Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2018 dwar l-istat tad-dritt fir-Rumanija (2018/2844(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattati tal-UE, u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Rumanija,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 dwar qafas tal-UE ġdid biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt (COM(2014)0158),
– wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu dwar id-demokrazija u l-ġustizzja fir-Rumanija, li sar fit-2 ta' Frar 2017,
– wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu dwar it-theddid għall-istat tad-dritt li jirriżulta mir-riforma tas-sistema ġudizzjarja tar-Rumanija, li sar fis-7 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu dwar l-istat tad-dritt fir-Rumanija, li sar fit-3 ta' Ottubru 2018,
– wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet tiegħu tal-1 ta' Ottubru 2018 mal-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, Frans Timmermans, fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,
– wara li kkunsidra s-smigħ li sar fit-22 ta’ Marzu 2017 fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar id-demokrazija u l-ġustizzja fir-Rumanija,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-24 ta' Jannar 2018 tal-President tal-Kummissjoni Juncker u l-Ewwel Viċi President Timmermans dwar l-aħħar żviluppi fir-Rumanija,
– wara li kkunsidra l-opinjoni konġunta tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-16 ta' Marzu 2018 dwar l-abbozz ta' liġi Nru 140/2017 tar-Rumanija dwar l-emendar tal-Ordinanza Governattiva Nru 26/2000 dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fundazzjonijiet;
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-20 ta' Ottubru 2018 dwar emendi għal-liġi Rumena Nru 303/2004 dwar l-istatut tal-imħallfin u l-prosekuturi, il-liġi Nru 304/2004 dwar l-organizzazzjoni ġudizzjarja u l-liġi Nru 317/2004 dwar il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-20 ta' Ottubru 2018 dwar l-emendi għall-Kodiċi Kriminali u għall-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali tar-Rumanija, liġijiet li jolqtu wkoll il-liġi Nru 78/2000 dwar il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u s-sanzjonar ta' atti ta' korruzzjoni, u l-liġi Nru 304/2004 dwar l-organizzazzjoni ġudizzjarja,
– wara li kkunsidra r-rapport ad hoc dwar ir-Rumanija tal-11 ta' April 2018 mill-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2017 taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika dwar il-progress fir-Rumanija,
– wara li kkunsidra l-adozzjoni ta' tliet liġijiet li jirriformaw il-ġudikatura mill-Parlament Rumen f'Diċembru 2017, l-liġi emendatorja Nru 303/2004 dwar l-istatus tal-imħallfin u l-prosekuturi, il-liġi Nru 304/2004 dwar l-organizzazzjoni ġudizzjarja u l-liġi Nru 317/2004 dwar il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura; wara li kkunsidra l-adozzjoni ta' emendi tal-Kodiċi Kriminali f'Ġunju 2018 u tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali f'Lulju 2018,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2226/2018 u r-Rakkomandazzjoni 2134/2018 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Rumanija tal-20 ta' Ottubru 2018, li 64 mis-96 bidla magħmula fil-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali huma antikostituzzjonali; wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-25 ta' Ottubru 2018 li 30 mill-emendi tal-Kodiċi Kriminali huma inkompatibbli mal-Kostituzzjoni,
– wara li kkunsidra l-protesti tal-massa ripetuti, minn Jannar 2017, kontra l-korruzzjoni u favur l-istat tad-dritt, inkluża l-protesta tal-massa "Dijaspora fil-Pajjiż" fl-10 ta' Awwissu 2018 f'Bucharest, li ħalliet mijiet ta' persuni jeħtieġu trattament mediku wara intervent vjolenti min-naħa tal-pulizija,,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huma prevalenti (Artikolu 2 tat-TUE);
B. billi l-Artikolu 6(3) tat-TUE jikkonferma li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni;
C. billi l-UE topera abbażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jaġixxu f'konformità mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minqux fil-KEDB u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;
D. billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija minquxa fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, u hija rekwiżit essenzjali tal-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tal-poteri;
E. billi fir-rapport tiegħu dwar ir-Rumanija ta' April 2018, il-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa esprima tħassib serju dwar ċerti aspetti tal-liġijiet dwar l-istatus tal-imħallfin u l-prosekuturi, dwar l-organizzazzjoni ġudizzjarja u dwar il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura kif adottati mill-Parlament Rumen, kif ukoll dwar l-abbozz ta' emendi għal-leġiżlazzjoni kriminali; billi l-GRECO għandu dubji dwar il-proċess leġiżlattiv, jibża' mill-impatt fuq l-indipendenza ġudizzjarja u jissuġġerixxi ksur impliċitu tal-istandards ta' kontra l-korruzzjoni;
F. billi l-Kummissjoni ta' Venezja, fl-opinjoni tagħha Nru 924/2018 tal-20 ta' Ottubru 2018, li kienet limitata għal ċerti aspetti partikolarment kontroversjali tal-abbozzi, ikkonkludiet li għalkemm sar titjib li ntlaqa' tajjeb fl-abbozzi wara l-kritika u għadd ta' deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali, hemm aspetti importanti introdotti bit-tliet abbozzi li jistgħu jwasslu għal pressjoni fuq l-imħallfin u l-prosekuturi, u fl-aħħar mill-aħħar, idgħajfu l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-membri tagħha, u, flimkien mal-arranġamenti ta' rtirar bikri, l-effiċjenza u l-kwalità tagħha, b'konsegwenzi negattivi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u tqis li dawk l-aspetti aktarx idgħajfu l-fiduċja tal-pubbliku fil-ġudikatura(1);
G. billi l-Kummissjoni ta' Venezja kkonkludiet fl-opinjoni tagħha Nru 930/2018 tat-20 ta' Ottubru 2018 li kien meħtieġ u xieraq għall-Parlament Rumen li jwettaq riforma tal-kodiċijiet kriminali sabiex jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali u d-direttivi rilevanti tal-UE, u li ħafna mill-emendi se jxekklu serjament l-effettività tas-sistema tal-ġustizzja kriminali Rumena fil-ġlieda kontra d-diversi forom ta' kriminalità, fosthom reati relatati mal-korruzzjoni, delitti vjolenti u l-kriminalità organizzata(2);
H. billi fl-opinjoni tagħha Nru 914/2018 tas-16 ta' Marzu 2018, il-Kummissjoni ta' Venezja laqgħet il-fatt li matul il-laqgħat f'Bucharest, l-inizjaturi tal-abbozz ta' liġi indikaw ir-rieda tagħhom li jemendaw l-abbozz ta' liġi f'diversi aspetti, u talab lill-awtoritajiet Rumeni biex jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tagħha, jiġifieri li rekwiżiti ġodda ta' rappurtar u żvelar previsti fl-abbozz ta' liġi, inklużi s-sanzjonijiet ta' sospensjoni tal-attivitajiet u xoljiment f'każ ta' nuqqas ta' konformità, jidher ċar li huma mhux meħtieġa u sproporzjonati, u għandhom jiġu mħassra, u li l-pubblikazzjoni dettaljata tar-rapporti finanzjarji kull sitt xhur u l-indikazzjoni tas-sors tal-introjtu, indipendentement mill-ammont, meħud flimkien mas-sanzjoni ta' xoljiment, se jkollhom effett dissważiv fuq is-soċjetà ċivili u se jkunu f'kunflitt mal-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata(3);
I. billi l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa talbet lir-Rumanija biex tirrifjuta l-abbozz ta' liġijiet proposti dan l-aħħar li jimponu obbligi ta' rappurtar finanzjarju addizzjonali fuq l-NGOs, biex jemendawhom skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE/ODIHR), u li jippreżentawhom għal konsultazzjoni pubblika wiesgħa qabel l-adozzjoni(4);
J. billi fid-19 ta' Lulju 2018 il-Kummissjoni rreferiet lir-Rumanija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tinkorpora r-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fil-liġi nazzjonali; billi fl-24 ta' Ottubru 2018, il-Parlament Rumen adotta l-abbozz ta' liġi dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;
K. billi hemm dibattitu li għadu għaddej rigward ir-rwol tas-Servizz tal-Intelligence Rumen (SRI) u l-indħil allegat tiegħu fl-attivitajiet tal-ġudikatura Rumena, u dan iqajjem mistoqsijiet dwar il-kobor u l-modalitajiet ta' dan l-indħil; billi l-Kummissjoni ta' Venezja tikkonkludi fl-opinjoni tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2018 li donnu li jeħtieġ li jsir rieżami bir-reqqa tar-regoli legali dwar il-kontroll tas-servizzi tal-intelligence;
L. billi f'Mejju 2016 inbdiet reviżjoni tal-Kostituzzjoni Rumena sabiex id-definizzjoni ta' familja tiġi ristretta għal żwieġ bejn raġel u mara; billi diversi grupp tad-drittijiet tal-bniedem esprimew it-tħassib tagħhom li l-proposta tista' twassal għal ksur tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u żżid id-diskriminazzjoni omofobika fir-Rumanija; billi r-reviżjoni ġiet approvata fil-parlament b'maġġoranza ta' żewġ terzi; billi r-referendum dwar il-kwistjoni ma laħaqx il-mira meħtieġa ta' 30% tal-votanti;
M. billi r-Rumanija tinsab fil-25 post mit-28 Stat Membru tal-UE rigward il-leġiżlazzjoni, diskors ta' mibegħda u diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI, skont l-Analiżi Annwali tas-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Persuni LGBTI fl-Ewropa 2018), ippubblikat mir-Reġjun Ewropew tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Leżbjani u Gay (ILGA-Europe);
N. billi l-Unjoni Ewropeahija impenjata li tirrispetta l-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tax-xandir, kif ukoll id-dritt ta' informazzjoni u tal-libertà tal-espressjoni; billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa parti essenzjali tal-ġurnaliżmu investigattiv u tal-libertà tal-istampa u, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2018 dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE (COM(2018)0214), fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-informaturi huma protetti biss f'sitwazzjonijiet limitati ħafna; billi l-funzjonijiet ta' kontroll pubbliku tal-mezzi tax-xandir huma kruċjali biex ikunu sostnuti dawn id-drittijiet kif ukoll għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali l-oħrajn kollha;
O. billi Reporters Mingħajr Fruntieri ġibdu l-attenzjoni dwar it-tentattivi biex il-mezzi tax-xandir Rumeni jsiru għodod ta' propaganda politika, u qajmu tħassib dwar iċ-ċensura politika fil-mezzi tax-xandir(5);
P. billi l-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistipula li kulħadd għandu d-dritt għal libertà ta' għaqda paċifika u għal libertà ta' assoċjazzjoni f'kull livell, b'mod partikolari fi kwistjonijiet politiċi, trejdunjonistiċi u ċivili;
Q. billi r-rapporti ta' intervent vjolenti min-naħa tal-pulizija Rumena waqt il-protesti fl-10 ta' Awwissu 2018 qajmu tħassib serju fir-rigward tal-proporzjonalità tal-użu tal-forza u l-ksur tad-drittijiet fundamentali tad-dimostranti, u rriżultaw f'investigazzjonijiet, li għadhom għaddejjin, min-naħa tal-awtoritajiet Rumeni tal-infurzar tal-liġi;
R. billi l-korruzzjoni għadha sfida fl-UE; billi n-natura u l-ambitu tal-korruzzjoni jaf ikunu differenti bejn Stat Membru għal ieħor, iżda tagħmel ħsara lill-UE kollha kemm hi u lill-ekonomija u s-soċjetà tagħha, ixxekkel l-iżvilupp ekonomiku, iddgħajjef id-demokrazija, u tagħmel ħsara lill-istat tad-dritt;
S. billi l-Kap Prosekutur tad-Direttorat Nazzjonali ta' Kontra l-Korruzzjoni tneħħa mill-kariga fid-9 ta' Lulju 2018, kontra l-opinjoni tal-Kunsill Ġudizzjarju wara deċiżjoni ta' Qorti Kostituzzjonali li tillimita s-setgħat tal-President; billi, b'kuntrast, il-Kummissjoni ta' Venezja qalet fl-opinjoni tagħha tal-20 ta' Ottubru 2018 li jkun importanti li "tissaħħaħ l-indipendenza tal-prosekuturi u jinżamm u jiżdied ir-rwol ta' istituzzjonijiet bħall-President u l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, li jistgħu jibbilanċjaw l-influwenza tal-Ministru [tal-Ġustizzja]"; billi fl-24 ta' Ottubru 2018, il-Ministru tal-Ġustizzja talab it-tkeċċija tal-Prosekutur Ġenerali, u akkużah li qabeż l-awtorità tiegħu;
1. Jisħaq fuq il-fatt li huwa fundamentalment importanti li jiġi garantit li l-valuri komuni Ewropej elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE jkunu sostnuti bis-sħiħ, u li d-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jkunu garantiti;
2. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-leġiżlazzjoni abbozzata mill-ġdid b'rabta mal-leġiżlazzjoni ġudizzjarja u kriminali Rumena, rigward b'mod speċifiku l-potenzjal tagħha li timmina strutturalment l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u l-kapaċità li l-korruzzjoni tiġi miġġielda b'mod effettiv fir-Rumanija, kif ukoll li ddgħajjef l-istat tad-dritt;
3. Jikkundanna l-intervent vjolenti u sproporzjonat mill-pulizija matul il-protesti f'Bucharest f'Awwissu 2018; jistieden lill-awtoritajiet Rumeni jiżguraw investigazzjoni trasparenti, imparzjali u effikaċi dwar l-azzjonijiet tal-pulizija ta' kontra l-irvelli;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Rumeni jintroduċu salvagwardji sabiex tkun żgurata bażi trasparenti u legali għal kwalunkwe kooperazzjoni istituzzjonali u jiġi evitat kwalunkwe indħil li jaħrab is-sistema ta' kontrolli u bilanċi; jitlob li jiġi msaħħaħ il-kontroll parlamentari fuq is-servizzi ta' intelligence;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rumeni biex jiġġieldu kwalunkwe miżura li tiddekriminalizza l-korruzzjoni fil-kariga, u biex japplikaw strateġija nazzjonali ta' kontra l-korruzzjoni;
6. Jirrakkomanda b'qawwa kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-NGOs rigward l-effett intimidanti potenzjali tagħha fuq is-soċjetà ċivili u d-dħul tagħha f'kunflitt mal-prinċipju tal-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għall-privatezza; jemmen li għandha tkun allinjata għalkollox mal-qafas tal-UE;
7. Iħeġġeġ lill-Parlament u lill-Gvern tar-Rumanija jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Ewropew, ta' GRECO u tal-Kummissjoni ta' Venezja, u biex joqogħdu lura milli jwettqu kwalunkwe riforma li tpoġġi f'riskju r-rispett għall-istat tad-dritt, inkluża l-indipendenza tal-ġudikatura; iħeġġeġ involviment kontinwu mas-soċjetà ċivili, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, abbażi ta' proċess trasparenti u inklużiv; iħeġġeġ it-tiftix proattiv ta' evalwazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni ta' Venezja, tal-miżuri leġiżlattivi konċernati qabel l-approvazzjoni finali tagħhom;
8. Jistieden lill-Gvern Rumen jikkoopera mal-Kummissjoni Ewropea, skont il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera kif stabbilit fit-Trattat;
9. Itenni d-dispjaċir tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tippubblikax ir-Rapport Kontra l-Korruzzjoni fl-2017, u jħeġġiġha bil-qawwa li tissokta l-monitoraġġ annwali tagħha fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri kollha, mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema ta' indikaturi rigorużi u kriterji uniformi u faċilment applikabbli biex jitkejjel il-livell tal-korruzzjoni fl-Istati Membri u tevalwa l-politiki tagħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, konformement mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-8 ta' Marzu 2016 dwar ir-Rapport Annwali 2014 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE(6);
10. Jappella bil-qawwa għal proċess regolari, sistematiku u oġġettiv ta' monitoraġġ u djalogu li jinvolvi lill-Istati Membri kollha, bil-għan li jiġu mħarsa l-valuri bażiċi tal-UE tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, bl-involviment tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament, kif kien propost fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt għad-DRF)(7); itenni li dan il-mekkaniżmu għandu jikkonsisti f'rapport annwali b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż(8);
11. Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, timmonitorja s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet mill-awtoritajiet Rumeni, filwaqt li tkompli toffri appoġġ sħiħ lir-Rumanija biex issib soluzzjonijiet adegwati;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President tar-Rumanija.
Ara: ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015, (ĠU C 238, 6.7.2018, p. 2).