa;

7.  Jinnota li fejn l-ekonomija tfalli, id-demokrazija tbati wkoll; josserva li d-demokrazija issa tinsab sejra lura kważi kullimkien; jissottolinja li ċ-ċittadini għandhom aktar setgħa minn qatt qabel iżda ħafna jħossu li d-demokrazija m'għadhiex taqdi tajjeb l-interessi tagħhom; jirrimarka li din ix-xejra twassal biex l-istati awtokratiċi u mhux demokratiċi jirnexxilhom idawru s-soċjetajiet tagħna f'arma u jikkapitalizzaw mir-reazzjoni negattiva popolari kontra l-globalizzazzjoni;

8.  Jinnota li l-importanza ekonomika taċ-Ċina u ta' pajjiżi oħra tax-Xlokk tal-Asja qed tikber b'mod sinifikanti; jenfasizza ż-żieda fil-flussi kummerċjali u ta' investiment fi ħdan dan ir-reġjun; jirrimarka li din ix-xejra se tippersisti matul is-snin li ġejjin; jinnota li dan se jwassal għal telf relattiv tal-importanza għaċ-ċentri ekonomiċi globali attwali tal-Ewropa u tal-Amerka ta' Fuq, kif ukoll għal sfidi ġodda fir-rigward tal-preservazzjoni ta' politika kummerċjali internazzjonali bbażata fuq il-valuri; jenfasizza l-importanza li nadattaw għal dawn l-isfidi ekonomiċi ġodda; itenni, għalhekk, il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu r-regoli u s-sistema multilaterali bbażata fuq il-valuri; jenfasizza li dawn l-iżviluppi x'aktarx jikkompromettu l-interessi strateġiċi Ewropej;

9.  Jinnota li l-globalizzazzjoni wasslet għat-tifrix aktar mgħaġġel u usa' tat-teknoloġija u l-innovazzjoni, u li t-teknoloġija tista' tkun faċilitatur ewlieni tal-kummerċ; jenfasizza l-fatt li l-UE għadha ma wettqitx l-istrateġija kummerċjali diġitali u lanqas għadha ma indirizzat il-benefiċċji li l-internet u t-teknoloġiji tar-reġistru distribwit jistgħu jġibu għall-kummerċ internazzjonali;

10.  Jinnota li l-ekonomija Ċiniża qed tikber b'mod sinifikanti u żżid is-sehem tas-suq tagħha għad-detriment tal-Ewropa u tal-Amerka ta' Fuq; jinnota li l-Inizjattiva l-ġdida taċ-Ċina "Medda Waħda, Rotta Waħda" hija tentattiv biex issir il-qawwa ekonomija dinjija ewlenija; jissottolinja li l-influwenza taċ-Ċina, li mhijiex biss ekonomika iżda għandha dimensjonijiet strateġiċi u relatati mas-sigurtà, qed tinfirex lejn l-Ewropa; iqis il-politika "America First" bħala tentattiv biex jiġi konfrontat it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku tal-Istati Uniti u li tirrappreżenta forza distruttiva għall-ordni ekonomiku dinji bbażat fuq ir-regoli;

11.  Jenfasizza li, f'dawn l-aħħar deċennji, l-assi transatlantiku dejjem kien garanti tal-kummerċ ħieles globali bbażat fuq il-valuri u li jista' għal darb'oħra jassumi dan ir-rwol fil-futur; jinnota, f'dan ir-rigward, li ftehim transatlantiku jista' jipprovdi impetus ġdid;

12.  Jirrimarka li l-ordni ekonomiku dinji multilaterali, bid-WTO fiċ-ċentru tiegħu, qed jissielet biex jinkorpora dawn il-bidliet profondi, kif ukoll l-interessi li qed jinbidlu tal-pajjiżi fil-ftehimiet internazzjonali; jinnota li l-protezzjoniżmu dejjem akbar fl-Istati Uniti u lil hinn minnha, kif ukoll in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ftehimiet internazzjonali, idgħajfu d-WTO; iqis li l-korp tal-appell tad-WTO huwa partikolarment importanti għar-rikonċiljazzjoni tat-tilwim kummerċjali u jinsab imħasseb serjament dwar l-imblukkar mill-Istati Uniti tal-ħatra ta' membri tal-korp, peress li dan jimmina l-funzjonament tad-WTO; jistieden lill-Kummissjoni turi flessibbiltà meta tiġi biex tirriforma l-korp tal-appell tad-WTO iżda biex tinsisti fuq mekkaniżmu ta' soluzzjoni tat-tilwim f'żewġ stadji; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' integrazzjoni tal-SDGs fl-aġenda tal-kummerċ dinji u l-fatt li dawn ma ġewx ikkunsidrati b'mod adegwat; jesprimi l-fehma li l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu riflessi aħjar fil-ftehimiet internazzjonali, kif ukoll fiċ-Ċiklu ta' DOHA għall-Iżvilupp;

Il-politika Ewropea

13.  Jinnota li l-UE hija ppreżentata bl-isfida li tiffunzjona b'suċċess f'dan il-kuntest ekonomiku globali li qed jinbidel, li jfisser li jeħtieġ li tiżgura l-kompetittività tagħha filwaqt li tippreserva l-istandards soċjali u ambjentali, iżżid il-kooperazzjoni tagħha mal-ekonomiji li qed jikbru fl-Asja tax-Xlokk kif ukoll fl-Indja, fiċ-Ċina u fl-Amerka Latina, u tindirizza l-protezzjoniżmu arbitrarju li qed jiżdied tal-Istati Uniti; jinnota l-importanza li jkun hemm involviment fir-ristrutturar tal-ordni ekonomiku dinji u li jiġu rispettati l-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll tal-persuni li jinsabu ekonomikament u soċjalment imċaħħda fil-pajjiżi żviluppati; jenfasizza li l-għanijiet tat-twettiq tal-SDGs u tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi jridu jservu bħala l-qafas ġenerali biex jitwettaq dan l-impenn, fejn il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp tkun tal-ikbar importanza; jissottolinja li l-finanzi pubbliċi, l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali huma għodod meħtieġa biex jintlaħqu l-SDGs;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' politiki ta' appoġġ biex isostnu l-effetti pożittivi u l-opportunitajiet ipprovduti mill-globalizzazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles strutturati u bbilanċjati tajjeb; itenni l-appoġġ tiegħu għall-politika kummerċjali tal-Kummissjoni u għall-promozzjoni tal-għodod u l-istrumenti tal-politika tal-kummerċ sabiex jiġu regolati u indirizzati b'mod determinat l-isfidi tal-globalizzazzjoni;

15.  Iqis li l-Unjoni Ewropea toffri qafas ta' appoġġ xieraq għall-elaborazzjoni ta' regoli progressivi dwar il-kummerċ u l-investiment, li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni ekonomika, is-solidarjetà bejn il-popli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jinkoraġġixxi lill-Unjoni tkompli tiżviluppa l-inizjattivi tagħha sabiex tirregola aħjar il-globalizzazzjoni permezz ta' miżuri ta' appoġġ effikaċi;

16.  Jinnota d-diffikultajiet li l-Istati Membri jiltaqgħu magħhom meta jkunu qed jittrattaw waħedhom l-isfidi transnazzjonali bħalma huma l-flussi migratorji, il-kriżijiet finanzjarji, l-evażjoni tat-taxxa, it-terroriżmu u t-tibdil fil-klima; jenfasizza r-responsabbiltà kondiviża u r-rwol tar-reġjuni u l-ibliet fl-isfruttar tal-globalizzazzjoni; jinnota li l-effikaċja tal-azzjonijiet Ewropej tiddependi mill-isforzi tal-Istati Membri;

17.  Jirrimarka li t-tilwim bejn l-UE u l-Istati Uniti joħloq sfidi ġodda għall-UE iżda jiġġenera wkoll opportunitajiet li jiġu mfittxija modi ġodda ta' kif tista' tiġi ġestita u msawra l-globalizzazzjoni, kif ukoll biex tittieħed responsabbiltà għaliha;

Ir-risposta interna tal-Ewropa

18.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-preservazzjoni tal-kompetittività internazzjonali filwaqt li tiggarantixxi standards soċjali u ambjentali għolja hija prerekwiżit għal strateġija Ewropea ta' suċċess; jilqa' t-tisħiħ ulterjuri tas-suq intern tal-UE kif ukoll il-konsolidazzjoni tal-unjoni ekonomika permezz tal-armonizzazzjoni tal-istandards dwar il-protezzjoni soċjali, il-pagi u l-istandards tal-għajxien; jemmen li din l-armonizzazzjoni hija vitali, peress li suq intern sod huwa prerekwiżit għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrateġiji internazzjonali;

19.  Jirrimarka li l-fatt li wieħed ikun kompetittiv internazzjonalment jiddependi bil-kbir mit-tiswir b'suċċess tal-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni b'mod soċjalment u ambjentalment responsabbli, filwaqt li tiġi ppreservata l-protezzjoni tal-ħajja privata taċ-ċittadini Ewropej; jinnota li t-teknoloġiji l-ġodda, b'mod speċjali l-blockchain, se jittrasformaw in-natura tal-kummerċ internazzjonali; jinnota l-importanza li nilħqu l-miri tal-politika klimatika tagħna u li l-bidla lejn enerġiji rinnovabbli jeħtieġ li sseħħ malajr kemm jista' jkun; huwa tal-fehma li l-UE, b'mod urġenti, teħtieġ tiżviluppa strateġija industrijali reali u effikaċi bil-għan li jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet esterni filwaqt li trawwem it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju; iqis li l-opportunitajiet u l-isfidi li tinvolvi l-globalizzazzjoni, kif ukoll l-azzjonijiet reċenti min-naħa ta' ċerti pajjiżi terzi, għandhom jiġu ssodisfati b'politika kummerċjali tal-UE li tiffavorixxi l-kummerċ miftuħ u ġust b'regoli trasparenti u sistema multilaterali b'saħħitha fi ħdan id-WTO;

20.  Jirrimarka li skont l-Artikolu 12 tat-TFUE, li jirrikonoxxi li r-rekwiżiti ta' protezzjoni tal-konsumatur iridu jiġu kkunsidrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet oħra tal-Unjoni, kapitolu ddedikat dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jista' jikkontribwixxi biex jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur permezz ta' salvagwardji ġuridiċi, pereżempju dwar id-dritt ta' regolamentazzjoni u l-prinċipju ta' prekawzjoni, iżda jista' wkoll jagħti benefiċċji tanġibbli lill-konsumaturi u jrawwem il-fiduċja tal-konsumaturi, inkluż fis-servizzi online, jippromwovi l-konsum sostenibbli, jintegra l-interess tal-konsumaturi fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali sħaħ u jikkontribwixxi għall-infurzar effikaċi tal-liġi tal-konsumatur, inkluż f'sitwazzjonijiet transfruntiera;

21.  Jirrimarka l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet aktar ekwi għall-SMEs; jitlob lill-Kummissjoni toħloq strateġija kummerċjali Ewropea għall-SMEs sabiex l-SMEs jiġu integrati fil-ktajjen ta' valur internazzjonali u biex jingħelbu l-ostakoli speċifiċi għall-kummerċ bħal pereżempju l-ostakoli mhux tariffarji; jirrimarka li l-aċċess għall-informazzjoni hu wieħed mill-akbar ostakoli għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fis-suq, u dan ifisser li t-trasparenza u l-appoġġ jeħtieġ jiżdiedu; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti f'dan il-kuntest biex tiffaċilita l-immaniġġar tar-regoli ta' oriġini u l-użu tal-preferenzi għall-SMEs; jirrimarka l-potenzjal kbir tal-preferenzi mhux użati u jitlob b'insistenza lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri ambizzjużi biex jiżdiedu r-rati ta' użu; jinnota l-importanza tal-SMEs biex jintlaħqu tal-SDGs; jappella għall-inklużjoni ta' kapitoli apposta fil-ftehimiet kummerċjali dwar il-ħtiġijiet u l-interessi tal-SMEs, speċjalment fir-rigward tal-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq;

22.  Jinnota li hemm bżonn ta' strumenti effikaċi għad-difiża tal-kummerċ, jilqa' r-riforma reċenti ta' strumenti għad-difiża tal-kummerċ, li jridu jkunu implimentati b'mod effikaċi u proporzjonat sabiex jipproteġu l-industriji u l-impjiegi minn importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta' dumping jew ta' sussidji; jafferma li l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ m'għandhomx jintużaw għall-finijiet ta' protezzjoniżmu; jappoġġa l-miżuri stabbiliti mill-Kummissjoni wara l-impożizzjoni tat-tariffi fuq l-azzar u l-aluminju mill-Istati Uniti; jirrimarka li r-regoli dwar l-iskrinjar tal-investiment jeħtieġ jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli sabiex jiġu evitati investimenti barranin li jkunu sempliċiment motivati minn politika industrijali u li jservu biex jinkisbu teknoloġiji Ewropej; ifakkar fil-ħtieġa ta' Strument ta' Akkwist Internazzjonali b'saħħtu; jilqa' l-passi kuraġġużi li ttieħdu bl-integrazzjoni tad-dimensjoni tad-dumping soċjali u ambjentali f'dawk l-istrumenti u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa metodi sodi sabiex tqis dawk id-dimensjonijiet bis-sħiħ, inkluż fir-rigward tal-istandards soċjali u ambjentali applikabbli fil-pajjiżi esportaturi;

23.  Jinnota li, bħala tweġiba għat-telf tal-impjiegi li rriżulta mill-globalizzazzjoni, jeħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-politiki tagħhom dwar is-suq tax-xogħol u l-offerta tagħhom ta' taħriġ; jinnota, madankollu, li hija meħtieġa riforma tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) sabiex jaffronta l-isfidi ġodda tal-globalizzazzjoni, inkluż riforma tal-prekundizzjonijiet biex wieħed jirċievi l-appoġġ; jenfasizza li l-FEG irid isir għodda aktar proattiva mmirata biex tħejji l-ħaddiema u l-kumpaniji viex jiġġieldu lill-impatti negattivi tal-globalizzazzjoni; jinnota li intrapriżi iżgħar irid ikollhom aċċess għall-finanzjament tal-FEG; jirrimarka li l-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG għandu jitwessa' biex jinkludi aġġustamenti oħra maħluqa mill-politika u li jeħtieġ baġit adegwat kif ukoll mekkaniżmu xieraq ta' monitoraġġ u evalwazzjoni;

24.  Jirrikonoxxi l-passi pożittivi meħuda mill-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs); jistieden lill-Kummissjoni tindirizza x-xettiċiżmu fil-konfront tal-globalizzazzjoni permezz tat-tisħiħ ulterjuri tat-trasparenza fil-ftehimiet kummerċjali, ittejjeb il-monitoraġġ tar-regoli u l-leġiżlazzjoni tal-UE, u żżid l-inklużività għaċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tmexxi n-negozjati bi trasparenza sħiħa, permezz ta' djalogu kostanti mal-Parlament Ewropew, mal-parlamenti nazzjonali, mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kunsill jinforma u jinvolvi lill-parlamenti nazzjonali u lis-soċjetà ċivili qabel l-approvazzjoni tal-mandati ta' negozjar u matul in-negozjati; jiddispjaċih li l-Kunsill iddeċieda, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta' Mejju 2018, li jżomm l-istatus quo kif inhu billi ddeċieda li jippubblika d-direttivi ta' negozjati tal-FTAs tal-UE fuq il-bażi ta' kull każ għalih; jistieden lill-Kunsill jippubblika l-mandati kollha ta' negozjar;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar governanza u regoli globali biex il-globalizzazzjoni tiġi sfruttata aħjar; jissottolinja l-importanza ta' politiki nazzjonali ta' sostenn biex tingħata spinta lill-kompetittività u lir-reżiljenza tal-UE;

26.  Jirrimarka li l-prodotti agroalimentari tal-UE jissodisfaw l-ogħla standards fid-dinja; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-prodotti agrikoli importati jissodisfaw l-istandards tal-UE u ssaħħaħ il-verifiki fuq prodotti agroalimentari importati fil-post ta' oriġini tagħhom u mal-wasla tagħhom fl-UE;

27.  Ifakkar fl-importanza ta' implimentazzjoni effiċjenti tal-ftehimiet kummerċjali konklużi sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa tagħna jkunu jistgħu jibbenefikaw kemm jista' jkun mill-opportunitajiet ta' esportazzjoni pprovduti minn dawn il-ftehimiet, bħalma hu l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada;

28.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati regoli u regolamenti kummerċjali ġodda f'livell globali sabiex jiġu rregolati u armonizzati l-istandards tal-produzzjoni, soċjali u ambjentali fis-settur agroalimentari;

29.  Jilqa' l-ftehim kummerċjali tal-UE mal-Ġappun, li huwa r-raba' l-akbar suq għall-esportazzjoni agrikola tal-UE, li se jipprovdi opportunitajiet ta' esportazzjoni tajbin għal bosta prodotti agroalimentari tal-UE, bħall-prodotti tal-ħalib;

30.  Jenfasizza, l-ewwel nett, l-importanza li jiġu inklużi klawżoli ta' salvagwardja bilaterali effikaċi u faċilment disponibbli li jippermettu s-sospensjoni temporanja tal-preferenzi jekk, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim kummerċjali, żieda fl-importazzjonijiet kellha tikkawża ħsara serja – jew tirriskja li tikkawża ħsara serja – lis-setturi sensittivi u, it-tieni nett, li jiġu riveduti l-mekkaniżmi ta' salvagwardja multilaterali eżistenti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (Regolament dwar l-OKS Unika)(12), li għandu jkollhom rwol preventiv għas-setturi sensittivi fuq il-bażi tal-volum ta' referenza u l-limiti tal-prezzijiet li jippermettu l-attivazzjoni awtomatika b'effett sospensiv tal-mekkaniżmi ta' salvagwardja fejn dawn il-limiti jkunu ntlaħqu;

31.  Jenfasizza l-importanza strateġika għall-UE li żżomm livell għoli ta' awtosuffiċjenza fl-ikel; huwa tal-fehma li l-globalizzazzjoni tal-kummerċ m'għandhiex tipperikola l-vijabbiltà tal-produtturi agroalimentari tal-UE, peress li fit-tul dan jista' jwassal għat-tip ta' dipendenza esterna li diġà ġiet osservata fis-settur tal-enerġija;

32.  Jinnota li d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni huwa l-ewwel dokument ta' din ix-xorta li jsemmi l-importanza li ntejbu l-istandards tal-benessri tal-annimali permezz tal-aġenda kummerċjali u ta' investiment tal-UE; jilqa' r-rieda espressa mill-Kummissjoni li taħdem lejn governanza globali msaħħa fil-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi b'mod espliċitu l-benessri tal-annimali fl-istrateġija tal-politika kummerċjali li jmiss tagħha u tuża l-klawżoli ta' rieżami fl-FTAs eżistenti biex tkompli ttejjeb id-dispożizzjonijiet dwar il-benessri tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-preferenzi kummerċjali jkunu jiddependu mill-konformità mal-istandards tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, biex b'hekk jiġu garantiti kundizzjonijiet aktar ekwi u r-rispett tax-xewqat tal-parti l-kbira taċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol importanti li għandhom l-istandards ogħla tal-benessri tal-annimali biex jintlaħqu għadd ta' SDGs, b'mod partikolari dwar is-saħħa b'rabta mar-reżistenza antimikrobika, u dwar it-tibdil fil-klima;

33.  Jenfasizza li l-kultura u l-edukazzjoni, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja, huma beni komuni, li l-aċċess għall-kultura u l-edukazzjoni huwa dritt tal-bniedem, u li l-kultura u l-edukazzjoni għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati jew ġestiti bl-istess mod bħal oġġett jew servizz diskrezzjonali, iżda pjuttost bħala beni komuni li għandhom jiġu ppreservati u mtejba kontinwament; jitlob, għaldaqstant, li s-servizzi kulturali, awdjoviżivi u edukattivi, inklużi dawk ipprovduti online, ikunu esklużi b'mod ċar fil-ftehimiet kummerċjali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, bħama hi s-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) mal-Istati Uniti;

34.  Jinsisti, għalhekk, fuq ir-rwol ewlieni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali fit-trattati internazzjonali tal-kummerċ, li għandhom jikkunsidraw u jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tagħha;

35.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu bbilanċjati n-negozjati kummerċjali dwar id-drittijiet tal-awtur sabiex ikun żgurat li dawn ma jkunux innegozjati sal-iżgħar denominatur komuni iżda jkollhom l-għan li jiżguraw l-aħjar regoli possibbli għall-protezzjoni tal-wirt kulturali, permezz tal-promozzjoni tad-diversità kulturali, u l-iżgurar ta' dħul għal dawk li jaħdmu fil-qasam tal-kultura u tal-midja, l-appoġġ u t-tisħiħ tal-kreattività, it-tixrid tal-għarfien u l-kontenut kif ukoll id-drittijiet tal-utenti fl-era diġitali, u li jikkostitwixxu ambjent kummerċjali miftuħ u bbażat fuq ir-regoli, li huwa essenzjali biex l-industriji kulturali u kreattivi tal-Unjoni Ewropea jirnexxu;

36.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE li teżerċita d-dritt tagħha li tadotta jew iżżomm miżuri (b'mod partikolari ta' natura regolatorja u/jew finanzjarja), inkluża klawżola ġenerali legalment vinkolanti fir-rigward tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, tal-wirt kulturali, tal-libertà tal-espressjoni, tal-pluraliżmu u l-libertà tal-midja, irrispettivament mit-teknoloġija jew il-pjattaforma ta' distribuzzjoni użati, fin-negozjati kummerċjali ma' pajjiżi terzi;

37.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-protezzjoni tad-data hija dritt fundamentali fl-Unjoni Ewropea; jitlob li jiġu ggarantiti standards għoljin tal-protezzjoni tad-data fil-ftehimiet kummerċjali permezz ta' hekk imsejħa deċiżjoni ta' adegwatezza reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi mhux membri tal-UE;

38.  Jisħaq fuq l-importanza li jkomplu jiġu promossi l-iskemi ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u ta' speċjalitajiet tradizzjonali tal-Unjoni Ewropea, u li jkomplu jiġu konklużi l-ftehimiet bilaterali rilevanti mal-pajjiżi terzi;

39.  Jilqa' l-mandat reċenti tal-Kunsill mogħti lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-Unjoni Ewropea, Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment (MIC) sabiex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet tas-sistema eżistenti ta' Soluzzjoni ta' Tilwim bejn Investituri u Stati; jinnota li l-MIC se sservi bħala korp permanenti għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment u se tirrappreżenta sistema aktar trasparenti, koerenti u ġusta, li se tkun estremament ta' ġid għall-investituri; jilqa' wkoll, f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Kunsill iddeċieda wkoll li jagħmel id-direttivi dwar in-negozjati pubblikament disponibbli, li kienet talba li ilha ssir mill-Parlament fl-isforzi tiegħu biex jistinka għal aktar trasparenza fil-qasam tan-negozjati internazzjonali;

Ir-risposta esterna tal-Ewropa

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi l-prinċipji gwida tal-politika kummerċjali tal-UE; jinnota li sabiex dan isir, ir-riformi li saritilhom referenza fl-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd" mhumiex biżżejjed; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-sostenibbiltà bħala prinċipju ġenerali għall-ftehimiet kummerċjali kollha, inkluż permezz ta' obbligi relatati mas-sostenibbiltà f'kull kapitolu, u biex tinkludi kapitolu speċifiku li jikkontribwixxi għall-appoġġ u l-promozzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet soċjali, tax-xogħol u tal-bniedem, u tal-ftehimiet ambjentali multilaterali; jinnota li l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet vinkolanti u eżegwibbli trid tiġi mmonitorjata b'mod xieraq sabiex jiġu varati proċeduri ta' konsultazzjoni tal-gvern u jiskattaw il-mekkaniżmi speċjali ta' riżoluzzjoni ta' tilwim, jekk meħtieġ, kif stabbilit fi ħdan il-qafas tal-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD); jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkunu aktar ambizzjużi meta jkunu qed jinnegozjaw mal-pajjiżi sħab industrijalizzati rigward il-konvenzjonijiet tal-ILO li jridu jissemmew fil-ftehim;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli li jkunu sodi u komprensivi fl-FTAs sabiex tappoġġa l-kummerċ internazzjonali; jilqa' l-pjan ta' 15-il punt tal-Kummissjoni biex il-kapitoli tal-UE dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jsiru aktar effikaċi;

42.  Jinnota l-importanza ta' politika kummerċjali bbilanċjata u progressiva biex jiġu affrontati l-isfidi tal-globalizzazzjoni permezz ta' FTAs ibbilanċjati li diġà ġew konklużi jew li għadhom qed jiġu nnegozjati, pereżempju mal-Kanada, mal-Ġappun, ma' Singapore, mal-Awstralja, ma' New Zealand, mal-Vjetnam u mal-Messiku;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni ssegwi politika kummerċjali ambizzjuża u żżomm ambjent ta' investiment miftuħ; iżid li r-ratifika ta' ftehimiet kummerċjali konklużi u ffirmati għandha ssir malajr sabiex jinżammu l-impenji lejn is-sħab tagħna;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi regoli relatati mal-kummerċ diġitali fl-FTAs tal-UE, inklużi l-flussi tad-data transfruntiera, sabiex jintwera li l-kummerċ fi prodotti u servizzi diġitali jista' jissarraf f'benefiċċju reali għan-negozji u għall-konsumaturi;

45.  Jifraħ lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni tagħha li tistabbilixxi l-premju ġdid ta' Bliet tal-UE għal Kummerċ Ġust u Etiku;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif it-teknoloġiji tar-reġistru distribwit (DLTs) kif ukoll il-blockchain jistgħu jintużaw biex itejbu l-kummerċ internazzjonali, u jindirizzaw kwistjonijiet bħat-trasparenza u l-flessibbiltà, u jindirizzaw b'mod determinat il-falsifikazzjoni;

47.  Jissottolinja li l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima jipprovdu l-valuri referenzjarji li magħhom jitkejjel il-kontribut tal-politika kummerċjali tal-UE għall-għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli globali li sar qbil dwarhom; jinnota li l-valutazzjonijiet tal-impatt li jsiru qabel ma jinbdew in-negozjati jridu jikkunsidraw it-twettiq tal-SDGs; jinnota li l-istrateġiji ta' sostenibbiltà u l-pjanijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali għall-Ftehim ta' Pariġi jridu jkunu wieħed mill-punti essenzjali għall-valutazzjonijiet tal-impatt; jirrimarka li l-ftehimiet kummerċjali u l-impatti possibbli tagħhom għandhom jirrispondu għat-talbiet tal-SDGs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fir-rapporti futuri tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tipprovdi evalwazzjoni, inkluża data, tal-impatt tagħhom fuq it-twettiq tal-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi; jinnota li jridu jsiru aġġustamenti f'każ li xi partijiet ta' ftehim ixekklu t-twettiq tal-SDGs jew tal-Ftehim ta' Pariġi;

48.  Jinnota li s-sistema tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp għandha tinġieb konformi mal-SDG 17; jirrimarka li l-effetti reċiproki tal-oqsma ta' politika bħall-kummerċ, l-agrikoltura, il-politika esterna, is-sajd, l-ambjent u t-taxxa jridu jkunu evalwati b'mod koerenti bejn is-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali; jinnota li l-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' sostenibbiltà jridu jiġu kontrobilanċjati b'miżuri korrettivi; jitlob valutazzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp (PCD), f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proposti leġiżlattivi relatati mal-kummerċ; jinnota li l-imġiba responsabbli fin-negozju u l-ġestjoni responsabbli tal-ktajjen ta' valur globali huma essenzjali biex jinkisbu l-SDGs u li l-Aġenda 2030 tenfasizza li hemm ħtieġa urġenti ta' pjan ta' azzjoni tal-UE dwar l-imġiba responsabbli fin-negozju li jrawwem il-koerenza u l-konsistenza tal-politika fil-livell tal-UE;

49.  Jirrimarka li r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-istandards tax-xogħol ewlenin tal-ILO jridu jkunu prijorità għall-implimentazzjoni ta' kwalunkwe FTA; jinnota li s-soċjetà ċivili organizzata kif ukoll is-sħab soċjali għandhom jiġu inklużi fl-istadji ta' tfassil tal-ftehimiet, fil-fażi tal-implimentazzjoni u fil-fażi ta' monitoraġġ wara l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta' ftehimiet bilaterali flimkien mas-sħab fin-negozjati; jinnota li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim effikaċi u li jaħdem kif ukoll korpi ta' monitoraġġ effikaċi li jinvolvu lis-soċjetà ċivili;

50.  Jinnota li l-UE rregolat il-ktajjen tal-provvista tal-injam, il-ħut u l-minerali li ġejjin minn żoni affettwati minn kunflitti u li diversi Stati Membri żviluppaw oqfsa ta' diliġenza dovuta f'setturi differenti, u dan juri l-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas wiesa' sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi; jitlob lill-Kummissjoni għalhekk tiffaċċja l-kumplessità dejjem tikber tal-ktajjen ta' valur u l-interdipendenza dejjem tiżdied tal-produtturi b'obbligi ċari ta' trasparenza u diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista kollha kemm hi, minħabba li l-infurzar dgħajjef tal-liġijiet tax-xogħol eżistenti u tal-istandards tas-sikurezza okkupazzjonali fil-pajjiżi ta' provenjenza għadha kwistjoni urġenti; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fil-qasam tal-minerali u l-injam li ġejjin minn żoni affettwati minn kunflitti kif ukoll il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għall-Imġiba Responsabbli fin-Negozju; jinnota li l-ktajjen ta' valur mondjali (GVCs) wasslu biex xi ditti fornituri jinjoraw il-liġijiet tax-xogħol, jirrelokaw barra mill-UE u jinvolvu lill-ħaddiema f'kundizzjonijiet perikolużi u mhux aċċettabbli; ifakkar li dawn il-prattiki joħolqu kompetizzjoni inġusta għall-fornituri li huma konformi mal-liġijiet tax-xogħol u mal-istandards internazzjonali u għall-gvernijiet li jixtiequ jtejbu l-pagi u l-istandards tal-għajxien; jisħaq fuq l-importanza ta' livelli tal-pagi deċenti u standards deċenti ta' sikurezza fuq il-post tax-xogħol għal sistema kummerċjali globali sostenibbli u GVCs ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-impatt taż-żieda tal-GVCs u tippreżenta proposti konkreti biex jittejbu l-kundizzjonijiet fi ħdanhom u biex taħdem lejn qafas multilaterali u legalment vinkolanti għar-responsabbiltà korporattiva u l-imġiba responsabbli fin-negozju fir-rigward tax-xogħol deċenti, is-sostenibbiltà ambjentali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-ILO u l-OECD; jirrikonoxxi li huwa aktar preferibbli li l-UE ssegwi tali qafas vinkolanti fin-negozjati multilaterali milli timponi regoli ewlenin b'mod unilaterali; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri juru sens ta' tmexxija u jżidu l-involviment tagħhom fid-deliberazzjonijiet tan-NU fir-rigward ta' trattat vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha, f'konformità mal-erba' objettivi strateġiċi tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO, li tirrispetta, tippromwovi u twettaq l-istandards internazzjonali tax-xogħol u l-prinċipji u d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema;

51.  Jirrimarka li huma meħtieġa miżuri attivi li għandhom l-għan li jsaħħu l-opportunitajiet biex in-nisa jibbenefikaw mill-opportunitajiet ipprovduti mill-FTAs sabiex tintlaħaq il-mira tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob li l-ftehimiet kummerċjali jinkludu kapitolu speċifiku dwar il-kummerċ u l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, li jiddisponu għal miżuri mmirati, inter alia, għal bilanċ aħjar tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol u aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, biex tiġi segwita l-parteċipazzjoni msaħħa tal-intrapriżi mmexxija min-nisa (partikolarment il-mikrointrapriżi u l-SMEs) fl-akkwist pubbliku, biex tiġi appoġġata l-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi mmexxija min-nisa u l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-opportunitajiet tal-Modalità 4;

52.  Jinnota li, fid-dawl tal-attakki fuq l-ordni ekonomiku dinji multilaterali, hu ta' importanza vitali li dan l-ordni jiġi ppreservat, peress li kwalunkwe rigress lejn il-protezzjoniżmu jkun ta' ħsara u jwassal għal gwerra kummerċjali; jinnota li l-ordni multilaterali jista' jiġi difiż biss jekk jiġi riformat; huwa tal-fehma li, sabiex jiġi ppreservat dan l-ordni, l-Aġenda 2030 tan-NU u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima għandhom jiġu integrati aħjar fih; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod attiv fl-iżblokkar tal-korp tal-appell tad-WTO u jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kompetizzjoni inġusta u l-protezzjoniżmu, li huma ta' detriment kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini; jinnota li l-kummerċ miftuħ u ġust li jissodisfa l-SDGs u jipprovdi spazju għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif imsemmi fl-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd", għandu jkun l-objettiv primarju tal-UE; jinnota li, peress li l-inizjattivi multilaterali attwalment ma tantx għandhom suċċess, l-UE għandha sadanittant tirsisti għal ftehimiet bilaterali u plurilaterali, fejn il-kummerċ ġust ikun wieħed mill-prinċipji gwida, iżda jqis li s-sitwazzjoni attwali tipprovdi lill-UE b'opportunità biex turi tmexxija b'saħħitha f'li tirriforma l-ordni kummerċjali multilaterali b'mod sostenibbli u vijabbli;

53.  Jinnota li l-kummerċ miftuħ, ġust u sostenibbli hu mixtieq ekonomikament u għandu implikazzjonijiet politiċi vitali; jinnota li fid-dawl tal-politika "America First", kif ukoll l-Inizjattiva l-ġdida "Medda Waħda, Rotta Waħda", huwa ta' importanza strateġika vitali li l-UE tuża l-kummerċ bħala strument għall-promozzjoni tal-iżvilupp demokratiku u sostenibbli kif ukoll li ssaħħaħ id-djalogu u l-assistenza teknika, speċjalment fl-Istati tas-Sħubija tal-Lvant u mas-sħab Afrikani tagħha; jirrimarka li l-kummerċ u l-investimenti fil-pajjiżi sħab jeħtieġ li kkunu interkonnessi ma' strateġiji għall-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tinsisti għal implimentazzjoni koerenti tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-Istati tas-Sħubija tal-Lvant; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa fit-terminu medju strateġija bil-għan li tibni relazzjonijiet stabbli mal-Komunità ta' Stati Indipendenti (CIS); jinnota li fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE) mar-reġjuni u l-Istati Afrikani, il-kummerċ mhuwiex l-uniku aspett importanti iżda li dawn jintrabtu mar-rekwiżiti tal-iżvilupp sostenibbli mal-Istati Afrikani huwa vitali; jitlob lill-Kummissjoni taħdem biex iżżid il-kapaċità tal-gvernijiet li jintegraw il-kwistjonijiet marbutin mal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv fl-istrateġiji u l-programmi kummerċjali nazzjonali tagħhom; ifakkar fl-importanza għall-UE li tapprofondixxi l-kooperazzjoni tagħha ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU, l-ILO, l-OECD u l-Bank Dinji dwar il-kwistjonijiet kummerċjali, fid-dawl tal-isfidi tal-globalizzazzjoni; jiddeplora, f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Unjoni u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri naqsu milli jilħqu l-mira ta' 0,7 % tal-ING għall-finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

54.  Jenfasizza li l-governanza tal-kummerċ globali għandha tippermetti integrazzjoni kummerċjali li toħloq opportunitajiet reali għall-iżvilupp sostenibbli; jirrimarka, f'dan il-kuntest, li l-arkitettura kurrenti ta' trattament speċjali u differenzjali (SDT) fid-WTO mhux qed tagħti r-riżultati mistennija; jisħaq fuq il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet tal-SDT isiru aktar effikaċi u operazzjonali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

55.  Jenfasizza l-fatt li l-ftehimiet kummerċjali jista' jkollhom impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob lill-UE tipproteġi l-produzzjoni tal-ikel lokali u tevita l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet irħas, inkluż taħt il-kappa tal-FSE;

56.  Jiddeplora l-fatt li tal-inqas 218-il miljun tifel u tifla huma sfruttati fit-tħaddim tat-tfal, prinċipalment bil-għan li jitnaqqsu l-kosti; jitlob lill-UE tiżgura li l-oġġetti ċċirkolati fl-UE taħt skemi ta' ċertifikazzjoni etika ma jkunux ġejjin minn xogħol furzat jew minn xogħol tat-tfal, tiggarantixxi l-użu affidabbli tat-tikketti ġusti u etiċi, u tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati;

57.  Jinnota li s'issa ġie konkluż FSE komprensiv wieħed; jitlob għalhekk li l-UE tirrikonoxxi d-diffikultajiet relatati mal-FSE li jiltaqgħu magħhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-proċess ta' wara l-Ftehim ta' Cotonou; jisħaq fuq il-ħtieġa, b'mod partikolari, li titwettaq analiżi fil-fond tal-impatt tagħhom fuq l-ekonomiji Afrikani u s-swieq tax-xogħol rispettivi tagħhom, u għall-promozzjoni tal-kummerċ intrareġjonali fl-Afrika;

58.  Jiddeplora l-fatt li, kull sena, l-Afrika qed toħroġ somma li taqbeż it-total tal-ODA annwali fil-forma ta' flussi finanzjarji illeċiti; jenfasizza l-impatt dannuż tal-evażjoni tat-taxxa fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li huma mċaħħda b'dan il-mod minn ammonti sostanzjali ta' flus pubbliċi li jistgħu jintużaw, pereżempju, mhux biss biex itejbu t-tkabbir ekonomiku, il-protezzjoni ambjentali u s-servizzi pubbliċi, iżda wkoll biex jippromwovu l-koeżjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tinnegozja ftehimiet kummerċjali, tagħti prijorità lill-ġlieda kontra din il-problema serja, bl-użu tal-għodod kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha; jinsisti fuq l-inklużjoni fl-FTAs u fir-reġimi kummerċjali preferenzjali tal-UE ta' dispożizzjonijiet rigorużi biex jiġu indirizzati b'mod determinat l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

59.  Itenni l-appell tiegħu biex jinħolqu għodod effikaċi għall-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa globalment u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tat-taxxa mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluża l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi domestiċi;

60.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi stabbilit korp intergovernattiv tan-NU biex jaħdem fuq bażi ta' ugwaljanza mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-riforma tar-regoli tat-taxxa globali;

61.  Jappoġġa bil-qawwa l-integrazzjoni ulterjuri tat-teknoloġiji u tas-servizzi diġitali fil-politika tal-iżvilupp tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-investiment fl-iżvilupp tal-infrastruttura diġitali fin-Nofsinhar Globali;

62.  Jilqa' l-pjan ta' investiment estern tal-UE bil-għan li jitrawmu t-tkabbir sostenibbli, l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li l-mandat kurrenti ta' self estern tal-BEI jiġi estiż biex jiżdied ir-rwol tiegħu fil-kisba tal-iżvilupp sostenibbli, permezz ta' finanzjament imħallat, kofinanzjament ta' proġetti u l-iżvilupp tas-settur privat lokali, b'enfasi fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati u fuq l-Istati fraġli;

63.  Jilqa' l-istrateġija tal-Kummissjoni "Għajnuna għall-Kummerċ", aġġornata fl-2017, li għandha l-għan li ssaħħaħ u timmodernizza l-appoġġ tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella għal aktar sforzi u żieda fl-impenn finanzjarju tal-UE favur l-inizjattivi "Għajnuna għall-Kummerċ" sabiex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment lil dawk l-inqas żviluppati, ħalli jiksbu prosperità permezz tal-kummerċ u l-investimenti, u biex jappoġġaw l-azzjonijiet tagħhom għat-twettiq tal-SDGs;

o
o   o

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0230.
(2) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 30.
(3) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 22.
(4) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 33.
(5) ĠU L 338, 19.12.2017, p. 1.
(6) ĠU C 263, 25.07.2018, p. 371.
(7) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 261.
(8) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.
(9) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 94.
(10) OECD, C/MIN(2017)2.
(11) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(12) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza